EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0273

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 24 ta’ Marzu 2009 dwar l-għajnuna mill-istat C 47/05 (ex NN 86/05) mogħtija mill-Greċja lill-Hellenic Vehicle Industry SA (ELVO) (notifikata bid-dokument numru C(2009) 1476) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 118, 12.5.2010, p. 81–88 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/273/oj

12.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 118/81


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-24 ta’ Marzu 2009

dwar l-għajnuna mill-istat C 47/05 (ex NN 86/05) mogħtija mill-Greċja lill-Hellenic Vehicle Industry SA (ELVO)

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 1476)

(It-test bil-Grieg biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/273/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita Ewropea, u b’mod partikulari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li sejħet lill-partijiet interessati biex iressqu l-osservazzjonijiet tagħhom skont id-dispożizzjonijiet iċċitati hawn fuq (1),

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Lill-Kummissjoni waslilha lment permezz ta’ ittra datata 27 ta’ Mejju 2002 li jallega li l-awtoritajiet Griegi kienu taw għajnuna mill-Istat lill-ELVO – Hellenic Industry SA (“ELVO”).

(2)

Wara skambju estensiv ta’ fehmiet mal-awtoritajiet Griegi, il-Kummissjoni għarrfet lill-Greċja b’ittra datata 7 ta’ Diċembru 2005 li kienet iddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura preskritta fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat.

(3)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għall-proċedura kienet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex iressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-għajnuna.

(4)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment mill-partijiet interessati.

(5)

Il-Greċja ressqet l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-Kummissjoni b’ittra datata 1 ta’ Marzu 2006. Il-Greċja ressqet aktar tagħrif b’ittri datati 26 ta’ Lulju 2006, 28 ta’ Lulju 2006, 2 ta’ Awwissu 2006, 22 ta’ Ġunju 2007, 2 ta’ Lulju 2007, 31 ta’ Awwissu 2007, 6 ta’ Settembru 2007, 18 ta’ Ottubru 2007, 22 ta’ Frar 2008 u 20 ta’ Awwissu 2008.

(6)

Fl-4 ta’ Mejju 2007 saret laqgħa bejn uffiċjali tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Griegi fil-preżenza ta’ rappreżentanti tal-ELVO.

2.   IL-FATTI

2.1.   Il-benefiċjarju

(7)

L-ELVO hija kumpanija li tipproduċi vetturi militari, vetturi ċivili u spare parts, u hija bbażata f’Tessaloniki, il-Greċja. L-ELVO hija l-fornitur ewlieni ta’ vetturi bil-mutur lill-qawwiet armati Griegi.

(8)

Skont it-tagħrif disponibbli, il-kumpanija tipproduċi t-tipi ta’ vetturi li ġejjin: xarabankijiet, xarabankijiet bil-fil, vetturi li jferrgħu l-materjal ta’ ġol-kaxxa awtomatikament, trakkijiet tal-ġbir tal-iskart, vetturi tal-ġarr tal-ilma, vetturi tat-tifi tan-nar, imħaret tal-borra, trasportaturi tal-inġenji tal-ajru, trasportaturi tal-krejnijiet, trakters, trakkijiet, trejlers, SUVs, tankijiet u vetturi korazzati.

(9)

Il-kumanija nbdiet fl-1972 bħala Steyr Hellas SA, produttur ta’ trakters, trakkijiet, roti u magni. Fl-1987 il-kumpanija ngħatat l-isem ġdid ta’ ELVO u l-Gvern Grieg sar l-azzjonit ewlieni.

(10)

Mytilineos Holdings SA kisbet 43 % tal-ELVO permezz ta’ ftehim dwar bejgħ ta’ ishma li sar fis-29 ta’ Awwissu 2000 wara sejħa pubblika għall-offerti (minn issa ‘l quddiem dan il-bejgħ jissejjaħ “il-privatizzazzjoni parzjali”). Bħalissa, il-Gvern Grieg għandu 51 % tal-ELVO.

(11)

L-ELVO bħalissa tħaddem madwar 672 ruħ (figuri tal-2007). Il-fatturat fl-2007 kien EUR 84 miljun.

2.2.   Il-miżuri ta’ sostenn

2.2.1.   L-eżenzjoni mit-taxxa skont il-Liġi 2771/1999

(12)

Skont l-Artikolu 15(3) tal-Liġi 2771/1999 mgħoddija fis-16 ta’ Diċembru 1999, l-istat Grieg ħeles lill-ELVO mid-djun kollha li kellha mat-teżor pubbliku b’rabta ma’ taxxi u pwieni fiskali għas-snin 1988 sa 1998 (minn issa ‘l quddiem “eżenzjoni mit-taxxa A”). Skont l-awtoritajiet Griegi, dan kien jikkorrispondi ma’ eżenzjoni ta’ GRD 1 193 753 186 (li jiġu EUR 3 503 310,89) (3) li kienu dovuti mill-ELVO lit-teżor pubbliku.

(13)

Fl-osservazzjonijiet tagħhom wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura skont l-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE l-awtoritajiet Griegi għarrfu lill-Kummissjoni b’żewġ miżuri oħrajn ta’ sostenn lill-ELVO.

2.2.2.   L-eżenzjoni mit-taxxa skont il-Liġi 1892/90

(14)

B’deċiżjoni (4) meħuda skont l-Artikolu 49 tal-Liġi 1892/90, l-awtoritajiet Griegi eżentaw lill-ELVO minn EUR 3 546 407,89 ta’ taxxi (minn issa ‘l quddiem “eżenzjoni mit-taxxa B”). Dan kien jikkorrispondi mal-obbligi tat-taxxa tal-ELVO mill-1998 (is-sena tal-verifika preċedenti tat-taxxa) sal-bejgħ lill-Mytilineos. L-eżenzjoni ħadet l-għamla ta’ ħlasijiet mill-ġdid mill-amministrazzjoni tat-taxxa ta’ taxxi li qabel kienu tħallsu mill-ELVO. Din tinqasam kif ġej:

EUR 2 912 380,90 kienu jikkonċernaw VAT imħallsa mill-ELVO wara l-privatizzazzjoni parzjali iżda dovuta għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2000 u l-privatizzazzjoni parzjali fid-29 ta’ Awwissu 2000. Is-somma tħallset lura mill-awtoritajiet Griegi f’żewġ pagamenti fis-7 ta’ Novembru 2002 (EUR 900 000) u fis-6 ta’ Frar 2004 (EUR 2 012 318,90).

EUR 634 088,99 jikkorrispondu ma’ taxxi mħallsin mill-ELVO għas-snin operazzjonali 1998, 1999 u 2000 (sa ma seħħet il-privatizzazzjoni parzjali). Il-Greċja ma indikatx id-data eżatta tal-ħlas mill-ġdid.

2.2.3.   Il-garanzija tas-self

(15)

Fl-1997, l-ELVO ngħatat self li jikkorrispondi għal EUR 23 008 134,635 mill-bank Ġermaniż Bayerische Hypo and Vereinsbank AG. Dan is-self ġie assigurat b’garanzija mill-istat Grieg (minn issa ‘l quddiem imsejħa “il-garanzija tas-self”). L-ELVO ma pprovdiet l-ebda sigurtà għall-garanzija iżda ħallset lill-istat dritt ta’ 1 % tal-ammont. L-awtoritajiet Griegi għarrfu lill-Kummissjoni li s-self intuża biex tiġi ffinanzjata l-produzzjoni għall-programmi ta’ akkwist tal-Ministeru tad-Difiża, b’mod aktar speċifiku l-produzzjoni ta’ […] (*) maħsuba għall-armata Griega.

3.   RAĠUNIJIET GĦALL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA SKONT L-ARTIKOLU 82(2)

(16)

Kif imsemmi hawn fuq, b’ittra tas-7 ta’ Diċembru 2005 l-Kummissjoni għarrfet lill-Greċja li kienet fetħet il-proċeduri skont l-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward tal-eżenzjoni mit-taxxa A, li qisitha bħala li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni kellha d-dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni għar-raġunijiet li ġejjin.

(17)

Fl-iskambju ta’ fehmiet li seħħ qabel id-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Greċja kienet argumentat li l-attività tal-ELVO fl-intier tagħha kienet koperta mill-Artikolu 296 tat-Trattat tal-KE ġaladarba l-ELVO prinċipalment tipproduċi vetturi maħsuba għall-qawwiet armati Griegi. Madanakollu, il-Kummissjoni nnotat li l-ELVO kienet timmanifattura wkoll vetturi ċivili u ta’ użu doppju. Il-Greċja ma kinitx ippruvat li l-eżenzjoni mit-taxxa kienet gawdiet minnha biss il-produzzjoni militari tal-ELVO u li kienet meħtieġa għall-interessi essenzjali tad-difiża tal-Greċja.

(18)

Konsegwentement, il-Kummissjoni qieset li biċċa biss mis-sostenn finanzjarju mogħti lill-ELVO marret għall-produzzjoni militari koperta mill-Artikolu 296 tat-Trattat tal-KE u li l-għajnuna li ngħatat għall-produzzjoni li mhix koperta b’dan il-mod kellha tiġi mistħarrġa bi proċedura msejsa fuq l-Artikolu 88 (2) tat-Trattat tal-KE.

(19)

Fl-istess ittra l-Kummissjoni ordnat lill-Greċja, skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999 (5), biex tfornilha tagħrif dwar għadd ta’ punti, fosthom dawn li ġejjin:

tagħrif dwar kwalunkwe sostenn finanzjarju ieħor mogħti lill-ELVO minn riżorsi pubbliċi;

xhieda li l-kontijiet tal-ispiża u tad-dħul marbuta mal-produzzjoni ċivili (inklużi l-vetturi b’użu doppju) u mal-produzzjoni militari kienu mifruda minn xulxin u li l-għajnuna ffavorixxiet biss lill-produzzjoni militari;

dejta dwar il-qsim tal-fatturat bejn il-kategoriji tal-prodotti (ċivili, użu doppju u militari).

4.   OSSERVAZZJONIJIET TAL-AWTORITAJIET GRIEGI

(20)

Wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni, il-Greċja ressqet l-osservazzjonijiet li ġejjin.

4.1.   Miżuri oħrajn ta’ għajnuna

(21)

Wara l-inġunzjoni tal-Kummissjoni, il-Greċja għarrfet lill-Kummissjoni bl-eżenzjoni tat-taxxa B u bil-garanzija fuq is-self kif deskritt hawn fuq. Il-Greċja ddikjarat li l-ELVO ma kien irċieva l-ebda sostenn ieħor minn fondi pubbliċi.

4.2.   Rilevanza tal-Artikolu 296 tat-Trattat tal-KE

(22)

Il-Greċja kkonfermat li l-ELVO ma kinitx żammet kontijiet separati għall-partijiet ċivili u militari tal-produzzjoni tagħha. Madankollu, il-Greċja għamlet l-argument li l-ELVO prinċipalment kienet tipproduċi tagħmir militari. B’hekk fis-snin mill-1987 sal-1998, il-“programmi militari” kienu jammontaw għal 85 % tal-bejgħ tal-kumpanija. Il-fatt li l-produzzjoni militari kienet tirrappreżenta biss 54 % tal-bejgħ fl-1999 kienet okkorrenza eċċezzjonali minħabba l-implimentazzjoni ta’ ftehim li kien sar fl-1997 għall-fornitura ta’ xarabankijiet u xarabankijiet bil-fil lil diversi korpi pubbliċi (u ċertament fis-snin ta’ wara, bejn l-2000 u l-2002, is-sehem militari tal-bejgħ reġa’ lura għal-livelli għoljin normali: 64,61 %, 72,59 % u 98,40 %, rispettivament). B’hekk, ħlief għas-sena 1999, l-akbar sehem tal-produzzjoni tal-ELVO kopra materjal militari li seta’ jiġi kopert mill-Artikolu 296 tat-Trattat tal-KE.

4.3.   Prinċipju tal-bejjiegħ privat

(23)

Safejn l-eżenzjonijiet mit-taxxa A u B ma jkunux koperti mill-Artikolu 296 KE, għandhom jitqiesu fil-kuntest tal-privatizzazzjoni parzjali tal-ELVO. Din saret permezz ta’ sejħa miftuħa għall-offerti li għaliha esprimew interess tmien gruppi Griegi u internazzjonali. Erbgħa minnhom tefgħu offerti eliġibbli. L-offerta ta’ Mytilineos tqieset bħala l-aħjar.

(24)

Bħala parti mill-proċess ta’ privatizzazzjoni, l-istat Grieg iddeċieda li l-ELVO kellha tinbiegħ ħielsa mill-obbligi kollha tat-taxxa li jkunu magħrufin qabel ma l-bejgħ jitlesta, u li kwalunkwe obbligi tat-taxxa li jirriżultaw qabel il-bejgħ iżda li jsiru dovuti aktar tard kellhom jaqgħu fuq l-istat Grieg. Dawn il-kundizzjonijiet kienu parti mit-termini tal-proċedura tas-sejħa għall-offerti u kienu magħrufa minn dawk kollha li tefgħu l-offerta tagħhom (li l-offerti tagħhom, konsegwentement, irriflettew l-aspettattivi tagħhom li dawn id-djun kienu se jitħassru). L-għan kien li jiġi żgurat l-ogħla prezz possibbli għall-ishma (mingħajr id-djun tat-taxxa eżentata).

(25)

L-istat Grieg jargumenta li hija prattika kummerċjali komuni fi ftehimiet bħal dawn li l-bejjiegħ jassumi l-obbligi finanzjarji tal-entità mibjugħa li ma jkunux immaterjalizzaw fil-mument meta titlesta t-tranżazzjoni. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Griegi jargumentaw li l-prezz li tħallas minn Mytilineos (EUR 12 179 071) ħallihom bi ħlas nett sostanzjali għall-valur tal-kumpanija, anki meta wieħed inaqqas id-dejn imħassar (ammont nett ta’ EUR 5 129 298,12).

(26)

B’hekk il-Greċja tafferma li aġixxiet b’manjiera simili għal dik ta’ bejjiegħ privat li jfittex li jagħmel l-ikbar qligħ li jista’ mill-bejgħ tal-ass tiegħu u li għaldaqstant l-eżenzjonijiet mit-taxxa A u B ma jinvolvux għajnuna mill-Istat.

4.4.   Skema ta’ għajnuna mill-Istat Ν 11/91

(27)

L-awtoritajiet Griegi rreferew ukoll għall-iskema ta’ għajnuna mill-istat N 11/91, approvata mill-Kummissjoni b’ittra tal-11 ta’ Lulju 1991. Din l-iskema kienet tippermetti għajnuna mill-istat fil-forma ta’ tħassir ta’ dejn jew ta’ kapitalizzazzjoni tad-dejn b’rabta mal-privatizzazzjoni ta’ 208 impriża identifikati fis-settur pubbliku, fosthom l-ELVO. Madanakollu, l-iskema kienet titlob notifika minn qabel ta’ tali għajnuna lill-Kummissjoni f’żewġ sitwazzjonijiet:

jekk il-bejgħ tal-impriża jkun sar permezz ta’ proċedura li mhix sejħa miftuħa għall-offerti, i.e. permezz ta’ bejgħ dirett lil parti terza;

jekk l-impriża tkun operat f’ċerti setturi, fosthom il-qasam awtomotiv (6).

(28)

L-awtoritajiet Griegi jasserixxu li t-tħassir tad-dejn imsejjes fuq il-Liġi 1892/90 kien kopert b’din l-iskema. It-tħassir ma kienx jitlob notifika minn qabel lill-Kummissjoni minħabba li l-bejgħ tat-43 % tal-ELVO kien sar permezz ta’ proċedura ta’ sejħa miftuħa għall-offerti, u ladarba l-ELVO kienet produttur militari ma kinitx taqa’ fil-kategorija tal-produtturi “awtomotivi” skont it-tifsira tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-istat.

5.   VALUTAZZJONI

5.1.   L-Artikolu 296 tat-Trattat tal-KE

(29)

Qabel ma wieħed jidħol għal valutazzjoni sustantiva tal-miżuri ta’ sostenn skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-istat ikun xieraq li wieħed jindirizza l-asserzjoni tal-Greċja rigward l-implikazzjonijiet tal-Artikolu 296 tat-Trattat tal-KE.

(30)

Fuq il-bażi tal-Artikolu 296(1)(b) KE d-dispożizzjonijiet tat-Trattat ma jipprekludux lil Stat Membru milli jieħu “l-miżuri li jikkunsidra meħtieġa biex jipproteġi l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu, u li jkollhom x’jaqsmu mal-manifattura jew mal-kummerċ tal-armi, munizzjon u materjal tal-gwerra; dawn il-miżuri ma għandhomx ifixklu l-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq komuni dwar prodotti li ma jkunux intiżi għall-iskopijiet speċifikament militari.” Din id-dispożizzjoni tapplika għal lista ta’ prodotti mħejjija mill-Kunsill (ara l-Artikolu 292(2) KE) u li tinkludi fost l-oħrajn (il-punt 6 tal-lista) “tankijiet u vetturi speċjalizzati għall-ġlied: … (b) Vetturi tat-tip militari, korazzati jew mhux korazzati, inklużi vetturi amfibji; (c) karozzi korazzati …”.

(31)

Dan jimplika, safejn huwa rilevanti għal dan il-każ, li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-KE dwar l-għajnuna mill-istat ma japplikawx għal miżuri relatati ma’ prodotti inklużi fil-lista tal-1958, dment li tali miżuri jkunu meqjusa neċessarji għall-ħarsien tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Istat Membru.

(32)

Il-każistika titlob li Stat Membru li jfittex li jistrieħ fuq l-Artikolu 296 KE jagħti prova li l-eżenzjonijiet ma jaqbżux il-limiti f’tali każi eċċezzjonali (7).

(33)

Il-Greċja l-ewwel argumentat li l-produzzjoni kollha tal-ELVO, jew għall-inqas proporzjon sostanzjali ħafna minnha, kellha/kellu x’taqsam/jaqsam ma’ materjal militari kopert mill-Artikolu 296(1)(b) KE, b’mod li r-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-istat ma jistgħux japplikaw biex jipprekludu kwalunkwe sostenn mill-istat favur l-ELVO.

(34)

Din il-fehma ma tistax tiġi aċċettata. Huwa ċar mit-tagħrif fil-każ li l-produzzjoni tal-ELVO għandha x’taqsam mhux biss ma’ prodotti koperti mill-Artikolu 296 KE imma wkoll ma’ prodotti li jew huma maqtugħin għal użu doppju jew inkella maħsubin purament għal użu ċivili (ara l-premessi 8 u 17 hawn fuq). Għal din ir-raġuni biss, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-asserzjoni ġenerali li l-attivitajiet kollha tal-ELVO huma koperti mill-Artikolu 296(1)(b) KE. L-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni għandha tiġi valutata separatament għal kull miżura ta’ għajnuna minħabba l-iskop u l-ambitu tagħha.

(35)

Fil-każ tal-eżenzjonijiet mit-taxxa A u B l-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-asserzjoni li dawn huma koperti mill-Artikolu 296 KE. Tabilħaqq, minħabba li ma jeżistux kontijiet separati bejn il-produzzjoni ċivili u militari, huwa impossibbli li wieħed ikun ċert jekk dawn il-miżuri tgawdix minnhom biss il-produzzjoni militari.

(36)

Il-każ tal-garanzija fuq is-self huwa differenti. Il-Greċja pprovdiet tagħrif li juri li l-garanzija kopriet self li ħadet l-ELVO biex teżegwixxi ordnijiet għal vetturi maħsuba għall-qawwiet armati Griegi. L-ewwel ordni kellha x’taqsam ma’ […], li huma b’mod ċar koperti mil-lista ta’ materjal militari kopert mill-Artikolu 296 KE. It-tieni ordni kellha x’taqsam ma’ […], li prima facie jistgħu jitqiesu bħala prodotti ta’ użu doppju u għaldaqstant jistgħu ikunu koperti mill-Artikolu 296 KE biss jekk ikunu maħsuba speċifikament għal użu militari. F’dan ir-rigward il-Greċja ddikjarat formalment li […] ġew immanifatturati skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-qawwiet militari Griegi […]. Il-Kummissjoni taċċetta li […], minħabba l-karatteristiċi tagħhom, huma mqegħdin fil-lista ta’ affarijiet imsemmijin fil-paragrafu 30 hawn fuq, b’mod partikulari fil-punt 6(b) tiegħu. Il-Greċja assigurat ukoll lill-Kummissjoni li […] kollha ġew konsenjati […] biex jintużaw esklussivament għal skopijiet militari, kif ikkonfermat b’ittra tal-Ministeru tad-Difiża. Il-Greċja ddikjarat ukoll li […] huma maħsuba għal operazzjonijiet militari u biex isostnuhom u ġew aġġudikati bħala adattati għal dawk l-iskopijiet ta’ […]. Il-Kummissjoni taċċetta li l-vetturi huma meħtieġa għall-ħarsien tal-interessi essenzjali tas-sigurtaà tal-Greċja.

(37)

Il-Kummissjoni hija sodisfatta li l-ordni li għaliha ngħatat il-garanzija fuq is-self kellha x’taqsam ma’ materjal tal-gwerra skont it-tifsira tal-Artikolu 296(1)(b) KE u li l-garanzija kienet meħtieġa biex dan il-materjal jiġi fornut lill-forzi tad-difiża Griegi. Il-Kummissjoni konsegwentement taċċetta li l-garanzija fuq is-self hija eżentata mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar l-għajnuna mill-istat b’riżultat tal-eċċezzjoni tal-Artikolu 296(1)(b) KE.

(38)

Konsegwentement, l-analiżi li ġejja skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-istat se tkun tikkonċerna biss l-eżenzjonijiet mit-taxxa A u B.

5.2.   Eżistenza ta’ għajnuna mill-istat

5.2.1.   Kunċetti ta’ riżorsi tal-istat, selettività, effett fuq il-kummerċ u distorsjoni tal-kompetizzjoni

(39)

Skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE, “… kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni” ħlief jekk tali għajnuna tista’ tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 87(2) jew (3) tat-Trattat tal-KE. Il-kunċett tal-għajnuna mill-istat jiġbor fih mhux biss it-trasferimenti diretti ta’ riżorsi statali, eż. fl-għamla ta’ għotjiet, iżda wkoll każijiet fejn l-istat iħassar klejms kontra benefiċjarju u b’hekk jibqa’ mingħajr id-dħul.

(40)

Il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjonijiet mit-taxxa A u B huma għajnuna mill-istat għax jinvolvu taxxi li huma riżorsi statali u jagħtu vantaġġ selettiv espliċitament lill-ELVO, li kieku kien ikollha tħallas dawn id-djun. L-eżenzjonijiet huma wkoll, b’mod ċar, imputabbli għall-istat minħabba li saru permezz ta’ miżuri meħuda minn organi tal-istat (i.e. liġi fil-każ tal-eżenzjoni mit-taxxa A u deċiżjoni ta’ ħlas mill-ġdid tal-amministrazzjoni tat-taxxa fil-każ tal-eżenzjoni mit-taxxa B). Ġaladarba jeżistu kompetizzjoni u kummerċ bejn l-Istati Membri fl-industrija tal-vetturi, il-vantaġġi finanzjarji li jiffavorixxu lill-ELVO meta mqabbla mal-kompetituri tagħha jgħawweġ jew jhedded li jgħawweġ il-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

5.2.2.   Il-kriterju tal-vantaġġ: L-asserzjoni tal-Greċja li ġabet ruħha bħal bejjiegħ privat

(41)

Il-Greċja, madanakollu, argumentat li l-eżenzjonijiet mit-taxxa A u B ma jikkostitwixxux għajnuna mill-istat minħabba li ma jagħtux lill-ELVO vantaġġ li ma kinitx tista’ tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Tabilħaqq, kif preskritt fil-premessi 23 sa 26 ta’ din id-deċiżjoni, il-Greċja targumenta li ġabet ruħha kif kien jagħmel kwalunkwe bejjiegħ privat f’ċirkustanzi simili.

(42)

Din l-asserzjoni ma tistax tiġi aċċettata.

(43)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinnota li filwaqt li l-Greċja tgħid li ġabet ruħha bl-istess mod kif kien iġib ruħu bejjiegħ privat f’ċirkustanzi simili, xorta waħda użat setgħat li huma esklussivament tal-istat biex tagħti l-miżuri ta’ sostenn lill-ELVO: liġi speċifika fil-każ tat-tħassir tat-taxxa taħt l-eżenzjoni mit-taxxa A u deċiżjoni mill-amministrazzjoni tat-taxxa fil-każ tal-eżenzjoni mit-taxxa B. Dawn huma setgħat li bejjiegħ privat qatt ma seta’ jagħmel użu minnhom. Għalhekk, bħala fatt, wieħed jeskludi li l-istat Grieg ġab ruħu bħal operatur privat f’kundizzjonijiet normali (8).

(44)

Barra minn hekk, u permezz ta’ argument sussidjarju, il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-asserzjoni tal-Greċja li t-tħassir tal-klejms tat-taxxa ppermettielha tikseb prezz nett ogħla (i.e. il-prezz tal-bejgħ tal-ishma u tnaqqas minnu d-dħul mitluf mit-taxxa) għall-ishma tagħha fl-ELVO milli kien jirnexxilha tikseb kieku biegħet l-ishma mingħajr ma ħassret il-klejms tat-taxxa hija sempliċiment asserzjoni li mhix issostanzjata bi provi (bħal, ngħidu aħna, paragun bejn il-prezz li bih sar il-bejgħ u l-prezz smat tal-ishma fix-xenarju altarnattiv). Fin-nuqqas ta’ almenu l-iċken indikazzjoni f’dan ir-rigward, mhux possibbli li wieħed jaċċetta l-idea tal-Greċja li l-eżenzjonijiet mit-taxxa kienu jagħmlu sens għan-negozju.

(45)

Il-Kummissjoni konsegwentement tirrifjuta l-asserzjoni tal-Greċja li ġabet ruħha bħala bejjiegħ fl-ekonomika tas-suq u ssib li l-eżenzjonijiet mit-taxxa A u B taw lill-ELVO vantaġġ li ma kinitx tkun kapaċi tikseb b’termini normali tas-suq.

5.2.3.   Konklużjoni rigward l-eżistenza ta’ għajnuna mill-istat

(46)

Il-Kummissjoni ssib li l-eżenzjonijiet mit-taxxa A u B jikkostitwixxu għajnuna mill-istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

5.3.   Kompatibbiltà mas-suq komuni

5.3.1.   Allegata kompatibbiltà skont l-iskema ta’ għajnuna mill-istat N 11/91

(47)

Matul l-investigazzjoni l-Greċja argumentat li, jekk jinstab li jikkostitwixxu għajnuna mill-istat, l-eżenzjonijiet mit-taxxa A u B fi kwalunkwe każ ikunu koperti mill-iskema msemmija hawn fuq, li hi awtorizztaa mill-Kummissjoni fil-każ N 11/91, u b’hekk tkun kompatibbli mas-suq komuni. Il-Kummissjoni ma tistax, madanakollu, taċċetta l-argumenti tal-Greċja ppreżentati fil-premessi 27 u 28 ta’ hawn fuq.

(48)

Bħala rimarka preliminari, il-Kummissjoni tinnota li l-Liġi 1892/90, li kienet is-suġġett tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni N 11/91, tapplika biss fil-każ tal-bejgħ jew ta’ kwalunkwe forma oħra ta’ trasferiment ta’ impriża jew tal-assi kollha ta’ impriża jew tal-biċċa l-kbira tal-ishma ta’ impriża (l-Artikolu 49 tal-Liġi 1892/90). Madanakollu, fil-każ preżenti, kien biss 43 % tal-ishma fl-ELVO li nbiegħu lil parti privata, u l-Gvern Grieg żamm 51 %. Diġà, għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tiddubita jekk il-privatizzazzjoni parzjali tal-ELVO taqax taħt din l-iskema.

(49)

Anki kieku, għall-grazzja tal-argument, wieħed kellu jaċċetta li l-ftehim dwar il-bejgħ tal-ishma jaqa’ taħt l-iskema N 11/91, il-kundizzjonijiet ta’ dik l-iskema mhumiex sodisfatti fil-każ trattat.

(50)

Tabilħaqq, anki kieku – għal darb’oħra, għall-grazzja tal-argument – wieħed kellu jaċċetta li l-bini ta’ vetturi militari ma jaqax taħt id-definizzjoni tas-settur awtomotiv għall-finijiet tal-iskema, il-fatt hu li l-ELVO, kif intwera hawn fuq, timmanifattura firxa kbira ta’ vetturi b’użu doppju jew ċivili minbarra l-produzzjoni speċifikament militari tagħha. Il-produzzjoni ċivili nnifisha tal-ELVO hija biżżejjed biex tikkwalifikaha bħala produttur awtomotiv għall-fini tal-iskema.

(51)

Fil-każ tal-privatizzazzjoni ta’ kumpanija awtomotiva, bħall-ELVO, in-notifika minn qabel lill-Kummissjoni hija rekwiżit sustantiv għall-kompatibbiltà mas-suq komuni taħt l-iskema (9). Il-Greċja ma nnotifikatx il-privatizzazzjoni parzjali tal-ELVO. L-eżenzjonijiet mit-taxxa A u B konsegwentament ma jistgħux jitqiesu kompatibbli mas-suq komuni b’riżultat tal-iskema.

5.3.2.   Raġunijiet oħra ta’ kumpatibbiltà

(52)

Il-Greċja ma affermat l-ebda raġuni oħra ta’ kompatibbiltà, u l-Kummissjoni ma ssibx li l-għajnuna tista; titqies kompatibbli mas-suq komuni fuq xi bażi legali oħra.

(53)

Konsegwentement, il-Kummissjoni ssib li l-għajnuna mill-istat mogħtija lill-ELVO hija inkompatibbli mas-suq komuni.

5.4.   Stabbiliment tal-ammont tal-għajnuna

(54)

L-għajnuna inkompatibbli mill-istat għandha tinġabar lura mingħand l-ELVO. Madanakollu, kif il-Kummissjoni stqarret fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-parti tal-produzzjoni tal-ELVO li għandha x’taqsam ma’ materjal militari tista’ titqies koperta mill-Artikolu 296(1)(b) tat-Trattat. Sal-punt fejn l-għajnuna gawdiet minnha din il-parti tal-produzzjoni, m’għandhiex titqies bħala għajnuna mill-istat, minħabba li l-għajnuna kienet meħtieġa għall-ħarsien tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Greċja. Tqum allura l-mistoqsija dwar kif l-għajnuna għandha titqassam bejn iż-żewġ naħat tal-produzzjoni.

(55)

L-għajnuna mill-istat koperta mid-deċiżjoni preżenti ma kinitx assenjata lil attività partikulari, għax ma kinitx maħsuba biex tiffinanzja proġett partikulari. Għaldaqstant, il-Kummissjoni trid tiddetermina sa liema punt l-għajnuna gawdew minnha l-attivitajiet militari u sa liema punt gawdew minnha l-attivitajiet ċivili. Dan il-kalkolu huwa kkumplikat mill-fatt li l-ELVO ma żammitx kontijiet separati għall-attivitajiet ċivili u għall-attivitajiet militari. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni se ssejjes l-analiżi tagħha fuq id-daqs relattiv taż-żewġ attivitajiet. Għalhekk, trid tivvaluta l-piż relattiv ta’ kull attività. Il-Kummissjoni tosserva li kwalunkwe għajnuna mill-istat mogħtija lill-ELVO u mhux assenjata biex tiffinanzja attività partikulari kopriet fl-istess ħin djun mill-imgħoddi u tat lill-ELVO vantaġġ biex tiffinanzja attivitajiet tal-ġejjieni. Għalhekk, biex tiddetermina sa liema punt l-għajnuna mill-istat gawdew minnha l-attivitajiet ċivili u militari, il-Kummissjoni tqis li l-analiżi ma tistax tiġi restritta għall-qasma bejn il-produzzjoni ċivili u militari (i.e. il-piż relattiv ta’ kull attività) fis-sena meta ngħata s-sostenn, iżda li hu meħtieġ li tikkalkula l-qasma medja bejn dawn iż-żewġ attivitajiet fuq perjodu twil biżżejjed ta’ żmien. Anki l-fatt li l-piż relattiv taż-żewġ attivitajiet jista’ jvarja bil-kbir minn sena għal oħra jiġġustifika l-użu ta’ medja fuq diversi snin. Tabilħaqq, sena partikulari tista’ ma tkunx rappreżentattiva tal-qasma medja bejn iż-żewġ attivitajiet fuq medda twila ta’ żmien.

(56)

Fin-nuqqas ta’ kontijiet separati għall-produzzjoni ċivili u militari, dan it-tqassim irid bilfors ikun imsejjes fuq approssimazzjoni. Il-Kummissjoni tqis li l-qasma bejn il-bejgħ tal-ELVO lil programmi militari u lil klijenti ċivili, kif spjegat mill-Greċja, tipprovdi approssimazzjoni aċċettabbli għall-proporzjon ta’ materjal ċivili u militari fil-produzzjoni tal-ELVO u li l-qligħ mill-eżenzjonijiet mit-taxxa A u B għandhom jitqassmu skontha (10).

(57)

Il-Greċja pprovdiet tagħrif dwar il-bejgħ tal-ELVO lil programmi militari u lil klijenti ċivili rispettivament. Meta wieħed iqis il-perjodu mill-1987 sal-2000 b’dawk is-sentejn inlużi, i.e. il-perjodu kopert mill-eżenzjonijiet mit-taxxa, il-proporzjon medju ppeżat tal-bejgħ lil programmi militari huwa 79,9 %. Il-parti tal-produzzjoni ċivili konsegwentement hija 20,1 %.

(58)

Meta wieħed japplika dan il-proporzjon għall-eżenzjonijiet mit-taxxa, l-għajnuna inkompatibbli li għandha tinġabar lura mingħand l-ELVO (l-ammonti kollha fil-kalkolu huma miżjuda jew imnaqqsa sal-eqreb unità monetarja sħiħa) hija GRD 1 193 753 186 ×x 0,201 = GRD 239 944 390 għall-eżenzjoni mit-taxxa A, u EUR 3 546 407,89 × 0,201 = EUR 712 827,99 għall-eżenzjoni mit-taxxa B.

(59)

Madankollu, jekk il-Kummissjoni taċċetta li 79.9 % ta’ kwalunkwe dħul ta’ flus mill-istat marru biex jiffinanzjaw l-attivitajiet militari tal-ELVO, trid tikkonkludi wkoll li 79.9 % ta’ kwalunkwe ħruġ ta’ flus mill-kumpanija għandhom x’jaqsmu mal-parti militari tal-operazzjonijiet tagħha. Minħabba li l-biċċa l-kbira tal-attività tal-ELVO hija militari, u minħabba li l-ELVO ma żżommx kontijiet separati għall-attivitajiet ċivili, hemm riskju li r-rimborż tal-għajnuna li kisbu l-attivitajiet ċivili jkun iffinanzjati prinċipalment minn fondi li altrimenti kienu jiffinanzjaw l-attivitajiet militari. Konsegwentement, sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni kompetittiva li kienet tipprevali mingħajr l-għajnuna mill-istat u sabiex ma jitħalliex li tingħata għajnuna addizzjonali lill-attivitajiet ċivili, il-Greċja se jkollha tiżgura li l-għajnuna tinġabar lura esklussivament mid-dħul ċivili tal-ELVO (11).

(60)

Din id-deċiżjoni hija mingħajr ħsara għall-pożizzjoni li tista’ tieħu l-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni skont ir-regoli tas-suq komuni relatati b’mod partikulari mal-akkwist u l-konċessjonijiet mill-istat,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat li tammonta għal GRD 239 944 390 u EUR 712 827,99, li ngħatat illegalment mill-Greċja favur l-ELVO, bi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat, hija inkompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 2

1.   Il-Greċja għandha tiġbor lura l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarju. L-għajnuna għandha tinġabar lura esklussivament mid-dħul tal-ELVO mill-attivitajiet ċivili tagħha.

2.   Is-somom li għandhom jinġabru lura għandhom jinkludu l-imgħax mid-data li fiha tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sad-data tal-irkupru attwali tagħhom.

3.   L-imgħax għandu jiġi kkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (12).

Artikolu 3

1.   Il-ġbir lura tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun immedjata u effettiva.

2.   Il-Greċja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 4

1.   Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, il-Greċja għandha tissottometti t-tagħrif li ġej lill-Kummissjoni:

(a)

l-ammont totali (kapital u mgħax tal-irkupru) li għandu jitħallas lura mill-benefiċjarju (f’dan ir-rigward il-Greċja għandha b’mod partikulari tindika d-data eżatta tal-ħlas lura ta’ EUR 634 088,99 taħt l-Eżenzjoni mit-Taxxa B (ara l-premessa 14, it-tieni inċiż b’dexx quddiemu));

(b)

deskrizzjoni ddettaljata tal-miżuri diġà meħudin u ppjanati sabiex timxi ma’ din id-Deċiżjoni;

(ċ)

dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġie ordnat iħallas lura l-għajnuna.

2.   Il-Greċja għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħudin biex tiġi implimentata din id-deċiżjoni sakemm ikun kompletat il-ġbir lura tal-għajnuna msemmi fl-Artikolu 1. Għandha tissottometti minnufih, fuq sempliċi talba mill-Kummissjoni, tagħrif dwar il-miżuri diġà meħudin u ppjanati biex timxi ma’ din id-Deċiżjoni. Għandha tipprovdi wkoll tagħrif iddettaljat rigward l-ammonti ta’ għajnuna u imgħax tal-irkupru diġà miġbura lura mingħand il-benefiċjarju.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Brussell, l-24 ta’ Marzu 2009.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 34, 10.2.2006, p. 24.

(2)  Ara n-nota 1 ta’ qiegħ il-paġna.

(3)  L-ammont f’EUR kif ipprovdut mill-awtoritajiet Griegi.

(4)  4 Din id-deċiżjoni kellha qawwa materjali biss fil-ftehim dwar il-bejgħ tal-ishma tad-29 ta’ Awwissu 2000 bejn l-istat Grieg u Mytilineos.

(*)  Informazzjoni koperta mis-sigriet professjonali.

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(6)  Bil-Franċiż “automobiles”.

(7)  F’dan ir-rigward ara s-sentenza tal-QEĠ tat-8 ta’ April 2008 fil-Kawża C-337/05, Il-Kummissjoni vs. L-Italja (għadha ma ġietx ippubblikata), il-paragrafi 42-49.

(8)  Ara d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tas-17 ta’ Diċembru 2008 fil-Kawża T-196/04 Ryanair (għadha ma ġietx ippubblikata), il-paragrafi 84, 85 u 90.

(9)  Mill-każistika jirriżulta li fejn skema ta’ għajnuna approvata tkun tirrikjedi li ċerti forom ta’ għajnuna (ngħidu aħna lil impriżi f’settur partikulari) jiġu nnotifikati, dawn l-għajnuniet jiġu esklużi mill-awtorizzazzjoni li jagħmlu parti mill-iskema u jkunu jitolbu notifika individwali. B’dan il-mod, in-notifika hija rekwiżit sustantiv u mhux sempliċiment kwistjoni li wieħed jipprovdi t-tagħrif. Cf. Kawżi konġunti T-447/93, T-448/93 u T-449/93, AIETEC et al., [1995] Ġabra p. II-1971, para. 129 u 135; Kawża C-169/95, Il-Kummissjoni v Spanja, [1997] Ġabra I-135, para. 28-29; Kawżi Konġunti T-132/96 u T-143/96, Freistaat Sachsen [1999] Ġabra p. II-3663, para. 203; Kawżi Konġunti C-57/00 P u C-61/00 P, Freistaat Sachsen, [2003] Ġabra I-9975, para. 114 et seq.

(10)  Għal approssimazzjoni simili ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Lulju 2008 fil-każ dwar għajnuna mill-istat C-16/04 implimentata mill-Greċja favur il-Hellenic Shipyards (għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali iżda huwa disponibbli f’http://ec.europa.eu/competition/state_aid/register/).

(11)  Ara s-sentenza fil-kawża C-16/04 imsemmija fin-nota 10 ta’ qiegħ il-paġna, b’mod partikulari l-paragrafu 340 et seq.

(12)  Regolament (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1,).


Tagħrif dwar l-ammonti ta’ għajnuna rċevuti, li għandhom jinġabru lura u diġà miġburin lura

Identità tal-benefiċjarju

Ammont totali ta’ għajnuna rċevuta taħt l-iskema (*)

Ammont totali ta’ għajnuna li trid tinġabar lura (*)

(Kapital)

Ammont totali diġà rimborżat (*)

Kapital

Imgħax tal-irkupru

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 


(*)  Miljun ta’ valuta nazzjonali.


Top