EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0004

2010/4/UE, Euratom: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 22 ta’ Diċembru 2009 li tawtorizza lill-Bulgarija biex tuża l-istatistika tas-snin aktar bikrija mis-sena ta’ qabel tal-aħħar, u biex tuża certi estimi approssimattivi għall-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT (notifikata bid-dokument numru C(2009) 10413)

OJ L 3, 7.1.2010, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 28/11/2014

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/4(1)/oj

7.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 3/17


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-22 ta’ Diċembru 2009

li tawtorizza lill-Bulgarija biex tuża l-istatistika tas-snin aktar bikrija mis-sena ta’ qabel tal-aħħar, u biex tuża certi estimi approssimattivi għall-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 10413)

(It-test bil-Bulgaru biss huwa awtentiku)

(2010/4/UE, Euratom)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 4 (4) u l-Artikolu 6(3) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji,

Billi:

(1)

Il-Bulgarija talbet l-awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni biex tuża l-kontijiet nazzjonali għas-snin aktar bikrija mis-sena ta’ qabel tal-aħħar u biex tuża estimi approssimattivi biex tikkalkula l-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT għat-tranżazzjonijiet imsemmija f’punt 10 ta’ parti B ta’ Anness X tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema Komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (2).

(2)

Għall-finijiet tat-tqassim tat-tranżazzjonijiet skont il-kategorija statistika stabbilita fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89, il-Bulgarija mhix f’pożizzjoni li tuża l-kontijiet nazzjonali relatati mas-sena ta’ qabel tal-aħħar ta’ qabel is-sena finanzjarja li fuqha trid tiġi kkalkulata l-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT. Il-Bulgarija għalhekk għandha tiġi awtorizzata biex tuża l-kontijiet nazzjonali għas-snin aktar bikrija mis-sena ta’ qabel tal-aħħar.

(3)

Il-Bulgarija hija awtorizzata li teżenta kategorija waħda ta’ tranżazzjonijiet (trasport internazzjonali ta’ passiġġieri) kif imsemmi f’parti B ta’ Anness X tad-Direttiva 2006/112/KE ibbażata fuq Paragrafu 1 ta’ Taqsima 6 (Tassazzjoni) f’Anness VI tal-Att tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija fl-Unjoni Ewropea (3). Dawn it-tranżazzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati biex tkun determinata l-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT.

(4)

Il-Bulgarija mhix f’pożizzjoni li tagħmel kalkolu preċiż tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT għat-tranżazzjnijiet imsemmija f’punt 10 ta’ parti B ta’ Anness X tad-Direttiva 2006/112/KE. Kalkolu bħal dan x’aktarx li jinvolvi piż amministrattiv mhux ġustifikat meta wieħed iqis l-effett ta’ dawn it-tranżazzjonijet fuq it-total tal-bażi ta’ riżorsi tal-VAT tal-Bulgarija. Il-Bulgarija hi f’pożizzjoni li tagħmel kalkolu billi tuża stimi approssimattivi għal din il-kategorija ta’ tranżazzjonijiet. Il-Bulgarija għandha għalhekk tingħata awtorizzazzjoni biex tikkalkula l-bażi ta’ VAT billi tuża estimi approssimattivi skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 6 (3) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89;

(5)

Għall-finijiet ta’ trasparenza u ċertezza legali hu xieraq li jkun hemm limitu ta’ żmien tal-applikabilità tal-awtorizzazzjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Sabiex isir tqassim skont ir-rata imsemmija fl-Artikolu 4 (4) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 il-Bulgarija hija awtorizzata mill-1 ta’ Jannar 2009 biex tuża ċifri miksuba mill-kontijiet nazzjonali tat-tielet sena ta’ qabel, jew ir-raba’ sena ta’ qabel is-sena finanzjarja li fuqha ġiet ikkalkulata l-bażi tar-riżorsi tal-VAT.

Artikolu 2

Għall-fini tal-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT mill-1 ta’ Jannar tal-2009, il-Bulgarija qed tiġi awtorizzata biex tuża estimi approssimattivi fir-rigward ta’ trasport internazzjonali tal-passiġġieri kif imsemmi fl-Anness X, parti B tad-Direttiva 2006/112/KE.

Artikolu 3

Din id-deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2013.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Diċembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9.

(2)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(3)  ĠU L 157, 21.6.2005, p. 289.


Top