EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R1254

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1254/2009 tat- 18 ta’ Diċembru 2009 li jistabbilixxi l-kriterji li jippermettu lill-Istati Membri jidderogaw mill-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u jadottaw miżuri alternattivi tas-sigurtà (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 338, 19.12.2009, p. 17–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 07 Volume 025 P. 66 - 66

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 21/12/2016

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1254/oj

19.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 338/17


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1254/2009

tat-18 ta’ Diċembru 2009

li jistabbilixxi l-kriterji li jippermettu lill-Istati Membri jidderogaw mill-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u jadottaw miżuri alternattivi tas-sigurtà

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (1), u partikolarment l-Artikolu 4(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-kriterji għandhom jiġu stabbiliti b’mod li jippermettu lill-Istati Membri jidderogaw mill-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u jadottaw miżuri alternattivi tas-sigurtà li jipprovdu livell adegwat ta’ protezzjoni abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju [lokali]. It-tali miżuri alternattivi għandhom jiġu ġġustifikati permezz ta’ raġunijiet marbutin mad-daqs tal-inġenji tal-ajru, jew permezz ta’ raġunijiet marbutin man-natura, l-iskala jew il-frekwenza tal-operazzjonijiet jew ta’ attivitajiet rilevanti oħrajn. Għalhekk, il-kriterji li għandhom jiġu stabbiliti għandhom ikunu ġġustifikati wkoll permezz ta’ dawn ir-raġunijiet.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008, l-Anness għar-Regolament imsemmi għandu japplika mid-data li se tiġi speċifikata fir-regoli tal-implimentazzjoni, iżda mhux aktar tard minn 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 300/2008. Għalhekk, l-applikazzjoni tal-kriterji adottati skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 għandha tiġi ddiferita sal-adozzjoni tar-regoli tal-implimentazzjoni skont l-Artikolu 4(3), iżda mhux aktar tard mid-29 ta’ April 2010.

(3)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ċivili,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-istandards bażiċi komuni msemmija fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 u jadottaw miżuri alternattivi tas-sigurtà li jipprovdu livell xieraq ta’ protezzjoni abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju lokali f’ajruporti jew f’żoni ddemarkati tal-ajruporti fejn it-traffiku huwa limitat għal waħda jew aktar mill-kategoriji li ġejjin:

(1)

inġenji tal-ajru (aircraft) b’piż massimu ta’ inqas minn 15 000 kilogramma waqt it-tluq;

(2)

ħelikopters;

(3)

titjiriet għall-infurzar tal-liġi;

(4)

titjiriet għat-trażżin tan-nar;

(5)

titjiriet tas-servizzi mediċi, tas-servizzi tal-emerġenza jew tas-salvataġġ;

(6)

titjiriet għar-riċerka u l-iżvilupp;

(7)

titjiriet għax-xogħol tal-ajru (“aerial work”);

(8)

titjiriet tal-għajnuna umanitarja;

(9)

titjiriet imħaddma minn trasportaturi tal-ajru, manifatturi tal-inġenji tal-ajru jew kumpaniji tal-manutenzjoni, li ma jkunux jġorru la passiġġieri u bagalji, u lanqas merkanzija u posta;

(10)

titjiriet b’inġenji tal-ajru b’piż massimu ta’ inqas minn 45 500 kilogramma waqt it-tluq għat-trasport tal-persunal tal-kumpanija stess u ta’ passiġġieri li ma jkunux qed iħallsu n-noll jew għat-trasport ta’ oġġetti li jservu ta’ għajnuna biex jitwettaq in-negozju tal-kumpanija.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mid-data speċifikata fir-regoli tal-implimentazzjoni adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008, iżda mhux aktar tard mid-29 ta’ April 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2009.

Għall-Kummissjoni

José Manuel BARROSO

Il-President


(1)  ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72.


Top