EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0582

2009/582/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 29 ta’ Lulju 2009 dwar il-finanzjament ta’ miżuri speċjali ta’ emerġenza biex jipproteġu l-Komunità mill-idrofobija

OJ L 198, 30.7.2009, p. 85–86 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2011; Imħassar b' 32011D0301(01)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/582/oj

30.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 198/85


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-29 ta’ Lulju 2009

dwar il-finanzjament ta’ miżuri speċjali ta’ emerġenza biex jipproteġu l-Komunità mill-idrofobija

(2009/582/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni 90/424/KEE tipprovdi li meta Stat Membru jkun direttament mhedded bil-ġrajja jew l-iżvilupp, fit-territorju ta’ pajjiż terz, ta’ marda elenkata fl-Anness għal dik id-Deċiżjoni, kwalunkwe miżura xierqa għas-sitwazzjoni tista’ tiġi adottata, inkluż l-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-miżuri li jkunu meqjusa partikolarment bżonjużi għas-suċċess tal-azzjonijiet meħuda.

(2)

L-idrofobija hija marda tal-annimali li tolqot prinċipalment lil karnivori domestiċi u selvaġġi u għandha implikazzjonijiet serji għas-saħħa pubblika. L-idrofobija hija elenkata fl-Anness tad-Deċiżjoni 90/424/KEE.

(3)

Fis-snin reċenti, programmi ko-finanzjati mill-Komunità ta’ immunizzazzjoni orali ta’ karnivori selvaġġi li huma r-reservoir tal-marda rriżultaw f’sitwazzjoni favorevoli ħafna f’bosta Stati Membri bi tnaqqis drastiku tal-każi f’annimali selvaġġi u domestiċi u l-għajbien ta’ każijiet li jolqtu lill-bniedem.

(4)

It-territorju tar-Reġjun ta’ Kaliningrad, żona mir-Russja mdawwra bl-UE, imiss ma’ Stati Membri li qed jagħmlu l-isforzi finali tagħhom lejn il-qerda totali tal-marda.

(5)

Il-Litwanja u l-Polonja għarrfu lill-Kummissjoni li l-preżenza tal-idrofobija silvatika fir-reġjun ta’ Kaliningrad qed toħloq theddida diretta għall-konklużjoni b’suċċess tal-programmi tagħhom tal-qerda tal-idrofobija.

(6)

Hija meħtieġa azzjoni urġenti fir-reġjun ta’ Kaliningrad biex b’hekk l-inkursjonijiet tal-marda mit-territorju tiegħu ma jipperikolawx aktar il-progress li sar fir-rigward tas-saħħa tal-bnedmin u tal-annimali fl-Istati Membri ġirien.

(7)

Hija meħtieġa miżura speċjali għall-prevenzjoni tal-infezzjoni kontinwa mill-ġdid tal-Istati Membri ġirien mill-Kaliningrad. Minħabba d-daqs relattiv tat-territorju ta’ Kaliningrad, huwa aktar xieraq u effiċjenti f’dak li hu nfiq li jkunu assistiti l-isforzi għall-eliminazzjoni tal-idrofobija fil-Kaliningrad milli li titwaqqaf żona newtrali għat-tilqim fit-territorju tal-Istati Membri ġirien liema żona mbagħad ikollha tinżamm indefinittivament.

(8)

Skont l-Artikolu 110 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (2), l-għotjiet huma suġġetti għal programm annwali. Dak il-programm ta’ ħidma annwali għandu jiġi implimentat permezz tal-pubblikazzjoni ta’ sejħiet għal proposti, ħlief f’każi eċċezzjonali ta’ urġenza li ġew sostanzjati b’mod xieraq. Skont l-Artikolu 168(1)(b) tar-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 stabbilit bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 (3), il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tagħti għotjiet mingħajr sejħa għal proposti f’emerġenzi eċċezzjonali oħrajn li jkunu ssostanzjati b’mod xieraq.

(9)

Fil-21 ta’ Ottubru 2008 ir-Russja ssottomettiet lill-Kummissjoni programm għall-eliminazzjoni tal-idrofobija mir-reġjun tal-Kaliningrad u dak il-programm nstab li kien aċċettabbli fir-rigward tal-għan tal-ħarsien tal-Komunità mill-idrofobija. L-azzjonijiet previsti f’dak il-programm huma essenzjali għall-protezzjoni tal-interess Komunitarju u għalhekk huwa xieraq li ċerti miżuri jirċievu l-finanzjament Komunitarju. Għandha għalhekk tiġi mogħtija kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja fl-2009 għall-implimentazzjoni ta’ dak il-programm.

(10)

Id-Deċiżjoni preżenti tikkostitwixxi Deċiżjoni ta’ finanzjament skont it-tifsir tal-Artikolu 75 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, l-Artikolu 90 tar-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju, u l-Artikolu 15 tar-Regoli Interni dwar l-Implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4).

(11)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1.   Il-pjan għall-eliminazzjoni tal-idrofobija f’36 xahar mir-Reġjun ta’ Kaliningrad (“programm għall-eliminazzjoni tal-idrofobija”) ippreżentat mir-Russja huwa hawnhekk approvat.

2.   L-azzjoni taħt din id-Deċiżjoni għandha tkopri dawn l-operazzjonijiet speċifiċi:

ix-xiri tal-lixki tat-tilqim għall-immunizzazzjoni orali ta’ karnivori selvaġġi;

id-distribuzzjoni fit-territorju tar-reġjun tal-Kaliningrad tal-lixki tat-tilqim msemmija fil-punt preċedenti.

Artikolu 2

Il-kontribuzzjoni massima tal-Komunità hija ffissata għal EUR 1 800 000 li għandhom jiġu ffinanzjati mill-linja tal-baġit 17 04 03 01 tal-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej għall-2009.

Artikolu 3

1.   L-għoti ta’ għotja individwali lill-Aġenzija Veterinarja tal-Istat tar-reġjun ta’ Kaliningrad tal-Federazzjoni Russa (Государственным учреждением ветеринарии Калининградской области) hija awtorizzata.

2.   L-attivitajiet koperti b’din id-Deċiżjoni jistgħu jiġu finanzjati sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli korrispondenti, bil-kundizzjoni li parti mill-ispejjeż totali tal-azzjoni hija kkorroborata mill-Aġenzija Veterinarja tal-Istat tar-reġjun ta’ Kaliningrad tal-Federazzjoni Russa (Государственным учреждением ветеринарии Калининградской области) jew minn għotjiet oħra mill-kontribuzzjoni Komunitarja

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ April 2009, C(2009) 2105.


Top