EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009E0128

Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2009/128/PESK tas- 16 ta' Frar 2009 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani

OJ L 46, 17.2.2009, p. 36–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/08/2010

ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2009/128/oj

17.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 46/36


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2009/128/PESK

tas-16 ta' Frar 2009

li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani

IL-KUNSILL tal-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikoli 14, 18(5) u 23(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ Frar 2007, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2007/112/PESK (1) sabiex jaħtar lis-Sur Roeland VAN DE GEER bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani.

(2)

Fit-12 ta’ Frar 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/108/PESK (2) li emendat u estendiet il-mandat tar-RSUE sat-28 ta’ Frar 2009.

(3)

Abbażi ta’ reviżjoni tal-Azzjoni Konġunta 2008/108/PESK, il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż b’perijodu ulterjuri ta’ 12-il xahar.

(4)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Il-mandat tas-Sur Roeland VAN DE GEER bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (EUSR) għar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani huwa b’dan estiż sat-28 ta’ Frar 2010.

Artikolu 2

Objettivi tal-politika

Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi tal-politika tal-Unjoni Ewropea (UE) fir-rigward tal-istabbilizzazzjoni u l-konsolidazzjoni ulterjuri tas-sitwazzjoni ta’ wara l-kunflitt fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani, b’attenzjoni partikolari mogħtija lid-dimensjoni reġjonali tal-iżviluppi fil-pajjiżi kkonċernati. Dawn l-objettivi, filwaqt li jippromwovu, b’mod partikolari, il-konformità man-normi bażiċi ta’ demokrazija u tmexxija tajba, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat ta’ dritt, jinkludu:

(a)

kontribut b’mod attiv u effettiv għal politika konsistenti, sostenibbli u responsabbli tal-UE fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani, u l-promozzjoni ta’ approċċ ġenerali koerenti tal-UE fir-reġjun. Ir-RSUE għandu jappoġġa l-ħidma tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ) fir-reġjun;

(b)

l-iżgurar ta’ impenn kontinwu tal-UE għall-proċessi ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ rikostruzzjoni fir-reġjun, permezz ta’ preżenza attiva fuq il-post u f’fora internazzjonali rilevanti, filwaqt li jinżamm kuntatt ma’ atturi prinċipali u b’kontribuzzjoni għall-maniġġar ta’ kriżijiet;

(ċ)

kontribut għall-fażi ta’ wara t-transizzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), b’mod partikolari fir-rigward tal-proċess politiku tal-konsolidazzjoni tal-istituzzjonijiet il-ġodda u d-definizzjoni tal-qafas internazzjonali usa’ għall-konsultazzjoni u l-koordinazzjoni politiċi mal-gvern il-ġdid;

(d)

kontribut, f’kooperazzjoni mill-qrib man-Nazzjonijiet Uniti/MONUC, għall-isforzi internazzjonali ta’ appoġġ biex tinkiseb Riforma komprensiva tas-Settur tas-Sigurtà fir-RDK, b’mod partikolari minħabba r-rwol ta’ koordinazzjoni li l-UE hija lesta li tassumi f’dan il-kuntest;

(e)

kontribut għall-miżuri adatti ta’ segwitu għall-Konferenza Internazzjonali tar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar, b’mod partikolari permezz tal-istabbiliment ta’ kuntatti mill-qrib mas-Segretarjat tal-Lagi l-Kbar u s-Segretarju Eżekuttiv tiegħu kif ukoll mat-Trojka tal-mekkaniżmu ta’ segwitu u permezz tal-promozzjoni ta’ relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien fir-reġjun;

(f)

l-indirizzar tal-problema li għadha konsiderevoli ta’ gruppi armati li qed joperaw fuq il-fruntieri, li jikkostitwixxu r-riskju li jiddistabbilizzaw il-pajjiżi fir-reġjun u jaggravaw il-problemi interni tagħhom;

(g)

il-kontribut għall-istabbilizzazzjoni ta’ wara l-kunflitt f’Buruni, ir-Rwanda u l-Uganda, b’mod partikolari billi n-negozjati għall-paċi jiġu akkumpanjati minn gruppi armati bħall-FNL u l-LRA.

Artikolu 3

Mandat

Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

jistabbilixxi u jżomm kuntatt mill-qrib mal-pajjiżi tar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar, in-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Afrikana, pajjiżi Afrikani prinċipali u msieħba prinċipali tar-RDK u l-UE, kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet Afrikani reġjonali u sub-reġjonali, pajjiżi terzi rilevanti oħra u mexxejja reġjonali prinċipali oħra;

(b)

jipprovdi pariri u jirrapporta dwar il-possibbiltajiet biex l-UE tappoġġa l-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u konsolidazzjoni u dwar kif l-inizjattivi tal-UE jistgħu jiġu mwettqa l-aħjar;

(c)

jipprovdi parir u assistenza għal riforma fis-settur tas-sigurtà (RSS) fir-RDK;

(d)

jikkontribwixxi għas-segwitu għall-Konferenza Internazzjonali tar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar, b’mod partikolari billi jappoġġa l-linji politiċi, definiti fir-reġjun, li jsegwu l-objettivi ta’ non-vjolenza u ta’ difiża reċiproka fir-riżoluzzjoni ta’ kunflitti kif ukoll, fir-rigward tal-kooperazzjoni reġjonali, bil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni, it-tmexxija tajba, il-kooperazzjoni ġudizzjarja, u l-ġlieda kontra l-impunità u l-isfruttament illegali ta’ riżorsi naturali;

(e)

jikkontribwixxi għal fehim aħjar tar-rwol tal-UE fost dawk il-mexxejja li għandhom influwenza kbira fuq l-opinjoni tan-nies fir-reġjun;

(f)

jikkontribwixxi, meta jkun mitlub, għan-negozjati u l-implimentazzjoni ta’ ftehim ta’ paċi u ta’ waqfien mill-ġlied bejn il-partijiet u jimpenja ruħu magħhom diplomatikament fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mat-termini ta’ dawn il-ftehim; fil-kuntest tan-negozjati tal-LRA attwali, tali attivitajiet għandhom jiġu segwiti f’koordinazzjoni mill-qrib mar-RSUE għas-Sudan;

(g)

jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE u l-Linji Gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari l-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tfal u l-Kunflitt Armat, u l-politika tal-UE dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1325 dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, inkluż permezz tal-monitoraġġ u r-rappurtar dwar l-iżviluppi f’dan ir-rigward.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità u d-direzzjoni operattiva tas-SĠ/RGħ.

2.   Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) għandu jżomm kuntatt privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta’ kuntatt mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi lir-RSUE gwida strateġika u d-direzzjoni politika fil-qafas tal-mandat.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont finanzjarju ta’ referenza maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2009 sat-28 ta’ Frar 2010 għandu jkun ta’ EUR 1 425 000.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun eliġibbli mill-1 ta’ Marzu 2009. In-nefqa għandha tiġi amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament m’għandux jibqa’ l-proprjetà tal-Komunità.

3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont ta’ kull infiq lill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Formazzjoni u kompożizzjoni tal-grupp

1.   Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni tal-grupp tiegħu f’konsultazzjoni mal-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, u f’assoċjazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni. Il-grupp għandu jinkludi l-kompetenzi dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lis-SĠ/RGħ, lill-Presidenza u lill-Kummissjoni informati dwar il-kompożizzjoni tal-grupp tiegħu.

2.   L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu jipproponu l-issekondar ta’ persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta’ persunal li jiġi ssekondat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni tal-UE lir-RSUE għandu jkun kopert mill-Istat Membru jew l-istituzzjoni tal-UE kkonċernati rispettivament. Esperti ssekondati mill-Istati Membri għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jistgħu jiġu stazzjonati wkoll mar-RSUE. Il-persunal internazzjonali b’kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-UE.

3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru jew l-istituzzjoni tal-UE mittenti u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-persunal tiegħu

Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla tfixkil tal-missjoni tar-RSUE u l-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu miftehmin mal-parti/jiet ospitanti kif xieraq. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan l-għan.

Artikolu 8

Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE

Ir-RSUE u l-membri tal-grupp tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta’ sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (3), b’mod partikolari fil-ġestjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE.

Artikolu 9

Aċċess għal informazzjoni u sostenn loġistiku

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li jingħata aċċess lir-RSUE għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

2.   Il-Presidenza, il-Kummissjoni, u/jew l-Istati Membri, kif xieraq, għandhom jipprovdu sostenn loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 10

Sigurtà

Konformement mal-politika tal-UE dwar is-sigurtà ta’ persunal skjerat barra l-UE f’kapaċità operazzjonali taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, konformement mal-mandat tiegħu u s-sitwazzjoni ta’ sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tiegħu, notevolment billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq il-gwida tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, li jinkludi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, il-ġestjoni tal-moviment sigur ta’ persunal lejn, u ġewwa, iż-żona tal-missjoni, kif ukoll il-ġestjoni ta’ inċidenti ta’ sigurtà u li jinkludi pjan ta’ kontinġenza u evakwazzjoni tal-missjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-UE jkun kopert b’assigurazzjoni ta’ riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

(c)

jiżgura li l-membri kollha tal-grupp tiegħu li jridu jiġu skjerati barra l-UE, inkluż persunal kkuntrattat lokalment, ikunu ħadu taħriġ ta’ sigurtà xieraq qabel u mal-wasla fiż-żona tal-missjoni, ibbażat fuq il-klassifikazzjoni ta’ riskju mogħtija liż-żona ta’ missjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill;

(d)

jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet kollha miftiehma, magħmula wara valutazzjonijiet ta’ sigurtà regolari jiġu implimentati, u jipprovdi lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b’rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapporti ta’ nofs it-term u ta’ implimentazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rappurtar

Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment lis-SĠ/RGħ u lill-KPS b’rapporti bil-fomm u bil-miktub. Ir-RSUE għandu jirrapporta ukoll kif meħtieġ lill-gruppi ta’ ħidma. Rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-network COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tas-SĠ/RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni.

Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jippromwovi koerenza bejn atturi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni/Politika Ewropea ta’ Sigurtà u Difiża u koordinazzjoni politika ġenerali tal-UE. Ir-RSUE għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-UE fil-post jaġixxu b’mod koerenti biex jinkisbu l-objettivi ta’ politika tal-UE. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma’ dawk tal-Presidenza u tal-Kummissjoni, kif ukoll dawk ta’ RSUE oħrajn attivi fir-reġjun skont il-każ. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni b’aġġornamenti regolari ta’ informazzjoni.

2.   Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Presidenza, mal-Kummissjoni u mal-Kapijiet tal-Missjoni tal-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu mill-aħjar biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kollegament ma’ atturi internazzjonali u reġjonali oħra f’dan il-qasam.

3.   Ir-RSUE għandu jiżgura konsistenza bejn l-attivitajiet tal-EUSEC RD Congo u l-missjonijiet tal-EUPOL RD Congo u jipprovdi lill-Kapijiet ta’ dawn il-missjonijiet bi gwida politika lokali. Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għal koordinazzjoni mal-atturi internazzjonali l-oħra involuti fir-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-RDK. Ir-RSUE u l-Kmandat tal-Operazzjoni Ċivili għandhom jikkonsultaw ma’ xulxin kif meħtieġ.

Artikolu 13

Reviżjoni

L-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħra mill-UE għar-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport ta’ progress qabel l-aħħar ta’ Ġunju 2009 u rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-mandat sa nofs Novembru 2009. Dawn ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għal valutazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta fil-gruppi ta’ ħidma rilevanti u mill-KPS. Fil-kuntest tal-prijoritajiet ġenerali għall-iskjerament, is-SĠ/RGħ għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-KPS fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tiġdid, l-emendament jew it-terminazzjoni tal-mandat.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 15

Pubblikazzjoni

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 16 ta’ Frar 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

O. LIŠKA


(1)  ĠU L 46, 16.2.2007, p. 79.

(2)  ĠU L 38, 13.2.2008, p. 22

(3)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1.


Top