EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0019

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 19/2009 tat- 13 ta' Jannar 2009 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 453/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika ta’ kull tliet xhur dwar l-impjiegi battala fil-Komunità, b’rigward tad-definizzjoni ta’ impjieg battal, id-dati ta’ referenza għall-ġbir tad-dejta, l-ispeċifikazzjonijiet għat-trażmissjoni tad-dejta u l-istudji ta’ fattibbiltà (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 9, 14.1.2009, p. 3–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 05 Volume 006 P. 243 - 246

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/19/oj

14.1.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 9/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 19/2009

tat-13 ta' Jannar 2009

li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 453/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika ta’ kull tliet xhur dwar l-impjiegi battala fil-Komunità, b’rigward tad-definizzjoni ta’ impjieg battal, id-dati ta’ referenza għall-ġbir tad-dejta, l-ispeċifikazzjonijiet għat-trażmissjoni tad-dejta u l-istudji ta’ fattibbiltà

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 453/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar l-istatistika ta’ kull tliet xhur dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti fil-Komunità (1), u b'mod partikolari t-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 2, il-punt 1 u l-Artikoli 3(1), 5(1) u 7(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 453/2008 stabbilixxa qafas komuni għall-produzzjoni sistematika ta’ statistika ta’ kull tliet xhur dwar l-impjiegi battala fil-Komunità.

(2)

Huma meħtieġa miżuri ta’ implimentazzjoni dwar id-definizzjoni tat-tagħrif li għandu jingħata u d-dati ta’ referenza li għalihom se jinġabar it-tagħrif.

(3)

Huwa meħtieġ ukoll li jiġu speċifikati l-format, id-dati ta' skadenza għat-trażmissjoni tad-dejta meħtieġa u d-data tal-ewwel tliet xhur ta' referenza li se jiġu trażmessi.

(4)

Skond l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 453/2008, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit il-qafas xieraq għal sensiela ta’ studji ta’ fattibbiltà li għandhom jitwettqu minn dawk l-Istati Membri li jsibu diffikultà biex jipprovdu dejta għal unitajiet żgħar u għal ċerti attivitajiet.

(5)

Il-Bank Ċentrali Ewropew ġie kkonsultat.

(6)

Il-miżuri stipulati f''dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Programm Statistiku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet relatati ma’ “impjieg battal”

Għall-għanijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2, il-punt 1 tar-Regolament (KE) Nru 453/2008:

(a)

“il-passi attivi sabiex jinstab kandidat xieraq” għandhom jinkludu:

(i)

notifika lis-servizzi ta’ impjieg pubbliku dwar l-impjieg battal;

(ii)

kuntatt ma’ aġenzija ta' impjieg privat/aġenziji li qed ifittxu l-ħaddiema;

(iii)

reklamar tal-impjieg battal fil-mezzi tax-xandir (pereżempju l-Internet, il-gazzetti, rivisti);

(iv)

reklamar tal-impjieg battal fuq bord għall-avviżi pubbliku;

(v)

stediniet għal, intervisti ma’ jew l-għażla ta’ kandidati possibbli/rekluti potenzjali direttament;

(vi)

stediniet għal ħaddiema u/jew kuntatti personali;

(vii)

l-użu ta’ apprendistati.

(b)

“perjodu speċifiku ta’ żmien” għandu jirreferi għaż-żmien massimu li matulu l-impjieg jibqa' battal u huwa maħsub biex jimtela. Dan il-perjodu ma għandux ikun limitat; kull impjieg battal li l-passi attivi għalih jitkomplew fid-data ta’ referenza għandhom jiġu rrappurtati.

Artikolu 2

Dati ta’ referenza

L-Istati Membri għandhom jipprovdu dejta dwar l-għadd ta’ impjiegi battala u l-għadd ta’ impjiegi mimlija kif definit fl-Arikolu 2, il-punti 1 u 2 tar-Regolament (KE) Nru 453/2008 li jistgħu jitqiesu bħala rappreżentattivi għat-tliet xhur ta' referenza. Il-metodi preferuti biex jinkiseb dan huma l-ġbir tad-dejta fuq bażi kontinwa jew il-kalkolu ta’ medja rappreżentattiva ta’ dejta miġbura għad-dati ta’ referenza speċifiċi.

Artikolu 3

Trażmissjoni tad-dejta

1.   Fi żmien 70 jum mit-tmiem tat-tliet xhur ta' referenza, l-Istati Membri għandhom jibagħtu dejta maqsuma kif speċifikat fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 453/2008, flimkien mal-metadata korrispondenti.

Dawk l-Istati Membri li l-għadd ta’ ħaddiema tagħhom jirrappreżenta aktar minn 3 % tat-total tal-Komunità Ewropea għandhom jittrażmettu l-għadd aggregat ta’ impjiegi battala u impjiegi mimlija u l-metadata korrispondenti fi żmien 45 jum mit-tmiem tat-tliet xhur ta' referenza.

Is-sehem ta’ kull Stat Membru mill-għadd totali ta' ħaddiema fil-KE għandu jiġi kkalkulat kull ħames snin fuq il-bażi tal-medja tal-erba’ kwarti tas-sena kalendarja ta' qabel. Fil-każ tas-sħubija ta’ Stati Membri ġodda, għandhom jitwettqu kalkoli ad hoc. L-ewwel kalkolu għandu jirreferi għas-sena kalendarja qabel is-sena tal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-għajn għad-dejta dwar il-ħaddiema għandu jkun l-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol tal-Unjoni Ewropea stipulat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98 (2). Id-dejta għandha tirreferi għal unitajiet ta’ negozju koperti mill-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 453/2008.

Kull tibdil fid-data ta' skadenza tat-trażmissjoni għal pajjiżi li jaqbżu l-limitu massimu ta’ 3 % għall-ewwel darba għandhom jkunu applikabbli għall-ewwel tliet xhur tas-sena ta' referenza wara l-kalkolu.

2.   Metadejta korrispondenti għandha tirreferi speċifikament għal tagħrif rigward avvenimenti metodoloġiċi jew tekniċi tul it-tliet xhur li huma meħtieġa biex jiġu interpretati r-riżultati, u tagħrif dwar ċelloli ta’ dejta li huma meqjusa bħala mhux affidabbli biżżejjed jew li ma jistgħux jiġu żvelati.

3.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu d-dejta ta’ kull tliet xhur u l-metadata korrispondenti lill-Kummissjoni (Eurostat) f'format elettroniku. It-trażmissjoni għandha tikkonforma ma' l-istandards ta’ skambju xierqa approvati mill-Kumitat tal-Programm Statistiku. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tpoġġi għad-dispożizzjoni dokumentazzjoni dettaljata b'relazzjoni ma' standards approvati u għandha tipprovdi linji ta’ gwida dwar kif jiġu implimentati dawn l-istandards.

4.   L-ewwel trażmissjoni ta’ dejta għandha tirrelata ma’ l-ewwel tliet xhur tas-sena wara t-tliet xhur tas-sena li matulhom jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

Is-sensiela ta' dejta għandha tintbagħat fil-forom li ġejjin:

(a)

mhux aġġustati;

(b)

aġġustati skond l-istaġun, f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 453/2008 b'rigward il-proċeduri ta’ aġġustament staġjonali u r-rapporti dwar il-kwalità; kif ukoll

(c)

fuq bażi volontarja, fil-forma ta’ sensiela ta’ ċikli ta’ xejriet.

Artikolu 4

Studji ta’ fattibbiltà

Il-qafas għall-istudji ta' fattibbiltà stipulat fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 453/2008 huwa stipulat fl-Anness.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 13 ta’ Jannar 2009.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 145, 4.6.2008, p. 234

(2)  ĠU L 77, 14.3.1998, p. 3


ANNESS

Studju ta’ fattibbiltà li jevalwa kif tista’ tinkiseb l-istatistika ta’ kull tliet xhur dwar l-impjiegi battala għal NACE Rev. 2 taqsimiet O, P, Q, R u/jew S

L-istudju ta' fattibbiltà mwettaq minn Stat Membru għandu jkopri b'mod partikolari:

1.

il-kontribuzzjoni li kull waħda minn dawn l-attivitajiet ekonomiċi tagħmel lill-ekonomija nazzjonali, espressa f’termini ta’ għadd ta’ kumpaniji u s-sehem fl-impjieg jew miżura alternattiva xierqa.

2.

deskrizzjoni tas-similaritajiet u d-differenzi fl-istrutturi tal-impjiegi battala u l-iżviluppi għal dawn l-attivitajiet ekonomiċi meta mqabbla ma’ l-istrutturi tal-impjiegi battala u l-iżviluppi fi ħdan in-NACE Rev. 2 taqsimiet B sa N.

Għażliet

L-għażliet differenti għall-kisba tal-għadd ta' impjiegi battala u l-għadd ta' impjiegi mimlija għal NACE Rev. 2 taqsimiet O, P, Q, R u/jew S għandhom jiġu evalwati. Għandhom jitqiesu l-għejun ta’ dejta possibbli li ġejjin:

(a)

kollezzjonijiet eżistenti ta' dejta;

(b)

għejun amministrattivi;

(c)

proċeduri ta' stima statistika;

(d)

kollezzjonijiet ġodda ta' dejta.

Għal kull għażla meqjusa, l-evalwazzjoni għandha tinkludi dettalji tal-kwistjonijiet tekniċi u legali involuti, inklużi: iż-żmien tal-implimentazzjoni; il-kwalità statistika mistennija tar-riżultati; l-ispejjeż mistennija għat-tnedija u t-tmexxija tal-ġbir tad-dejta espressi f’euro u l-ħaddiema impjegati b’xogħol ekwivalenti għal full-time; l-ispiża għal kull unità waħdanija mistħarrġa; estimi ta’ kull spiża addizzjonali fuq in-negozji; kull riskju jew inċertezza; u vantaġġi jew żvantaġġi partikolari. L-ispiża u l-kwalità għandhom jitqabblu ma’ dawk tal-ġabra tad-dejta eżistenti għat-taqsimiet B sa N.

Rakkomandazzjoni

Imsejsa fuq l-evalwazzjoni tal-għażliet differenti, għandha tiġi proposta rakkomandazzjoni dwar l-aktar strateġija xierqa.

Implimentazzjoni

Għandhom jingħataw dettalji tal-pjan ta' implimentazzjoni propost, inklużi d-dati tal-bidu u tat-tlestija tal-istadji speċifiċi.

Stati Membri li jwettqu studji ta' fattibbiltà

L-Istati Membri li ġejjin għandhom iwettqu studji ta' fattibbiltà biex jevalwaw kif id-dejta ta’ kull tliet xhur dwar impjiegi battala definiti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 453/2008 tista’ tinkiseb għan-NACE Rev. 2 taqsimiet O, P, Q, R u/jew S:

Id-Danimarka

Il-Ġermanja

Spanja

Franza

L-Italja

Malta

L-Awstrija.

Studju ta’ fattibbiltà li jevalwa kif tista’ tinkiseb l-istatistika ta’ kull tliet xhur dwar l-impjiegi battala minn unitajiet ta' negozju b'anqas minn 10 ħaddiema

L-istudju ta' fattibbiltà mwettaq minn Stat Membru għandu jkopri b'mod partikolari:

1.

il-kontribuzzjoni li kull kumpanija tal-klassi tad-daqs tagħmel lill-ekonomija nazzjonali, espressa f’termini ta’ għadd ta’ kumpaniji u s-sehem fl-impjieg jew miżura alternattiva xierqa.

2.

deskrizzjoni tas-similaritajiet u d-differenzi fl-istrutturi tal-impjiegi battala u l-iżviluppi għal din il-kumpanija tal-klassi tad-daqs meta mqabbla ma’ l-istrutturi tal-impjiegi battala u l-iżviluppi f’kumpaniji b’10 ħaddiema jew aktar.

Għażliet

L-għażliet differenti biex jinkiseb l-għadd ta’ impjiegi battala u l-għadd ta’ impjiegi mimlija għal kumpaniji b’anqas minn 10 ħaddiema għandhom jiġu evalwati. Għandhom jitqiesu l-għejun ta’ dejta possibbli li ġejjin:

(a)

kollezzjonijiet eżistenti ta' dejta;

(b)

għejun amministrattivi;

(c)

proċeduri ta' stima statistika;

(d)

kollezzjonijiet ġodda ta' dejta.

Għal kull għażla meqjusa, l-evalwazzjoni għandha tinkludi dettalji tal-kwistjonijiet tekniċi u legali involuti, inkluż iż-żmien tal-implimentazzjoni; il-kwalità statistika mistennija tar-riżultati; l-ispejjeż mistennija għat-tnedija u t-tmexxija tal-ġbir tad-dejta espressi f’euro u l-ħaddiema impjegati b’xogħol ekwivalenti għal full-time; l-ispiża għal kull unità waħdanija mistħarrġa; estimi għal kull spiża addizzjonali fuq in-negozji; kull riskju jew inċertezza; u vantaġġi jew żvantaġġi partikolari. L-ispiża u l-kwalità għandhom jitqabblu ma’ dawk tal-ġabra tad-dejta eżistenti għal negozji b’10 ħaddiema jew aktar.

Rakkomandazzjoni

Imsejsa fuq l-evalwazzjoni tal-għażliet differenti, għandha tiġi proposta rakkomandazzjoni dwar l-aktar strateġija xierqa.

Implimentazzjoni

Għandhom jingħataw dettalji tal-pjan ta' implimentazzjoni propost, inklużi d-dati tal-bidu u tat-tlestija tal-istadji speċifiċi.

Stati Membri li jwettqu studji ta' fattibbiltà

L-Istati Membri li ġejjin għandhom iwettqu studji ta' fattibbiltà biex jevalwaw kif id-dejta ta’ kull tliet xhur dwar impjiegi battala definiti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 453/2008 jistgħu jinkisbu għal unitajiet ta’ negozju b’anqas minn 10 ħaddiema:

Id-Danimarka

Franza

L-Italja

Malta.


Top