EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0015

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 15/2009 tat- 8 ta’ Jannar 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 367/2006 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjoni ta’ film tal-polietilene terftalat (PET) li joriġina fl-Indja u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1292/2007 li jimponi dazju definittiv ta’ kontra d-dumping fuq importazzjonijiet ta’ tertuqa tal-polietilene terftalat (PET) li joriġinaw fl-Indja

OJ L 6, 10.1.2009, p. 1–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 11 Volume 047 P. 299 - 315

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 06/11/2012

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/15/oj

10.1.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 6/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 15/2009

tat-8 ta’ Jannar 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 367/2006 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjoni ta’ film tal-polietilene terftalat (PET) li joriġina fl-Indja u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1292/2007 li jimponi dazju definittiv ta’ kontra d-dumping fuq importazzjonijiet ta’ tertuqa tal-polietilene terftalat (PET) li joriġinaw fl-Indja

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97 tas-6 ta’ Ottubru 1997 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikoli 19 u 24 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta sottomessa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

I.   Investigazzjoni preċedenti u miżuri kumpensatorji eżistenti

(1)

F’Diċembru 1999, permezz tar-Regolament (KE) Nru 2597/1999 (2), il-Kunsill impona dazju kumpensatorju definittiv fuq importazzjonijiet ta’ film tal-polietilene terftalat (PET) (“il-prodott ikkonċernat”) li jaqa’ taħt il-kodiċi CN ex 3920 62 19 u ex 3920 62 90, li joriġina mill-Indja. L-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni ta’ dak ir-Regolament minn issa ‘l quddiem hija msemmija bħala l-“investigazzjoni oriġinali”. Il-miżuri ħadu l-għamla ta’ dazju kumpensatorju ad valorem, li jvarja bejn 3,8 % u 19,1 % impost fuq importazzjonijiet minn esportaturi msemmija individwalment, b’rata ta’ dazju residwali ta’ 19,1 % impost fuq importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-kumpaniji l-oħra kollha. Il-perjodu ta’ investigazzjoni tal-investigazzjoni oriġinali kien mill-1 ta’ Ottubru 1997 sat-30 ta’ Settembru 1998.

(2)

F’Marzu 2006, permezz tar-Regolament (KE) Nru 367/2006 (3), il-Kunsill, wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, żamm id-dazju kumpensatorju definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 2597/1999 dwar importazzjonijiet ta’ film tal-PET li joriġina mill-Indja. Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni kien mill-1 ta’ Ottubru 2003 sat-30 ta’ Settembru 2004.

(3)

F’Awwissu 2006, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1288/2006 (4), il-Kunsill, wara reviżjoni interim rigward is-sussidjar ta’ produttur ta’ film PET Indjan, Garware Polyester Limited (“Garware”), emenda d-dazju kumpensatorju definittiv impost fuq Garware permezz tar-Regolament (KE) Nru 367/2006.

(4)

F’Settembru 2007, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1124/2007 (5), il-Kunsill, wara reviżjoni interim parzjali rigward is-sussidju ta’ produttur ieħor ta’ film PET Indjan, Jindal Poly Films, Limited, qabel magħruf bħala Jindal Polyester Ltd, (Jindal), emenda d-dazju kumpensatorju definittiv impost fuq Jindal permezz tar-Regolament (KE) Nru 367/2006.

II.   Miżuri eżistenti ta’ kontra d-dumping

(5)

F’Awwissu 2001, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1676/2001 (6), il-Kunsill impona dazju ta’ kontra d-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ film tal-polietilene terftalat (PET) li joriġina, inter alia, mill-Indja. Il-miżuri kkonsistew f’dazju ta’ kontra d-dumping ad valorem li jvarja bejn 0 % u 62,6 % impost fuq importazzjonijiet minn esportaturi msemmija individwalment, b’rata ta’ dazju residwali ta’ 53,3 % fuq importazzjonijiet mill-kumpaniji l-oħra kollha.

(6)

F’Marzu 2006, permezz tar-Regolament (KE) Nru 366/2006 (7), il-Kunsill emenda l-livell ta’ marġini ta’ dumping ikkalkulati permezz tar-Regolament (KE) Nru 1676/2001. Il-marġini tad-dumping il-ġodda jvarjaw bejn 3,2 % u 29,3 % u d-dazju ta’ dumping ġdid ivarja bejn 0 % u 18 % skont id-dazji kumpensatorji li jirriżultaw minn sussidji ta’ esportazzjoni imposti fuq l-istess prodotti li joriġinaw mill-Indja, kif modifikati skont ir-Regolament (KE) Nru 367/2006, li kien adottat wara reviżjoni tal-iskadenza tar-Regolament (KE) Nru 2579/1999 imsemmi fil-premessa (1) hawn fuq. F’Awwissu 2006, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1288/2006, il-Kunsill, wara reviżjoni interim rigward is-sussidjar ta’ produttur ta’ film PET Indjan, Garware Polyester Limited (“Garware”), emenda d-dazju ta’ kontra d-dumping definittiv impost fuq Garware permezz tar-Regolament (KE) Nru 1676/2001.

(7)

F’Settembru 2006, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1424/2006 (8), il-Kunsill, wara talba ta’ produttur ta’ esportazzjoni ġdid emenda r-Regolament (KE) Nru 1676/2001 fir-rigward ta’ SRF Limited. Ir-Regolament stabbilixxa marġini ta’ dumping ta’ 15,5 % u rata ta’ dazju ta’ dumping ta’ 3,5 % għall-kumpanija kkonċernata skont il-marġini tas-sussidju ta’ esportazzjoni tal-kumpanija kif ivverifikat fl-investigazzjoni ta’ kontra s-sussidji li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 367/2006 msemmi fuq. Peress li l-kumpanija ma kellhiex dazju kumpensatorju individwali, kienet applikata r-rata stabbilita għall-kumpaniji l-oħra kollha.

(8)

Il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1292/2007 (9) impona dazju ta’ kontra d-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ film tal-polietilene terftalat (PET) li joriġinaw mill-Indja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (10) (“ir-Regolament bażiku ta’ kontra d-dumping”). L-istess Regolament temm reviżjoni interim parzjali ta’ dawn l-importazzjonijiet, limitata għal esportatur Indjan wieħed skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku ta’ kontra d-dumping.

III.   Inizjazzjoni ta’ reviżjoni interim parzjali

(9)

Wara l-estensjoni tal-validità tad-dazju kumpensatorju definittiv f’Marzu 2006, il-Gvern tal-Indja (“GOI”) għamel sottomissjonijiet li ċ-ċirkostanzi fir-rigward ta’ żewġ skemi ta’ sussidji (l-Iskema tal-Passbook għall-Intitolar tad-Dazji u l-Eżenzjoni tat-Taxxa fuq id-Dħul skont it-Taqsima 80 HHC tal-Att dwar it-Taxxa fuq id-Dħul) kienu inbidlu u li dawn il-bidliet kienu ta’ natura permanenti. Konsegwentement, kien argumentat li l-livell ta’ sussidjar kien probabbilment naqas u għalhekk miżuri li kienu stabbiliti parzjalment fuq dawn l-iskemi għandhom ikunu riveduti.

(10)

Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza sottomessa mill-Gvern tal-Indja u kkunsidrat li hija biżżejjed biex tiġġustifika l-inizjazzjoni ta’ reviżjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku. Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, il-Kummissjoni bdiet, permezz ta’ Avviż ta’ Inizjazzjoni, ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta’ Ottubru 2007 (11), reviżjoni interim parzjali ex officio limitata għal-livell ta’ sussidjar tad-dazju kumpensatorju fis-seħħ fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ film tal-polietilene terftalat (PET) li joriġinaw mill-Indja.

(11)

L-iskop tal-investigazzjoni għar-reviżjoni interim parzjali hija li tevalwa l-bżonn għal kontinwazzjoni, tneħħija jew emenda tal-miżuri eżistenti fir-rigward ta’ dawk il-kumpaniji li bbenefikaw minn xi waħda mill-iskemi ta’ sussidju jew it-tnejn li huma li kienu allegatament inbidlu, meta biżżejjed evidenza kienet ipprovduta skont id-dispożizzjonijiet relevanti tal-Avviż ta’ Inizjazzjoni. L-investigazzjoni għar-reviżjoni interim parzjali tevalwa ukoll il-bżonn, skont is-sejbiet tar-reviżjoni, li jkunu riveduti l-miżuri applikabbli għal kumpaniji oħra kooperaturi fl-investigazzjoni li jistabbilixxu l-livell ta’ miżuri eżistenti u/jew il-miżura residwali applikabbli għall-kumpaniji l-oħra kollha.

(12)

Ir-reviżjoni kienet limitata għal-livell ta’ sussidjar tal-kumpaniji mniżżla fl-Anness tal-Avviż ta’ Inizjazzjoni kif ukoll għal esportaturi oħra li kienu mistiedna li jippreżentaw lilhom infushom skont il-kondizzjonijiet u fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Avviż ta’ Inizjazzjoni.

IV.   Perjodu ta’ Investigazzjoni

(13)

L-investigazzjoni tal-livell ta’ sussidjar kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2006 sat-30 ta’ Settembru 2007 (“perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni” jew “RIP”).

V.   Partijiet ikkonċernati mill-investigazzjoni

(14)

Il-Kummissjoni infurmat uffiċjalment lill-Gvern tal-Indja u lil dawk il-produtturi esportaturi Indjani li kkooperaw fl-investigazzjoni preċedenti, li kienu msemmija skont ir-Regolament (KE) Nru 367/2006 u li kienu mniżżla fl-Anness tal-Avviż ta’ Inizjazzjoni tar-reviżjoni interim parzjali, li nstabu li bbenefikaw minn kwalunkwe waħda miż-żewġ skemi ta’ sussidji allegatament mibdula, kif ukoll Du Pont Tejin Films, il-Lussemburgu, Mitsubishi Polyester Film, il-Ġermanja, Toray Plastics Europe, Franza u Nurell, l-Italja, li jirrappreżentaw maġġoranza kbira tal-produzzjoni ta’ film PET fil-Komunità (minn issa ‘l quddiem imsemmija “l-industrija Komunitarja”), bl-inizjazzjoni tal-investigazzjoni għar-reviżjoni interim parzjali. Il-partijiet interessati kienu mogħtija l-opportunità li jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Avviż ta’ Inizjazzjoni.

(15)

Il-partijiet interessati kollha, li talbu dan u urew li kien hemm raġunijiet partikolari għala għandhom jinstemgħu, kienu mogħtija seduta.

(16)

Il-kummenti bil-miktub u orali sottomessi mill-partijiet kienu meqjusa u, fejn xieraq, kienu kkunsidrati.

(17)

Skont in-numru apparenti ta’ partijiet involuti f’din ir-reviżjoni, l-użu ta’ metodi tat-teħid ta’ kampjuni għall-investigazzjoni ta’ sussidjar kien maħsub skont l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk ikunx neċessarju t-teħid ta’ kampjuni u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kienu mitluba, skont l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku, biex jippreżentaw lilhom infushom fi żmien 15-il jum mill-bidu tar-reviżjoni interim parzjali u jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni mitluba fl-Avviż ta’ Inizjazzjoni.

(18)

Wara eżaminazzjoni tal-informazzjoni sottomessa, fid-dawl tan-numru ta’ produtturi esportaturi fl-Indja li wrew il-volontà tagħhom li jikkooperaw, kien deċiż li t-teħid ta’ kampjuni ma kienx neċessarju f’dan il-każ.

(19)

Kumpanija waħda, SRF Limited, li ma kinitx imniżżla fl-Anness tal-Avviż ta’ Inizjazzjoni, ippreżentat ruħha u pprovdiet evidenza li ssodisfat id-dispożizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tal-ambitu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni interim parzjali bħal dawk stabbiliti fil-punt (4) tal-Avviż ta’ Inizjazzjoni. Konsegwentement, din il-kumpanija kienet inkluża f’din l-investigazzjoni għar-reviżjoni.

(20)

Kumpanija waħda, Flex Industries Limited, suġġetta għal dazju kumpensatorju (ir-Regolament (KE) Nru 367/2006) u dazju ta’ kontra d-dumping (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1292/2007) bidlet isimha u issa hija magħrufa bħala Uflex Limited. Din il-bidla ta’ isem ma taffettwax is-sejbiet ta’ investigazzjonijiet preċedenti.

(21)

Sabiex tikseb l-informazzjoni neċessarja għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-produtturi esportaturi li ssodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Avviż ta’ Inizjazzjoni. Barra minn hekk, kien mibgħut kwestjonarju lill-Gvern tal-Indja.

(22)

Waslu risposti għall-kwestjonarji minn ħames produtturi esportaturi Indjani, u mill-Gvern tal-Indja.

(23)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset bħala meħtieġa għad-determinazzjoni tas-sussidjar. Saru żjajjar ta’ verifika fl-istabbiliment tal-Gvern tal-Indja, tal-Gvern ta’ Maharashtra f’Mumbai, tal-Bank ta’ Riżerva fl-Indja f’Mumbai, u tal-kumpaniji li ġejjin:

Ester Industries Limited, New Delhi

Garware Polyester Limited, Mumbai

Polyplex Corporation Limited, Noida

SRF Limited, Gurgaon

Uflex Limited, Noida

VI.   Żvelar u kummenti fuq il-proċedura

(24)

Il-Gvern tal-Indja u l-partijiet l-oħra interessati kienu infurmati bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom kien maħsub li jkun propost li jkunu emendati r-rati ta’ dazju applikabbli għall-produtturi esportaturi kooperaturi Indjani kkonċernati u li jkunu prolongati miżuri eżistenti għall-kumpaniji l-oħra kollha li ma kkooperawx ma’ din ir-reviżjoni interim parzjali. Kienu mogħtija wkoll ħin raġonevoli biex jikkummentaw. Is-sottomissjonijiet u l-kummenti kollha kienu kkunsidrati dovutament kif stabbilit iktar ‘il quddiem.

B.   PRODOTT IKKONĊERNAT

(25)

Il-prodott kopert minn din ir-reviżjoni huwa l-istess prodott bħal dak ikkonċernat mir-Regolament (KE) Nru 367/2006, fi kliem ieħor film tal-polietilene terftalat (PET) li jaqa’ taħt il-kodiċijiet CN ex 3920 62 19 u ex 3920 62 90 li joriġina mill-Indja.

Ċ.   SUSSIDJAR

1.   Introduzzjoni

Skemi nazzjonali

(26)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni sottomessa mill-Gvern tal-Indja u l-produtturi esportaturi kooperaturi Indjani u r-risposti għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni, l-iskemi li ġejjin, li allegatament jinvolvu l-għoti ta’ sussidji, kienu investigati:

(a)

L-Iskema ta’ Awtorizzazzjoni bil-quddiem (qabel magħrufa bħala l-Iskema tal-Liċenzja bil-Quddiem);

(b)

L-Iskema tal-Passbook għall-Intitolar tad-Dazji;

(ċ)

L-Iskema tal-Oġġetti Kapitali għall-Promozzjoni tal-Esportazzjoni;

(d)

Żoni Ekonomiċi Speċjali/Żoni ta’ Proċessar għall-Esportazzjoni/Unitajiet Orjentati lejn l-Esportazzjoni;

(e)

L-Iskema ta’ Eżenzjoni Fiskali;

(f)

L-Iskema tal-Kreditu għall-Esportazzjoni.

Skemi reġjonali

(g)

L-Iskema ta’ Pakkett ta’ Inċentivi (PSI)

(27)

L-iskemi (a) sa (d) speċifikati aktar ‘il fuq huma bbażati fuq l-Att tal-1992 dwar il-Kummerċ Barrani (Żvilupp u Regolament) (Nru 22 tal-1992) li daħal fis-seħħ fis-7 ta’ Awwissu 1992 (“l-Att dwar il-Kummerċ Barrani”). L-Att dwar il-Kummerċ Barrani jawtorizza lill-Gvern tal-Indja sabiex joħroġ notifiki dwar il-politika tal-esportazzjoni u l-importazzjoni. Dawn ġew miġbura fil-qosor fid-dokumenti “Politika dwar l-Esportazzjoni u l-Importazzjoni” li jinħarġu mill-Ministeru tal-Kummerċ kull ħames snin u jiġu aġġornati regolarment. Dokument wieħed dwar il-Politika tal-Esportazzjoni u l-Importazzjoni huwa rilevanti għall-perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni ta’ dan il-każ, jiġifieri il-pjan ta’ ħames snin relatat mal-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2004 sal-31 ta’ Marzu 2009 (“politika EXIM 04-09”). Barra minn hekk, il-Gvern tal-Indja stabbilixxa wkoll il-proċeduri li jirregolaw il-politika EXIM 04-09 fil-“Manwal ta’ Proċeduri – l-1 ta’ Settembru 2004 sal-31 ta’ Marzu 2009, Volum I” (“HOP I 04-09”). Il-Manwal ta’ Proċeduri huwa aġġornat ukoll fuq bażi regolari.

(28)

L-Iskema tal-Eżenzjoni Fiskali speċifikata f’(e) hija bbażata fuq l-Att tal-1961 dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, li jiġi emendat kull sena bl-Att dwar il-Finanzi.

(29)

L-Iskema tal-Kreditu għall-Esportazzjoni speċifikata aktar ‘il fuq f’(f) hija bbażata fuq it-Taqsimiet 21 u 35 A tal-Att tal-1949 dwar ir-Regolamentazzjoni Bankarja, li jippermetti lill-Bank ta’ Riżerva tal-Indja (“RBI”) jagħti struzzjonijiet lill-banek kummerċjali dwar il-kreditu fuq l-esportazzjoni.

(30)

L-iskema speċifikata fuq taħt (g) hija regolata mill-awtoritajiet tal-Istat fl-Indja.

(31)

Skont l-Artikolu 11(10) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni stiednet lill-Gvern tal-Indja għal konsultazzjonijiet addizzjonali fir-rigward kemm tal-iskemi mibdula u kemm ta’ dawk mhux mibdula bl-għan li tiċċara s-sitwazzjoni fattwali fir-rigward tal-iskemi allegati u biex jaslu għal soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku. Wara dawn il-konsultazzjonijiet, u fin-nuqqas ta’ soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku relatata ma’ dawn l-iskemi, il-Kummissjoni inkludiet dawn l-iskemi kollha fl-investigazzjoni ta’ sussidjar.

Kummenti ġenerali tal-iżvelar dwar is-sussidjar

(32)

Wara l-iżvelar, il-Gvern tal-Indja u produttur esportatur wieħed argumentaw li ma ġiex iddeterminat li l-iskemi investigati jagħtu benefiċċju lir-reċipjent. Bi tweġiba għal din id-dikjarazzjoni, wieħed għandu jinnota li għal kull skema investigata ġie stabbilit jekk kwalunkwe konċessjoni hijiex sussidju skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a) u l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, fi kliem ieħor kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gvern tal-Indja li tagħti benefiċċju lill-produtturi esportaturi investigati. Barra minn hekk, ġie spjegat għaliex il-benefiċċji fl-iskemi varji jitqiesu bħala eliġibbli għal kumpens. Barra minn hekk, il-produtturi esportaturi kollha li kkooperaw irċevew dokument bil-kalkoli ddettaljati li jispjega kif il-benefiċċji ġew stabbiliti f’kull skema. Konsegwentement, din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

2.   L-iskema ta’ awtorizzazzjoni bil-quddiem (“AAS”)

(a)   Bażi legali

(33)

Id-deskrizzjoni dettaljata tal-iskema tinsab fil-paragrafi 4.1.1 sa 4.1.14 tal-politika EXIM 04-09 u fil-kapitoli 4.1 sa 4.30 tal-HOP I 04-09. Din l-iskema kienet imsemmija L-Iskema tal-Liċenzja bil-Quddiem matul l-investigazzjoni għar-reviżjoni preċedenti li wasslet għall-impożizzjoni mir-Regolament (KE) Nru 367/2006 tad-dazju kumpensatorju definittiv preżentament fis-seħħ.

(b)   Eliġibbiltà

(34)

L-“AAS” tikkonsisti f’sitt sotto-skemi, kif deskritti f’iktar dettall fil-premessa (35). Dawk is-sotto-skemi huma differenti inter alia fl-ambitu tal-eliġibbiltà. Il-manifatturi esportaturi u n-negozjanti esportaturi “marbuta ma’” manifatturi ta’ sostenn huma eliġibbli għall-esportazzjonijiet fiżiċi “AAS” u għall-“AAS” għal rekwiżit annwali. Manifatturi esportaturi li jipprovdu lill-esportatur finali huma eliġibbli għal “AAS” għal provvisti intermedjarji. Kuntratturi ewlenin li jipprovdu lill-kategoriji ta’ “esportazzjoni meqjus” imsemmija fil-paragrafu 8.2 tal-politika EXIM-04-09, bħal fornituri ta’ unità ta’ orjentazzjoni lejn l-esportazzjoni (“EOU”), huma eliġibbli għal esportazzjoni meqjus tal-AAS. Eventwalment, fornituri intermedjarji għall-manifatturi esportaturi huma eliġibbi għal benefiċċji ta’ “esportazzjoni meqjus” skont is-sotto-skemi tal-Ordni għar-Rilaxx bil-Quddiem (“ARO”) u ħruġ ta’ ittra ta’ kreditu interna immedjatament kif tagħlaq dik ta’ qabel.

(ċ)   Implimentazzjoni prattika

(35)

Awtorizzazzjonijiet bil-quddiem jistgħu jkunu maħruġa għal:

(i)

Esportazzjonijiet fiżiċi: Din hi s-sotto-skema ewlenija. Tippermetti għal importazzjoni bla dazju ta’ materjali ta’ input għall-produzzjoni li tirriżulta fi prodott ta’ esportazzjoni speċifiku. “Fiżiku” f’dan il-kuntest tfisser li l-prodott ta’ esportazzjoni għandu jitlaq mit-territorju Indjan. Konċessjoni ta’ importazzjoni u obbligu ta’ esportazzjoni inkluż it-tip ta’ prodott ta’ esportazzjoni huma speċifikati fil-liċenzja.

(ii)

Rekwiżit annwali: Din l-awtorizzazzjoni mhix konnessa ma’ prodott ta’ esportazzjoni speċifiku, iżda ma’ grupp ta’ prodotti aktar wiesa’ (eż. prodotti kimiċi u dawk relatati). Id-detentur tal-liċenzja ’ – sa ċertu limitu fil-valur iffissat mill-prestazzjoni ta’ esportazzjoni preċedenti – jimporta bla ħlas ta’ dazju kwalunkwe input li għandha tkun użata fil-manifattura ta’ kwalunkwe mill-oġġetti li jaqgħu taħt dan il-grupp ta’ produzzjoni. Jista’ jagħżel li jesporta kwalunkwe prodott li jirriżulta u li jaqa’ taħt il-grupp ta’ produzzjoni li juża dan il-materjal eżenti mid-dazju.

(iii)

Provvisti intermedjarji: Din is-sotto-skema tkopri każijiet fejn żewġ manifatturi għandhom l-intenzjoni li jipproduċu prodott ta’ esportazzjoni wieħed u jaqsmu l-proċess ta’ produzzjoni. Il-manifattur-esportatur li jipproduċi l-prodott intermedjarju jista’ jimporta materjali ta’ input mingħajr dazju u jista’ jikseb għal dan l-għan AAS għal provvisti intermedjarji. L-esportatur finali jiffinalizza l-produzzjoni u huwa obbligat li jesporta l-prodott lest.

(iv)

Oġġetti meqjusa esportati: Din is-sotto-skema tippermetti kuntrattur ewlieni biex jimporta inputs bla dazju li huma rikjesti fil-manifattura ta’ prodotti li għandhom jinbiegħu bħala “oġġetti meqjusa esportati” għall-kategoriji ta’ konsumaturi msemmija fil-paragrafu 8.2.(b) sa (f),(g),(i) u (j) tal-politika EXIM 04-09. Skont il-Gvern tal-Indja, oġġetti meqjusa esportati jirreferu għal dawk it-tranżazzjonijiet li fihom il-prodotti provvisti ma jitilqux mill-pajjiż. Numru ta’ kategoriji ta’ provvista huma kkunsidrati bħala oġġetti meqjusa esportati sakemm il-prodotti jkunu manifatturati fl-Indja, eż. provvista ta’ prodotti lejn EOU jew lejn kumpanija lokalizzata f’żona ekonomika speċjali (“SEZ”).

(v)

ARO: Id-detentur tal-AAS li għandu l-intenzjoni li jġib l-inputs minn sorsi indiġeni, minflok ma jimporta direttament, għandu l-għażla li jġibhom permezz tal-AROs. F’dawn il-każijiet l-Awtorizzazzjonijiet bil-Quddiem huma validati bħala AROs u huma endorsjati lill-fornitur indiġenu wara kunsinna tal-oġġetti speċifikati fiha. L-endorsjar tal-ARO tintitola lill-fornitur indiġenu għall-benefiċċji fuq oġġetti meqjusa esportati kif speċifikat fil-paragrafu 8.3 tal-politika EXIM 04-09 (fi kliem ieħor AAS għal provvisti intermedjarji/oġġetti meqjusa esportati, ħlas lura ta’ dazju mħallas fuq oġġetti meqjusa esportati u r-rifużjoni ta’ dazju tas-sisa finali). Il-mekkaniżmu ARO jirrifondi t-taxxi u d-dazji lill-fornitur minflok ma jirrifondihom lill-esportatur finali fil-forma ta’ ħlas lura/rifużjoni tad-dazji. Ir-rifużjoni tat-taxxi/dazji hija disponibbli għal inputs indiġeni kif ukoll inputs importati.

(vi)

Ħruġ ta’ ittra ta’ kreditu interna immedjatament kif tagħlaq dik ta’ qabel: Din is-sotto-skema tkopri għal darb’oħra provvisti indiġeni lil detentur tal-Awtorizzazzjoni bil-Quddiem. Id-detentur ta’ Awtorizzazzjoni bil-Quddiem jista’ javviċina bank biex jiftaħ ittra ta’ kreditu interna favur fornitur indiġenu. L-awtorizzazzjoni titħassar mill-bank għall-importazzjoni diretta, b’konnessjoni biss mal-valur u l-volum ta’ oġġetti miġjuba minn sorsi indiġeni minflok ma jkunu importati. Il-fornitur indiġenu għandu jkun intitolat għal benefiċċji fuq oġġetti meqjusa esportati kif stabbiliti fil-paragrafu 8.3 tal-politika EXIM 04-09 (fi kliem ieħor, AAS għal provvisti intermedjarji/oġġetti meqjusa esportati, ħlas lura ta’ oġġetti meqjusa esportati u rifużjoni ta’ dazju tas-sisa finali).

(36)

Tlieta mill-produtturi kooperaturi esportaturi rċevew konċessjonijiet skont l-AAS konnessi mal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni. Tnejn minn dawn il-kumpaniji użaw tnejn mis-sotto-skemi, fi kliem ieħor (i) esportazzjonijiet fiżiċi AAS u (iii) AAS għal provvisti intermedjarji. It-tielet kumpanija użat sotto-skema (ii) AAS għal rekwiżit annwali. Għalhekk mhux neċessarju li jkun stabbilit l-ammont ta’ kumpens tas-sotto-skemi mhux użati li jibqa’.

(37)

Għal skopijiet ta’ verifikazzjoni mill-awtoritajiet Indjani, detentur ta’ Awtorizzazzjoni bil-Quddiem huwa legalment obbligat li jżomm “kont veru u propju tal-konsum u utilizzazzjoni ta’ prodotti bla dazju importati/akkwistati domestikament” f’format speċifikat (kapitoli 4.26, 4.30 u Appendiċi 23 HOP I 04-09), fi kliem ieħor reġistru ta’ konsum attwali. Dan ir-reġistru għandu jkun ivverifikat minn accountant estern kwalifikat/accountant tal-ispejjeż u x-xogħol li joħroġ ċertifikat li jiddikjara li r-reġistri preskritti u rekords relevanti kienu eżaminati u li l-informazzjoni mogħtija skont l-Appendiċi 23 hija vera u korretta f’kull rigward. Madankollu, d-dispożizzjonijiet imsemmija fuq japplikaw biss għal Awtorizzazzjonijiet bil-Quddiem maħruġa fi u wara t-13 ta’ Mejju 2005. Għall-Awtorizzazzjonijiet bil-Quddiem u l-Liċenzji bil-Quddiem maħruġa qabel dik id-data, id-detenturi huma rikjesti li jsegwu d-dispożizzjonijiet ta’ verifika preċedentement applikabbli, fi kliem ieħor biex iżommu kont veru u proprju ta’ konsum u użu bil-liċenzja ta’ prodotti importati fil-format speċifikat tal-Appendiċi 18 (kapitolu 4.30 u Appendiċi 18 HOP I 02-07).

(38)

Fir-rigward tas-sotto-skemi użati matul il-perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni minn żewġ produtturi kooperaturi esportaturi, fi kliem ieħor esportazzjonijiet fiżiċi u provvisti intermedjarji, kemm il-konċessjoni ta’ importazzjoni u l-obbligazzjoni ta’ esportazzjoni huma stabbiliti fil-volum u l-valur mill-Gvern tal-Indja u huma dokumentati fuq l-Awtorizzazzjoni. Barra minn hekk, fil-ħin tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni, it-tranżazzjonijiet korrispondenti għandhom ikunu dokumentati minn uffiċjali tal-Gvern fuq l-Awtorizzazzjoni. Il-volum tal-importazzjonijiet permessi skont l-AAS huwa determinat mill-Gvern tal-Indja fuq il-bażi ta’ regoli standard ta’ input-output (“SIONs”). Is-SIONs jeżistu għal ħafna mill-prodotti inkluż il-prodott ikkonċernat u huma ppubblikati fil-HOP II 04-09. L-iktar bidliet riċenti fis-SIONs għal film tal-PET u chips tal-PET, prodott intermedjarju, kienu riveduti f’Settembru 2005.

(39)

Fir-rigward ta’ sotto-skema (ii) imsemmija fuq (AAS għal rekwiżit annwali) li kienet użata mill-esportatur l-ieħor, il-konċessjoni ta’ importazzjoni fil-valur biss hija dokumentata fuq il-liċenzja. Id-detentur tal-liċenzja huwa obbligat li “jżomm ir-rabta bejn inputs u l-prodott riżultanti” (paragrafu 4.24 A(c) HOP I 04-09).

(40)

Materjali ta’ input importati mhumiex trasferibbli u għandhom ikunu użati sabiex jipproduċu l-prodott ta’ esportazzjoni riżultanti. L-obbligazzjoni ta’ esportazzjoni għandha tkun sodisfatta fil-limitu ta’ żmien preskritt wara l-ħruġ tal-liċenzja (24 xahar b’żewġ estensjonijiet possibbli ta’ 6 xhur kull wieħed).

(41)

Il-verifika uriet li r-rata ta’ konsum attwali għall-kumpaniji kkonċernati tal-materja prima ewlenija neċessarja għall-produzzjoni ta’ kilo ta’ film PET kienet iktar baxxa mis-SION korrispondenti. Dan kien il-każ b’mod ċar fir-rigward tas-SION antik għal tertuqa tal-PET, u f’livell inqas, għas-SION rivedut li daħal fis-seħħ f’Settembru 2005.

(42)

Il-verifika stabbiliet ukoll li ebda waħda mill-kumpaniji kkonċernati ma kienet żammet ir-reġistru ta’ konsum legalment rikjest imsemmi fil-premessa (37) ta’ hawn fuq. Konsegwentement, jista’ jkun konkluż biss li r-rekwiżiti ta’ verifikazzjoni stipulati mill-awtoritajiet Indjani ma kinux onorati.

(d)   Konklużjoni

(43)

L-eżenzjoni mid-dazji ta’ importazzjoni hija sussidju skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) u l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, fi kliem ieħor kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gvern tal-Indja li tat benefiċċju lill-esportaturi investigati.

(44)

Barra minn hekk, l-esportazzjonijiet fiżiċi AAS, AAS għal provvista intermedjarja u AAS għal rekwiżit annwali huma assoċjati b’mod ċar fil-liġi mal-prestazzjoni ta’ esportazzjoni, u għalhekk meqjusa li huma speċifiċi u kumpensatorji skont l-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament bażiku. Mingħajr obbligazzjoni li tesporta, kumpanija ma tistax tikseb benefiċċji taħt dawn l-iskemi.

(45)

Ebda waħda minn dawn it-tliet sotto-skemi użati fil-każ preżenti ma tista’ tkun ikkunsidrata bħala sistema permissibbli ta’ ħlas lura ta’ dazju jew sistemi li jissostitwixxu l-ħlas lura tad-dazju skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku. Huma ma jikkonformawx mar-regoli stabbiliti fl-Anness I punt (i), Anness II (definizzjoni u regoli għal ħlas lura ta’ dazju) u Anness III (definizzjoni u regoli għal sostituzzjoni ta’ ħlas lura ta’ dazju) tar-Regolament bażiku. Il-Gvern tal-Indja ma applikax effettivament is-sistema jew il-proċedura ta’ verifika l-ġdida jew l-antika tiegħu sabiex jikkonferma jekk kinux ikkonsmati inputs, u f’liema ammonti, fil-produzzjoni tal-prodott esportat (Anness II(II)(4) tar-Regolament bażiku u, fil-każ ta’ skemi li jissostitwixxu l-ħlas lura ta’ dazju, Anness III(II)(2) tar-Regolament bażiku). Is-SIONs għall-prodott ikkonċernat ma kinux suffiċjentement preċiżi. Is-SION’s infushom ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala sistema ta’ verifika tal-konsum attwali, għax ebda waħda mill-kumpaniji kkonċernati ma żammet ir-reġistru ta’ konsum ikkonċernat biex tippermetti lill-Gvern tal-Indja li jivverifika bi preċiżjoni suffiċjenti liema ammonti ta’ imputs kienu kkonsmati fil-produzzjoni ta’ esportazzjoni. Barra minn hekk, il-Gvern tal-Indja ma wettaqx eżaminazzjoni oħra bbażata fuq inputs attwali involuti, għalkemm normalment din hemm bżonn tkun imwettqa fin-nuqqas ta’ sistema ta’ verifika applikata effettivament (l-Anness II(II)(5) u l-Anness III(II)(3) tar-Regolament bażiku).

(46)

Dawn it-tliet sotto-skemi huma għalhekk kumpensatorji.

(e)   Kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(47)

Fin-nuqqas ta’ sistemi ta’ ħlas lura tad-dazju u sistemi li jissostitwixxu l-ħlas lura tad-dazju, il-benefiċċju eliġibbli għall-kumpens huwa l-eżenzjoni mid-dazji ta’ importazzjoni totali normalment dovuti fuq importazzjoni ta’ inputs. F’dan ir-rigward, huwa osservat li r-Regolament bażiku ma jipprovdix biss għall-ammont ta’ kumpens tal-eżenzjoni “żejda” mid-dazji. Skont l-Artikolu 2(1)(a)(ii) u l-Anness I(i) tar-Regolament bażiku biss meta l-kondizzjonijiet tal-Annessi II u III tar-Regolament bażiku jkunu milħuqa li l-eżenzjoni żejda mid-dazji tista’ tkun kumpensatorja. Madankollu, dawn il-kondizzjonijiet ma kinux sodisfatti fil-każ preżenti. Għalhekk, jekk proċess ta’ sorveljanza adegwat ma jkunx muri, l-eċċezzjoni msemmija fuq għal skemi ta’ ħlas lura tad-dazju mhix applikabbli u r-regola normali tal-ammont ta’ kumpens fuq l-ammont ta’ dazji mhux imħallsa (finanzi ċeduti), tapplika, pjuttost milli kwalunkwe eżenzjoni żejda intenzjonata. Kif stabbilit fl-Annessi II(II) u III(II) tar-Regolament bażiku il-piż ma jaqax fuq l-awtorità ta’ investigazzjoni biex tikkalkula din l-eżenzjoni żejda. Għall-kuntrarju, skont l-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku, l-awtorità ta’ investigazzjoni għandha tistabbilixxi biss evidenza suffiċjenti sabiex tirrifjuta l-adegwatezza tas-sistema ta’ verifika allegata.

(48)

L-ammont ta’ sussidju għat-tliet esportaturi li użaw l-AAS kien ikkalkolat fuq il-bażi ta’ dazji ta’ importazzjoni magħmula (dazju doganali bażiku u dazju doganali addizzjonali speċjali) fuq il-materja importata skont it-tliet sotto-skemi matul il-perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni (numeratur). Skont l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament bażiku, tariffi imposti neċessarjament sabiex jinkiseb is-sussidju kienu mnaqqsa mill-ammont tas-sussidju meta saru klejms ġustifikati. Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, dan l-ammont ta’ sussidju kien allokat fuq id-dħul mill-esportazzjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni bħala d-denominatur approprjat, għax is-sussidju huwa assoċjat mal-prestazzjoni ta’ esportazzjoni u ma kienx mogħti permezz ta’ referenza għall-kwantitajiet manifatturati, prodotti, esportati jew trasportati.

(49)

Tliet produtturi esportaturi f’kooperazjoni, kisbu benefiċċji minn din l-iskema matul il-perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni li jvarjaw bejn 0,5 % u 2,1 %.

3.   L-iskema tal-passbook għall-intitolar tad-dazji (Duty Entitlement Passbook Scheme “DEPBS”)

(a)   Bażi Legali

(50)

Id-deskrizzjoni dettaljata tad-DEPBS tinsab fil-paragrafu 4.3 tal-politika EXIM 04-09 u fil-kapitolu 4 tal-HOP I 04-09.

(b)   Eliġibbiltà

(51)

Kwalunkwe manifattur esportatur jew negozjant esportatur huwa eliġibbli għal din l-iskema.

(ċ)   Implimentazzjoni prattika tad-DEPBS

(52)

Esportatur eliġibbli jista’ japplika għal krediti DEPBS li huma kkalkulati bħala persentaġġ tal-valur ta’ prodotti esportati skont din l-iskema. Dawn ir-rati DEPBS kienu stabbiliti mill-awtoritajiet Indjani għal ħafna mill-prodotti, inkluż il-prodott ikkonċernat. Dawn huma determinati fuq il-bażi ta’ SIONs, skont il-kontenut ta’ inputs ta’ importazzjoni preżunti fil-prodott ta’ esportazzjoni u l-inċidenza ta’ dazju doganali fuq dawn l-importazzjonijiet preżunti, irrelevanti minn jekk id-dazji ta’ importazzjoni kinux attwalment imħallsa jew le.

(53)

Sabiex tkun eliġibbli għal benefiċċji skont din l-iskema, kumpanija għandha tesporta. Fil-ħin tat-tranżazzjoni ta’ esportazzjoni, għandha ssir dikjarazzjoni mill-esportatur lill-awtoritajiet fl-Indja li tindika li l-esportazzjoni qed isseħħ skont id-DEPBS. Sabiex il-prodotti jkunu esportati, l-awtoritajiet doganali Indjani joħorġu polza tal-esportazzjoni, matul il-proċedura tad-dispaċċ. Dan id-dokument juri, inter alia, l-ammont ta’ kreditu DEPBS li għandu jkun mogħti għal dik it-tranżazzjoni ta’ esportazzjoni. F’dan il-punt, l-esportatur ikun jaf il-benefiċċju li se jirċievi. Ladarba l-awtoritajiet doganali joħorġu polza tal-esportazzjoni, il-Gvern tal-Indja m’għandux diskrezzjoni fuq l-għoti ta’ kreditu DEPBS. Ir-rata relevanti ta’ DEPBS sabiex ikun ikkalkolat il-benefiċċju hija dik li applikat fil-ħin li saret id-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni. Għaldaqstant, m’hemmx possibbiltà li l-livell tal-benefiċċju jkun emendat b’mod retroattiv.

(54)

Krediti DEPBS huma trasferibbli liberalment u validi għal perjodu ta’ 12-il xahar mid-data tal-ħruġ. Dawn jistgħu jintużaw għall-pagament ta’ dazji doganali fuq importazzjonijiet sussegwenti ta’ kwalunkwe prodotti importabbli b’mod mhux ristrett, minbarra prodotti kapitali. Prodotti importati b’dawn il-krediti jistgħu jkunu mibjugħa fis-suq domestiku (suġġetti għal taxxa tal-bejgħ) jew użati mod ieħor.

(55)

Applikazzjonijiet għal krediti DEPBS huma mimlija elettronikament u jistgħu jkopru ammont bla limiti ta’ tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni. De facto ma japplikawx skadenzi stretti għal krediti DEPBS. Is-sistema elettronika użata biex tirregola d-DEPBS mhix qed teskludi awtomatikament tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni li jaqbżu l-perjodi ta’ skadenza ta’ sottomissjoni msemmija fil-kapitolu 4.47 HOP I 04-09. Barra minn hekk, kif ipprovdut b’mod ċar fil-kapitolu 9.3 HOP I 04-09, applikazzjonijiet irċevuti wara li jgħaddu l-iskadenzi ta’ sottomissjoni jistgħu dejjem ikunu kkunsidrati bl-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ penali minuri (fi kliem ieħor 10 % fuq l-intitolament).

(d)   Konklużjonijiet fuq id-DEPBS

(56)

Id-DEPBS tipprovdi sussidji skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) u l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Kreditu ta’ DEPBS huwa kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tal-Indja, peress li l-kreditu eventwalment ikun użat sabiex ipatti għad-dazji ta’ importazzjoni, għalhekk inaqqas id-dħul tal-Gvern tal-Indja mid-dazji li kieku jkunu dovuti. Barra minn hekk, il-kreditu DEPBS jagħti benefiċċju lill-esportatur, għax iżid il-likwidità tal-kumpanija.

(57)

Barra minn hekk, id-DEPBS hija assoċjata fil-liġi mal-prestazzjoni tal-esportazzjoni, u għalhekk meqjusa li tkun speċifika u eliġibbli għall-kumpens skont l-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament bażiku.

(58)

Din l-iskema ma tistax tkun ikkunsidrata bħala sistema permissibbli ta’ ħlas lura ta’ dazju jew sistema li tissostiwixxi l-ħlas lura ta’ dazju skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku. Dan ma jikkonformax mar-regoli stretti stabbiliti fl-Anness I punt (i), Anness II (definizzjoni u regoli għal ħlas lura ta’ dazju) u l-Anness III (definizzjoni u regoli għal sostituzzjoni tal-ħlas lura ta’ dazju) tar-Regolament bażiku. Esportatur ma jkun taħt ebda obbligazzjoni biex jikkonsma tabilħaqq il-prodotti importati bla dazju fil-proċess ta’ produzzjoni u l-ammont ta’ kreditu mhuwiex ikkalkulat fir-rigward tal-inputs tabilħaqq użati. Barra minn hekk, m’hemmx sistema jew proċedura fis-seħħ li tikkonferma liema inputs jiġu kkonsmati fil-proċess ta’ produzzjoni tal-prodott esportat jew jekk pagament eċċessiv ta’ dazji ta’ importazzjoni seħħx skont it-tifsira tal-punt (i) tal-Anness I u l-Annessi II u III tar-Regolament bażiku. Fl-aħħarnett, esportatur huwa eliġibbli għall-benefiċċji DEPBS irrispettivament minn jekk jimportax xi inputs jew le. Sabiex jinkiseb il-benefiċċju, huwa biżżejjed li esportatur sempliċiment jesporta prodotti mingħajr ma juri li kwalunkwe materjal ta’ input kien importat. Għalhekk, anke esportaturi li jakkwistaw l-inputs tagħhom kollha lokalment u ma jimportaw ebda prodott li jista’ jkun użat bħala input, jibqgħu intitolati li jibbenefikaw mid-DEPBS.

(e)   Kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(59)

Skont l-Artikoli 2(2) u 5 tar-Regolament bażiku u l-metodoloġija tal-kalkolu użata għal din l-iskema fir-Regolament (KE) Nru 367/2006, l-ammont ta’ sussidji eliġibbli għal kumpens kien ikkalkulat fit-termini tal-benefiċċju mogħti lir-reċipjent li nstab li jeżisti waqt il-perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni. F’dan ir-rigward, kien ikkunsidrat li l-benefiċċju huwa impost fuq ir-reċipjent fil-ħin meta tranżazzjoni ta’ esportazzjoni hija magħmula skont din l-iskema. F’dan il-mument, il-Gvern tal-Indja huwa obbligat li jċedi d-dazji doganali, li jikkostitwixxi kontribuzzjoni finanzjarja skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku. Ladarba l-awtoritajiet doganali joħorġu polza tal-esportazzjoni li turi, inter alia, l-ammont ta’ kreditu DEPBS li għandu jkun mogħti għal dik it-tranżazzjoni ta’ esportazzjoni, il-Gvern tal-Indja m’għandux diskrezzjoni rigward jekk jagħtix is-sussidju jew le. Barra minn hekk, il-produtturi esportaturi kooperaturi daħħlu il-krediti DEPBS fil-kotba fuq bażi ta’ akkumulazzjoni ta’ dħul fl-istadju ta’ tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni.

(60)

Meta saru klejms ġustifikati, drittijiet li neċessarjament kellhom jitħallsu sabiex jinkiseb is-sussidju kienu mnaqqsa mill-krediti hekk stabbiliti biex wieħed jasal għall-ammont tas-sussidju bħala numeratur, skont l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament bażiku. Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku dan l-ammont ta’ sussidju kien allokat fuq id-dħul mill-esportazzjoni kkonċernat matul il-perjodu ta’ investigazzjoni għar-reviżjoni bħala d-denominatur approprjat, għax is-sussidju huwa assoċjat mal-prestazzjoni ta’ esportazzjoni u ma kienx mogħti permezz ta’ referenza għall-kwantitajiet manifatturatu, prodotti, esportati jew trasportati.

(61)

Erba’ produtturi esportaturi kooperaturi kisbu benefiċċju minn din l-iskema matul il-perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni li jvarja bejn 2.7 % u 5.9 %.

4.   L-iskema tal-oġġetti kapitali għall-promozzjoni tal-esportazzjoni (“EPCGS”)

(a)   Bażi legali

(62)

Id-deskrizzjoni dettaljata tal-EPCGS tinsab fil-kapitolu 5 tal-politika EXIM 04-09 u fil-kapitolu 5 tal-HOP I 04-09.

(b)   Eliġibbiltà

(63)

Manifatturi-esportaturi, negozjanti-esportaturi “marbuta ma’” manifatturi ta’ appoġġ u fornituri ta’ servizz huma eliġibbli għal din l-iskema.

(ċ)   Implimentazzjoni prattika

(64)

Skont il-kondizzjoni ta’ obbligazzjoni ta’ esportazzjoni, kumpanija hija awtorizzata li timporta prodotti kapitali (prodotti kapitali ġodda u –minn April 2003- użati sa 10 snin fl-età) b’rata mnaqqas ta’ dazju. Għal dan l-għan, il-Gvern tal-Indja joħroġ fuq applikazzjoni u pagament ta’ ħlas liċenzja EPCGS. Minn April 2000, l-iskema tipprovdi għal rata ta’ dazju ta’ importazzjoni mnaqqsa ta’ 5 % applikabbli għall-prodotti kapitali kollha importati skont l-iskema. Sal-31 ta’ Marzu 2000, rata ta’ dazju effettiva ta’ 11 % (inkluż ħlas barrani ta’ 10 %) u, f’każ ta’ importazzjonijiet ta’ valur għoli, rata ta’ dazju żero kienet applikabbli. Sabiex tintlaħaq l-obbligazzjoni ta’ esportazzjoni, il-prodotti kapitali importati għandhom ikunu użati biex jipproduċu ċertu ammont ta’ prodotti ta’ esportazzjoni matul ċertu perjodu.

(65)

Id-detentur tal-liċenzja EPCGS jista’ jġib ukoll il-prodotti kapitali b’mod indiġenu. F’dan il-każ, il-manifattur indiġenu ta’ prodotti kapitali jista’ juża l-benefiċċju għal importazzjoni bla dazju ta’ komponenti rikjesti għall-manifattura ta’ dawn il-provvisti kapitali. Alternattivament, il-manifattur indiġenu jista’ jitlob il-benefiċċju ta’ esportazzjoni meqjus fir-rigward tal-provvista ta’ prodotti kapitali lid-detentur ta’ liċenzja EPCGS.

(d)   Kummenti ta’ żvelar

(66)

Wara l-iżvelar, produttur esportatur wieħed qal li l-prodotti kapitali importati b’din l-iskema intużaw ukoll għall-produzzjoni ta’ prodotti li mhux ikkonċernati minn din l-investigazzjoni, u li, meta jiġi deċiż il-marġni tas-sussidju, l-ammont tas-sussidju stabbilit u attribwibbli lil RIP għandu jiġi diviż mhux biss mill-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Din id-dikjarazzjoni nstabet li kienet ġustifikata u sar aġġustament xieraq fil-kalkolu tal-ammont tal-benefiċċju lil din il-kumpanija f’din l-iskema.

(e)   Konklużjoni dwar l-Iskema EPCGS

(67)

L-EPCGS tipprovdi sussidji skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) u l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. It-tnaqqis tad-dazju jikkostitwixxi kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tal-Indja, peress li din il-konċessjoni tnaqqas id-dħul tad-dazju tal-Gvern tal-Indja, li kieku jkun dovut. Barra minn hekk, it-tnaqqis tad-dazju jagħti benefiċċju lill-esportatur, għax id-dazji ffrankati mill-importazzjoni jtejbu l-likwidità tal-kumpanija.

(68)

Barra minn hekk, l-EPCGS hija assoċjata fil-liġi mal-prestazzjoni tal-esportazzjoni, peress li dawn il-liċenzji ma jistgħux ikunu akkwistati mingħajr obbligazzjoni ta’ esportazzjoni. Għalhekk, huwa meqjus li din hija speċifika u eliġibbli għall-kumpens skont l-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament bażiku.

(69)

Eventwalment, din l-iskema ma tistax tkun ikkunsidrata bħala sistema permissibbli ta’ ħlas lura ta’ dazju jew sistema li tissostitwixxi l-ħlas lura ta’ dazju skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku. Il-prodotti kapitali mhumiex koperti mill-ambitu ta’ dawn is-sistemi permissibbli, kif stabbilit fl-Anness I, paragrafu (i), tar-Regolament bażiku, għax mhumiex ikkonsmati fil-produzzjoni tal-prodotti esportati.

(f)   Kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(70)

L-ammont ta’ sussidju kien ikkalkulat, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tad-dazju doganali mhux imħallas fuq prodotti kapitali importati mifruxa fuq perjodu li jirrifletti l-perjodu ta’ deprezzament normali ta’ dawn il-prodotti kapitali fl-industrija kkonċernata. Skont il-prattika stabbilita, l-ammont ikkalkulat b’dan il-mod, li huwa attribwibbli għall-perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni, kien aġġustat permezz taż-żieda ta’ interessi matul dan il-perjodu sabiex ikun rifless il-valur totali tal-benefiċċju maż-żmien. Ir-rata ta’ interessi kummerċjali matul il-perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni fl-Indja kien ikkunsidrat xieraq għal dan l-iskop. Meta saru klejms ġustifikati, tariffi mħallsa neċessarjament sabiex jinkiseb sussidju kienu imnaqqsa skont l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament bażiku. Skont l-Artikolu 7(2) u 7(3) tar-Regolament bażiku, dan l-ammont ta’ sussidju kien allokat fuq il-fatturat mill-esportazzjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni bħala denominatur xieraq, għax is-sussidju huwa assoċjat mal-prestazzjoni tal-esportazzjoni u ma ngħatax permezz ta’ referenza għall-kwantitajiet manifatturati, prodotti, esportati jew trasportati.

(71)

Erba’ produtturi esportaturi kooperaturi kisbu benefiċċju minn din l-iskema matul il-perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni li jvarja bejn 1.0 % u 1.9 %.

5.   Żoni ta’ proċessar ta’ esportazzjoni (“EPZS”)/Skema taż-żoni ekonomiċi speċjali (“SEZS”)/Skema ta’ unitajiet orjentati lejn l-esportazzjoni (“EOUS”)

(72)

Irriżulta li l-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi kooperaturi ma kellu l-istatus ta’ EOU u ħadd minnhom ma kien lokalizzat f’EPZS. Madankollu, wieħed mill-produtturi esportaturi li kkooperaw kien lokalizzat f’SEZS u rċieva sussidji eliġibbli għal kumpens fil-perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni. Id-deskrizzjoni u evalwazzjoni msemmija iktar ‘il quddiem hija għalhekk limitata għal SEZS.

(a)   Bażi legali

(73)

Kapitolu 7 tal-politika EXIM 04-09 u kapitolu 7 tal-HOP I 04-09 jagħmel referenza għal SEZS. Id-dettalji tar-regoli u dispożizzjonijiet ma jinstabux iktar fil-ktieb ta’ politiki EXIM u l-Manwal ta’ proċeduri. Id-dispożizzjonijiet ta’ politika u implimentazzjoni relevanti huma l-Att ta’ Żoni Ekonomiċi Speċjali tal-2005 (Nru 28 tal-2005) u r-Regoli taż-Żoni Ekonomiċi Speċjali tal-2006 (Avviż datat 10 ta’ Frar 2006).

(b)   Eliġibbiltà

(74)

L-intrapriżi kollha li, fil-prinċipju, jintrabtu li jesportaw l-manifattura ta’ prodotti jew servizzi kollha tagħhom jistgħu jkunu stabbiliti skont l-SEZS. Dan jinkludi wkoll kumpaniji ta’ negozju pur. Għall-kuntrarju tal-EOUS, m’hemmx limiti ta’ investiment minimu fl-assi fissi li l-kumpaniji għandhom iwettqu biex ikunu eliġibbli għall-SEZS.

(ċ)   Implimentazzjoni prattika

(75)

L-SEZS hija l-iskema suċċessiva għall-Iskema taż-Żoni ta’ Pproċessar ta’ Esportazzjonijiet (EPZS) ta’ qabel. SEZS huma żoni delinjati speċifikament bħala ħielsa mid-dazju u kkunsidrati bħal territorju barrani għall-iskop ta’ operazzjonijiet ta’ negozju, dazji u taxxi. Unitajiet SEZS għandhom ikunu lokalizzati fiż-żoni speċifiċi żviluppati għal dak l-għan. Sbatax-il SEZS diġà qegħdin joperaw wara l-approvazzjoni tal-istabbiliment tagħhom mill-awtoritajiet tal-Indja.

(76)

Applikazzjoni għal status SEZ għandha tinkludi dettalji għall-ħames snin li ġejjin ta’, inter alia, kwantitajiet ta’ produzzjoni ppjanati, valur ipproġettat ta’ esportazzjonijiet, rekwiżiti ta’ importazzjoni u rekwiżiti indiġeni. Wara aċċettazzjoni mill-awtoritajiet tal-applikazzjoni tal-kumpanija, it-termini u l-kundizzjonijiet annessi ma’ din l-aċċettazzjoni għandhom ikunu komunikati lill-kumpanija. Il-ftehim li għandu jkun rikonoxxut bħala kumpanija skont l-SEZS huwa validu għal perjodu ta’ ħames snin. Il-ftehim jista’ jkun imġedded għal iktar perjodi.

(77)

Obbligazzjoni kruċjali għall-unitajiet ta’ SEZS kif stabbiliti fil-Kapitolu VI tar-Regoli ta’ Żoni Ekonomiċi Speċjali tal-2006 hija li jiksbu qligħ Nett ta’ Munita Barranija (“NFE”), fi kliem ieħor f’perjodu ta’ referenza (ħames snin mill-bidu ta’ produzzjoni kummerċjali), il-valur totali ta’ esportazzjonijiet għandu jkun ogħla mill-valur totali ta’ prodotti importati.

(78)

Unitajiet SEZS huma intitolati għall-konċessjonijiet li ġejjin:

(i)

eżenzjoni minn dazji ta’ importazzjoni fuq kull tipi ta’ prodotti (inkluż prodotti kapitali, materja prima u oġġetti ta’ konsum) meħtieġa għall-manifattura, produzzjoni, pproċessar jew f’konnessjoni magħhom;

(ii)

eżenzjoni minn dazju tas-sisa fuq prodotti akkwistati minn sorsi indiġeni;

(iii)

eżenzjoni minn taxxa ċentrali tal-bejgħ imħallsa fuq prodotti akkwistati lokalment;

(iv)

il-faċilità li jbiegħu parti mill-produzzjoni fis-suq domestiku, suġġett għat-twettiq ta’ qligħ NFE pożittivi wara ħlas ta’ dazji applikabbli peress li l-SEZS mhumiex ikkunsidrati bħala parti mit-territorju fiskali/doganali Indjan;

(v)

100 % Eżenzjoni tat-Taxxa fuq id-Dħul fuq “profitti minn esportazzjonijiet” minn unitajiet SEZ skont it-Taqsima 10AA tal-Att tat-Taxxa fuq id-Dħul għall-ewwel 5 snin, 50 % għall-5 snin ta’ wara wara dan u bil-possibbiltà ta’ iktar benefiċċji għall-5 snin ta’ wara; u

(vi)

eżenzjoni minn taxxa tas-servizz għal servizzi kkonsmati f’SEZ.

(79)

Unitajiet skont l-SEZS joperaw bħala depost taħt is-sorveljanza tal-uffiċjali doganali skont id-dispożizzjonijiet relevanti tal-Att Doganali.

(80)

Dawn l-unitajiet huma legalment obbligati li jżommu rendikont xieraq li għandu jindika f’termini ta’ valur il-prodotti importati jew akkwistati miż-żona tariffarja domestika, konsum u użu tal-prodotti, produzzjoni tal-prodotti u rimi tal-prodotti permezz ta’ esportazzjonijiet, bejgħ fiż-żona tariffarja domestika eċċ. skont ir-regola 22(2) tar-Regoli taż-Żoni Ekonomiċi Speċjali tal-2006.

(81)

Madankollu, f’ebda ħin ma tkun rikjesta li unità ta’ SEZ tikkorelata kull kunsinna ta’ importazzjoni mal-esportazzjonijiet jew trasferimenti tagħha għal unitajiet oħra, jew mal-bejgħ tagħha fiż-żona tariffarja domestika, skont ir-regola 35 tar-Regoli taż-Żoni Ekonomiċi Speċjali tal-2006.

(82)

L-evalwazzjoni ta’ importazzjonijiet u kisba domestika ta’ materja prima u prodotti kapitali hija bbażata fuq bażi ta’ awtoċertifikazzjoni. L-istess japplika fil-każ ta’ bejgħ ta’ esportazzjoni. Għalhekk, ma jseħhu ebda eżaminazzjonijiet ta’ rutina ta’ dawn il-kunsinni ta’ unità SEZ minn awtoritajiet doganali.

(83)

Fil-każ preżenti, il-produttur esportatur li kkoopera uża l-iskema li jimporta materja prima u prodotti kapitali ħielsa minn dazji ta’ importazzjoni, biex jikseb prodotti domestikament ħielsa minn dazju tas-sisa, li jikseb prodotti domestikament mingħajr ħlas ta’ taxxa ċentrali tal-bejgħ, u li jkun eżenti minn taxxa fuq is-servizzi. L-investigazzjoni wriet li l-produttur esportatur kkonċernat ma użax il-benefiċċji skont id-dispożizzjoni ta’ eżenzjoni ta’ taxxa fuq id-dħul tas-SEZS.

(d)   Kummenti ta’ Żvelar

(84)

Wara l-iżvelar, il-produttur esportatur li jinsab f’SEZS għamel għadd ta’ kummenti eż. li s-sottoskemi użati mill-kumpanija huma skemi permissibbli ta’ eżenzjoni mid-dazju (ħlas lura tad-dazju) u li s-sottoskemi użati ma jikkostitwixxux sussidju billi ma jagħtux benefiċċju. L-argumenti tal-produttur esportatur huma indirizzati hawn taħt.

(e)   Konklużjonijiet dwar l-SEZS

(85)

Fil-każ ta’ eżenzjoni minn dazju tas-sisa fuq prodotti akkwistati minn sorsi indiġeni, irriżulta li d-dazju mħallas fuq xiri minn unità mhux SEZS jistgħu jintużaw bħala kreditu għar-responsabbilitajiet ta’ dazju futuri tagħha, eż. lejn ħlas ta’ dazju ta’ sisa fuq bejgħ domestiku (l-hekk imsemmi mekkaniżmu “CENVAT”). Għalhekk, id-dazju tas-sisa mħallas fuq xiri mhux definittiv. Permezz tal-kreditu-“CENVAT”-, valur miżjud biss iġorr dazju definittiv, mhux il-materjali ta’ input. Għaldaqstant, permezz tal-għoti ta’ eżenzjoni minn dazju tas-sisa fuq oġġetti mixtrija minn untià SEZS, ebda dħul tal-gvern addizzjonali ma jkun ċedut u konsegwentement ma jkun hemm ebda ġbir ta’ benefiċċju addizzjonali għall-SEZS. F’dawn iċ-ċirkostanzi, peress li ma jinkiseb l-ebda benefiċċju addizzjonali għall-SEZS, mhux neċessarju li jkun hemm iktar analiżi ta’ din is-sotto-skema f’din l-investigazzjoni.

(86)

L-eżenzjoni ta’ unità SEZS minn żewġ tipi ta’ dazji ta’ importazzjonijiet (dazju doganali bażiku u dazju doganali addizzjonali speċjali normalment dovuti fuq importazzjonijiet ta’ materja prima u prodotti kapitali), l-eżenzjoni minn ħlas ta’ taxxa tal-bejgħ fuq prodotti akkwistati domestikament u l-eżenzjoni minn taxxa tas-servizz jikkostitwixxu sussidji skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku. Dħul tal-Gvern li jkun dovut fin-nuqqas ta’ din l-iskema jintilef, għalhekk jagħti benefiċċju fuq l-unità SEZS skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, għax itejjeb il-likwidità tiegħu. Skont il-liġi, is-sussidji jiddependu fuq il-prestazzjoni ta’ esportazzjoni u, għalhekk, meqjusa bħala speċifiċi u eliġibbli għal kumpens skont l-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament bażiku. L-għan ta’ esportazzjoni tal-SEZS kif stabbilit fir-regola 2 tar-Regoli taż-Żoni Ekonomiċi Speċjali tal-2006 huwa conditio sine qua non sabiex jinkisbu l-inċentivi.

(87)

Il-produttur esportatur argumenta li s-sottoskemi użati mill-kumpanija huma skemi permissibbli ta’ eżenzjoni tad-dazju (ħlas lura tad-dazju) skont l-Artikolu 2(1)(a)(ii) u l-Anness I tar-Regolament bażiku u għalhekk mhumiex eliġibbli għal kumpens. Il-kumpanija qalet li l-Anness (i) tar-Regolament bażiku jipprovdi li huma biss l-eżenzjoni, l-eżenzjoni jew il-ħlas lura tal-ispejjeż tal-importazzjoni iktar minn dawk ta’ inputs importati li jintużaw fil-produzzjoni tal-prodott esportat li jikkostitwixxu sussidju tal-esportazzjoni. Fi kliem ieħor, sakemm ma kienx hemm maħfra jew eżenzjoni ogħla, l-eżenzjoni mid-dazji impurtati fuq inputs meħtieġa għall-manifattura, il-produzzjoni jew l-ipproċessar tal-prodott ma jistgħux jitqiesu bħala sussidju eliġibbli għall-kumpens.

(88)

Bi tweġiba għal dan l-argument, wieħed għandu l-ewwel jinnota li l-benefiċċji li unità SEZ tgawdi minnhom kollha jiddependu fil-liġi mir-rendiment tal-esportazzjoni. Barra minn hekk, l-iskemi ma jistgħux jitqiseu bħala sistemi permissibbli ta’ ħlas lura ta’ dazju jew sistema li tissostitwixxi l-ħlas lura tad-dazju skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku. Dawn ma jikkonformawx mar-regoli stretti stabbiliti fl-Anness I (il-punti (h) u (i)), l-Anness II (definizzjoni u regoli għal ħlas lura ta’ dazju) u l-Anness III (definizzjoni u regoli għal sostituzzjoni tal-ħlas lura ta’ dazju) tar-Regolament bażiku. Fiċ-ċirkostanzi li d-dispożizzjonijiet tal-eżenzjoni tat-taxxa tal-bejgħ u l-eżenzjoni mid-dazju tal-importazzjoni jintużaw għax-xiri ta’ prodotti kapitali, diġà ma jkunux f’konformità mar-regoli għal sistemi permessi ta’ ħlas lura billi l-prodotti kapitali ma jintużawx fil-proċess tal-produzzjoni, kif rikjest mill-punt (h) tal-Anness I (rimborż tat-taxxa tal-bejgħ) u mill-punt (i) tal-Anness I (l-eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni). Barra minn hekk, ġie kkonfermat li l-Gvern tal-Indja ma għandux sistema jew proċedura ta’ verifika effettiva fis-seħħ sabiex jikkonferma jekk kinux ikkonsmati inputs bla dazju u/jew taxxi, u f’liema ammonti, fil-produzzjoni tal-prodott esportat (Anness II(II)(4) tar-Regolament bażiku u, fil-każ ta’ skemi li jissostitwixxu l-ħlas lura ta’ dazju, Anness III(II)(2) tar-Regolament bażiku). Fil-fatt, unità SEZ hija rikjesta tikseb qligħ Nett ta’ Munita Barranija (“NFE”), iżda ma hemmx sistema ta’ verifika fis-seħħ biex timmonitorja l-konsum ta’ importazzjonijiet fir-rigward tal-produzzjoni tal-prodotti esportati.

(89)

Bħala argument alternattiv, il-produttur esportatur qal li s-sottoskemi użati mill-kumpanija ma jikkostitwixxux sussidji billi ma ngħata l-ebda benefiċċju lill-kumpanija. Fir-rigward tal-bejgħ domestiku, il-produtturi esportaturi argumentaw li, billi unità SEZ ma titqiesx parti mit-territorju fiskali/doganali Indjan, id-dazji doganali sħaħ jeħtieġ jitħallsu fuq il-prodotti lesti meta jinbiegħu fis-suq domestiiku. Ġie allegat li ma nkiseb ebda benefiċċju billi d-dazji eżentati fuq l-inputs użati fil-produzzjoni ta’ oġġetti mibjugħa fis-suq domestiku huma inqas mid-dazji mħallsa mill-kumpanija meta tbiegħ fis-suq domestiku.

(90)

Fl-indirizzar ta’ din l-istqarrija, wieħed għandu jinnota li għalkemm l-iskop għat-twaqqif ta’ unità SEZ kien li tikseb qligħ Nett ta’ Munita Barranija (“NFE”), l-unità SEZ għandha l-possibilità li tbiegħ parti mill-produzzjoni tagħha fis-suq domestiku. Fl-iskema SEZ, il-prodotti żdoganati miż-żona għas-suq domestiku jiġu ttrattati bħala prodotti importati. Għalhekk, SEZ mhijiex f’sitwazzjoni differenti mill-kumpaniji l-oħrajn li joperaw fis-suq domestiku, jiġifieri id-dazji/it-taxxi applikabbli jkollhom jitħallsu fuq prodotti mixtrija. F’dan il-kuntest, għandu jkun ċar li, deċiżjoni tal-Gvern dwar it-tassazzjoni tal-prodotti għall-konsum fis-suq domestiku, ma tfissirx li l-eżenzjoni ta’ unità SEZ mid-dazji tal-importazzjoni u t-taxxi tal-bejgħ mhijiex benefiċċju fir-rigward tal-bejgħ f’esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, il-bejgħ fis-suq domestiku ma għandux impatt fuq il-valutazzjoni ġenerali tal-adegwatezza ta’ jekk hemmx sistema ta’ verifika xierqa fis-seħħ jew le.

(91)

Fir-rigward tal-bejgħ tal-esportazzjoni, il-produttur tal-esportazzjoni argumenta li l-eżenzjoni mid-dazji u t-taxxi tal-importazzjoni ma jikkostitwixxux sussidju eliġibbli għall-kumpens sakemm ma jkun hemm ebda l-eżenzjoni eċċessiva. Il-kumpanija argumentat ukoll li unità SEZ hija soġġetta għal sorveljanza ta’ uffiċjali tad-dwana u li ma jistgħux jinbiegħu inputs fis-suq domestiku jew li dawn l-inputs jiġu inkorporati fi prodotti li għandhom jinbiegħu fis-suq domestiku mingħajr ħlas tad-dazji applikabbli. Fid-dawl tal-produttur esportatur, ma jistax ikun hemm l-eżenzjoni eċċessiva.

(92)

Bi tweġiba għal dan, għandu jiġi mfakkar li m’hemmx sistema jew proċedura fis-seħħ li tikkonferma liema inputs jiġu kkonsmati fil-proċess tal-produzzjoni tal-prodott esportat u jekk sarx pagament eċċessiv ta’ dazji ta’ importazzjoni skont it-tifsira tal-Annessi I, II u III tar-Regolament bażiku. Unità SEZ diġa de jure u f’ebda punt mhi rikjesta li tikkorelata kull konsenja ta’ importazzjonijiet mad-destinazzjoni tal-prodott korrispondenti li jirriżulta. Biss jekk dawn il-kontrolli jkunu fis-seħħ, l-awtoritajiet Indjani jkunu jistgħu jiksbu biżżejjed informazzjoni dwar id-destinazzjoni finali tal-inputs sabiex ikun hemm kontroll effiċjenti li l-eżenzjonijiet tad-dazju/taxxa tal-bejgħ ma jaqbżux l-inputs għall-produzzjoni tal-esportazzjoni. Is-sistemi interni tal-kumpanija mhumiex biżżejjed billi sistema ta’ verifika tal-ħlas lura tad-dazju jeħtieġ tkun iddiżinjata u nfurzata minn gvern. Konsegwentement, l-investigazzjoni stabbiliet li l-SEZ espliċitament mhijiex rikjesta mir-regoli legali u d-dispożizzjonijiet għal SEZs li tirreġistra r-relazzjoni bejn il-materjali impurtati u l-prodott finali, u ebda mekkaniżmu ta’ kontroll effettiv ma twaqqaf mill-Gvern tal-Indja biex jiddetermina liema inputs ġew ikkunsmati fil-produzzjoni għall-esportazzjoni u f’liema ammonti.

(93)

Barra minn hekk, il-Gvern tal-Indja lanqas wettaq eżaminazzjoni oħra bbażata fuq inputs attwali involuti, għalkemm normalment din hemm bżonn tkun imwettqa fin-nuqqas ta’ sistema ta’ verifika effettiva (l-Anness II(II)(5) u l-Anness III(II)(3) tar-Regolament bażiku). Barra minn hekk, ma ngħatatx evidenza mill-Gvern tal-Indja li turi li kien hemm eżenzjoni eċċessiva.

(f)   Kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(94)

Għalhekk, fin-nuqqas ta’ sistema permessa tal-ħlas lura tad-dazju jew sistema permessa ta’ sostituzzjoni tal-ħlas, il-benefiċċju eliġibbli għal kumpens huwa l-eżenzjoni mid-dazji tad-dwana (dazju tad-dwana bażiku u dazju tad-dwana addizzjonali speċjali) l-eżenzjoni mill-ħlas tat-taxxa tal-bejgħ għall-prodotti akkwistati domestikament u l-eżenzjoni mit-taxxa tas-servizz matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

(95)

Fir-rigward tal-eżenzjoni minn pagament tad-dazji doganali bażiċi, l-eżenzjoni minn pagament ta’ taxxa fuq il-bejgħ għal prodotti akkwistati domestikament u l-eżenzjoni minn taxxa fuq is-servizzi, in-numeratur (ammont ta’ sussidju) kien ikkalkulat fuq il-bażi tal-ammonti eżenti natul il-perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni. Tariffi mħallsa neċessarjament sabiex jinkiseb is-sussidju kienu mnaqqsa skont l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament bażiku minn din is-somma biex jaslu għall-ammont tas-sussidju bħala n-numeratur.

(96)

Għall-kuntrarju tal-materja prima, prodotti kapitali mhumiex fiżikament inkorporati fil-prodotti lesti. Skont dan, fir-rigward ta’ eżenzjonijiet minn pagament ta’ taxxi fuq oġġetti mixtrija ta’ prodotti kapitali, l-ammont ta’ sussidju kien ikkalkulat, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tad-dazju doganali mhux imħallas fuq prodotti kapitali importati mifruxa fuq perjodu li jirrifletti d-diprezzament normali ta’ dawn il-prodotti kapitali fl-industrija kkonċernata. Skont il-prattika stabbilita, l-ammont ikkalkulat b’dan il-mod, li huwa attribwibbli għall-perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni, kien aġġustat permezz taż-żieda ta’ interessi matul dan il-perjodu sabiex ikun rifless il-valur totali tal-benefiċċju maż-żmien. Ir-rata ta’ interessi kummerċjali matul il-perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni fl-Indja kien ikkunsidrat xieraq għal dan l-iskop. Meta saru klejms issostanzjati, tariffi mħallsa neċessarjament sabiex jinkiseb sussidju kienu imnaqqsa skont l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament bażiku.

(97)

Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku dawn l-ammonti ta’ sussidju għaldaqstant stabbiliti skont il-premessa (95) u l-premessa (96) imsemmija fuq kienu allokati fuq id-dħul mill-esportazzjoni ġenerat matul il-perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni bħala d-denominatur xieraq, għaliex is-sussidju huwa assoċjat mal-prestazzjoni ta’ esportazzjoni u ma ngħatax permezz ta’ referenza għall-kwantitajiet manifatturati, prodotti, esportati jew trasportati. Il-marġini tas-sussidju miksub b’dan il-mod kien 5,4 %.

6.   Skema ta’ eżenzjoni ta’ taxxa fuq id-dħul (“ITES”)

(98)

Skont din l-iskema, l-esportaturi setgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni parzjali mit-taxxa fuq id-dħul fuq profitti mill-bejgħ tal-esportazzjoni. Il-bażi legali għal din l-eżenzjoni kienet stabbilita permezz tat-Taqsima 80HHC tal-ITA.

(99)

Din id-dispożizzjoni tneħħiet għas-sena ta’ stima 2005-2006 (fi kliem ieħor għas-sena finanzjarja mill-1 ta’ April 2004 sal-31 ta’ Marzu 2005) ‘il quddiem u għaldaqstant 80HHC tal-ITA ma jagħtix benefiċċji oħra wara l-31 ta’ Marzu 2004. Il-produtturi esportaturi kooperaturi ma użaw l-ebda benefiċċju skont din l-iskema matul il-perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni. Konsegwentement, peress li l-iskema kienet irtirata, m’għandux ikun hemm kumpens, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku.

7.   Skema ta’ kreditu ta’ esportazzjoni (“ECS”)

(a)   Bażi legali

(100)

Id-dettalji tal-iskema huma stabbiliti fiċ-Ċirkulari Prinċipali DBOD Nru. DIR.(Exp).BC 02/04.02.02/2007-08 (Kreditu għall-Esportazzjoni f’Munita Barranija) u fiċ-Ċirkulari Prinċipali DBOD Nru. DIR.(Exp).BC 01/04.02.02/2007-08 (Kreditu għall-Esportazzjoni fir-Rupee) tal-Banka tar-Riżerva tal-Indja (“RBI”), li hija indirizzata lejn il-banek kummerċjali kollha fl-Indja.

(b)   Eliġibbiltà

(101)

Manifatturi esportaturi u negozjanti esportaturi huma eliġibbli għal din l-iskema. Kien stabbilit li tlieta mill-produtturi esportaturi użaw il-benefiċċju skont l-ECS.

(ċ)   Implimentazzjoni prattika

(102)

Skont din l-iskema, ir-RBI obbligatorjament jistabbilixxi l-ogħla livell ta’ rati ta’ interessi applikabbli għal krediti ta’ esportazzjoni, kemm f’rupees Indjani kif ukoll f’munita barranija, li banek kummerċjali jistgħu jitolbu mill-esportatur. L-ECS jikkonsisti f’żewġ sottoskemi, l-Iskema ta’ Kreditu għall-Esportazzjoni Qabel l-Oġġetti Jintbagħtu Barra (“kreditu għall-ippakkjar”), li tkopri krediti pprovduti lil esportatur għall-iffinanzjar tax-xiri, proċessar, manifattura, imballaġġ u/jew trasport ta’ prodotti qabel l-esportazzjoni, u l-Iskema ta’ Kreditu għall-Esportazzjoni Wara li l-Oġġetti jintbagħtu Barra, li tipprovdi għal self ta’ kapital ċirkolanti bl-iskop li wieħed jaħdem bih sakemm jidħol il-ħlas tal-oġġetti esportati. Ir-RBI ordna lill-banek ukoll biex jipprovdu ċertu ammont mill-kreditu bankarju nett tagħhom għall-iffinanzjar tal-esportazzjoni.

(103)

Bħala riżultat taċ-Ċirkularijiet Prinċipali RBI esportaturi jistgħu jiksbu krediti ta’ esportazzjoni b’rati ta’ interessi preferenzjali kif ikkumparat mar-rati ta’ interessi għal krediti kummerċjali ordinarji (“kreditu fuq il-flus”), li huma purament stabbiliti skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Id-differenza fir-rati tista’ tonqos għal kumpaniji bi klassifikazzjoni tajba tal-kreditu. Fil-fatt, kumpaniji bi klassifikazzjonijiet tajbin jistgħu jkunu f’pożizzjoni li jiksbu krediti ta’ esportazzjoni u kreditu fuq il-flus bl-istess kondizzjonijiet.

(d)   Konklużjoni dwar il-ECS

(104)

Ir-rati ta’ interessi preferenzjali tal-kreditu ECS stabbilit miċ-Ċirkularijiet Prinċipali RBI msemmija fil-premessa (100) jistgħu jnaqqqsu l-ispejjeż ta’ interessi ta’ esportatur meta kkumparat mal-ispejjeż ta’ kreditu stabbiliti purament mill-kundizzjonijiet tas-suq, u f’dan il-każ jagħtu benefiċċju skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku fuq dan l-esportatur. Il-finanzjament tal-esportazzjoni mhux per se iktar sikur mill-finanzjament domestiku. Fil-fatt, huwa ġeneralment ikkunsidrat li huwa iktar riskjuż u l-firxa tas-sigurtà meħtieġa għal ċertu kreditu, irrispettivament mill-għan ta’ finanzjar, hija deċiżjoni purament kummerċjali ta’ bank kummerċjali partikolari. Differenzi fir-rati fir-rigward ta’ banek differenti huma r-riżultat tal-metodoloġija tar-RBI li tistabbilixxi rati ta’ self massimi għal kull bank kummerċjali individwalment. Barra minn hekk, banek kummerċjali ma jkunux obbligati li jgħaddu lil dawk li jissellfu finanzjament ta’ esportazzjoni b’rati ta’ interessi vantaġġużi iktar għal krediti ta’ esportazzjoni fil-munita barranija.

(105)

Minkejja l-fatt li l-krediti preferenzjali skont l-ECS jingħataw minn banek kummerċjali, dan il-benefiċċju huwa kontribuzzjoni finanzjarja minn gvern skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a)(iv) tar-Regolament. F’dan il-kuntest, għandu jkun osservat li la l-Artikolu 2(1)(a)(iv) tar-Regolament bażiku u lanqas l-ASCM ma jirrikjedi impożizzjoni fuq il-kontijiet pubbliċi, eż. rimborż tal-banek kummerċjali mill-Gvern tal-Indja, li jkun stabbilit sussidju, iżda biss direzzjoni tal-gvern li jwettaq il-funzjonijiet imsemmija fil-punti (i), (ii) jew (iii) tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament bażiku. Ir-RBI huwa korp pubbliku u għalhekk jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ “gvern” kif stabbilit fl-Artikolu 1(3) tar-Regolament bażiku. Huwa 100 % taħt il-pussess tal-gvern, isegwi għanijiet ta’ politika pubblika, eż. politika monetarja, u l-ġestjoni tiegħu hija nominata mill-Gvern tal-Indja. Ir-RBI jidderieġi korpi privati, skont it-tifsir tat-tieni indent tal-Artikolu 2(1)(a)(iv) tar-Regolament bażiku, peress li l-banek kummerċjali huma marbuta mill-kundizzjonijiet li jimponi, inter alia, fir-rigward tal-livelli massimi għal rati ta’ interessi fuq krediti ta’ esportazzjoni obbligatorji fiċ-Ċirkularijiet Prinċipali RBI u d-dispożizzjonijiet RBI li banek kummerċjali għandhom jipprovdu ċertu ammont ta’ kreditu bankarju nett tagħhom lejn finanzjament ta’ esportazzjoni. Din l-ordni tobbliga lil banek kummerċjali biex iwettqu funzjonijiet msemmija fl-Artikolu 2(1)(a)(i) tar-Regolament bażiku, f’dan il-każ jipprovdu self fil-forma ta’ finanzjament ta’ esportazzjoni preferenzjali. Dan it-trasferiment dirett ta’ fondi fil-forma ta’ self skont ċertu kondizzjonijiet normalment jaqa’ f’idejn il-gvern, u l-prattika fl-ebda sens reali ma hija differenti, minn prattiċi normalment segwiti mill-gvernijiet, skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a)(iv) tar-Regolament bażiku. Dan is-sussidju huwa meqjus li huwa speċifiku u eliġibbli għall-kumpens peress li r-rati ta’ interessi preferenzjali huma disponibbli biss fir-rigward tal-finanzjament ta’ tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni u huma għalhekk assoċjati mal-prestazzjoni ta’ esportazzjoni, skont l-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament bażiku.

(e)   Kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(106)

L-ammont ta’ sussidju ġie kkalkolat fuq il-bażi tad-differenza bejn l-interessi imħallsa għal krediti ta’ esportazzjoni użati matul il-perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni u l-ammont li kien ikun pagabbli għal krediti kummerċjali ordinarji użati mill-produtturi esportaturi kooperaturi. L-ammont ta’ sussidju (numeratur) ġie allokat fuq id-dħul mill-esportazzjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni bħala denominatur xieraq skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, għaliex is-sussidju huwa assoċjat mal-prestazzjoni ta’ esportazzjoni u ma ngħatax permezz ta’ referenza għall-kwantitajiet manifatturati, prodotti, esportati jew trasportati.

(107)

Tliet produtturi esportaturi f’kooperazjoni, kisbu benefiċċji minn din l-iskema matul il-perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni li jvarjaw bejn 0.3 % u 0.4 %.

8.   Skema ta’ pakkett ta’ inċentivi (PSI)

(a)   Bażi legali

(108)

F’investigazzjonijiet preċedenti rigward il-film tal-PET, inkluż l-investigazzjoni ta’ reviżjoni li wasslu għall-impożizzjoni mir-Regolament (KE) Nru 367/2006 tad-dazju kumpensatorju definittiv preżentament fis-seħħ, diversi skemi tal-Istat Indjan li jinvolvu inċentivi mogħtija lil kumpaniji lokali kienu investigati. L-Iskemi tal-Istat jaqgħu taħt it-titlu “Pakkett ta’ Skemi ta’ Inċentivi” (PSI), press li jista’ jkun hemm tipi differenti ta’ inċentivi involuti. L-investigazzjoni stabbiliet li l-intitolament ta’ kumpanija għal benefiċċji skont l-iskema hija stipulata fiċ-“Ċertifikat ta’ Eliġibbiltà”. L-investigazzjoni uriet li tnejn mill-produtturi li kkooperaw gawdew mill-eżenzjoni tat-taxxa tan-negozju (taxxa tal-bejgħ) skont il-PSI matul il-perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni skont Taqsima 4 A tal-Att tat-Taxxa Kummerċjali tal-Istat ta’ Uttar Pradesh. Din id-dispożizzjoni tat-taxxa teżenta l-bejgħ fis-suq lokali ta’ kumpanija mill-ħlas tat-taxxa fuq il-bejgħ (kemm taxxa tal-bejgħ lokali kif ukoll it-taxxa tal-bejgħ ċentrali).

(b)   Eliġibbiltà

(109)

Sabiex ikunu eliġibbli, il-kumpaniji għandhom bħala regola ġenerali jinvestu f’żoni inqas żviluppati ta’ stat jew permezz tat-twaqqif ta’ stabbiliment industrijali ġdid jew permezz tal-ħolqien ta’ investiment kapitali fuq skala kbira f’espansjoni jew diversifikazzjoni ta’ stabbiliment industrijali eżistenti. Il-kriterju ewelieni sabiex ikun stabbilit l-ammont ta’ inċentivi hija l-klassifikazzjoni taż-żona li fiha l-intrapriża hija jew għandha tkun lokalizzata u d-daqs tal-investiment.

(ċ)   Implimentazzjoni prattika

(110)

Skont l-iskemi ta’ eżenzjoni ta’ taxxa tal-bejgħ, unitajiet magħżula ma kinux meħtieġa li jiġbru xi taxxa tal-bejgħ fuq it-tranżazzjonijiet tal-bejgħ tagħhom. B’mod simili, unitajiet magħżula kienu eżenti mill-ħlas tat-taxxa tal-bejgħ fuq ix-xiri ta’ prodotti tagħhom minn fornituri eliġibbli għall-iskemi. Filwaqt li l-eżenzjoni fir-rigward tat-tranżazzjoni tal-bejgħ mhix ikkunsidrata li taghti xi benefiċċju fuq l-unitajiet ta’ bejgħ magħżula, l-eżenzjoni fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ta’ xiri ta’ oġġetti, madankollu, tagħti benefiċċju fuq l-unitajiet magħżula ta’ xiri ta’ oġġetti.

(d)   Kummenti ta’ żvelar

(111)

Wara l-żvelar, produttur esportatur wieħed innota li, meta l-benefiċċju jiġi kkwantifikat f’din l-iskema, tqies li l-fornituri ta’ materja prima ewlenija użata fil-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat igawdu minn eżenzjoni fuq it-taxxa tal-bejgħ. Il-fatturi tal-bejgħ tagħhom, madankollu, żvelaw li l-fornituri kkonċernati, fil-fatt, iċċarġjaw it-taxxa fuq il-bejgħ tagħhom lill-kumpanija kkonċernata. Konsegwentement, billi t-taxxa tal-bejgħ tħallset mill-kumpanija, ma kien hemm ebda benefiċċju eliġibbli għal kumpens għall-produttur esportatur fuq dan ix-xiri, u l-ammont tas-sussidju ġie rivedut skont dan.

(e)   Konklużjoni

(112)

L-PSI tipprovdi sussidji skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) u l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. L-eżenzjoni mill-ħlas ta’ taxxi tal-bejgħ fuq ix-xiri li jsir tikkostitwixxi kontribuzzjoni finanzjarja, peress li din il-konċessjoni tnaqqas id-dħul tal-Gvern li kieku jkun dovut. Barra minn hekk, din l-eżenzjoni tagħti benefiċċju fuq il-kumpaniji peress li ttejjeb il-likwidità tagħhom.

(113)

Il-PSI huwa disponibbli biss għal kumpaniji li investew f’ċerti żoni ġeografiċi magħżula fil-ġuriżdizzjoni ta’ Stat fl-Indja. Mhux disponibbli għal kumpaniji lokalizzati barra minn dawn iż-żoni. Il-livell ta’ benefiċċju huwa differenti skont iż-żona kkonċernata. L-iskema hija speċifika skont l-Artikolu 3(2)(a) u l-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku u għalhekk hija eliġibbli għal kumpens.

(f)   Kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(114)

Rigward l-eżenzjoni tat-taxxa tal-bejgħ, l-ammont ta’ sussidju kien ikkalkulat fuq il-bażi tal-ammont ta’ taxxa tal-bejgħ normalment dovut matul il-perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni iżda li baqgħet ma tħallsitx.

(115)

Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, l-ammont ta’ sussidju (numeratur) kien imbagħad allokat fuq id-dħul mill-esportazzjoni totali u bejgħ domestiku matul il-perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni bħala d-denominatur xieraq, għax is-sussidju mhux assoċjat mal-esportazzjoni u ma ngħatax permezz ta’ referenza għall-kwantitajiet manifatturati, prodotti, esportati jew trasportati.

(116)

Iż-żewġ produtturi esportaturi li kkooperaw kisbu sussidju minn din l-iskema matul il-perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni ta’ 0.3 % u 1,4 % rispettivament.

9.   Ammont ta’ sussidji eliġibbli għall-kumpens

(117)

Huwa mfakkar li fir-Regolament (KE) Nru 367/2006 u emendi sussegwenti, imsemmija fil-premessi (2), (3) u (4) imsemmija fuq, l-ammont ta’ sussidji eliġibbli għal kumpens, espressi ad valorem, irriżulta li kien ivarja bejn 12 % u 19,1 % għall-produtturi esportaturi kkonċernati li kkooperaw fir-reviżjoni interim parzjali preżenti.

(118)

Matul ir-reviżjoni interim parzjali preżenti l-ammont ta’ sussidji eliġibbli għal kumpens, espressi ad valorem, irriżulta li kien ivarja bejn 5,4 % u 8,6 %, kif elenkat hawn taħt:

Skema→

AAS (*)

DEPBS (*)

EPCGS (*)

SEZS (*)

ECS (*)

PSI

Total

Kumpanija↓

%

%

%

%

%

%

%

Ester Industries Limited

 

5,8

1,0

 

0,4

 

7,2

Garware Polyester Limited

0,5

3,9

1,0

 

Negliġibbli

 

5,4

Polyplex Corporation Limited

1,7

3,2

1,9

 

0,4

1,4

8,6

SRF Limited

 

 

 

5,4

 

 

5,4

Uflex Limited

2,1

2,7

1,0

 

0,3

0,3

6,4

10.   Miżuri kumpensatorji

(119)

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u r-raġunijiet għal din ir-reviżjoni interim parzjali ddikjarati skont il-punt 3 tal-Avviż ta’ Inizjazzjoni, huwa stabbilit li l-livell ta’ sussidju fir-rigward tal-produtturi esportaturi kkonċernati naqas u, għalhekk, ir-rati ta’ dazji kumpensatorji imposti fuq dawn il-produtturi esportaturi mir-Regolament (KE) Nru 367/2006 għandhom ikunu emendati skont dan.

(120)

Ir-rati ta’ dazji kumpensatorji emendati għandhom ikunu stabbiliti bir-rati ġodda ta’ sussidju li jirriżultaw matul ir-reviżjoni interim preżenti, peress li l-marġini tad-dannu kkalkulati fl-investigazzjoni kontra s-sussidji oriġinali jibqa’ ogħla.

(121)

Fir-rigward tal-kumpaniji l-oħra kollha li ma kinux kkonċernati mir-reviżjoni preżenti interim parzjali, huwa osservat li l-modalitajiet attwali tal-iskemi investigati u l-eliġibbiltà tagħhom għal kumpens ma nbidlux meta mqabbla mal-investigazzjoni preċedenti. Għalhekk m’hemmx raġuni biex ikun ikkalkulat mill-ġdid is-sussidju u r-rati tad-dazju ta’ dawn il-kumpaniji. Konsegwentement, ir-rati tad-dazju applikabbli għall-partijiet l-oħra kollha minbarra l-ħames produtturi esportaturi li kkooperaw fir-reviżjoni kurrenti baqgħu l-istess.

(122)

Ir-rati ta’ dazju kumpensatorju ta’ kumpanija individwali speċifikati f’dan ir-Regolament jirriflettu s-sitwazzjoni li rriżultat matul ir-reviżjoni interim parzjali. Għalhekk, huma applikabbli biss għal importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat prodott minn dawn il-kumpaniji. Importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat manifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux speċifikament imsemmija fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inkluż entitajiet relatati ma’ dawk speċifikament imsemmija, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu suġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”.

(123)

Kwalunkwe klejm li titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati ta’ dazju kumpensatorju individwali (eż. wara bidla fl-isem tal-entità jew wara l-istabbiliment ta’ produzzjoni ġdida jew entitajiet tal-bejgħ) għandhom ikunu indirizzati lill-Kummissjoni (12) minnufih bl-informazzjoni relevanti kollha, b’mod partikolari kwalunkwe modifikazzjoni fl-attivitajiet tal-kumpanija konnessi mal-produzzjoni, bejgħ domestiku u ta’ esportazzjoni assoċjat ma’, pereżempju, dik il-bidla tal-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet ta’ produzzjoni u bejgħ. Jekk xieraq, u wara konsultazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv, ir-Regolament għandu jkun emendat skont dan permezz tal-aġġornament tal-lista ta’ kumpaniji li jibbenefikaw minn rati ta’ dazju individwali.

11.   Miżuri kontra d-dumping

(124)

Kif ipprovdut fl-aħħar paragrafu taħt punt 3 tal-Avviż ta’ Inizjazzjoni, l-emenda tar-rata ta’ dazju kumpensatorju għandu jkollha impatt fuq id-dazju definittiv ta’ kontra d-dumping impost mir-Regolament (KE) Nru 1292/2007, peress li dan tal-aħħar f’investigazzjonijiet ta’ kontra d-dumping preċedenti kien aġġustat sabiex ikun evitat kwalunkwe għadd darbtejn tal-effetti tal-benefiċċji minn sussidji ta’ esportazzjoni (huwa mfakkar li d-dazju ta’ kontra d-dumping definittiv kien ibbażat fuq il-marġini ta’ dumping peress li dan tal-aħħar instab li kien iktar baxx mill-livell ta’ eliminazzjoni ta’ injury). L-Artikolu 24(1) tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 jipprovdu li ebda prodott m’għandu jkun suġġett għal miżuri ta’ kontra d-dumping u kumpensatorji ukoll bil-għan li tkun trattata l-istess sitwazzjoni li tirriżulta minn dumping jew sussidju ta’ esportazzjoni. Irriżulta fl-investigazzjoni oriġinali li xi wħud mill-iskemi ta’ sussidju investigati li kienu eliġibbli għall-kumpens, kkostitwixxew sussidji ta’ esportazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament bażiku. F’dan is-sens, dawn is-sussidji affettwaw il-prezzijiet ta’ esportazzjoni tal-produtturi esportaturi Indjani, u għalhekk wasslu għal marġini ta’ dumping ikbar. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament bażiku, ir-rati tad-dazju definittiv kontra d-dumping kienu aġġustati sabiex jirriflettu l-marġini ta’ dumping attwali li jibqa’ wara l-impożizzjoni tad-dazju kumpensatorju definittiv li jpatti għall-effett tas-sussidji ta’ esportazzjoni (ara premessa (59) tar-Regolament (KE) Nru 366/2006 u premessa (11) tar-Regolament (KE) Nru 1424/2006).

(125)

Konsegwentement, ir-rati ta’ dazju definittiv ta’ kontra d-dumping għall-produtturi esportaturi kkonċernati għandu issa jkun aġġustat sabiex jikkunsidra l-livell rivedut ta’ benefiċċju rċevut minn sussidji ta’ esportazzjoni fil-perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni tal-investigazzjoni kurrenti ta’ kontra s-sussidji biex tirrifletti l-marġini ta’ dumping attwali li jibqa’ wara l-impożizzjoni tad-dazju kumpensatorju definittiv aġġustat li jpatti għall-effett tas-sussidji ta’ esportazzjoni.

(126)

Il-marġini tad-dumping preċedentement stabbiliti fir-rigward ta’ Ester Industries Limited, Garware Polyester Limited, Polyplex Corporation Limited u Uflex Limited (dak iż-żmien magħrufa bħala Flex Industries Limited) (13), kienu stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 366/2006 (ara premessa 50) u ammontaw għall-erba’ kumpaniji kkonċernati ta’ 29,3 %, 20,1 %, 3,7 % u 3,2 % rispettivament. Il-livell tal-marġini tad-dumping għal SRF Limited stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1424/2006 kien ta’ 15,5 %.

(127)

Skont il-benefiċċji minn sussidji ta’ esportazzjonijiet li nstabu fil-perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni u l-livell ta’ marġini tad-dumping preċedentement stabbilit, il-marġini u rati tad-dazju applikabbli għall-kumpaniji kkonċernati għandhom għalhekk ikunu kkalkolati kif indikat fit-tabella ta’ hawn isfel:

Kumpanija

Marġini ta’ Sussidju ta’ Esportazzjoni

Marġini ta’ Sussidju Totali

Marġini tad-Dumping preċedentement stabbilit

Dazju CVD

Dazju AD

Rata ta’ dazju totali

Ester Industries Limited

7,2  %

7,2  %

29,3  %

7,2  %

22,1  %

29,3  %

Garware Polyester Limited

5,4  %

5,4  %

20,1  %

5,4  %

14,7  %

20,1  %

Polyplex Corporation Limited

7,2  %

8,6  %

3,7  %

8,6  %

0,0  %

8,6  %

SRF Limited

5,4  %

5,4  %

15,5  %

5,4  %

10,1  %

15,5  %

Uflex Limited

6,1  %

6,4  %

3,2  %

6,4  %

0,0  %

6,4  %

(128)

Sabiex ikun ikkunsidrat il-livell rivedut ta’ dazju ta’ kontra d-dumping għall-ħames produtturi esportaturi kkonċernati, ir-Regolament (KE) Nru 1292/2007 għandu jkun emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 367/2006 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“2.   Ir-rata ta’ dazju kumpensatorju definittiv applikabbli għall-prezz nett liberu fil-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju, tal-prodotti manifatturati mill-kumpaniji mniżżla iktar ‘l isfel, għandu jkun kif ġej:

Kumpanija

Dazju definittiv (%)

Kodiċi Addizzjonali TARIC

Ester Industries Limited, 75-76, Amrit Nagar, Behind South Extension Part-1, New Delhi 110 003, India

7,2

A026

Garware Polyester Limited, Garware House, 50-A, Swami Nityanand Marg, Vile Parle (East), Mumbai 400 057, India

5,4

A028

Jindal Poly Films Limited, 56 Hanuman Road, New Delhi 110 001, India

17,1

A030

MTZ Polyfilms Limited, New India Centre, 5th Floor, 17 Co-operage Road, Mumbai 400 039, India

8,7

A031

Polyplex Corporation Limited, B-37, Sector-1, Noida 201 301, Dist. Gautam Budh Nagar, Uttar Pradesh, India

8,6

A032

SRF Limited, Block C, Sector 45, Greenwood City, Gurgaon 122 003, Haryana, India

5,4

A753

Uflex Limited, A-1, Sector 60, Noida 201 301 (U.P.), India

6,4

A027

Il-kumpaniji l-oħra kollha

19,1

A999 ”

Artikolu 2

Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1292/2007 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“2.   Ir-rata ta’ dazju ta’ kontra d-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett liberu fil-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju, tal-prodotti manifatturati mill-kumpaniji mniżżla iktar ‘l isfel, għandu jkun kif ġej:

Kumpanija

Dazju Definittiv (%)

Kodiċi Addizzjonali TARIC

Ester Industries Limited, 75-76, Amrit Nagar, Behind South Extension Part-1, New Delhi 110 003, India

22,1

A026

Garware Polyester Limited, Garware House, 50-A, Swami Nityanand Marg, Vile Parle (East), Mumbai 400 057, India

14,7

A028

Jindal Poly Films Limited, 56 Hanuman Road, New Delhi 110 001, India

0,0

A030

MTZ Polyfilms Limited, New India Centre, 5th Floor, 17 Co-operage Road, Mumbai 400 039, India

18,0

A031

Polyplex Corporation Limited, B-37, Sector-1, Noida 201 301, Dist. Gautam Budh Nagar, Uttar Pradesh, India

0,0

A032

SRF Limited, Block C, Sector 45, Greenwood City, Gurgaon 122 003, Haryana, India

10,1

A753

Uflex Limited, A-1, Sector 60, Noida 201 301 (U.P.), India

0,0

A027

Il-kumpaniji l-oħra kollha

17,3

A999 ”

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 8 ta’ Jannar 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

K. SCHWARZENBERG


(1)  ĠU L 288, 21.10.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 316, 10.12.1999, p. 1.

(3)  ĠU L 68, 8.3.2006, p. 15.

(4)  ĠU L 236, 31.8.2006, p. 1.

(5)  ĠU L 255, 29.9.2007, p. 1.

(6)  ĠU L 227, 23.8.2001, p. 1.

(7)  ĠU L 68, 8.3.2006, p. 6.

(8)  ĠU L 270, 29.9.2006, p. 1.

(9)  ĠU L 288, 6.11.2007, p. 1.

(10)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(11)  ĠU C 240, 12.10.2007, p. 6.

(*)  Sussidji mmarkati bi stilla huma sussidji ta’ esportazzjoni

(12)  Kummissjoni Ewropea – Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ – Direttorat B – N105, 04/90. – Rue de la Loi/Wetstraat 200 – B-1049 Brussell.

(13)  ĠU L 68, 8.3.2006, p. 6.


Top