EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R1179

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1179/2008 tat- 28 ta' Novembru 2008 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/55/KE dwar l-għajnuna reċiproka għall-irkupru ta' talbiet rigward ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra

OJ L 319, 29.11.2008, p. 21–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2011; Imħassar b' 32011R1189

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1179/oj

29.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 319/21


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1179/2008

tat-28 ta' Novembru 2008

li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/55/KE dwar l-għajnuna reċiproka għall-irkupru ta' talbiet rigward ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2008/55/KE tas-26 ta’ Mejju 2008 dwar l-għajnuna reċiproka għall-irkupru ta' talbiet li jirriżultaw minn ħidmiet li jiffurmaw parti mis-sistema li tiffinanzja l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija, u ta' imposti agrikoli u dazji doganali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 22 tagħha,

Billi:

(1)

Ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/55/KE ġew stabbiliti fid-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/94/KE (2). Madankollu, l-esperjenza wriet li, Direttiva, minħabba n-natura legali tagħha, mhix l-aktar strument legali effiċjenti sabiex jintlaħaq b’mod sħiħ il-fini ta’ proċedura uniformi għal għajnuna reċiproka. Għalhekk, huwa xieraq li dik id-Direttiva tiġi sostitwita b’Regolament.

(2)

Sabiex ikun iffaċilitat l-iskambju ta’ l-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri, it-talbiet kollha għal għajnuna u d-dokumenti u l-informazzjoni kollha ta’ akkumpanjament, sakemm ikun possibbli, għandhom jiġu kkomunikati b’mezzi elettroniċi.

(3)

Sabiex ikun żgurat li jiġu trażmessi dejta u informazzjoni xierqa, għandhom jiġu stabbiliti mudelli ta’ formoli għal talbiet għal għajnuna reċiproka fost l-awtoritajiet nazzjonali ta’ l-Istati Membri. Għandu jkun possibbli li l-istruttura u l-arranġament tal-formoli elettroniċi jiġu aġġornati mingħajr ma jiġu emendati l-mudelli sabiex dawk il-formoli jiġu adattati għar-rekwiżiti u għall-possibbiltajiet tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, sakemm it-talbiet jinkludu l-ġabra ta’ dejta u ta’ informazzjoni meħtieġa.

(4)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa l-effett u l-effiċjenza tal-proċeduri stabbiliti fid-Direttiva 2008/55/KE fuq bażi regolari, huwa xieraq li tiġi stabbilita ċerta informazzjoni li l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni kull sena.

(5)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Irkupru,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

ID-DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 4(2) u (4), l-Artikolu 5(2) u (3), l-Artikolu 7, l-Artikolu 8, l-Artikolu 9, l-Artikolu 11, l-Artikolu 12(1) u (2), l-Artikolu 14, l-Artikolu 18(3) u l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2008/55/KE.

Jistabbilixxi wkoll ir-regoli dettaljati dwar il-konverżjoni, it-trasferiment tas-somom irkuprati, l-iffissar ta’ ammont minimu għal talbiet li jistgħu jagħtu lok għal talba għal għajnuna, kif ukoll il-mezzi li permezz tagħhom jistgħu jiġu trażmessi l-komunikazzjonijiet bejn l-awtoritajiet.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

trażmissjoni “b’mezzi elettroniċi” tfisser trażmissjoni fejn jintuża tagħmir elettroniku għall-ipproċessar, inkluża l-kompressjoni diġitali, tad-dejta u l-użu ta’ wajers, trażmissjoni bir-radju, teknoloġiji ottiċi jew mezzi elettromanjetiċi oħrajn

(2)

“netwerk CCN/CSI” tfisser il-pjattaforma komuni bbażata fuq in-Netwerk ta’ Komunikazzjoni Komuni (CCN) u l-Interface tas-Sistema Komuni (CSI), li ġiet żviluppata mill-Komunità sabiex ikunu żgurati t-trażmissjonijiet kollha b’mezzi elettroniċi bejn l-awtoritajiet kompetenti fiż-żona tad-Dwana u tat-Tassazzjoni.

KAPITOLU II

IT-TALBIET GĦAL INFORMAZZJONI

Artikolu 3

It-talba għal informazzjoni li tissemma fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/55/KE għandha tinkludi l-ġabra ta’ dejta u ta’ informazzjoni inkluża fil-mudell tal-formola stabbilit fl-Anness I għal dan ir-Regolament.

Fejn talba simili ġiet indirizzata lil kwalunkwe awtorità oħra, l-awtorità applikanti għandha tindika isem dik l-awtorità fit-talba għall-informazzjoni tagħha.

Artikolu 4

It-talba għall-informazzjoni tista’ tkun relatata ma’ kwalunkwe persuna minn dawn li ġejjin:

(1)

id-debitur;

(2)

kwalunkwe persuna responsabbli għall-ħlas tat-talba skond il-liġi fis-seħħ fl-Istat Membru fejn tinsab l-awtorità applikanti (minn hawn ‘il quddiem se jissejjaħ “l-Istat Membru ta’ l-awtorità applikanti”);

(3)

kwalunkwe parti terza li jkollha assi li jappartjenu lil waħda mill-persuni li jissemmew fil-punt (1) jew (2).

Artikolu 5

1.   L-awtorità mitluba għandha tirrikonoxxi li rċeviet it-talba għall-informazzjoni mill-aktar fis possibbli u, ikun xi jkun il-każ, fi żmien sebat ijiem minn meta tkun irċevietha.

2.   Immedjatament malli tirċievi t-talba, l-awtorità mitluba għandha, fejn ikun xieraq, titlob lill-awtorità applikanti sabiex tipprovdi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa. L-awtorità applikanti għandha tipprovdi l-informazzjoni addizzjonali kollha meħtieġa li normalment ikollha aċċess għaliha.

Artikolu 6

1.   L-awtorità mitluba għandha titrażmetti kull punt ta’ l-informazzjoni mitluba lill-awtorità applikanti kif u meta jinkiseb.

2.   Fejn l-informazzjoni mitluba kollha jew parti minnha ma tistax tinkiseb f’perjodu raġonevoli ta’ żmien, wara li jitqies il-każ partikolari, l-awtorità mitluba għandha tinforma b’dan lill-awtorità applikanti, fejn tindika r-raġunijiet għal dan.

Ikun xi jkun il-każ, fi tmiem sitt xhur mid-data tar-rikonoxximent li ġiet riċevuta t-talba, l-awtorità mitluba għandha tinforma lill-awtorità applikanti bir-riżultat ta’ l-investigazzjonijiet li tkun wettqet sabiex tikseb l-informazzjoni mitluba.

Fid-dawl ta’ l-informazzjoni li ġiet riċevuta mill-awtorità mitluba, l-awtorità applikanti tista’ titlob lil ta’ l-aħħar biex tkompli l-investigazzjoni tagħha. Dik it-talba għandha ssir fi żmien xahrejn minn meta tiġi riċevuta n-notifika tar-riżultat ta’ l-investigazzjonijiet imwettqa mill-awtorità mitluba, u għandha tkun ittrattata mill-awtorità mitluba skond id-dispożizzjonijiet li japplikaw għat-talba inizjali.

Artikolu 7

Jekk l-awtorità mitluba tiddeċiedi li ma tissodisfax it-talba għall-informazzjoni, għandha tinnotifika lill-awtorità applikanti bir-raġunijiet għar-rifjut li tissodisfa t-talba, fejn tispeċifika d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/55/KE li fuqhom qed tistrieħ. Tali notifika għandha tingħata mill-awtorità mitluba hekk kif tieħu d-deċiżjoni tagħha u, ikun xi jkun il-każ, fi żmien tliet xhur mid-data tar-rikonoxximent li rċeviet it-talba.

Artikolu 8

L-awtorità applikanti tista’ tirtira t-talba għall-informazzjoni li tkun bagħtet lill-awtorità mitluba f’kull ħin. Id-deċiżjoni ta’ rtirar għandha tkun trażmessa lill-awtorità mitluba.

KAPITOLU III

IT-TALBIET GĦAL NOTIFIKA

Artikolu 9

It-talba għal notifika msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/55/KE għandha tinkludi l-ġabra ta’ dejta u ta’ informazzjoni inkluża fil-mudell tal-formola stabbilit fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

L-oriġinal jew kopja ċċertifikata ta’ l-istrument jew tad-deċiżjoni, li ntalbet in-notifika tiegħu, għandu jkun mehmuż mat-talba.

Artikolu 10

It-talba għan-notifika tista’ tkun relatata ma’ kwalunkwe persuna naturali jew legali li, skond il-liġi fis-seħħ fl-Istat Membru ta’ l-awtorità applikanti, ikun meħtieġ li tiġi informata bi kwalunkwe strument jew deċiżjoni li tikkonċerna lil dik il-persuna.

Sakemm dan ma jkunx indikat fl-istrument jew fid-deċiżjoni li ntalbet in-notifika tiegħu, it-talba għan-notifika għandha tirreferi għar-regoli fis-seħħ fl-Istat Membru ta’ l-awtorità applikant li jirregolaw il-proċedura għall-kontestazzjoni tat-talba jew għall-irkupru tagħha.

Artikolu 11

1.   L-awtorità mitluba għandha tirrikonoxxi li rċeviet it-talba għan-notifika mill-aktar fis possibbli u, ikun xi jkun il-każ, fi żmien sebat ijiem minn meta tirċeviha.

Immedjatament malli tirċievi t-talba għan-notifika, l-awtorità mitluba għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tagħmel in-notifika skond il-liġi fis-seħħ fl-Istat Membru fejn tinsab.

Jekk ikun meħtieġ, mingħajr ma tkun kompromessa d-data finali għan-notifika indikata fit-talba għan-notifika, l-awtorità mitluba għandha titlob lill-awtorità applikanti biex tipprovdi informazzjoni addizzjonali.

L-awtorità applikanti għandha tipprovdi l-informazzjoni addizzjonali kollha li normalment ikollha aċċess għaliha.

2.   L-awtorità mitluba għandha tinforma lill-awtorità applikanti bid-data tan-notifika hekk kif din issir, billi tiċċertifika n-notifika fil-forma tat-talba li tiġi rritornata lill-awtorità applikanti.

KAPITOLU IV

IT-TALBIET GĦAL IRKUPRU JEW GĦAL MIŻURI PREKAWZJONARJI

Artikolu 12

1.   It-talbiet għal irkupru jew għal miżuri prekawzjonarji li jissemmew fl-Artikoli 6 u 13 rispettivament tad-Direttiva 2008/55/KE għandhom jinkludu l-ġabra ta’ dejta u ta’ informazzjoni inkluża fil-mudell tal-formola stabbilit fl-Anness III għal dan ir-Regolament.

Tali talbiet għandhom jinkludu dikjarazzjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2008/55/KE biex jingħata bidu għall-proċedura ta’ għajnuna reċiproka ġew sodisfatti.

2.   L-oriġinal jew kopja ċċertifikata ta’ l-istrument li jippermetti infurzar għandu jakkumpanja t-talba għall-irkupru jew għall-miżuri prekawzjonarji. Strument wieħed jista’ jinħareġ fir-rigward ta’ diversi talbiet fejn jikkonċernaw lill-istess persuna.

Għall-finijiet ta’ l-Artikoli 13 sa 20 ta’ dan ir-Regolament, it-talbiet kollha koperti mill-istess strument li jippermetti l-infurzar għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu talba waħda.

Artikolu 13

It-talbiet għall-irkupru jew għall-miżuri prekawzjonarji jistgħu jkunu relatati ma kwalunkwe persuna li tissemma fl-Artikolu 4.

Artikolu 14

1.   Jekk il-munita ta’ l-Istat Membru ta’ l-awtorità mitluba tkun differenti mill-munita ta’ l-Istat Membru ta’ l-awtorità applikanti, l-awtorità applikanti għandha tesprimi l-ammont tat-talba li għandu jiġi rkuprat fiż-żewġ muniti.

2.   Ir-rata tal-kambju li għandha tintuża għall-finijiet tal-paragrafu 1 għandha tkun l-aktar rata tal-bejgħ reċenti rreġistrata fuq is-suq tal-kambju l-aktar rappreżentattiv jew fuq is-swieq tal-kambju l-aktar rappreżentattivi ta’ l-Istat Membru ta’ l-awtorità applikanti fid-data meta tintbagħat it-talba għall-irkupru.

Artikolu 15

1.   Mill-aktar fis possibbli u, ikun xi jkun il-każ, fi żmien sebat ijiem minn meta tirċievi t-talba għall-irkupru jew għall-miżuri prekawzjonarji, l-awtorità mitluba għandha:

(a)

tirrikonoxxi li rċeviet it-talba;

(b)

titlob lill-awtorità applikanti biex timla t-talba jekk ma jkunx fiha l-informazzjoni jew partikolaritajiet oħra li tissemma fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/55/KE.

2.   Jekk l-awtorità mitluba ma tieħux l-azzjoni meħtieġa fi żmien il-perjodu ta’ tliet xhur stabbilit fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/55/KE, mill-aktar fis possibbli u, ikun xi jkun il-każ, fi żmien sebat ijiem mill-iskadenza ta’ dak il-perjodu, għandha tinforma lill-awtorità applikanti bir-raġunijiet għaliex naqset milli tkun konformi mal-limitu ta’ żmien.

Artikolu 16

Fejn, fi żmien raġonevoli meta jitqies il-każ partikolari, it-talba kollha jew parti minnha ma tistax tiġi rkuprata jew ma jistgħux jittieħdu miżuri prekawzjonarji, l-awtorità mitluba għandha tinforma b’dan lill-awtorità applikanti, fejn tindika r-raġunijiet għal dan.

Mhux aktar tard minn tmiem kull perjodu ta’ sitt xhur wara d-data ta’ rikonoxximent li ġiet riċevuta t-talba, l-awtorità mitluba għandha tinforma lill-awtorità applikanti bl-istat ta’ progress jew bir-riżultat tal-proċedura għall-irkupru jew għall-miżuri prekawzjonarji.

Fid-dawl ta’ l-informazzjoni riċevuta mill-awtorità mitluba, l-awtorità applikanti tista’ titlob li din ta’ l-aħħar biex terġa’ tagħti bidu għall-proċedura għall-irkupru jew għall-miżuri prekawzjonarji. Dik it-talba għandha ssir fi żmien xahrejn minn meta tiġi riċevuta n-notifika tar-riżultat ta’ dik il-proċedura u għandha tkun ittrattata mill-awtorità mitluba skond id-dispożizzjonijiet li japplikaw għat-talba inizjali.

Artikolu 17

1.   Kwalunkwe azzjoni li tikkontesta t-talba jew l-istrument li jippermetti li tiġi infurzata li tittieħed fl-Istat Membru ta’ l-awtorità applikanti għandha tiġi nnotifikata lill-awtorità mitluba mill-awtorità applikanti immedjatament wara li din ta’ l-aħħar tkun ġiet informata b’tali azzjoni.

2.   Jekk il-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattiki amministrattivi fis-seħħ fl-Istat Membru ta’ l-awtorità mitluba ma jippermettux miżuri prekawzjonarji jew l-irkupru mitluba skond it-tieni sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2008/55/KE, l-awtorità mitluba għandha tinnotifika lill-awtorità b’dan mill-aktar fis possibbli u, ikun xi jkun il-każ, fi żmien xahar minn meta tiġi riċevuta n-notifika li tissemma fil-paragrafu 1.

3.   Kwalunkwe azzjoni li tittieħed fl-Istat Membru ta’ l-awtorità mitluba għar-rimbors tas-somom irkuprati jew għall-kumpens b’relazzjoni għall-irkupru tat-talbiet ikkontestati skond it-tieni sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2008/55/KE għandha tiġi nnotifikata lill-awtorità applikanti mill-awtorità mitluba immedjatament wara li din ta’ l-aħħar tkun ġiet informata b’tali azzjoni.

L-awtorità mitluba għandha, sakemm ikun possibbli, tinvolvi lill-awtorità applikanti fil-proċeduri sabiex jitħallsu l-ammont li għandu jiġi rrimborsat u l-kumpens dovut. Fuq talba raġunata mingħand l-awtorità mitluba, l-awtorità applikanti għandha titrasferixxi s-somom rimborsati u l-kumpens imħallas fi żmien xahrejn minn meta tiġi riċevuta dik it-talba.

Artikolu 18

1.   Jekk it-talba għall-irkupru jew għall-miżuri prekawzjonarji ma jkolliex aktar fini minħabba l-ħlas tat-talba jew il-kanċellazzjoni tagħha jew għal kwalunkwe raġuni oħra, l-awtorità applikanti għandha tinforma immedjatament lill-awtorità mitluba sabiex din ta’ l-aħħar tkun tista’ twaqqaf kwalunkwe azzjoni li tkun ħadet.

2.   Fejn l-ammont tat-talba li hija s-suġġett tat-talba għall-irkupru jew għall-miżuri prekawzjonarji jiġi aġġustat għal kwalunkwe raġuni, l-awtorità applikanti għandha tinforma lill-awtorità mitluba, u jekk ikun meħtieġ, għandha toħroġ strument ieħor li jippermetti l-infurzar.

3.   Jekk l-aġġustament jinvolvi tnaqqis fl-ammont tat-talba, l-awtorità mitluba għandha tkompli bl-azzjoni li ħadet sabiex tirkupra t-talba jew tieħu miżuri prekawzjonarji, imma dik l-azzjoni għandha tkun limitata għall-ammont li jkun għadu ma tħallasx.

Jekk, fiż-żmien meta l-awtorità mitluba tiġi informata bit-tnaqqis fl-ammont tat-talba, ammont li jeċċedi l-ammont li għadu ma tħallasx diġà jkun ġie rkuprat minnha imma l-proċedura ta’ trasferiment li tissemma fl-Artikolu 19 tkun għadha ma nbdietx, l-awtorità mitluba għandha tħallas lura l-ammont żejjed li tħallas lill-persuna intitolata għalih.

4.   Jekk l-aġġustament jinvolvi żieda fl-ammont tat-talba, mill-aktar fis possibbli, l-awtorità applikanti għandha tindirizza lill-awtorità mitluba talba addizzjonali għal irkupru jew għal miżuri prekawzjonarji.

Dik it-talba addizzjonali, sakemm ikun possibbli, għandha tkun ittrattata mill-awtorità mitluba fl-istess żmien bħat-talba oriġinali mill-awtorità applikanti. Fejn, minħabba l-istat ta’ progress tal-proċedura eżistenti, il-konsolidament tat-talba addizzjonali mat-talba oriġinali ma jkunx possibbli, l-awtorità mitluba għandha tkun meħtieġa li tissodisfa t-talba addizzjonali biss jekk tikkonċerna ammont mhux inqas minn dak li jissemma fl-Artikolu 25(2).

5.   Sabiex tikkonverti l-ammont aġġustat tat-talba fil-munita ta’ l-Istat Membru ta’ l-awtorità mitluba, l-awtorità applikanti għandha tuża r-rata tal-kambju li ntużat fit-talba oriġinali tagħha.

Artikolu 19

Kwalunkwe somma rkuprata mill-awtorità mitluba, inkluż, fejn ikun applikabbli, l-imgħax li jissemma fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2008/55/KE, għandha tiġi ttrasferita lill-awtorità applikanti fil-munita ta’ l-Istat Membru ta’ l-awtorità mitluba. It-trasferiment għandu jsir fi żmien xahar mid-data meta sar l-irkupru.

L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jistgħu jilħqu ftehim rigward arranġamenti differenti għat-trasferiment ta’ ammonti taħt il-limitu li jissemma fl-Artikolu 25(2) ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 20

Irrispettivament minn kwalunkwe ammont miġbur mill-awtorità mitluba bħala l-imgħax li jissemma fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2008/55/KE, it-talba għandha titqies li ġiet irkuprata fi proporzjon għall-ikrupru ta’ l-ammont espress fil-munita nazzjonali ta’ l-Istat Membru ta’ l-awtorità mitluba, fuq il-bażi tar-rata tal-kambju li tissemma fl-Artikolu 14(2) ta’ dan ir-Regolament.

KAPITOLU V

IT-TRAŻMISSJONI TAL-KOMUNIKAZZJONIJIET

Artikolu 21

1.   It-talbiet għal għajnuna, l-istrumenti li jippermettu l-infurzar u l-kopji ta’ dawn l-istrumenti kollha, kif ukoll kwalunkwe dokument ta’ akkumpanjament ieħor, flimkien ma’ kwalunkwe informazzjoni oħra kkomunikata rigward dawn it-talbiet, sakemm ikun possibbli, għandhom ikunu trażmessi b’mezzi elettroniċi permezz tan-netwerk CCN/CSI.

Tali dokumenti trażmessi f’forma elettronika jew f’forma stampata għandu jitqies li għandhom l-istess effett legali bħad-dokumenti trażmessi bil-posta.

2.   Jekk l-awtorità applikanti tibgħat kopja ta’ l-istrument li jippermetti l-infurzar jew ta’ kwalunkwe dokument ieħor, għandha tiċċertifika l-konformità ta’ din il-kopja ma’ l-oriġinali, billi f’din il-kopja ssemmi, fl-ilsien uffiċjali jew f’wieħed mill-ilsna uffiċjali ta’ l-Istat Membru li l-awtorità tinsab fih, il-kelmiet “kopja vera ċċertifikata” (“a certified true copy”), l-isem ta’ l-uffiċjal ta’ ċertifikazzjoni u d-data ta’ din iċ-ċertifikazzjoni.

3.   Jekk talbiet għal għajnuna reċiproka jiġu trażmessi b’mezzi elettroniċi, l-istruttura u l-arranġament tal-mudelli li jissemmew fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3, fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 9 u fl-Artikolu 12(1) jistgħu jiġu adattati għar-rekwiżiti u għall-possibbiltajiet tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, sakemm il-kontenut ta’ l-informazzjoni ma jitbiddilx.

4.   Jekk talba ma tistax tiġi trażmessa b’mezzi elettroniċi, għandha tiġi trażmessa bil-posta. F’dak il-każ, it-talba għandha tkun iffirmata minn uffiċjal ta’ l-awtorità applikanti, li jkun ġie debitament awtorizzat biex jagħmel tali talba.

Artikolu 22

Kull Stat Membru għandu jinnomina uffiċċju ċentrali b’responsabbiltà prinċipali għall-komunikazzjoni b’mezzi elettroniċi ma’ Stati Membri oħra. Dak l-uffiċċju għandu jkun konness man-netwerk CCN/CSI.

Fejn f’Stat Membru jinħatru diversi awtoritajiet sabiex jiġi applikat dan ir-Regolament, l-uffiċċju ċentrali għandu jkun responsabbli biex jgħaddi l-komunikazzjoni kollha b’mezzi elettroniċi bejn dawk l-awtoritajiet u l-uffiċċji ċentrali ta’ l-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 23

1.   Fejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jżommu l-informazzjoni f’databases elettroniċi u jiskambjaw tali informazzjoni b’mezzi elettroniċi, dawn għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw irwieħhom li kwalunkwe informazzjoni kkomunikata, f’liema forma tkun, skond dan ir-Regolament tiġi ttrattata bħala kunfidenzjali.

L-informazzjoni għandha tkun koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali u għandu jkollha l-ħarsien li jiġi estiż għal informazzjoni simili skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru li rċevieha.

2.   L-informazzjoni li tissemma fil-paragrafu 1 tista’ titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-persuni u ta’ l-awtoritajiet li jissemmew fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/55/KE biss.

Tali informazzjoni tista’ tintuża b’konnessjoni ma’ proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi li jinbdew għall-irkupru ta’ imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra li jissemmew fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/55/KE.

Il-persuni debitament akkreditati mill-Awtorità ta’ Akkreditazzjoni tas-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea jista’ jkollhom aċċess għal din l-informazzjoni biss sakemm ikun meħtieġ għall-kura, għall-manutenzjoni u għall-iżvilupp tan-netwerk CCN/CSI.

3.   Fejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jikkomunikaw b’mezzi elettroniċi, dawn għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw irwieħhom li l-komunikazzjonijiet kollha jiġu debitament awtorizzati.

Artikolu 24

L-informazzjoni u l-partikolaritajiet l-oħra kkomunikati mill-awtorità mitluba lill-awtorità applikanti għandhom jingħataw fl-ilsien uffiċjali jew f’wieħed mill-ilsna uffiċjali ta’ l-Istat Membru ta’ l-awtorità mitluba jew fi lsien ieħor li dwaru jkun hemm ftehim bejn l-awtorità applikanti u dik mitluba.

KAPITOLU VI

L-ELIĠIBBILTÀ U R-RIFJUT TAT-TALBIET GĦAL GĦAJNUNA

Artikolu 25

1.   Talba għal għajnuna tista’ ssir mill-awtorità applikanti rigward jew talba waħda jew diversi talbiet fejn dawk jistgħu jiġu rkuprati mingħand l-istess persuna.

2.   Ma tista ssir l-ebda talba għal għajnuna jekk l-ammont totali tat-talba jew tat-talbiet rilevanti elenkata fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/55/KE ikun inqas minn EUR 1 500.

Artikolu 26

Jekk l-awtorità mitluba tiddeċiedi, skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/55/KE, li tirrifjuta talba għal għajnuna, għandha tinnotifika lill-awtorità applikanti bir-raġunijiet għar-rifjut. Tali notifika għandha tingħata mill-awtorità mitluba hekk kif tieħu d-deċiżjoni tagħha u, ikun xi jkun il-każ, fi żmien tliet xhur mid-data meta tirċievi t-talba għall-għajnuna.

KAPITOLU VII

L-ARRANĠAMENTI GĦAR-RIMBORS

Artikolu 27

Kull Stat Membru għandu jaħtar mill-inqas uffiċjal wieħed debitament awtorizzat sabiex jiftiehem dwar arranġamenti għal rimbors skond l-Artikolu 18(3) tad-Direttiva 2008/55/KE.

Artikolu 28

1.   Jekk l-awtorità mitluba tiddeċiedi li titlob arranġamenti ta’ rimbors, għandha tinnotifika lill-awtorità applikanti bir-raġunijiet għal fehmitha li l-irkupru tat-talba qed joħloq problema speċifika, jinvolvi spejjeż ferm kbar jew ikun relatat mal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.

L-awtorità mitluba għandha tehmeż stima dettaljata ta’ l-ispejjeż li għalihom qed titlob rimbors miill-awtorità applikanti.

2.   L-awtorità applikanti għandha tirriknoxxi li rċeviet it-talba għall-arranġamenti għar-rimbors mill-aktar fis possibbli u, ikun xi jkun il-każ, fi żmien sebat ijiem minn meta tkn irċevietha.

Fi żmien xahrejn mid-data tar-rikonoxximent li l-imsemmiija talba ġiet riċevuta, l-awtorità applikanti għandha tinforma lill-awtorità mitluba jekk u sa liema punt taqbel ma’ l-arranġamenti għar-rimbors proposti.

3.   Jekk ma jista’ jintlaħaq l-ebda ftehim bejn l-awtorità applikanti u dik mitluba rigward l-arranġamenti għar-rimbors, l-awtorità mitluba għandha tkompli normalment bil-proċeduri ta’ rkupru.

KAPITOLU VIII

ID-DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 29

Qabel il-15 ta’ Marzu ta’ kull sena, kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni, sakemm ikun possibbli b’mezzi elettroniċi, bl-użu li sar mill-proċeduri stabbiliti fid-Direttiva 2008/55/KE u bir-riżultati li nkisbu fis-sena kalendarja preċedenti.

Il-komunikazzjoni ta’ dik l-informazzjoni għandha tinkludi l-elementi nklużi fil-mudell tal-formola stabbilit fl-Anness IV għal dan ir-Regolament.

Il-komunikazzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni addizzjonali, relatata man-natura tat-talbiet li għalihom intalbet jew ingħatat għajnuna għall-irkupru, għandha tinkludi l-elementi li jinsabu fil-mudell tal-formola stabbilit fl-Anness V għal dan ir-Regolament.

Artikolu 30

Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bl-isem u bl-indirizz ta’ l-awtoritajiet kompetenti sabiex jiġi applikat dan ir-Regolament, kif ukoll ta’ l-uffiċjali awtorizzati biex jilħqu ftehim rigward l-arranġamenti skond l-Artikolu 18(3) tad-Direttiva 2008/55/KE.

Artikolu 31

B’dan qed tiġi revokata d-Direttiva 2002/94/KE.

Ir-referenzi għal dik id-Direttiva għandhom jiġu nterpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 32

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 28 ta’ Novembru 2008.

Għall-Kummissjoni

László KOVÁCS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 150, 10.6.2008, p. 28.

(2)  ĠU L 337, 13.12.2002, p. 41.


ANNESS I

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS II

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS III

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS IV

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS V

Image

Test ta 'immaġni

Top