EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0954

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2008 tal- 25 ta’ Settembru 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 682/2007 li jimponi dazju ta’ l-anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċertu qamħ ħelu bil-qalba, ippreparat jew ippreservat, u li joriġina mit-Tajlandja

OJ L 260, 30.9.2008, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 11 Volume 081 P. 300 - 304

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/06/2012

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/954/oj

30.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 260/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 954/2008

tal-25 ta’ Settembru 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 682/2007 li jimponi dazju ta’ l-anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċertu qamħ ħelu bil-qalba, ippreparat jew ippreservat, u li joriġina mit-Tajlandja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikulari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   IL-MIŻURI FIS-SEĦĦ

(1)

Bir-Regolament (KE) Nru 682/2007 (2) (ir-“Regolament definittiv”), il-Kunsill impona dazju ta’ l-anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet fil-Komunità ta’ ċertu qamħ ħelu bil-qalba, ippreparat jew ippreservat, u li joriġina mit-Tajlandja (“il-prodott ikkonċernat”), normalment iddikjarat fil-kodiċijiet tan-NM ex 2001 90 30 u ex 2005 80 00. Minħabba l-għadd kbir ta’ partijiet li kkooperaw, matul l-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri ġie magħżul kampjun ta’ produtturi esportaturi Tajlandiżi.

(2)

Il-kumpaniji magħżula ngħataw ir-rati individwali tad-dazju stabbiliti matul l-investigazzjoni. Dazju ta’ 12,9 % li japplika mal-pajjiż kollu, ibbażat fuq il-marġini ta’ dumping b’piż differenzjat tal-partijiet li kienu fil-kampjun, kien impost fuq il-kumpaniji l-oħra kollha.

B.   L-INVESTIGAZZJONI PREŻENTI

(3)

Fit-30 ta’ Awwissu 2007, wara l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ qamħ ħelu li joriġina mit-Tajlandja, Kuiburi Fruit Canning Co., Limited (“Kuiburi” jew “il-kumpanija”), produttur esportatur, li ma ntgħażlitx fil-kampjun iżda li pprovdiet lill-Kummissjoni tweġiba bi kwestjonarju sħiħ u li kienet talbet eżaminazzjoni individwali, ippreżentat applikazzjoni fil-Qorti tal-Prim’Istanza. F’din l-applikazzjoni, il-kumpanija qalet li kellha ssirilha eżaminazzjoni individwali.

(4)

Mingħajr ħsara għall-pożizzjoni li l-istituzzjonijiet tal-Komunità se jieħdu jekk din il-kawża titkompla mill-applikant, il-Kummissjoni ddeċidiet fuq inizjattiva proprja li tibda ftuħ parzjali mill-ġdid tal-investigazzjoni dwar l-anti-dumping (3). Il-ftuħ mill-ġdid kien limitat fl-ambitu għall-eżaminazzjoni ta’ dumping safejn hi kkonċernata l-Kuiburi.

(5)

Il-Kummissjoni uffiċjalment avżat lil Kuiburi, lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur u lill-industrija Komunitarja, dwar il-ftuħ parzjali mill-ġdid tal-investigazzzjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jinstemgħu.

(6)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni mogħtija minn Kuiburi li dehrilha li kienet neċessarja għad-determinazzjoni ta’ dumping u għamlet żjara ta’ verifika fil-bini tal-kumpanija.

(7)

Kif stabbilit fir-Regolament definittiv, l-investigazzjoni ta’ dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 Diċembru 2005 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni” jew “PI”).

C.   IR-RIŻULTATI

1.   Dumping

(8)

Il-metodoloġija użata għall-kalkolu ta’ dumping kienet l-istess bħal dik applikata għall-kumpaniji li ttieħdu bħala kampjun, kif deskritt fil-premessi (21)-(36) tar-Regolament (KE) Nru 1888/2006 (4) (ir-“Regolament proviżorju”), u kkonfermat fir-Regolament definittiv.

Valur normali

(9)

Għad-determinazzjoni tal-valur normali, il-Kummissjoni l-ewwel stabbiliet jekk it-total tal-bejgħ domestiku tal-prodott simili kienx rappreżentattiv meta mqabbel mal-bejgħ totali tal-kumpanija fl-esportazzjoni lejn il-Komunità. Skont l-Artikolu 2(2), l-ewwel sentenza, tar-Regolament bażiku, il-bejgħ domestiku tal-prodott simili hu kkunsidrat li hu rappreżentattiv jekk il-volum tal-bejgħ domestiku tal-kumpanija jaqbeż 5 % tal-bejgħ totali ta’ esportazzjoni lejn il-Komunità.

(10)

Ġie stabbilit li l-prodott simili assolutament ma nbiegħx fis-suq domestiku. Għalhekk, il-valur normali kellu jkun maħdum skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku. Il-valur normali ġie maħdum billi ġie miżjud mal-ispiża ta’ manifattura ta’ kull tip esportata lejn il-Komunità, ikkoreġut fejn kien il-każ, ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, flimkien ma’ dawk ġenerali u amministrattivi (SG&A), u l-profitt. Bħalma ġara fl-investigazzjoni oriġinali, ġie deċiż li l-ispejjeż tal-bejgħ, flimkien ma’ dawk ġenerali u amministrattivi (SG&A), u l-profitt, ma jiġux stabbiliti abbażi tal-Artikolu 2(6)(a) tar-Regolament bażiku, minħabba li kienet waħda biss il-kumpanija minn dawk inklużi fil-kampjun li kellha bejgħ domestiku rappreżentattiv għal dak il-prodott simili. Għaldaqstant, anke b’konformità ma’ dak li kien sar fl-investigazzjoni oriġinali, l-ispejjeż tal-bejgħ, flimkien ma’ dawk ġenerali u amministrattivi (SG&A), u l-profitt, kienu ddeterminati skont l-Artikolu 2(6)(b) billi Kuiburi kellha bejgħ rappreżentattiv, fil-proċess ordinarju ta’ kummerċ, tal-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti.

(11)

L-ispejjeż ta’ manifattura kif ukoll dawk ta’ SG&A rrappurtati, nstabu li kienu anqas milli fil-fatt kienu u ġew ikkoreġuti qabel ma ntużaw biex jiġi maħdum il-valur normali.

(12)

Wara r-rivelazzjoni tal-fatti u tal-konsiderazzjonijiet essenzjali li jiffurmaw il-bażi tar-riżultati f’dan il-proċediment, il-kumpanija Kuiburi sostniet li meta wieħed jiġi biex jiddetermina l-valur normali, l-ammonti tal-ispejjeż tal-bejgħ, flimkien ma’ dawk ġenerali u amministrattivi (SG&A), u l-profitt, għandhom ikunu stabbiliti skont l-Artikolu 2(6)(c) tar-Regolament bażiku. Il-kumpanija argumentat li l-Artikolu 2(6)(b) ma setax jintuża minħabba li l-bejgħ domestiku ta’ prodotti oħrajn (i) kien jinkludi l-prodotti mhux fil-bott u (ii) f’kull każ, ma kienx rappreżentattiv. Fejn jidħol l-ewwel argument, id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat ma tinkludix xi tip speċifiku ta’ reċipjent u għaldaqstant ma hijiex limitata għal prodotti ppakkjati fil-bott. B’analoġija, l-istess jgħodd għall-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti. Fejn jidħol it-tieni argument, ta’ min jinnota li l-limitu ta’ 5 % li hemm referenza għalih fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku jservi biex jiddetermina r-rappreżentattività tal-bejgħ domestiku tal-prodott simili (kif imqabbel mal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat lejn il-Komunità). Mhuwiex meħtieġ, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6)(b), li l-bejgħ tal-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti tkun tirrappreżenta aktar mil-limitu ta’ 5 %. F’kull każ, il-bejgħ tal-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti li tagħmel il-kumpanija kif imqabbel mal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat lejn il-Komunità, huwa sinifikanti ħafna u, għaldaqstant, rappreżentattiv. Fid-dawl ta’ dan t’hawn fuq, l-argumenti tal-kumpanija ma jistgħux jiġu aċċettati u huwa kkonfermat li l-ispejjeż tal-bejgħ, flimkien ma’ dawk ġenerali u amministrattivi (SG&A), u l-profitt, huma stabbiliti skont l-Artikolu 2(6)(b) tar-Regolament bażiku.

(13)

Il-kumpanija Kuiburi iddikjarat li jekk l-ispejjeż tal-bejgħ, flimkien ma’ dawk ġenerali u amministrattivi (SG&A), u l-profitt, kienu stabbiliti skont l-Artikolu 2(6)(b) tar-Regolament bażiku, ried isir livell ta’ aġġustament ta’ kummerċ fuq il-profitt użat biex jiġi ddeterminat il-valur normali minħabba li din tbigħ prodotti bil-marka ta’ bejjiegħ bl-imnut lill-KE u taħlita ta’ prodotti bil-marka tagħhom infushom u b’dik ta’ bejjiegħ bl-imnut domestikament. F’dan ir-rigward, huwa importanti li wieħed jinnota li l-kumpanija Kuiburi kienet allokat il-kost tal-bejgħ abbażi tal-fatturat. Konsegwentement, l-ispejjeż tal-bejgħ, flimkien ma’ dawk ġenerali u amministrattivi (SG&A), u l-profitt, ammontaw għall-istess livell totali fil-każ tal-bejgħ tat-tipi kollha ta’ prodott għas-swieq kollha u l-figuri tal-profitt li kienu rrappurtati kienu jirriflettu biss xi varjazzjoni żgħira fl-ispejjeż ta’ SG&A. Għaldaqstant, ma setax ikun stabbilit li l-figuri rrappurtati kienu jirriflettu differenzi fil-livell ta’ kummerċ. Bħala konsegwenza, mhu awtorizzat ebda aġġustament ta’ livell fil-kummerċ fuq il-profitt, u l-argument tal-kumpanija Kuiburi mhux aċċettat.

Il-prezz tal-esportazzjoni

(14)

Il-bejgħ kollu tal-kumpanija sar direttament lill-klijenti mhux relatati fil-Komunità. Għal dak il-bejgħ, il-prezz tal-esportazzjoni kien stabbilit skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, abbażi tal-prezzijiet li fil-fatt tħallsu jew li huma pagabbli minn dawn il-klijenti indipendenti fil-Komunità.

Il-paragun

(15)

Il-paragun bejn il-valur normali u l-prezz għall-esportazzjoni sar abbażi tal-ħruġ mill-fabbrika. Sabiex jiġi żgurat paragun ġust, tqiesu, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, id-differenzi fil-fatturi li jaffettwa l-paragunar tal-prezzijiet. Fejn applikabbli u ġġustifikat, ingħataw konċessjonijiet għad-differenzi fl-ispejjeż għat-trasport, l-ipproċessar tal-ordni, il-kummissjonijiet, u l-kreditu.

(16)

L-ispejjeż ta’ SG&A użati biex jiġi maħdum valur normali skont il-metodoloġija ddefinita hawn fuq, inkludew l-ispejjeż għall-kummissjonijiet. Għalhekk, għalkemm ma saret ebda talba f’dan ir-rigward, sar aġġustament ex-officio fil-valur normali skont l-Artikolu 2(10)(e) biex jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ SG&A bl-ammont tal-ispejjeż li saru fir-rigward tal-kummissjonijiet.

Il-marġini ta’ dumping

(17)

Il-marġini ta’ dumping ta’ Kuiburi ġie stabbilit abbażi ta’ tqabbil ta’ valur normali b’piż differenzjat ma’ prezz tal-esportazzjoni b’piż differenzjat, skont l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(18)

Il-paragun wera li kien hemm dumping. Il-marġini ta’ dumping b’piż differenzjat stabbilit għall-kumpanija, espress bħala perċentwali tal-prezz tas-CIF mal-fruntiera Komunitarja, jammonta għal 14,3 %.

2.   Livell ta’ eliminazzjoni ta’ ħsara

(19)

Skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, il-livell tal-miżura tal-anti-dumping għandu jkun biżżejjed biex jelimina l-ħsara lill-industrija tal-Komunità kkawżata mill-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping, mingħajr ma jinqabeż il-marġini ta’ dumping misjub. Il-kalkolu tal-prezz li jelimina l-ħsara ġie deskritt fil-premessi (120)-(122) tar-Regolament proviżorju.

(20)

Iż-żieda meħtieġa fil-prezz imbagħad ġiet iddeterminata fuq bażi ta’ paragun, għal kull tip ta’ prodott, tal-prezz tal-importazzjoni b’piż differenzjat, kif stabbilit għall-kalkoli tal-bejgħ bi prezz aktar baxx minn dak tas-suq, bil-prezz li jelimina l-ħsara tal-prodott simili mibjugħ mill-industrija Komunitarja fis-suq tal-Komunità. Kull differenza li tirriżulta minn dan il-paragun ġiet imbagħad espressa bħala perċentwali tal-prezz tal-valur totali tas-CIF mal-fruntiera Komunitarja.

(21)

Il-paragun tal-prezzijiet ta’ hawn fuq wera marġini ta’ ħsara ta’ 17,5 %.

D.   IL-MODIFIKA TAL-LISTA TA’ KUMPANIJI LI JGAWDU MINN RATI INDIVIDWALI TAD-DAZJU

(22)

Fid-dawl tar-riżultati tal-investigazzjoni, hu kkunsidrat li dazju ta’ l-anti-dumping definittiv għandu jiġi impost fuq l-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-kumpanija fil-livell tal-marġini misjub ta’ dumping, iżda, skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, dan ma għandux ikun ogħla mill-marġini ta’ ħsara stabbilit għal Kuiburi u ppreżentat fil-premessa (21).

(23)

Għaldaqstant, id-dazju ta’ l-anti-dumping applikabbli għall-prezz tas-CIF mal-fruntiera tal-Komunità għandu jkun ta’ 14,3 %. Billi, skont il-premessa (57) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 682/2007, id-dazju għall-kumpaniji li ma jikkooperawx fl-investigazzjoni għandu jiġi stabbilit fil-livell tal-ogħla dazju li jrid jiġi impost fuq il-kumpaniji li kkooperaw fl-investigazzjoni, dan id-dazju issa hu ta’ 14,3 %. Madankollu, minħabba li l-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni ma kellux bħala l-għan tiegħu li jinkludi lill-kumpanija Kuiburi fil-kampjun, iżda li jagħmel eżaminazzjoni individwali tal-kumpanija Kuiburi abbażi tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, ma jkunx xieraq li jiġi kkalkulat mill-ġdid id-dazju għall-fabbrikanti imniżżla fl-Anness I.

(24)

Il-kumpanija Kuiburi u l-industrija Komunitarja ġew infurmati bir-riżultati tal-investigazzjoni u kellhom l-opportunità li jibagħtu l-kummenti tagħhom,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 682/2007 għandu jinbidel kif ġej:

“2.   Ir-rata tad-dazju ta’ l-anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett u ħieles mal-fruntiera Komunitarja, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u manifatturati mill-kumpaniji mniżżla hawn taħt għandha tkun kif ġej:

Kumpanija

Dazju ta’ l-anti-dumping (%)

Il-kodiċi addizzjonali TARIC

Karn Corn Co, Ltd., 68 Moo 7 Tambol Saentor,

Thamaka, Kanchanaburi 71130, it-Tajlandja

3,1

A789

Kuiburi Fruit Canning Co., Ltd., 236 Krung Thon Muang Kaew Building, Sirindhorn Rd., Bangplad, Bangkok 10700, it-Tajlandja

14,3

A890

Malee Sampran Public Co., Ltd., Abico Bldg. 401/1 Phaholyothin Rd., Lumlookka, Pathumthani 12130, it-Tajlandja

12,8

A790

River Kwai International Food Industry Co., Ltd., 52 Thaniya Plaza, 21st. Floor, Silom Rd., Bangrak, Bangkok 10500, it-Tajlandja

12,8

A791

Sun Sweet Co., Ltd., 9 M. 1, Sanpatong,

Chiangmai, it-Tajlandja 50120

11,1

A792

Il-produtturi elenkati fl-Anness I

12,9

A793

Il-kumpaniji l-oħra kollha

14,3

A999 ”

Artikolu 2

L-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 682/2007 għandu jinbidel kif ġej:

“ANNESS I

Lista tal-manufatturi li jikkooperaw imsemmija fl-Artikolu 1(2) taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC A793:

Isem

Indirizz

Agro-on (Thailand) Co., Ltd.

50/499-500 Moo 6, Baan Mai, Pakkret,

Monthaburi 11120, Thailand

B.N.H. Canning Co., Ltd.

425/6-7 Sathorn Place Bldg., Klongtonsai,

Klongsan, Bangkok 10600, Thailand

Boonsith Enterprise Co., Ltd.

7/4 M.2, Soi Chomthong 13, Chomthong Rd.,

Chomthong, Bangkok 10150, Thailand

Erawan Food Public Company Limited

Panjathani Tower 16th floor, 127/21 Nonsee Rd.,

Chongnonsee, Yannawa, Bangkok 10120, Thailand

Great Oriental Food Products Co., Ltd.

888/127 Panuch Village, Soi Thanaphol 2,

Samsen-Nok, Huaykwang, Bangkok 10310, Thailand

Lampang Food Products Co., Ltd.

22K Building, Soi Sukhumvit 35, Klongton Nua,

Wattana, Bangkok 10110, Thailand

O.V. International Import-Export Co., Ltd.

121/320 Soi Ekachai 66/6, Bangborn,

Bangkok 10500, Thailand

Pan Inter Foods Co., Ltd.

400 Sunphavuth Rd., Bangna,

Bangkok 10260, Thailand

Siam Food Products Public Co., Ltd.

3195/14 Rama IV Rd., Vibulthani Tower 1, 9th Fl.,

Klong Toey, Bangkok, 10110, Thailand

Viriyah Food Processing Co., Ltd.

100/48 Vongvanij B Bldg, 18th Fl, Praram 9 Rd.,

Huay Kwang, Bangkok 10310, Thailand

Vita Food Factory (1989) Ltd.

89 Arunammarin Rd., Banyikhan, Bangplad,

Bangkok 10700, Thailand”

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 25 ta’ Settembru 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

B. HORTEFEUX


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(2)  ĠU L 159, 20.6.2007, p. 14.

(3)  ĠU C 7, 12.1.2008, p. 21.

(4)  ĠU L 364, 20.12.2006, p. 68.


Top