EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0753

2008/753/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 18 ta’ Settembru 2008 dwar in-non inklużjoni ta’ bromur tal-metil fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dik is-sustanza (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 5076) Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 258, 26.9.2008, p. 68–69 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 21/02/2011; Imħassar b' 32011D0120

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/753/oj

26.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 258/68


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-18 ta’ Settembru 2008

dwar in-non inklużjoni ta’ bromur tal-metil fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dik is-sustanza

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 5076)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/753/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b’mod partikolari r-raba’ sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 8(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE jipprevedi li Stat Membru jista’, matul perjodu ta’ 12-il sena wara n-notifika ta’ dik id-Direttiva, jawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi mhux elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva li jkunu diġà qegħdin fis-suq sentejn wara d-data tan-notifika, waqt li dawk is-sustanzi qed jiġu eżaminati b’mod gradwali fil-qafas ta’ programm ta’ ħidma.

(2)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 451/2000 (2) u (KE) Nru 1490/2002 (3) jistipulaw ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tielet stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u jistabbilixxu lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu evalwati, bl-għan li jiġu possibbilment inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Din il-lista tinkludi l-bromur tal-metil.

(3)

Għall-bromur tal-metil l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent ġew evalwati skond id-dispożizzjonijiet stipulati fir-Regolamenti (KE) Nru 451/2000 u (KE) Nru 1490/2002 għal firxa ta’ użi proposti min-notifikant. Barra minn hekk, dawn ir-Regolamenti jaħtru lill-Istati Membri relaturi li għandhom jippreżentaw ir-rapporti ta’ evalwazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà ta’ l-Ikel (AESI) skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 451/2000. Għall-bromur tal-metil l-Istat Membru relatur kien ir-Renju Unit u kull tagħrif rilevanti tressaq fis-17 ta’ Ottubru 2005.

(4)

Il-Kummissjoni eżaminat il-bromur tal-metil skond l-Artikolu 11a tar-Regolament (KE) Nru 1490/2002. Abbozz ta’ rapport ta’ reviżjoni għal din is-sustanza ġie rivedut mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali u ġie finalizzat fl-20 ta’ Mejju 2008 fil-format tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni.

(5)

Matul l-eżaminazzjoni ta’ din is-sustanza attiva mill-Kumitat, filwaqt li tqiesu kummenti mill-Istati Membri, ġie konkluż li hemm indikazzjonijiet ċari li jista’ jiġi mistenni li jkollha effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u b’mod partikolari fuq dawk fil-qrib, għaliex l-esponiment huwa akbar minn 100 % tal-AOEL u l-konsumaturi, minħabba li l-esponiment huwa akbar minn 100 % tal-ADI u l-ARfD. Barra minn dan, tħassib ieħor identifikat mill-Istati Membri relaturi fir-rapport ta’ evalwazzjoni hu inkluż fir-rapport ta’ reviżjoni għas-sustanza.

(6)

Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikant sabiex jippreżenta l-kummenti tiegħu dwar ir-riżultati ta’ l-eżaminazzjoni tal-bromur tal-metil u dwar jekk kienx beħsiebu jkompli jappoġġja s-sustanza, jew le. In-notifikant ressaq il-kummenti tiegħu li ġew eżaminati bir-reqqa. Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa min-notifikant, it-tħassib identifikat baqa’ mhux solvut, u evalwazzjonijiet li saru abbażi tat-tagħrif ippreżentat ma wrewx li wieħed jista’ jistenna li, fil-kundizzjonijiet proposti ta’ użu, prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-bromur tal-metil jissodisfaw b’mod ġenerali r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE.

(7)

Il-bromur tal-metil għalhekk ma għandux ikun inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

(8)

Għandhom jittieħdu miżuri biex jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet mogħtija għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom il-bromur tal-metil jiġu rtirati fi żmien perjodu preskritt u ma jiġux imġedda u li ma jingħatawx awtorizzazzjonijiet ġodda għal prodotti bħal dawn.

(9)

Kull perjodu ta’ konċessjoni mogħti minn Stat Membru għar-rimi, il-ħażna, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-ħażniet eżistenti ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-bromur tal-metil għandu jkun limitat għal perjodu ta’ 12-il xahar biex jippermetti li l-ħażniet eżistenti jkunu wżati fi staġun ieħor tat-tkabbir, li jiżgura li l-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-bromur tal-metil jistgħu jibqgħu jinkisbu sa 18-il xahar wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċizjoni.

(10)

Din id-Deċiżjoni ma tippreġudikax il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-bromur tal-metil skond l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 33/2008 tas-17 ta’ Jannar 2008 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward ta’ proċedura regolari u aċċellerata għall-evalwazzjoni ta’ sustanzi attivi li kienu jagħmlu parti mill-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) ta’ dik id-Direttiva iżda li ma ġewx inklużi fl-Anness I tagħha (4), bil-għan ta’ inklużjoni possibbli fl-Anness I tagħha.

(11)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-bromur tal-metil mhux se jiġi inkluż bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

l-awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-bromur tal-metil ikunu rtirati sat-18 ta’ Marzu 2009;

(b)

l-ebda awtorizzazzjoni għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-bromur tal-metil ma hi se tingħata jew tiġġedded mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Kull perjodu ta’ konċessjoni mogħti mill-Istati Membri skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414/KEE, għandu jkun mill-iqsar possibbli u għandu jiskadi mhux aktar tard mit-18 ta’ Marzu 2010.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 18 ta’ Settembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)  ĠU L 55, 29.2.2000, p. 25.

(3)  ĠU L 224, 21.8.2002, p. 23.

(4)  ĠU L 15, 18.1.2008, p. 5.


Top