EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0767

Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 9 ta' Lulju 2008 dwar is-Sistema ta' l-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta' data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS)

OJ L 218, 13.8.2008, p. 60–81 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 19 Volume 006 P. 120 - 141

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 03/08/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/767/oj

13.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 218/60


REGOLAMENT (KE) Nru 767/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-9 ta' Lulju 2008

dwar is-Sistema ta' l-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta' data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 62(2)(b)(ii) u l-Artikolu 66 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),

Billi:

(1)

Waqt li jibnu fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' l-20 ta' Settembru 2001, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew f'Laeken f'Diċembru 2001, f'Sivilja f'Ġunju 2002, f'Salonika f'Ġunju 2003 u fi Brussell f'Marzu 2004, it-twaqqif tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) tirrappreżenta waħda mill-inizzjattivi ewlenin fi ħdan il-politiki ta' l-Unjoni Ewropea mmirata biex tistabbilixxi żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE tat-8 ta' Ġunju 2004 li tistabbilixxi s-Sistema ta' l-Informazzjoni dwar il-Viża (2) (VIS) waqqfet il-VIS bħala sistema għall-iskambju tad-data tal-viża bejn l-Istati Membri.

(3)

Huwa issa meħtieġ, li jkunu definiti l-għan, il-funzjonalitajiet u r-responsabbilitajiet għall-VIS, u biex ikunu stabbiliti l-kondizzjonijiet u l-proċeduri għall-iskambju tad-data tal-viża bejn l-Istati Membri biex tiffaċilita l-eżaminazzjoni ta' l-applikazzjonijiet tal-viża u deċiżjonijiet relatati, meta jitqiesu l-orjentazzjonijiet għall-iżvilupp tal-VIS adottati mill-Kunsill fid-19 ta' Frar 2004 u biex jingħata l-mandat lill-Kummissjoni biex twaqqaf il-VIS.

(4)

Għall-perjodu transizzjonali, il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għat-tmexxija operattiva Ċentrali tal-VIS, ta' l-Interfaces Nazzjonali u għal ċerti aspetti ta' l-infrastruttura tal-komunikazzjoni bejn iċ-Ċentrali tal-VIS u l-Interfaces Nazzjonali.

Fuq medda twila ta' snin, u wara valutazzjoni ta' l-impatt li jkun fiha analiżi sostantiva ta' alternattivi minn perspettiva finanzjarja, operattiva u organizzattiva, u proposti leġiżlattivi mill-Kummissjoni, għandha titwaqqaf Awtorità tat-Tmexxija permanenti biex tieħu responsabbiltà ta' dawn il-kompiti. Il-perjodu transizzjonali m'għandux ikun itwal minn ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(5)

Il-VIS għandha l-iskop li ttejjeb l-implimentazzjoni tal-politika komuni tal-viża, il-kooperazzjoni konsulari u l-konsultazzjoni bejn awtoritajiet ċentrali tal-viża billi tiffaċilita l-iskambju ta' data bejn l-Istati Membri dwar applikazzjonijiet u dwar id-deċiżjonijiet relatati magħhom, sabiex jiġu ffaċilitati l-proċeduri ta' applikazzjoni tal-viża, biex jiġi evitat il-“viża shopping”, biex tiġi ffaċilitata l-ġlieda kontra l-frodi u biex jiġu ffaċilitati l-kontrolli fil-punti tal-qsim fil-fruntiera esterna u fi ħdan it-territorju ta' l-Istati Membri. Il-VIS għandha tgħin ukoll fl-identifikazzjoni ta' kull persuna li jista' jkun ma tissodisfax, jew ma' tibqax tissodisfa aktar, il-kundizzjonijiet biex tidħol, toqgħod jew tgħix fit-territorju ta' l-Istati Membri u tiffaċilita l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta' Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmu biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli għall-eżaminazzjoni ta' applikazzjoni ta' ażil ippreżentata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz (3) u biex tikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta' theddid għas-sigurtà interna ta' kull Stat Membru.

(6)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-acquis tal-politika komuni dwar il-viża. Id-data li trid tiġi pproċessata mill-VIS għandha tkun determinata abbażi tad-data pprovduta mill-formula komuni għall-applikazzjonijiet għall-viża kif introdotta mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/354/KE tal-25 ta' April 2002 dwar l-adattament tal-Parti III ta' l-Istruzzjonijiet Komuni Konsulari (4) u l-informazzjoni fuq it-tikketta tal-viża prevista fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta' Mejju 1995 li jistabbilixxi format uniformi għall-viżi (5).

(7)

Is-VIS għandha tiġi mqabbda mas-sistemi nazzjonali ta' l-Istati Membri biex tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jipproċessaw data dwar applikazzjonijiet tal-viżi li nħarġu, ġew rifjutati, ġew annullati, ġew revokati jew estiżi.

(8)

Il-kondizzjonijiet u proċeduri għad-dħul, emendar, tħassir u konsultazzjoni tad-data fil-VIS għandha tikkunsidra l-proċeduri mniżżla fl-Istruzzjonijiet Komuni Konsulari dwar il-viżi għall-missjonijiet diplomatiċi u postijiet konsulari (6) (“Struzzjonijiet Komuni Konsulari”).

(9)

Il-funzjonalitajiet tekniċi tan-network biex jiġu konsultati l-awtoritajiet ċentrali tal-viża kif imniżżla fl-Artikolu 17(2) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali ta' kontrolli mal-fruntieri komuni (7) (“il-Konvenzjoni ta' Schengen”) għandhom jiġu integrati fil-VIS.

(10)

Biex tkun żgurata verifika affidabbli u l-identifikazzjoni ta' l-applikanti tal-viża, huwa meħtieġ li tiġi proċessata data bijometrika fil-VIS.

(11)

Huwa meħtieġ li jiġu definiti l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, li l-impjegati tagħhom awtorizzati kif xieraq li għandu jkollhom aċċess jidħlu, jemendaw, iħassru jew jikkonsultaw data għall-għanijiet speċifiċi tal-VIS, skond dan ir-Regolament sal-livell meħtieġ għall-eżekuzzjoni tal-kompiti tagħhom.

(12)

Kwalunkwe proċessar ta' data tal-VIS għandu jkun fi proporzjon għall-objettivi mixtieqa u neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kompiti ta' l-awtoritajiet kompetenti. Meta jużaw il-VIS, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li d-dinjità umana u l-integrità tal-persuni li tagħhom tkun intalbet id-data, jiġu rrispettati u m'għandhomx jiddiskriminaw kontra persuni fuq bażi ta' sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali.

(13)

Dan ir-Regolament għandu jkun kumplimentat minn strument legali separat adottat taħt it-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jikkonċerna l-aċċess għall-konsultazzjoni tal-VIS minn awtoritajiet responsabbli għas-sigurtà interna.

(14)

Id-data personali miżmuma fil-VIS għandha tinżamm għal mhux aktar minn kemm hu meħtieġ għall-għanijiet tal-VIS. Huwa xieraq li d-data tinżamm għal perjodu massimu ta' ħames snin, sabiex tippermetti data f'applikazzjonijiet preċedenti biex tiġi kkunsidrata għall-eżaminazzjoni ta' l-applikazzjonijiet tal-viża, inkluża il-bona fede ta' l-applikant u għad-dokumentazzjoni ta' immigranti illegali li jistgħu, f'xi stadju, kienu applikaw għal viża. Perjodu aktar qasir ma jkunx biżżejjed għal dawk l-għanijiet. Id-data għandha titħassar wara perjodu ta' ħames snin, sakemm m'hemmx raġunijiet għala għandha titħassar qabel.

(15)

Regoli preċiżi għandhom jiġu stipulati fir-rigward tar-responsabbilitajiet għat-twaqqif u t-tħaddim tal-VIS, u r-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri għas-sistemi nazzjonali u l-aċċess għal data mill-awtoritajiet nazzjonali, min-naħa l-oħra.

(16)

Regoli dwar ir-responsabbilitajiet ta' l-Istati Membri fir-rigward ta' dannu li joriġina minn kwalunkwe ksur ta' dan ir-Regolament għandu jiġi stipulat. Ir-responsabbilità tal-Kummissjoni fir-rigward ta' tali dannu hija ddeterminata mit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288 tat-Trattat.

(17)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar tad-data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data (8) tapplika għall-ipproċessar ta' data personali mill-Istati Membri fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Madanakollu, ċertu punti għandhom jiġu ċċarati fir-rigward tar-responsabbilità għall-ipproċessar ta' data, għall-protezzjoni tad-drittijiet tas-soġġetti tad-data u tas-superviżjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

(18)

Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u korpi Komunitarji u dwar il-moviment liberu ta' tali data (9) japplika għall-attivitajiet ta' l-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji meta jwettqu l-kompiti tagħhom bħala dawk responsabbli għat-tmexxija operattiva tal-VIS. Madanakollu, ċerti punti għandhom jiġu ċċarati fir-rigward tar-responsabbilità għall-ipproċessar ta' data u s-superviżjoni tal-protezzjoni ta' data.

(19)

L-awtoritajiet nazzjonali ta' superviżjoni stabbiliti skond l-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46/KE għandhom jissorveljaw il-legalità ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-Istati Membri, filwaqt illi l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data kif stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 45/2001 għandu jissorvelja l-attivitajiet ta' l-istituzzjonijiet u korpi Komunitarji fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali, filwaqt li jitqiesu l-kompiti limitati ta' l-istituzzjonijiet u korpi Komunitarji fir-rigward tad-data nnifisha.

(20)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-awtoritajiet ta' superviżjoni nazzjonali għandhom jikkoperaw b'mod attiv ma' xulxin.

(21)

Is-sorveljanza effettiva ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament teħtieġ l-evalwazzjoni f'intervalli regolari.

(22)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u jiżguraw li dawn huma implimentati.

(23)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għat-tħaddim tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (10).

(24)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rrikonoxxuti, b'mod partikulari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

(25)

Billi l-objettivi ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta' Sistema komuni ta' l-Informazzjoni dwar il-Viża u l-ħolqien ta' obbligi, kondizzjonijiet u proċeduri komuni, għall-iskambju ta' data tal-viża bejn l-Istati Membri ma tistax tintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u tista' għalhekk, minħabba l-iskala u l-impatt ta' l-azzjoni, tintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dan il-għan.

(26)

Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tieħux sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u għalhekk mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Peress illi dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta' Schengen taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Parti Tlieta tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka għandha, skond l-Artikolu 5 ta' dak il-Protokoll, tiddeċiedi f'perjodu ta' sitt xhur wara l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, jekk hux se timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(27)

Fir-rigward ta' l-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen skond it-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja fir-rigward ta' l-assoċjazzjoni ta' dan ta' l-aħħar ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen (11), li jaqgħu fl-ambitu imsemmi fl-Artikolu 1, punt B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (12) dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim.

(28)

Għandu jsir arranġament biex jippermetti li rappreżentanti ta' l-Iżlanda u n-Norveġja jkunu assoċjati mal-ħidma ta' kumitati li jassistu lill-Kummissjoni fit-tħaddim tal-poteri tagħha ta' implimentazzjoni. Tali arranġament ġie kkontemplat fil-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kumitati li jgħinu lill-Kummissjoni Ewropea fit-tħaddim tas-setgħat eżekuttivi tagħha (13), anness mal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni msemmi fil-Premessa 27.

(29)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen fejn ir-Renju Unit ma jiħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tat-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħu sehem f'ċerti dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen (14), u d-Deċiżjoni sussegwenti tal-Kunsill 2004/926/KE tat-22 ta' Diċembru 2004 dwar id-dħul fis-seħħ ta' partijiet mill-acquis ta' Schengen mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (15). Għalhekk ir-Renju Unit mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhux marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(30)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen fejn l-Irlanda ma tiħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba ta' l-Irlanda biex tieħu sehem f'ċertu dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen (16); l-Irlanda għalhekk mhux qed tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(31)

Fir-rigward ta' l-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen fi ħdan it-tifsira tal-Ftehim iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen li jaqgħu fi ħdan il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE meħud flimkien ma' l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/860/KE (17).

(32)

Għandu jsir arranġament biex jippermetti li rappreżentanti ta' l-Iżvizzera jkunu assoċjati mal-ħidma ta' kumitati li jassistu l-Kummissjoni fit-tħaddim tal-poteri tagħha ta' implimentazzjoni. Tali arranġament ġie kkontemplat fl-Iskambju ta' Ittri bejn il-Komunità u l-Iżvizzera, anness mal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni msemmi fi premessa 31.

(33)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta' Schengen jew relatat miegħu b'mod ieħor skond it-tifsira ta' l-Artikolu 3(2) ta' l-Att dwar l-Adeżjoni ta' l-2003 u ta' l-Artikolu 4(2) ta' l-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2005,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jiddefinixxi l-għan, il-funzjonalitajiet ta' u r-responsabbiltajiet għas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS), kif stabbiliti fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2004/512/KE. Huwa jistabbilixxi l-kondizzjonijiet u l-proċeduri għall-iskambju tad-data bejn l-Istati Membri dwar applikazzjonijiet għal viżi ta' perjodu qasir u dwar deċiżjonijiet li jittieħdu dwar dan, inkluż id-deċiżjoni dwar jekk tkunx annullata, revokata jew estiża l-viża, sabiex tiġi ffaċilitata l-eżaminazzjoni ta' tali applikazzjonijiet u d-deċiżjonijiet relatati.

Artikolu 2

Għan

Il-VIS għandu jkollha l-iskop li ttejjeb l-implimentazzjoni tal-politika komuni tal-viża, l-kooperazzjoni konsulari u l-konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali tal-viża billi tiffaċilita l-iskambju ta' data bejn l-Istati Membri dwar applikazzjonijiet u d-deċiżjonijiet relatati, sabiex:

(a)

tiffaċilita l-proċedura ta' l-applikazzjoni għal viża;

(b)

jiġi evitat in-nuqqas ta' osservazzjoni tal-kriterji għad-determinazzjoni ta' l-Istat Membru responsabbli għall-eżaminazzjoni ta' l-applikazzjoni;

(ċ)

tiġi faċilitata l-ġlieda kontra l-frodi;

(d)

jiġu faċilitati l-kontrolli mal-postijiet tal-qsim tal-fruntieri esterni u fi ħdan it-territorju ta' l-Istati Membri;

(e)

tgħin fl-identifikazzjoni ta' kwalunkwe persuna li jista' jkun ma tissodisfax, jew ma' tibqax tissodisfa aktar, il-kundizzjonijiet biex tidħol, toqgħod jew tgħix fit-territorju ta' l-Istati Membri;

(f)

tiffaċilita l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 343/2003;

(g)

tikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta' theddid għas-sigurtà interna ta' kull Stat Membru.

Artikolu 3

Disponibilità tad-data għall-prevenzjoni, il-qbid u l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u reati oħra serji

1.   L-awtoritajiet maħtura ta' l-Istati Membri jistgħu, f'każijiet speċifiċi u wara talba bil-miktub jew elettronika motivata, ikollhom aċċess għad-data miġbura fil-VIS imsemmija fl-Artikoli 9 sa 14 jekk ikun hemm raġunijiet raġjonevoli li jwasslu biex il-konsultazzjoni tad-data tal-VIS tkun meqjusa li tikkontribwixxi sostanzjalment għall-prevenzjoni, il-qbid u l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi u reati serji oħra. Il-Europol jista' jaċċessa l-VIS fil-limiti tal-mandat tiegħu u meta meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tiegħu.

2.   Il-konsultazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha titwettaq permezz ta' kuntatt(i) ta' aċċess ċentrali li għandhom ikunu responsabbli biex jiżguraw konformità stretta mal-kundizzjonijiet għall-aċċess u l-proċeduri stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar l-aċċess għall-konsultazzjoni tal-VIS mill-awtoritajiet maħtura ta' l-Istati Membri u mill-Europol għal skopijiet ta' prevenzjoni, identifikazzjoni u investigazzjoni ta' reati terroristiċi u ta' reati kriminali serji (18). L-Istati Membri jistgħu jaħtru aktar minn kuntatt wieħed ta' aċċess ċentrali sabiex jirriflettu l-istruttura organizzattiva u amministrattiva tagħhom fit-twettiq tar-rekwiżiti kostituzzjonali u legali tagħhom. F'każ eċċezzjonali ta' urġenza, il-kuntatt(i) ta' aċċess ċentrali jistgħu jirċievu talbiet bil-miktub, elettroniċi jew orali u jivverifikaw biss ex-post jekk il-kundizzjonijiet kollha għall-aċċess ikunux sodisfatti, inkluż il-fatt jekk kienx jeżisti każ eċċezzjonali ta' urġenza. Il-verifika ex-post għandha ssir mingħajr dewmien żejjed wara l-ipproċessar tat-talba.

3.   Id-data miksuba mill-VIS skond id-Deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 2 m'għandhiex tkun trasferita jew issir disponibbli għal pajjiż terz jew għal organizzazzjoni internazzjonali. Madanakollu, f'każ eċċezzjonali ta' urġenza, data bħal din tista' tiġi ttrasferita jew issir disponibbli għal pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali esklussivament għall-għanijiet ta' prevenzjoni, ta' qbid ta' reati terroristiċi u reati kriminali serji oħra stipulati f'din id-Deċiżjoni. Bi qbil mal-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dettalji ta' dawn it-trasferimenti jinżammu u għandhom jagħmluhom disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data fuq talba. It-trasferiment tad-data mill-Istat Membru li daħħal id-data fil-VIS għandu jkun suġġett għal-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat Membru.

4.   Dan ir-Regolament għandu jkun bla ħsara għal kwalunkwe obbligi li jaqgħu taħt il-liġijiet nazzjonali applikabbli għall-komunikazzoni ta' informazzjoni dwar kwalunkwe attività kriminali, identifikata mill-awtoritajiet kif msemmi fl-Artikolu 6 waqt it-twettiq tad-dmirijiet tagħhom lill-awtoritajiet responsabbli għal skopijiet ta' prevenzjoni, investigazzjoni u prosekuzzjoni ta' reati kriminali relatati.

Artikolu 4

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet segwenti għandhom japplikaw:

1.

“viża” tfisser:

(a)

“viża għal perjodu qasir” kif imfissra fl-Artikolu 11(1)(a) tal-Konvenzjoni ta' Schengen;

(b)

“viża ta” tranżitu' kif imfissra fl-Artikolu 11(1)(b) tal-Konvenzjoni ta' Schengen;

(ċ)

“viża ta' tranżitu ta” l-ajruport' kif imfissra fil-parti I, punt 2.1.1, ta' l-Istruzzjonijiet Komuni Konsulari dwar viżi għal missjonijiet diplomatiċi u postijiet konsulari;

(d)

“viża b'validità territorjali limitata” kif imfissra fl-Artikoli 11(2), 14 u 16 tal-Konvenzjoni ta' Schengen;

(e)

“viża nazzjonali għal perjodu twil valida fl-istess ħin bħala viża għal perjodu qasir” kif imfissra fl-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta' Schengen;

2.

“tikketta tal-viża” tfisser il-format uniformi tal-viżi kif imfisser bir-Regolament (KE) Nru 1683/95;

3.

“l-awtoritajiet tal-viża” tfisser l-awtoritajiet li f'kull Stat Membru huma responsabbli għall-eżaminazzjoniu għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għal viża jew għal deċiżjoniet dwar jekk jiġux annullati, revokati jew estiżi viżi, inklużi l-awtoritajiet ċentrali tal-viża u l-awtoritajiet responsabbli għall-ħruġ ta' viżi fil-fruntiera skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 415/2003 tas-27 ta' Frar 2003 dwar il-kwistjoni tal-viżi fuq il-fruntieri, inkluż il-ħruġ ta' dawn il-viżi lill-baħrin li jkunu fi transitu (19);

4.

“formola ta' l-applikazzjoni” tfisser il-formola uniformi ta' applikazzjoni għal viżi fl-Anness 16 għall-Istruzzjonijiet Komuni Konsulari;

5.

“applikant” tfisser kwalunkwe persuna suġġetta għall-ħtieġa tal-viża skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża meta jaqsmu fruntiera esterna u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dan ir-rekwiżit (20), li ppreżentat applikazzjoni għal viża;

6.

“membri tal-grupp” tfisser applikanti li huma obbligati għal raġunijiet legali biex jidħlu jew iħallu t-territorju ta' l-Istati Membri flimkien;

7.

“dokument ta' l-ivvjaġġar” tfisser passaport jew dokument ieħor ekwivalenti li jintitola lid-detentur li jaqsam il-fruntieri esterni u li miegħu tista' tiżdied viża;

8.

“Stat Membru responsabbli” tfisser l-Istat Membru li daħħal id-data fil-VIS;

9.

“verifika” tfisser il-proċess ta' tqabbil ta' settijiet ta' data biex tiġi stabbilita l-validità ta' l-identità mitluba (one-to-one check);

10.

“identifikazzjoni” tfisser il-proċess biex tiġi ddeterminata l-identità ta' persuna permezz ta' tfittxija fil-bażi tad-data ma' settijiet multipli ta' data (kontroll “one-to-many”);

11.

“data alfanumerika” tfisser data rrappreżentata minn ittri, numri, karattri speċjali, spazji u marki tal-punteġġjatura.

Artikolu 5

Kategoriji ta' data

1.   Il-kategoriji li ġejjin biss għandhom jiġu rrekordjati fil-VIS:

(a)

data alfanumerika dwar l-applikant u dwar viżi mitluba, maħruġa, irrifjutati, annullati, revokati jew estiżi msemmija fl-Artikoli 9(1) u (4) u fl-Artikoli 10 sa 14;

(b)

ritratti msemmija fl-Artikolu 9(5);

(ċ)

data ta' marki tas-swaba' msemmija fl-Artikolu 9(6);

(d)

links għal applikazzjonijiet oħra msemmija fl-Artikoli 8(3) u (4).

2.   Il-messaġġi trażmessi bl-infrastruttura tal-VIS, msemmija fl-Artikolu 16, l-Artikolu 24(2) u l-Artikolu 25(2), m'għandhomx jiġu rrekordjati fil-VIS, bla ħsara għar-rekordjar ta' l-operazzjonijiet għall-ipproċessar tad-data skond l-Artikolu 34.

Artikolu 6

Aċċess għad-dħul, l-emendar, it-tħassir u l-konsultazzjoni ta' data

1.   Aċċess għall-VIS għad-dħul, emendar jew tħassir tad-data msemmija fl-Artikolu 5(1) skond dan ir-Regolament għandha tiġi riżervata esklussivament għall-impjegati awtorizzati kif xieraq mill-awtoritajiet tal-viża.

2.   Aċċess għall-VIS biex tiġi kkonsultata d-data għandha tiġi riżervata esklussivament għall-impjegati awtorizzati kif xieraq ta' l-awtoritajiet ta' kull Stat Membru li huma kompetenti għall-għanijiet mniżżla fl-Artikoli 15 sa 22, u limitat sal-livell li d-data hija meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-kompiti tagħhom skond dawk l-għanijiet, u fi proporzjon ma' l-objettivi mixtieqa.

3.   Kull Stat Membru għandu jinnomina l-awtoritajiet kompetenti, li tagħhom l-impjegati debitament awtorizzati għandu jkolhom aċċess li jidħlu, jemendaw, iħassru jew jikkonsultaw data fil-VIS. Kull Stat Membru għandu jgħaddi bla dewmien lill-Kummissjoni lista ta' dawn l-awtoritajiet, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 41(4), u kull emendi għal din il-lista. Din il-lista għandha tispeċifika l-għanijiet li għalihom kull awtorità tista' tipproċessa data fil-VIS.

Fi żmien tliet xhur minn meta l-VIS tibda tiffunzjona skond l-Artikolu 48(1), il-Kummissjoni għandha tippubblika lista konsolidata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Fejn ikun hemm emendi, il-Kummissjoni għandha tippubblika darba fl-istess sena lista konsolidata aġġornata.

Artikolu 7

Prinċipji ġenerali

1.   Kull awtorità kompetenti awtorizzata biex taċċessa l-VIS skond dan ir-Regolament għandha tiżgura li l-użu tal-VIS huwa neċessarju, xieraq u proporzjonat mat-twettiq tal-kompiti ta' l-awtoritajiet kompetenti.

2.   Kull awtorita' kompetenti għandha tiżgura li meta tuża l-VIS ma tiddiskriminax kontra applikanti u detenturi tal-viża fuq bażi ta' sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali u li tirrispetta bis-sħiħ id-dinjità umana u l-integrità ta' l-applikant jew tad-detentur tal-viża.

KAPITOLU II

DĦUL U UŻU TA' DATA MILL-AWTORITAJIET TAL-VIŻA

Artikolu 8

Proċeduri għad-dħul ta' data ma' l-applikazzjoni

1.   Mal-wasla ta' applikazzjoni, l-awtorità tal-viża għandha toħloq mingħajr dewmien il-fajl ta' l-applikazzjoni, billi ddaħħal id-data msemmija fl-Artikolu 9 fil-VIS, safejn dik id-data hija meħtieġa li tkun ipprovduta mill-applikant.

2.   Meta jkun qed jinħoloq il-fajl ta' l-applikazzjoni, l-awtorità tal-viża għandha tiċċekkja fil-VIS, skond l-Artikolu 15, jekk kinitx ġiet reġistrata fil-VIS applikazzjoni preċedenti ta' l- applikant minn kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri.

3.   Jekk applikazzjoni preċedenti ġiet reġistrata, l-awtorità tal-viża għandha torbot kull fajl ġdid ta' applikazzjoni mal-fajl ta' applikazzjoni ta' qabel dwar dak l-applikant.

4.   Jekk l-applikant qed jivvjaġġa fi grupp jew mal-mara jew ir-raġel u/jew it-tfal, l-awtorità tal-viża għandha toħloq fajl ta' applikazzjoni għal kull applikant u torbot il-fajls ta' applikazzjoni tal-persuni li qed jivvjaġġaw flimkien.

5.   Fejn il-forniment ta' data partikulari mhux meħtieġ għal raġunijiet legali jew fil-fatt ma tistax tkun ipprovduta, l-ispazji speċifiċi provduti għad-data (data fields) għandhom ikunu mmarkati bħala “mhux applikabbli”. Fil-każ tal-marki tas-swaba', is-sistema għandha tippermetti, għall-iskopijiet ta' l-Artikolu 17, li ssir distinzjoni bejn il-każi fejn m'hemmx l-obbligu li l-marki tas-swaba' jkunu pprovduti għal raġunijiet legali u każi fejn fil-fatt ma jistgħux ikunu pprovduti; wara perjodu ta' erba' snin din il-funzjonalità għandha tiskadi sakemm ma tiġix konfermata minn deċiżjoni tal-Kummissjoni fuq il-bażi ta' l-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 50(4).

Artikolu 9

Data mad-depożitu ta' l-applikazzjoni

L-awtorità tal-viża għandha ddaħħal id-data li ġejja fil-fajl ta' applikazzjoni:

1.

in-numru ta' l-applikazzjoni;

2.

informazzjoni dwar l-istatus, li tindika li intalbet viża;

3.

l-awtorità fejn l-applikazzjoni ġiet depożitata, inkluż il-post fejn tinsab, u jekk l-applikazzjoni ġietx depożitata għand dik l-awtorità li tirrappreżenta Stat Membru ieħor;

4.

id-data li ġejja li għandha tittieħed mill-formola ta' l-applikazzjoni:

(a)

kunjom, kunjom tat-twelid, kunjom(ijiet) ta' qabel; isem/ismijiet; sess, data, post u pajjiż tat-twelid;

(b)

ċittadinanza preżenti u ċittadinanza mat-twelid;

(ċ)

tip u numru tad-dokument ta' ivvjaġġar, l-awtorità li ħarġitu u d-data tal-ħruġ u ta' l-għeluq;

(d)

post u data ta' l-applikazzjoni;

(e)

tip ta' viża mitluba;

(f)

dettalji tal-persuna li qed toħroġ stedina u/jew hija responsabbli li tħallas l-ispejjeż tal-ħajja ta' l-applikant matul iż-żjara, li huma:

(i)

fil-każ ta' persuna fiżika, il-kunjom u l-isem u l-indirizz tal-persuna;

(ii)

fil-każ ta' kumpanija, jew organizzazzjoni oħra, l-isem u l-indirizz tal-kumpanija/organizzazzjoni oħra, u l-kunjom u l-isem tal-persuna ta' kuntatt ta' dik il-kumpanija/organizzazzjoni;

(g)

destinazzjoni prinċipali u l-perjodu intenzjonat tal-waqfa;

(h)

l-għan tal-vjaġġ;

(i)

id-data intenzjonata tal-wasla u tat-tluq;

(j)

fruntiera intenzjonata ta' l-ewwel daħla jew rotta ta' tranżitu;

(k)

residenza;

(l)

l-impjieg attwali u min iħaddem; għall-istudenti: l-isem ta' l-iskola;

(m)

fil-każ ta' minorenni, kunjom u isem (ismijiet) tal-missier u ta' l-omm ta' l-applikant;

5.

ritratt ta' l-applikant, skond ir-Regolament (KE) Nru 1683/95;

6.

marki tas-swaba' ta' l-applikant skond id-dispożizzjonijiet relevanti ta' l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni.

Artikolu 10

Data li għandha tiġi miżjuda għal viża li nħarġet

1.   Fejn ittieħdet deċiżjoni biex tinħareġ viża, l-awtorità kompetenti tal-viża għandha żżid id-data li ġejja fil-fajl ta' l-applikazzjoni:

(a)

informazzjoni dwar l-istatus li tindika li l-viża nħarġet;

(b)

l-awtorità li ħarġet il-viża, inkluż il-post fejn tinsab, u jekk dik l-awtorità ħarġithiex f'isem Stat Membru ieħor;

(ċ)

il-post u d-data tad-deċiżjoni li tinħareġ il-viża;

(d)

it-tip ta' viża;

(e)

in-numru tat-tikketta tal-viża;

(f)

it-territorju fejn id-detentur tal-viża huwa intitolat jivvjaġġa, skond id-dispożizzjonijiet relevanti ta' l-Istruzzjonijiet Komuni Konsulari;

(g)

id-dati tal-bidu u ta' l-iskadenza tal-perjodu ta' validità tal-viża;

(h)

in-numru ta' dħul awtorizzati bil-viża fit-territorju fejn il-viża hija valida;

(i)

il-perjodu tal-waqfa kif awtorizzata mill-viża;

(j)

jekk applikabbli, l-informazzjoni li tindika li l-viża nħarġet fuq paġna separata skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 333/2002 tat-18 ta' Frar 2002 dwar format uniformi għall-formuli biex titwaħħal il-viża maħruġa mill-Istati Membri lill-persuni li jkollhom dokumenti għall-ivvjaġġar mhux rikonoxxuti mill-Istati Membri li jfasslu l-formula (21).

2.   Jekk applikazzjoni tiġi rtirata mill-applikant jew jekk l-applikant ikun waqaf ifittex li jiksibha qabel tittieħed deċiżjoni jekk tinħariġx viża, l-awtorità tal-viża fejn ġiet depożitata l-applikazzjoni għandha tindika li l-applikazzjoni ngħalqet għal dawn ir-raġunijiet u d-data meta l-applikazzjoni ngħalqet.

Artikolu 11

Data li għandha tiġi miżjuda fil-każ li l-eżami ta' l-applikazzjoni ma jitkompliex

F'ċirkostanzi fejn l-awtorità tal-viża li tirrappreżenta Stat Membru ieħor hija kostretta li ma tkomplix l-eżami ta' l-applikazzjoni, hija għandha żżid id-data li ġejja fil-fajl ta' l-applikazzjoni:

1.

informazzjoni dwar l-istatus li tindika li l-eżami ta' l-applikazzjoni ma tkompliex;

2.

l-awtorità li ma komplietx l-eżami ta' l-applikazzjoni, inkluż il-post fejn tinsab;

3.

il-post u d-data tad-deċiżjoni li l-eżami ma jitkompliex;

4.

l-Istat Membru kompetenti biex jeżamina l-applikazzjoni.

Artikolu 12

Data li għandha tiġi miżjuda għal viża li ġiet irrifjutata

1.   Fejn ittieħdet deċiżjoni biex tiġi rrifjutata viża, l-awtorità tal-viża li rrifjutat il-viża għandha żżid id-data li ġejja fil-fajl ta' l-applikazzjoni:

(a)

informazzjoni dwar l-istatus li tindika li l-viża ġiet irrifjutata;

(b)

l-awtorità li rrifjutat il-viża, inkluż il-post fejn tinsab;

(ċ)

post u data tad-deċiżjoni li tkun irrifjutata l-viża.

2.   Il-fajl ta' l-applikazzjoni għandu jindika wkoll ir-raġuni(jiet) għar-rifjut tal-viża, li għandhom ikunu wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin. L-applikant:

(a)

m'għandu l-ebda dokument(i) validu(i) ta' l-ivvjaġġar;

(b)

għandu dokument ta' l-ivvjaġġar falz/kontrafatt/iffalsifikat;

(ċ)

ma jiġġustifikax l-għan u l-kundizzjonijiet taż-żjara; b'mod partikolari hu meqjus li jirrappreżenta riskju speċifiku ta' immigrazzjoni illegali skond il-Parti V ta' l-Istruzzjonijiet Komuni Konsulari;

(d)

diġà għamel waqfa ta' tliet xhur matul perjodu ta' 6 xhur fit-territorju ta' l-Istat Membru;

(e)

m'għandux mezzi biżżejjed biex jgħix meta mqabblin mal-perjodu u l-forma tal-waqfa, jew il-mezzi biex jerġa' lura lejn il-pajjiż ta' l-oriġini jew ta' tranżitu;

(f)

huwa persuna li għaliha nħareġ allert għall-finijiet li jkun irrifjutat id-dħul fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) u/jew fir-reġistru nazzjonali;

(g)

huwa meqjus li jikkostitwixxi theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà interna jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta' xi wieħed mill-Istati Membri, jew għas-saħħa pubblika, kif definit fl-Artikolu 2, punt 19 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komuni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera) (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (22).

Artikolu 13

Data li għandha tiġi miżjuda għal viża li ġiet annullata jew irrevokata jew li l-perjodu ta' validità tagħha tqassar

1.   Fejn ittieħdet deċiżjoni li tiġi annullata jew irrevokata viża, jew li jitqassar il-perjodu ta' validità tal-viża, l-awtorità tal-viża li ħadet din id-deċiżjoni għandha żżid id-data li ġejja fil-fajl ta' l-applikazzjoni:

(a)

informazzjoni dwar l-istatus li tindika li l-viża ġiet annullata jew irrevokata jew li l-perjodu ta' validità tqassar;

(b)

l-awtorità li annullat jew irrevokat il-viża jew qassret il-perjodu ta' validità tal-viża, inkluż il-post fejn tinsab;

(ċ)

post u data tad-deċiżjoni;

(d)

id-data ta' skadenza l-ġdida tal-validità tal-viża, jekk xieraq;

(e)

in-numru tat-tikketta tal-viża, jekk il-perjodu mqassar jieħu l-forma ta' tikketta tal-viża ġdid.

2.   Il-fajl ta' l-applikazzjoni għandu jindika wkoll ir-raġuni(jiet) għall-annullament, revoka jew tqassir tal-perjodu ta' validità tal-viża, li għandhom ikunu:

(a)

fil-każ ta' annullament jew revoka, wieħed jew aktar mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 12(2);

(b)

fil-każ ta' deċiżjoni biex jitqassar il-perjodu ta' validità tal-viża, waħda jew aktar mir-raġunijiet li ġejjin:

(i)

għall-għanijiet tat-tkeċċija tal-pussessur tal-viża;

(ii)

nuqqas ta' mezzi adegwati ta' sussistenza għall-perjodu tal-waqfa kif intenzjonat fil-bidu.

Artikolu 14

Data li għandha tiġi miżjuda għal viża li ġiet estiża

1.   Fejn ittieħdet deċiżjoni biex tiġi estiża viża, l-awtorità tal-viża li estendiet il-viża għandha żżid id-data li ġejja fil-fajl ta' l-applikazzjoni:

(a)

informazzjoni dwar l-istatus li tindika li l-viża ġiet estiża;

(b)

l-awtorità li estendiet il-viża, inkluż il-post fejn tinsab;

(ċ)

post u data tad-deċiżjoni;

(d)

in-numru tat-tikketta tal-viża, jekk l-estensjoni tal-viża tieħu l-forma ta' viża ġdida;

(e)

id-data tal-bidu u d-data ta' l-iskadenza tal-perjodu estiż;

(f)

il-perjodu ta' l-estensjoni tal-perjodu tal-waqfa awtorizzat;

(g)

it-territorju li fih il-possessur tal-viża huwa intitolat li jivvjaġġa, skond id-dispożizzjonijiet relevanti ta' l-Istruzzjonijiet Komuni Konsulari;

(h)

it-tip tal-viża estiża.

2.   Il-fajl ta' l-applikazzjoni għandu jindika wkoll ir-raġunijiet għall-estensjoni tal-viża, li għandhom ikunu wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

force majeure;

(b)

raġunijiet umanitarji;

(ċ)

raġunijiet serji ta' xogħol;

(d)

raġunijiet personali serji.

Artikolu 15

Użu tal-VIS biex jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet

1.   L-awtorità kompetenti tal-viża għandha tikkonsulta l-VIS għall-għanijiet ta' l-eżami ta' l-applikazzjonijiet u d-deċiżjonijiet relatati ma' dawk l-applikazzjonijiet, inkluża d-deċiżjoni jekk għandhiex tkun annullata, irrevokata, estiża jew imqassra l-validità tal-viża skond id-dispożizzjonijiet relevanti.

2.   Għall-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti tal-viża għandha tingħata l-aċċess biex tfittex b'wieħed jew aktar mit-tipi ta' data li ġejjin:

(a)

in-numru ta' l-applikazzjoni;

(b)

id-data msemmija fl-Artikolu 9(4)(a);

(ċ)

id-data fuq id-dokument ta' l-ivvjaġġar, imsemmija fl-Artikolu 9(4)(c);

(d)

il-kunjom, l-isem u l-indirizz tal-persuna fiżika jew l-isem u l-indirizz tal-kumpanija/l-organizzazzjoni l-oħra, msemmija fl-Artikolu 9(4)(f);

(e)

marki tas-swaba';

(f)

in-numru tat-tikketta tal-viża u d-data tal-ħruġ ta' kwalunkwe viża preċedenti li nħarġet.

3.   Jekk it-tfittxija b'waħda jew aktar mit-tipi ta' data elenkati fil-paragrafu 2 tindika li data dwar l-applikant hija rrekordjata fil-VIS, l-awtorità kompetenti tal-viża għandha tingħata l-aċċess għall-fajl(s) ta' l-applikant u għall-fajl(s) ta' l-applikazzjoni relatati, skond l-Artikolu 8(3) u (4), unikament għall-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 16

Użu tal-VIS għall-konsultazzjoni u għat-talbiet għal dokumenti

1.   Għall-finijiet ta' konsultazzjoni bejn awtoritajiet ċentrali tal-viża dwar applikazzjonijiet skond l-Artikolu 17(2) tal-Konvenzjoni ta' Schengen, it-talba għall-konsultazzjoni u r-risposti għaliha għandhom ikunu trasmessi skond il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

2.   L-Istat Membru li huwa responsabbli għall-eżami ta' l-applikazzjoni għandu jittrasmetti t-talba ta' konsultazzjoni flimkien man-numru ta' l-applikazzjoni lill-VIS, b' indikazzjoni ta' l-Istat Membru jew l-Istati Membri li jridu jiġu kkonsultati.

Il-VIS għandha tittrasmetti t-talba lill-Istat Membru jew l-Istati Membri indikati.

L-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonsultati għandhom jittrasmettu t-tweġiba tagħhom lill-VIS, li għandha tittrasmetti dik it-tweġiba lill-Istat Membru li beda t-talba.

3.   Il-proċedura stipulata fil-paragrafu 2 tista' tapplika wkoll għat-trasmissjoni tad-data dwar il-ħruġ ta' viżi b'validità territorjali limitata u messaġġi oħra marbuta mal-kooperazzjoni konsulari kif ukoll għat-trasmissjoni ta' talbiet lill-awtoritajiet kompetenti tal-viża sabiex jgħaddu kopji ta' dokumenti ta' l-ivvjaġġar u dokumenti oħra li jappoġġjaw l-applikazzjoni u għat-trasmissjoni ta' kopji elettroniċi ta' dawn id-dokumenti. L-awtoritajiet kompetenti tal-viża għandhom jirrispondu għat-talba mingħajr dewmien.

4.   Id-data personali trasmessa skond dan l-Artikolu għandha tintuża unikament għall-konsultazzjoni ta' l-awtoritajiet ċentrali tal-viża u għall-kooperazzjoni konsulari.

Artikolu 17

L-użu tad-data għar-rappurtar u l-istatistika

L-awtoritajiet kompetenti tal-viża għandhom ikollhom l-aċċess li jikkonsultaw id-data li ġejja, unikament għall-għanijiet ta' rrappurtar u statistika mingħajr ma jippermettu l-identifikazzjoni ta' l-applikanti individwali:

1.

informazzjoni dwar l-istatus;

2.

l-awtorità kompetenti tal-viża, inkluż il-post fejn tinsab;

3.

iċ-ċittadinanza attwali ta' l-applikant;

4.

il-fruntiera ta' l-ewwel dħul;

5.

data u post ta' l-applikazzjoni jew tad-deċiżjoni dwar il-viża;

6.

it-tip ta' viża mitluba jew maħruġa;

7.

it-tip ta' dokument ta' vvjaġġar;

8.

ir-raġunijiet indikati għal kwalunkwe deċiżjoni dwar il-viża jew l-applikazzjoni għall-viża;

9.

l-awtorità kompetenti tal-viża, inkluż il-post fejn tinsab, li rrifjutat l-applikazzjoni għall-viża u d-data tar-rifjut;

10.

il-każijiet fejn l-istess applikant applika għal viża mingħand aktar minn awtorità tal-viża waħda, b'indikazzjoni ta' dawn l-awtoritajiet tal-viża, il-post fejn jinsabu u d-dati tar-rifjut;

11.

l-għan tal-vjaġġ;

12.

il-każijiet li fihom id-data msemmija fl-Artikolu 9(6) tista', mill-punt ta' vista ta' fatt, ma tkunx ipprovduta f'konformità mat-tieni sentenza ta' l-Artikolu 8(5);

13.

il-każijiet li fihom id-data msemmija fl-Artikolu 9(6) ma kinitx mitluba li tiġi pprovduta għal raġunijiet legali f'konformità mat-tieni sentenza ta' l-Artikolu 8(5);

14.

il-każijiet li fihom persuna, li mill-punt ta' vista ta' fatt tista' ma tipprovdix id-data msemmija fl-Artikolu 9(6), ġiet irrifjutata viża f'konformità mat-tieni sentenza ta' l-Artikolu 8(5).

KAPITOLU III

AĊĊESS GĦAD-DATA MINN AWTORITAJIET OĦRA

Artikolu 18

Aċċess għad-data għall-verifika fil-punti ta' qsim tal-fruntieri esterni

1.   Għall-uniku għan li tkun ivverifikata l-identità tal-pussessur tal-viża u/jew l-awtentiċità tal-viża u/jew jekk il-kundizzjonijiet għad-dħul għal ġot-territorju ta' l-Istati Membri skond l-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen huma sodisfatti, l-awtoritajiet kompetenti għat-twettiq ta' l-ivverifikar fil-punti ta' qsim tal-fruntieri esterni skond il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, suġġett għall-paragrafi (2) u (3), għandhom ikollhom l-aċċess li jfittxu billi jużaw in-numru ta' tat-tikketta tal-viża, ikkombinat mal-verifika tal-marki tas-swaba' tal-pussessur tal-viża.

2.   Għal perjodu massimu ta' tliet snin wara li l-VIS tkun tat bidu għall-operazzjonijiet, it-tfittxija tista' ssir billi jintuża biss in-numru tat-tikketta tal-viża. Minn għeluq is-sena wara l-bidu ta' l-operazzjonijiet, il-perjodu ta' tliet snin jista' jitnaqqas fil-każ tal-fruntieri ta' l-arja skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 49(3).

3.   Għall-pussessuri tal-viża li l-marki tas-swaba' tagħhom ma jistgħux jintużaw, it-tfittxija għandha ssir biss bin-numru tat-tikketta tal-viża.

4.   Jekk it-tfittxija bid-data elenkata fil-paragrafu 1 tindika li d-data dwar il-pussessur tal-viża hija rreġistrata fil-VIS, l-awtorità kompetenti għall-kontroll tal-fruntiera għandha tingħata l-aċċess sabiex tikkonsulta d-data li ġejja tal-fajl ta' l-applikazzjoni kif ukoll ta' fajl(s) ta' l-applikazzjoni relatati skond l-Artikolu 8(4), unikament għall-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 1:

(a)

l-informazzjoni dwar l-istatus u d-data meħuda mill-formola ta' l-applikazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 9(2) u (4);

(b)

ritratti;

(ċ)

id-data mdaħħla rigward il-viża(i) maħruġa, annullata, irrevokata jew li l-validità tagħha hija estiża jew imqassra, kif imsemmi fl-Artikoli 10, 13 u 14.

5.   F'ċirkostanzi fejn il-verifika tal-pussessur tal-viża jew il-verifika tal-viża tfalli jew fejn hemm dubji dwar l-identità tal-pussessur tal-viża, l-awtentiċità tal-viża u/jew tad-dokument ta' l-ivvjaġġar, l-istaff debitament awtorizzat ta' dawk l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollu aċċess għal data skond l-Artikolu 20(1) u (2).

Artikolu 19

Aċċess għad-data għall-verifika fit-territorju ta' l-Istati Membri

1.   Għall-uniku fini li tiġi vverifikata l-identità tal-pussessur tal-viża u/jew l-awtentiċità tal-viża u/jew jekk humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet għad-dħul fi, il-waqfa jew ir-residenza fit-territorju ta' l-Istati Membri, l-awtoritajiet kompetenti għat-twettiq ta' verifiki fit-territorji ta' l-Istati Membri rigward jekk humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet għad-dħul fi, il-waqfa jew ir-residenza fit-territorji ta' l-Istati Membri, għandu jkollhom aċċess sabiex ifittxu bin-numru tat-tikketta tal-viża flimkien mal-verifika tal-marki tas-swaba' tal-pussessur tal-viża, jew in-numru tat-tikketta tal-viża.

Għal pussessuri tal-viża li l-marki tas-swaba' tagħhom ma jistgħux jintużaw, it-tfittxija għandha ssir biss bin-numru tat-tikketta tal-viża.

2.   Jekk it-tfittxija bid-data elenkata fil-paragrafu 1 tindika li d-data dwar il-pussessur tal-viża hija rreġistrata fil-VIS, l-awtorità kompetenti għandha tingħata l-aċċess sabiex tikkonsulta d-data li ġejja tal-fajl ta' l-applikazzjoni kif ukoll ta' fajl(s) ta' l-applikazzjoni relatati skond l-Artikolu 8(4), unikament għall-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 1:

(a)

l-informazzjoni dwar status u d-data meħuda mill-formola ta' l-applikazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 9(2) u (4);

(b)

ritratti;

(ċ)

id-data mdaħħla rigward il-viża(i) maħruġa, annullata, irrevokata jew li l-validità tagħha hija estiża jew imqassra, imsemmija fl-Artikoli 10, 13 u 14.

3.   F'ċirkostanzi fejn il-verifika tal-pussessur tal-viża jew il-verifika tal-viża tfalli jew fejn hemm dubji dwar l-identità tal-pussessur tal-viża, l-awtentiċità tal-viża u/jew tad-dokument ta' l-ivvjaġġar, l-istaff debitament awtorizzat ta' l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollu aċċess għal data skond l-Artikolu 20(1) u (2).

Artikolu 20

Aċċess għal data għall-identifikazzjoni

1.   Unikament għall-iskop ta' l-identifikazzjoni ta' kwalunkwe persuna li ma tissodisfax, jew m'għadhiex tissodisfa l-kundizzjonijiet tad-dħul fi, il-waqfa jew ir-residenza fit-territorju ta' l-Istati Membri, l-awtoritajiet kompetenti għat-twettiq ta' verifiki fil-punti ta' qsim tal-fruntieri esterni skond il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen jew fit-territorju ta' l-Istati Membri dwar jekk il-kundizzjonijiet tad-dħul fi, il-waqfa jew ir-residenza fit-territorju ta' l-Istati Membri humiex issodisfati, għandu jkollhom aċċess biex ifittxu bil-marki tas-swaba' tal-persuna.

Fejn il-marki tas-swaba' ta' dik il-persuna ma jistgħux jintużaw jew it-tfittxija bil-marki tas-swaba' tfalli, it-tfittxija għandha titwettaq bid-data msemmija fl-Artikolu 9(4)(a) u/jew (ċ). It-tfittxija tista' ssir flimkien mad-data msemmija fl-Artikolu 9(4)(b).

2.   Jekk it-tfittxija bid-data elenkata fil-paragrafu 1 tindika li d-data dwar l-applikant hija rrekordjata fil-VIS, l-awtorità kompetenti għandha tingħata l-aċċess sabiex tikkonsulta d-data li ġejja tal-fajl ta' l-applikazzjoni u l-fajl(s) ta' l-applikazzjoni relatata(i), skond l-Artikolu 8(3) u (4), unikament għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1:

(a)

in-numru ta' l-applikazzjoni, l-informazzjoni dwar l-istatus u l-awtorità li quddiemha tressqet l-applikazzjoni;

(b)

id-data meħuda mill-formola ta' l-applikazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 9(4);

(ċ)

ritratti;

(d)

id-data imdaħħla rigward kwalunkwe viża maħruġa, rrifjutata, annullata, irrevokata jew li l-validità tagħha hija estiża, jew imqassra, jew rigward applikazzjonijiet fejn l-eżami tagħhom twaqqaf, imsemmija fl-Artikoli 10 sa 14.

3.   Fejn il-persuna għandha viża, l-awtoritajiet kompetenti għandhom l-ewwel jidħlu fil-VIS skond l-Artikoli 18 jew 19.

Artikolu 21

Aċċess għal data sabiex tiġi stabbilita r-responsabilità għall-applikazzjonijiet għall-ażil

1.   Għall-uniku fini li jiġi stabbilit liema Stat Membru huwa responsabbli li jeżamina applikazzjoni għall-ażil skond l-Artikoli 9 u 21 tar-Regolament (KE) Nru 343/2003, l-awtoritajiet kompetenti għall-ażil għandu jkollhom aċċess biex ifittxu bil-marki tas-swaba' tal-persuna li qed titlob l-ażil.

Fejn il-marki tas-swaba' ta' din il-persuna ma jistgħux jintużaw jew it-tfittxija bil-marki tas-swaba' tfalli, it-tfittxija għandha titwettaq bid-data msemmija fl-Artikolu 9(4)(a) u/jew (ċ). Din it-tfittxija tista' ssir flimkien mad-data msemmija fl-Artikolu 9(4)b.

2.   Jekk it-tfittxija bid-data elenkata fil-paragrafu 1 tindika li viża maħruġa b'data ta' skadenza ta' mhux aktar minn sitt xhur qabel id-data ta' l-applikazzjoni għall-ażil, u/jew viża estiża sa data ta' skadenza ta' mhux aktar minn sitt xhur qabel id-data ta' l-applikazzjoni għall-ażil, hija rreġistrata fil-VIS, l-awtorità kompetenti dwar l-ażil għandha tingħata l-aċċess sabiex tikkonsulta d-data li ġejja tal-fajl ta' l-applikazzjoni, u fir-rigward tad-data elenkata fil-punt (g) tal-mara jew tar-raġel u tat-tfal ta' min ikun qed japplika, skond l-Artikolu 8(4), għall-unika fini msemmija fil-paragrafu 1:

(a)

in-numru ta' l-applikazzjoni u l-awtorità li ħarġet jew estendiet il-viża, u jekk l-awtorità ħarġithiex f'isem Stat Membru ieħor;

(b)

id-data meħuda mill-formola ta' l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(4)(a) u (b);

(ċ)

it-tip ta' viża;

(d)

il-perjodu ta' validità tal-viża;

(e)

it-tul maħsub tal-waqfa fil-pajjiż;

(f)

ritratti;

(g)

id-data msemmija fl-Artikolu 9(4)(a) u (b) tal-fajl(s) ta' applikazzjoni dwar il-mara jew ir-raġel u t-tfal ta' min ikun qed japplika.

3.   Il-konsultazzjoni tal-VIS skond il-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu għandha ssir biss mill-awtoritajiet nazzjonali nominati msemmija fl-Artikou 21(6) tar-Regolament (KE) Nru 343/2003.

Artikolu 22

Aċċess għal data għall-eżami ta' l-applikazzjoni għall-ażil

1.   Għall-uniku fini li tiġi eżaminata applikazzjoni għall-ażil, l-awtoritajiet kompetenti għall-ażil għandu jkollhom l-aċċess, skond l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 343/2003 biex jagħmlu tfittxija permezz tal-marki tas-swaba' tal-persuna li qed titlob l-ażil.

Fejn il-marki tas-swaba' ta' din il-persuna ma jistgħux jintużaw jew it-tfittxija bil-marki tas-swaba' tfalli, it-tfittxija għandha titwettaq bid-data msemmija fl-Artikolu 9(4)(a) u/jew (ċ). Din it-tfittxija tista' ssir flimkien mad-data msemmija fl-Artikolu 9(4)b.

2.   Jekk it-tfittxija bid-data elenkata fil-punt 1 tindika li viża maħruġa hija rrekordjata fil-VIS, l-awtorità kompetenti għall-ażil għandha jkollha l-aċċess sabiex tikkonsulta d-data li ġejja tal-fajl ta' l-applikazzjoni u l-fajl(s) ta' applikazzjoni konnessi ta' l-applikant skond l-Artikolu 8(3), u, fir-rigward tad-data elenkata fil-punt (e), tal-mara jew tar-raġel u t-tfal ta' min ikun qed japplika skond l-Artikolu 8(4), għall-unika fini msemmija fil-paragrafu 1:

(a)

in-numru ta' l-applikazzjoni;

(b)

id-data meħuda mill-formola ta' l-applikazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 9(4) (a), (b) u (c);

(ċ)

ritratti;

(d)

id-data mdaħħla fir-rigward ta' kwalunkwe viża maħruġa, annullata, irrevokata jew li l-validità tagħha hija estiża jew imqassra, imsemmija fl-Artikoli 10, 13 u 14;

(e)

id-data msemmija fl-Artikolu 9(4)(a) u (b) tal-fajl(s) ta' applikazzjoni konnessi dwar il-mara jew ir-raġel u t-tfal ta' min qed japplika.

3.   Il-konsultazzjoni tal-VIS skond il-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu għandha ssir biss mill-awtoritajiet nazzjonali nominati msemmija fl-Artikolu 21(6) tar-Regolament (KE) Nru 343/2003.

KAPITOLU IV

ŻAMMA U EMENDAR TAD-DATA

Artikolu 23

Perjodu ta' żamma għall-ħżin tad-data

1.   Kull fajl ta' applikazzjoni għandu jinħażen fil-VIS għal massimu ta' ħames snin, mingħajr ħsara għat-tħassir imsemmi fl-Artikoli 24 u 25 u għaż-żamma ta' rekords imsemmija fl-Artikolu 34.

Dak il-perjodu għandu jibda:

(a)

ma' l-iskadenza tal-viża, jekk ġiet maħruġa viża;

(b)

ma' l-iskadenza l-ġdida tal-viża, jekk viża ġiet estiża;

(ċ)

fid-data tal-ħolqien tal-fajl ta' applikazzjoni fil-VIS, jekk l-applikazzjoni ġiet irtirata, ġiet magħluqa jew ma tkomplietx;

(d)

fid-data tad-deċiżjoni ta' l-awtorità tal-viża jekk viża ġiet irrifjutata, ġiet annullata, imqassra jew irrevokata.

2.   Ma l-iskadenza tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, il-VIS għandu awtomatikament iħassar il-fajl ta' l-applikazzjoni u r-rabtiet għal dan il-fajl kif imsemmi fl-Artikolu 8(3) u (4).

Artikolu 24

Emendar tad-data

1.   L-Istat Membru li huwa responsabbli biss għandu jkollu d-dritt li jemenda d-data li huwa ttrasmetta lill-VIS, billi jikkorreġi jew iħassar it-tali data.

2.   Jekk Stat Membru għandu evidenza li tissuġġerixxi li data pproċessata fil-VIS mhix preċiża jew li dik id-data kienet ipproċessata fil-VIS f'mod li jmur kontra dan ir-Regolament, huwa għandu jinforma lill-Istat Membru responsabbli immedjatament. Tali messaġġ jista' jiġi trasmess mill-infrastruttura tal-VIS.

3.   L-Istat Membru responsabbli għandu jivverifika d-data kkonċernata u, jekk meħtieġ, jikkoreġiha jew iħassarha immedjatament.

Artikolu 25

Tħassir tad-data bil-quddiem

1.   Fejn, qabel l-iskadenza tal-perjodu msemmi fl-Artikolu 23(1), applikant ikun ħa ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru, il-fajls ta' l-applikazzjoni u l-konnessjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(3) u (4) li huma relatati miegħu jew magħha għandhom jiġu mħassra mingħajr dewmien mill-VIS mill-Istat Membru li ħoloq il-fajls ta' l-applikazzjoni u l-konnessjonijiet rispettivi.

2.   Kull Stat Membru għandu jgħarraf lill-Istat(i) Membru(i) responsabbli mingħajr dewmien jekk applikant ikun ħa ċ-ċittadinanza tiegħu. Tali messaġġ jista' jiġi trasmess mill-infrastruttura tal-VIS.

3.   Jekk ir-rifjut ta' viża ġie annullat minn qorti jew bord ta' l-appell, l-Istat Membru li rrifjuta l-viża għandu jħassar id-data msemmija fl-Artikolu 12 mingħajr dewmien malli d-deċiżjoni li jiġi annullat ir-rifjut tal-viża ssir waħda finali.

KAPITOLU V

OPERAZZJONI U RESPONSABILITAJIET

Artikolu 26

It-tmexxija operattiva

1.   Wara perjodu tranżizzjonali, Awtorità tal-Ġestjoni (l-“Awtorità ta' l-Immaniġġar”), iffinanzjata mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea, għandha tkun responsabbli għat-tmexxija operattiva tal-VIS Ċentrali u ta' l-“Interfaces” Nazzjonali. L-Awtorità tal-Ġestjoni għandha tiżgura, f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, li f'kull ħin, għall-VIS Ċentrali u l-“Interfaces Nazzjonali” tintuża l-aqwa teknoloġija disponibbli, suġġett għal analiżi ta' l-ispejjeż u l-benefiċċji.

2.   L-Awtorità tal-Ġestjoni għandha tkun responsabbli wkoll għall-kompiti li se jissemmew hawn taħt relatati ma' l-Infrastruttura tal-Komunikazzjoni bejn il-VIS Ċentrali u l-“Interfaces” Nazzjonali:

(a)

superviżjoni;

(b)

sigurtà;

(ċ)

il-koordinazzjoni ta' relazzjonijiet bejn l-Istati Membru u l-fornitur.

3.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-kompiti l-oħra kollha relatati ma' l-Infrastruttura tal-Komunikazzjoni bejn il-VIS Ċentrali u l-“Interfaces” Nazzjonali, b'mod partikulari:

(a)

kompiti relatati ma' l-implimentazzjoni tal-baġit;

(b)

akkwist u tiġdid;

(ċ)

kwistjonijiet kuntrattwali.

4.   Matul perjodu tranżizzjonali qabel ma l-Awtorità tal-Ġestjoni tieħu r-responsabilitajiet tagħha, il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għat-tmexxija operazzjonali tal-VIS. Il-Kummissjoni tista' tiddelega dak il-kompitu u kompiti relatati ma' l-implimentazzjoni tal-baġit, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (23), lill-korpi nazzjonali tas-settur pubbliku, f'żewġ Stati Membri differenti.

5.   Kull korp nazzjonali tas-settur pubbliku msemmi fil-paragrafu 4, għandu jissodisfa l-kriterji ta' għażla li ġejjin:

(a)

għandu juri li għandu esperjenza estensiva fit-tħaddim ta' sistema ta' informazzjoni ta' skala kbira;

(b)

għandu jkollu kompetenza konsiderevoli fil-ħtiġijiet ta' servizzi u sigurtà ta' sistema ta' informazzjoni ta' skala kbira;

(ċ)

għandu jkollu staff biżżejjed u bl-esperjenza fil-kompetenza professjonali u bil-ħiliet lingwistiċi xierqa biex jaħdmu f'ambjent ta' koperazzjoni internazzjonali bħal dak meħtieġ mill-VIS;

(d)

għandu jkollu infrastruttura ta' faċilità sikura u mibnija apposta, li b'mod partikulari tkun kapaċi tappoġġja u tiggarantixxi l-funzjonament kontinwu ta' sistemi ta' l-IT ta' skala kbira; kif ukoll

(e)

l-ambjent amministrattiv tiegħu għandu jippermettilu li jimplimenta l-kompiti tiegħu tajjeb u li jevita kull konflitt ta' interess.

6.   Qabel ma ssir xi delega kif imsemmi fil-paragrafu 4 u f'intervalli regolari wara dan, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet tad-delega, il-kamp ta' applikazzjoni preċiż tad-delega, u l-korpi li lilhom jiġu ddelegati l-kompiti.

7.   Fejn il-Kummissjoni tiddelega r-responsabilità tagħha waqt il-perjodu tranżizzjonali skond il-paragrafu 4, hija għandha tiżgura li d-delega tirrispetta bis-sħiħ il-limiti stabbiliti mis-sistema istituzzjonali stipulata fit-Trattat. Hija għandha tiżgura, b'mod partikulari, li d-delega ma taffettwax ħażin xi mekkaniżmu ta' kontroll effettiv taħt il-liġi Komunitarja, sew jekk hu mill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Qorti ta' l-Awdituri jew jekk hu mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

8.   L-immaniġġjar operazzjonali tal-VIS għandu jikkonsisti fil-kompiti kollha meħtieġa biex il-VIS tiffunzjona 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa skond dan ir-Regolament, b'mod partikulari x-xogħol ta' manutenzjoni u l-iżviluppi teknoloġiċi meħtieġa biex ikun żgurat li s-sistema tiffunzjona fuq livell sodisfaċenti ta' kwalità operazzjonali, b'mod partikulari ż-żmien meħtieġ għall-interrogazzjoni tal-bażi tad-data mill-uffiċċji konsulari, liema żmien għandu jkun qasir kemm jista' jkun.

9.   Mingħajr ħsara għall-Artikolu 17 tar-Regolamenti ta' l-Istaff ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, stabbiliti fir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (24), l-Awtorità tal-Ġestjoni għandha tapplika regoli xierqa ta' segretezza professjonali jew dmirijiet ekwivalenti oħra ta' kunfidenzjalità lill-istaff kollu tagħha li hu meħtieġ li jaħdem b'data tal-VIS. Dan l-obbligu għandu japplika wkoll wara li dawn il-membri ta' l-istaff iħallu l-kariga jew l-impjieg jew wara t-tmiem ta' l-attivitajiet tagħhom.

Artikolu 27

Il-post tas-Sistema Ċentrali ta' Informazzjoni dwar il-Viża

Il-VIS Ċentrali prinċipali, li twettaq funzjonijiet ta' superviżjoni u amministrazzjoni teknika, għandha tkun ippustjata fi Strasburgu (Franza) u l-VIS Ċentrali ta' riżerva (backup), kapaċi li tiżgura l-funzjonalitajiet kollha tal-VIS Ċentrali prinċipali f'każ ta' ħsara fis-sistema, għandha tkun ippustjata f'Sankt Johann im Pongau (l-Awstrija).

Artikolu 28

Konnessjoni mas-Sistemi Nazzjonali

1.   Il-VIS għandha tkun imqabbda mas-Sistema Nazzjonali ta' kull Stat Membru permezz ta' l-“Interface” Nazzjonali fl-Istat Membru kkonċernat.

2.   Kull Stat Membru jrid jaħtar awtorità nazzjonali, li għandha tipprovdi l-aċċess ta' l-awtoritajiet kompetenti imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) għall-VIS, u tqabbad lill-awtorità nazzjonali ma' l-“Interface” Nazzjonali.

3.   Kull Stat Membru għandu josserva proċeduri awtomatizzati għall-ipproċessar tad-data.

4.   Kull Stat Membru huwa responsabbli għal:

(a)

l-iżvilupp tas-Sistema Nazzjonali u/jew l-adattament tagħha għall-VIS skond l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 2004/512/KE;

(b)

l-organizzazzjoni, it-tmexxija, l-operazzjoni u l-manutenzjoni tas-Sistema Nazzjonali tiegħu;

(ċ)

it-tmexxija u l-arranġamenti għall-aċċess ta' l-impjegati debitament awtorizzati ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-VIS skond dan ir-Regolament u li jistabbilixxi u jaġġorna regolarment lista ta' dawn il-membri ta' l-istaff u tal-profili tagħhom;

(d)

biex jassorbi l-ispejjeż li jiffaċċjaw is-Sistemi Nazzjonali u l-ispejjeż għall-konnessjoni tagħhom ma' l-“Interface” Nazzjonali, inkluż l-ispejjeż ta' l-investiment u dawk operattivi għall-infrastruttura tal-komunikazzjoni bejn l-“Interface” Nazzjonali u s-Sistema Nazzjonali.

5.   Qabel ma jkun awtorizzat jipproċessa data maħżuna fil-VIS, l-istaff ta' l-awtoritajiet li jkollu d-dritt ta' aċċess għall-VIS għandu jirċievi taħriġ xieraq dwar is-sigurtà tad-data u r-regoli tal-protezzjoni tad-data u għandu jiġi mgħarraf dwar kull reat kriminali u penali relevanti.

Artikolu 29

Responsabilità għall-użu tad-data

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li d-data hija pproċessata b'mod legali, u b'mod partikulari jiżgura li staff debitament awtorizzat biss ikollu aċċess għal data pproċessata fil-VIS għat-twettiq tal-kompiti tagħhom skond dan ir-Regolament. L-Istat Membru responsabbli għandu jiżgura b'mod partikulari li:

(a)

id-data hija miġbura b'mod legali;

(b)

id-data hija trasmessa b'mod legali lill-VIS;

(ċ)

id-data hija preċiża u aġġornata meta hija trasmessa lill-VIS.

2.   L-Awtorità tal-Ġestjoni għandha tiżgura li l-VIS hija mħaddma skond dan ir-Regolament u r-regoli tagħha ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 45(2). B'mod partikulari, l-Awtorità tal-Ġestjoni għandha:

(a)

tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiżgura s-sigurtà tal-VIS Ċentrali u ta' l-infrastruttura ta' komunikazzjoni bejn is-il-VIS Ċentrali u l-“Interfaces” Nazzjonali, mingħajr ħsara għar-responsabilitajiet ta' kull Stat Membru;

(b)

tiżgura li impjegati debitament awtorizzati biss ikollhom aċċess għal data pproċessata fil-VIS għat-twettiq tal-kompiti ta' l-Awtorità tal-Ġestjoni skond dan ir-Regolament.

3.   L-Awtorità tal-Ġestjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li hija tieħu skond il-paragrafu 2.

Artikolu 30

Iż-Żamma tad-data tal-VIS fil-fajls nazzjonali

1.   Data miksuba mill-VIS għandha tinżamm fil-fajls nazzjonali biss meta dan huwa meħtieġ f'każ individwali, skond il-għan tal-VIS u f'konformità mad-dispożizzjonijiet legali rilevanti inklużi dawk li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-data, u għal mhux iktar minn kemm huwa neċessarju f'dak il-każ individwali.

2.   Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' l-Istat Membru li jżomm fil-fajls nazzjonali tiegħu data li dak l-Istat Membru daħħal fil-VIS.

3.   Kwalunkwe użu ta' data li ma jkunx konformi mal-paragrafi 1 u 2 għandu jiġi kkunsidrat użu ħażin skond il-liġi nazzjonali ta' kull Stat Membru.

Artikolu 31

Il-Komunikazzjoni ta' data lil pajjiżi terzi jew lill-organizzazzjonijiet internazzjonali

1.   Id-data pproċessata fil-VIS skond dan ir-Regolament m'għandhiex tkun trasferita jew issir disponibbli għal pajjiż terz jew għal organizzazzjoni internazzjonali.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, id-data msemmija fl-Artikolu 9(4)(a), (b), (c), (k) u (m) tista' tiġi trasferita jew tista' ssir disponibbli għal pajjiż terz jew għal organizzazzjoni internazzjonali elenkati fl-Anness jekk dan ikun neċessarju f'każijiet individwali bl-iskop li tkun pruvata l-identità ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, inkluż għal skopijiet ta' ritorn, biss jekk ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni dwar il-protezzjoni xierqa tad-data personali f'dak il-pajjiż terz skond l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE, jew hemm fis-seħħ ftehima ta' ammissjoni mill-ġdid bejn il-Komunità u dak il-pajjiż terz, jew japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 26(1)(d) tad-Direttiva 95/46/KE;

(b)

il-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali jaqblu li jużaw id-data biss għall-għan li għaliha ingħatat;

(ċ)

li d-data tiġi trasferita jew tkun disponibbli skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi Komunitarja, partikularment ftehimiet ta' ammissjoni mill-ġdid, u l-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru fejn qed tiġi trasferita jew fejn qed tkun disponibbli, inklużi d-dispożizzjonijiet legali rilevanti rigward is-sigurtà tad-data u l-protezzjoni tad-data; kif ukoll

(d)

l-Istat(i) Membru(i) li daħħal id-data fil-VIS ta l-kunsens tiegħu.

3.   Tali trasferimenti ta' data personali lejn pajjiżi terzi jew lejn organizzazzjonijiet internazzjonali m'għandhomx jippreġudikaw id-drittijiet tar-refuġjati u tal-persuni li jitolbu protezzjoni internazzjonali, partikularment f'dak li jirrigwarda “non-refoulement”.

Artikolu 32

Sigurtà tad-data

1.   L-Istat Membru responsabbli għandu jiżgura s-sigurtà tad-data qabel u waqt it-trażmissjoni lill-Interface Nazzjonali. Kull Stat Membru għandu jiżgura s-sigurtà tad-data li jirċievi mill-VIS.

2.   Kull Stat Membru għandu, b'rabta mas-Sistema Nazzjonali tiegħu, jadotta l-miżuri neċessarji, inkluż pjan ta' sigurtà, sabiex ikun jista':

(a)

jipproteġi b'mod fiżiku d-data, anke billi joħloq pjanijiet ta' kontinġenza għall-ħarsien ta' infrastruttura kritika;

(b)

iwaqqaf persuni mhux awtorizzati milli jkollhom aċċess għal impjanti nazzjonali fejn l-Istat Membru jwettaq operazzjonijiet skond il-għanijiet tal-VIS (sorveljanza fid-dħul għall-impjant);

(ċ)

iwaqqaf il-qari, l-ikkuppjar, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzat ta' media tad-data (kontroll tad-data tal-media);

(d)

iwaqqaf l-input mhux awtorizzat ta' data u l-ispezzjoni, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzat ta' data personali miżmuma (kontroll taż-żamma);

(e)

iwaqqaf l-ipproċessar mhux awtorizzat ta' data fil-VIS u kwalunkwe modifika jew tħassir mhux awtorizzat ta' data pproċessata fil-VIS (kontroll ta' dħul tad-data);

(f)

jiżgura li persuni awtorizzati biex ikollhom aċċess għall-VIS ikollhom aċċess biss għad-data koperta mill-awtorizzazzjoni ta' l-aċċess tagħhom, permezz ta' identitajiet ta' l-utenti individwali u uniċi u permezz ta' modi għal aċċess kunfidenzjali biss (kontroll ta' aċċess għad-data);

(g)

jiżgura li l-awtoritajiet kollha bid-dritt ta' l-aċċess għall-VIS joħolqu profili li jiddeskrivu l-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-persuni li huma awtorizzati li jkollhom aċċess għad-data u li jidħlu, jaġġornaw, iħassru u jagħmlu tfittix fid-data u jippermettu li dawn il-profili tagħhom ikunu disponibbli għall-awtoritajiet superviżorji nazzjonali msemmija fl-Artikolu 41 mingħajr dewmien fuq talba tagħhom (profili tal-persunal);

(h)

jiżgura li huwa possibbli li jiġi verifikat u stabbilit lil-liema korpi tista' tiġi trażmessa data personali permezz ta' l-użu ta' tagħmir għall-komunikazzjoni tad-data (kontroll tal-komunikazzjoni);

(i)

jiżgura li huwa possibbli li jkun verifikat u stabbilit liema data ġiet ipproċessata fil-VIS, meta, minn min u għal liema għan (kontroll ta' rekordjar tad-data);

(j)

iwaqqaf il-qari, l-ikkuppjar, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzat ta' data personali matul it-trażmissjoni ta' data personali lejn jew mill-VIS jew matul it-trasport ta' media tad-data, b'mod partikulari permezz ta' tekniki xierqa ta' qlib tal-kodiċi (encryption) (kontroll tat-trasport);

(k)

jissorvelja l-effettività tal-miżuri ta' sigurtà msemmija f'dan il-paragrafu u jieħu l-miżuri organizzattivi meħtieġa relatati mas-sorveljanza interna sabiex jiżgura konformità ma' dan ir-Regolament (awtoverifika).

3.   L-Awtorità tal-Ġestjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tikseb l-objettivi stabbiliti fil-paragrafu 2 f'dak li jirrigwarda l-operazzjoni tal-VIS, inkluża l-adozzjoni ta' pjan ta' siġurtà.

Artikolu 33

Responsabbiltà

1.   Kull persuna jew Stat Membru li, sofra danni kkawżati minn operat ta' ipproċessar illegali jew kull att li mhux kompatibbli ma' dan ir-Regolament tkun/ikun intitolat jirċievi kumpens mill-Istat Membru li huwa responsabbli għad-danni li seħħew. Dak l-Istat Membru għandu jkun eżentat mir-responsabbiltà tiegħu, kollha kemm hi jew in parti, jekk juri li mhux responsabbli għall-ġrajja li tat lok li jseħħu d-danni.

2.   Jekk kwalunkwe nuqqas min-naħa ta' Stat Membru li jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt dan ir-Regolament jikkawżaw danni lill-VIS, dak l-Istat Membru għandu jinżamm responsabbli għal tali ħsara, sakemm u sa fejn l-Awtorità tal-Ġestjoni jew Stat Membru ieħor naqqsu milli jieħdu passi raġonevoli sabiex jipprevjenu li jseħħu d-danni jew li jnaqqsu l-impatt tagħhom.

3.   Talbiet għal kumpens kontra Stat Membru għad-danni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ikunu regolati mid-dispożizzjonijiet tal-ligi nazzjonali ta' l-Istat Membru konvenut.

Artikolu 34

Żamma ta' rekords

1.   Kull Stat Membru u l-Awtorità tal-Ġestjoni għandhom iżommu rekord ta' l-operazzjonijiet kollha ta' pproċessar ta' data fil-VIS. Dawn id-dokumenti għandhom juru r-raġuni għall-aċċess msemmi fl-Artikolu 6(1) u fl-Artikoli 15 sa 22, id-data u l-ħin, it-tip ta' data trażmessa kif msemmi fl-Artikoli 9 sa 14, it-tip ta' data użata għal interrogazzjoni kif imsemmi fl-Artikoli 15(2), 17, 18(1) sa (3), 19(1), 20(1), 21(1) u 22(1) u l-isem ta' l-awtorità li qed iddaħħal jew qed tiġbor id-data. Minnbarra dan, kull Stat Membru għandu jżomm ir-rekords tal-membri ta' l-istaff awtorizzati bir-responsabbli għad-dħul u t-teħid tad-data.

2.   Tali rekords jistgħu jintużaw biss għas-sorveljanza tal-ħarsien tad-data, ta' l-ammissibilità ta' l-ipproċessar tad-data, kif ukoll sabiex jiżguraw is-sigurtà tad-data. Ir-rekords għandhom jiġu protetti permezz ta' miżuri xierqa kontra aċċess mhux awtorizzat u mħassra wara perjodu ta' sena wara li jkun skada l-perjodu ta' żamma imsemmi fl-Artikolu 23(1), jekk mhumiex meħtieġa għal proċeduri ta' sorveljanza li jkunu diġà nbdew.

Artikolu 35

Awto-monitoraġġ

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull awtorità intitolata għall-aċċess ta' data tal-VIS għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura konformità ma' dan ir-Regolament u għandha tikkopera, fejn meħtieġ, ma' l-Awtorità Nazzjonali ta' Superviżjoni.

Artikolu 36

Sanzjonijiet

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li kwalunkwe użu ħażin tad-data mdaħħla fil-VIS ikun ikkastigat permezz ta' sanzjonijiet, inklużi sanzjonijiet amministrattivi u/jew kriminali, skond il-liġi nazzjonali, li huma effettivi, proporzjonati u disważivi.

KAPITOLU VI

DRITTIJIET U SORVELJANZA TAL-PROTEZZJONI TAD-DATA

Artikolu 37

Dritt ta' informazzjoni

1.   L-applikanti u l-persuni msemmija fl-Artikolu 9(4)(f) għandhom ikunu infurmati mill-Istat Membru responsabbli dwar dan li ġej:

(a)

l-identità tal-kontrollur imsemmi fl-Artikolu 41(4), inklużi d-dettalji ta' kuntatt tiegħu;

(b)

il-fini li għalihom id-data ser tkun ipproċessata fil-VIS;

(ċ)

il-kategoriji ta' min ser jirċievi d-data, inklużi l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 3;

(d)

il-perjodu taż-żamma tad-data;

(e)

il-ġbir tad-data huwa mandatorju għall-eżami ta' l-applikazzjoni;

(f)

l-eżistenza tad-dritt ta' aċċess għal data relatata magħhom, u d-dritt li jintalab li data mhux eżatta relatata magħhom tkun korretta jew li titħassar data marbuta magħhom proċessata illegalment, inkluż id-dritt li tinkiseb informazzjoni dwar il-proċeduri għall-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet u d-dettalji għall-kuntatt ta' l-Awtoritajiet Nazzjonali ta' Sorveljanza msemmijin fl-Artikolu 41(1), li għandhom jisimgħu talbiet dwar il-protezzjoni ta' data personali.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tingħata bil-miktub lill-applikant meta tittieħed id-data mill-formola ta' applikazzjoni, ir-ritratt u l-marka tas-swaba' kif ipprovdut fl-Artikolu 9(4), (5) u (6).

3.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tingħata lill-persuni msemmija fl-Artikolu 9(4)(f) fil-formoli li jridu jiġu ffirmati minn dawk il-persuni li jagħtu evidenza ta' stedina, sponsorship u akkomodazzjoni.

Fejn m'hemmx tali formola ffirmata minn dawk il-persuni, din l-informazzjoni għandha tiġi provduta skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva 95/46/KE.

Artikolu 38

Dritt ta' aċċess, korrezzjoni u tħassir

1.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligu li jipprovdu aktar informazzjoni b'konformità ma' l-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46/KE, kwalunkwe persuna għandu jkollha d-dritt li tikseb komunikazzjoni tad-data relatat magħha rreġistrata fil-VIS u ta' l-Istat Membru li ttrażmetta l-informazzjoni lill-VIS. Aċċess bħal dan għad-data jista' jingħata biss minn Stat Membru. Kull Stat Membru għandu jirreġistra kull talba għal aċċess bħal dan.

2.   Kwalunkwe persuna tista' titlob li data dwarha li mhix preċiża tiġi kkorreġuta u li data rrekordjata b'mod illegali titħassar. Il-korrezzjoni u t-tħassir għandhom jitwettqu minnufih mill-Istat Membru responsabbli, skond il-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri tiegħu.

3.   Jekk it-talba kif previst fil-paragrafu 2 issir lil Stat Membru, li mhux l-Istat Membru responsabbli, l-awtoritajiet ta' l-Istat Membru li għandu saret it-talba għandu jikkuntattja lill-awtoritajiet ta' l-Istat Membru responsabbli f'limitu ta' żmien ta' 14-il ġurnata. L-Istat Membru responsabbli għandu jivverifika l-korrettezza tad-data u l-legalità ta' l-ipproċessar tagħha fil-VIS f'limitu ta' żmien ta' xahar.

4.   Jekk jinstab li d-data rrekordjata fil-VIS mhix preċiża jew ġiet irrekordjata b'mod illegali, l-Istat Membru responsabbli għandu jikkoreġi jew iħassar id-data skond l-Artikolu 24(3). L-Istat Membru responsabbli għandu jikkonferma bil-miktub lill-persuna kkonċernata minnufih li ħa l-azzjoni sabiex jikkoreġi jew iħassar id-data dwarha.

5.   Jekk l-Istat Membru responsabbli ma jaqbilx li d-data rrekordjata fil-VIS mhix preċiża jew li ġiet irrekordjata b'mod illegali, huwa jrid jispjega bil-miktub lill-persuna kkonċernata minnufih ir-raġuni għaliex mhux lest li jikkoreġi jew iħassar id-data dwarha.

6.   L-Istat Membru responsabbli għandu jagħti wkoll lill-persuna kkonċernata l-informazzjoni bi spjegazzjoni tal-passi li jista' jieħu jekk ma jaċċettax l-ispjegazzjoni mogħtija. Din għandha tinkludi informazzjoni dwar kif jiġu ppreżentati azzjoni jew ilment quddiem l-awtoritajiet kompetenti jew il-qrati ta' dak l-Istat Membru u dwar kwalunkwe għajnuna finanzjarja, inkluża dik mill-awtoritajiet nazzjonali ta' superviżjoni msemmijin fl-Artikolu 41(1), li hija disponibbli skond il-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri ta' dak l-Istat Membru.

Artikolu 39

Kooperazzjoni sabiex tiżgura d-drittijiet fuq ħarsien tad-data

1.   L-Istati Membri għandhom jikkoperaw b'mod attiv sabiex jinfurzaw id-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 38(2), (3) u (4).

2.   F'kull Stat Membru, l-Awtorità Nazzjonali ta' Superviżjoni għandha, fuq talba, tassisti, u tagħti parir lill-persuna kkonċernata fl-eżerċiżżju tad-drittijiet tagħha sabiex tiġi kkoreġuta jew imħassra data dwarha skond l-Artikolu 28(4) tad-Direttiva 95/46/KE.

3.   L-Awtorità Nazzjonali ta' Superviżjoni ta' l-Istat Membru responsabbli li ttrażmettiet id-data u l-Awtoritajiet Nazzjonali ta' Superviżjoni ta' l-Istati Membri li lilhom saret it-talba għandhom jikkoperaw għal dan il-għan.

Artikolu 40

Rimedji

1.   F'kull Stat Membru kwalunkwe persuna għandu jkollha d-dritt tressaq kawża jew ilment quddiem l-awtoritajiet jew il-qrati kompetenti ta' dak l-Istat Membru li ċaħad id-dritt ta' aċċess għal jew id-dritt ta' korrezzjoni jew tħassir ta' data relatata magħha, kif provdut fl-Artikolu 38(1) u (2).

2.   L-assistenza ta' l-Awtoritajiet Nazzjonali ta' Superviżjoni msemmijin fl-Artikolu 39(2) għandha tibqa' disponibbli matul il-proċedimenti.

Artikolu 41

Superviżjoni mill-Awtorità Nazzjonali ta' Superviżjoni

1.   L-awtorità jew awtoritajiet maħtura f'kull Stat Membru u li għandhom is-setgħat imsemmija fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46/KE (l-“Awtorità Nazzjonali ta' Superviżjoni”) għandhom jissorveljaw indipendentement il-legalità ta' l-ipproċessar ta' data personali, imsemmija fl-Artikolu 5(1), mill-Istat Membru kkonċernat, inkluż it-trażmissjoni tagħha lejn u mill-VIS.

2.   L-Awtorità Nazzjonali ta' Superviżjoni għandha tiżgura li l-verifika ta' l-operazzjonijiet ta' l-ipproċessar ta' data fis-Sistema Nazzjonali titwettaq skond l-istandards ta' verifika internazzjonali relevanti mill-inqas kull erba' snin.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Awtorità Nazzjonali ta' Superviżjoni tagħhom jkollha biżżejjed riżorsi biex twettaq il-ħidmiet mogħtija lilha taħt dan ir-Regolament.

4.   Fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali fil-VIS, kull Stat Membru għandu jaħtar l-awtorità li trid tiġi kkunsidrata bħala kontrollur skond l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46/KE u li għandu jkollha responsabbiltà ċentrali għall-ipproċessar ta' data minn dan l-Istat Membru. Kull Stat Membru għandu jikkomunika din l-awtorità lill-Kummissjoni.

5.   Kull Stat Membru għandu jforni kwalunkwe informazzjoni mitluba mill-Awtoritajiet Nazzjonali ta' Superviżjoni u għandu, b'mod partikulari, jipprovdilhom informazzjoni dwar l-attivitajiet imwettqa skond l-Artikoli 28 u 29(1), jagħtihom aċċess għal-listi msemmija fl-Artikolu 28(4) (c) u għar-rekords tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 34 u għandu jippermetti li jkollhom aċċess f'kull ħin għall-postijiet tagħhom.

Artikolu 42

Superviżjoni mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

1.   Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jivverifika li l-attivitajiet ta' proċessar ta' data personali ta' l-Awtorità tal-Ġestjoni jitwettqu skond dan ir-Regolament. Għaldaqstant, għandhom jiġu applikati d-dmirijiet u s-setgħat imsemmija fl-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

2.   Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jiżgura li titwettaq verifika ta' l-attivitajiet ta' proċessar ta' data personali ta' l-Awtorità tal-Ġestjoni skond l-istandards ta' verifika internazzjonali relevanti mill-inqas kull erba' snin. Rapport ta' verifika bħal din għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Awtorità tal-Ġestjoni, lill-Kummissjoni u lill-Awtoritajiet Nazzjonali ta' Superviżjoni. L-Awtorità tal-Ġestjoni għandha tingħata opportunità li tagħmel kummenti qabel ma jiġi adottat ir-rapport.

3.   L-Awtorità tal-Ġestjoni għandha tforni l-informazzjoni mitluba mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, ittih/ittiha aċċess għad-dokumenti kollha u għar-rekords tagħha msemmija fl-Artikolu 34(1) u tippermettilu/tippermettilha aċċess għall-postijiet tagħha kollha, f'kull ħin.

Artikolu 43

Koperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Nazzjonali ta' Superviżjoni u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

1.   L-Awtoritajiet Nazzjonali ta' Superviżjoni u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, filwaqt li jaġixxu fi ħdan il-kamp ta' ħidma tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, għandhom jikkoperaw b'mod attiv fi ħdan il-qafas tar-responsabblitajiet tagħhom u għandhom jiżguraw superviżjoni koordinata tal-VIS u tas-Sistemi Nazzjonali.

2.   Filwaqt li jaġixxu fil-kamp ta' ħidma tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, huma għandhom iwettqu skambju ta' l-informazzjoni relevanti, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-verifiki u ta' l-ispezzjonijiet, jeżaminaw id-diffikultajiet rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, jistudjaw il-problemi bl-eżerċizzju ta' superviżjoni indipendenti jew bl-eżerċizzju tad-drittijiet tal-persuna li d-data tirreferi għaliha, ifasslu proposti armonizzati għal soluzzjonijiet konġunti għal kwalunkwe problema u jippromwovu kuxjenza tad-drittijiet tal-protezzjoni ta' data, skond il-bżonn.

3.   L-Awtoritajiet Nazzjonali ta' Superviżjoni u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandhom jiltaqgħu għal dak l-iskop mill-inqas darbtejn fis-sena. L-ispejjeż u ż-żamma ta' dawn il-laqgħat għandhom joħorġu mill-kont tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. Ir-regoli ta' proċedura għandhom jiġu adottati fl-ewwel laqgħa. Metodi ta' ħidma ulterjuri għandhom jiġu żviluppati b'mod konġunt skond il-bżonn.

4.   Rapport konġunt ta' l-attivitajiet għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità tal-Ġestjoni kull sentejn. Dan ir-rapport għandu jinkludi kapitolu ta' kull Stat Membru mħejji mill-Awtorità Nazzjonali ta' Superviżjoni ta' dak l-Istat Membru.

Artikolu 44

Protezzjoni ta' data waqt il-perjodu tranżitorju

Fejn il-Kummissjoni tiddelega r-responsabilitajiet tagħha waqt il-perjodu tranżitorju lil entità jew entitajiet oħra, skond l-Artikolu 26(4) ta' dan ir-Regolament, hija għandha tiżgura li l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jkollu d-dritt u jkun kapaċi jeżerċita bis-sħiħ id-dmirijiet tiegħu, inkluż it-twettiq ta' verifiki fuq il-post, u jeżerċita kwalunkwe setgħa oħra mogħtija lilu permezz ta' l-Artikolu 47 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 45

Implimentazzjoni mill-Kummissjoni

1.   Il-VIS Ċentrali, l-Interface Nazzjonali f'kull Stat Membru u l-infrastruttura ta' komunikazzjoni bejn il-VIS Ċentrali u l-Interfaces Nazzjonali għandhom jiġu implimentati mill-Kummissjoni malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, inklużi l-funzjonalitajiet għall-ipproċessar tad-data bijometrika msemmija fl-Artikolu 5(1)(c).

2.   Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni teknika tal-VIS Ċentrali, l-Interfaces Nazzjonali u l-infrastruttura ta' komunikazzjoni bejn il-VIS Ċentrali u l-Interfaces Nazzjonali, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 49(2), b'mod partikulari:

(a)

għad-dħul tad-data u għall-konnessjoni ta' l-applikazzjonijiet b'konformità ma' l-Artikolu 8;

(b)

biex id-data tiġi aċċessata b'konformità ma' l-Artikolu 15 u ma' l-Artikoli 17 sa 22;

(ċ)

għall-emendar, tħassir u tħassir bil-quddiem ta' data b'konformità ma' l-Artikoli 23 sa 25;

(d)

biex jinżammu u jkun hemm aċċess għar-rekords b'konformità ma' l-Artikolu 34;

(e)

għall-mekkaniżmu ta' konsultazzjoni u għall-proċeduri msemmija fl-Artikolu 16.

Artikolu 46

L-integrazzjoni tal-funzjonalitajiet tekniċi tan-Network ta' Konsultazzjoni ta' Schengen

Il-mekkaniżmu ta' konsultazzjoni msemmi fl-Artikolu 16 għandu jissostitwixxi n-Netwerk ta' Konsultazzjoni ta' Schengen mid-data stipulata bi qbil mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 49(3) fejn dawk l-Istati Membri kollha li jużaw in-Network ta' Konsultazzjoni ta' Schengen fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament innotifikaw l-arranġamenti legali u tekniċi għall-użu tal-VIS bil-għan li jkun hemm konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali tal-viża dwar l-applikazzjonijiet tal-viża skond l-Artikolu 17(2) tal-Konvenzjoni ta' Schengen.

Artikolu 47

Bidu ta' trażmissjoni

Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni li huwa għamel l-arranġamenti tekniċi u legali meħtieġa biex jittrażmetti d-data msemmija fl-Artikolu 5(1) lill-VIS Ċentrali permezz ta' l-Interface Nazzjonali.

Artikolu 48

Bidu ta' l-operati

1.   Il-Kummissjoni għandha tiddetermina d-data meta l-VIS għanda tibda topera, meta:

(a)

il-miżuri msemmija fl-Artikolu 45(2) ġew adottati;

(b)

il-Kummissjoni ħabbret it-tlestija b'suċċess ta' eżami komprensiv tal-VIS, li għandu jsir mill-Kummissjoni flimkien ma' l-Istati Membri;

(ċ)

wara l-validazzjoni ta' l-arranġamenti tekniċi, l-Istati Membri avżaw lill-Kummissjoni li għamlu l-arranġamenti tekniċi u legali kollha meħtieġa sabiex jiġbru u jitrażmettu d-data msemmija fl-Artikolu 5(1) lill-VIS għall-applikazzjonijiet kollha fl-ewwel reġjun iddeterminati skond il-paragrafu 4, inklużi l-arranġamenti għall-ġbir u/jew it-trażmissjoni tad-data f'isem Stat Membru ieħor.

2.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew bir-riżultati ta' l-eżami mwettaq b'konformità mal-punt (b) tal-paragrafu 1.

3.   F'kull reġjun ieħor, il-Kummissjoni għandha tiddetermina d-data minn meta t-trażmissjoni tad-data fl-Artikolu 5(1) issir obbligatorja meta l-Istati Membri jkunu nnotifikaw lill-Kummissjoni li għamlu l-arranġamenti tekniċi u legali kollha meħtieġa sabiex jiġbru u jitrażmettu d-data msemmija fl-Artikolu 5(1) lill-VIS għall-applikazzjonijiet kollha fir-reġjun ikkonċernat, inkluż l-arranġamenti għall-ġbir u/jew trażmissjoni tad-data f'isem Stat Membru ieħor. Qabel dik id-data, kull Stat Membru jista' jibda l-ħidmiet fi kwalunkwe minn dawn ir-reġjuni, malli jkun innotifika lill-Kummissjoni li għamel l-arranġamenti tekniċi u legali meħtieġa sabiex jiġbor u jitrażmetti għall-inqas id-data msemmija fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) lill-VIS.

4.   Ir-reġjuni msemmija fil-paragrafi 1 u 3 għandhom ikunu deċiżi bi qbil mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 49(3). Il-kriterji għall-iffissar ta' dawn ir-reġjuni se jkun ir-riskju ta' l-immigrazzjoni illegali, it-theddid lis-sigurtà interna ta' l-Istati Membri u l-probabbilità li jinġabru elementi bijometriċi mill-postijiet kollha f'dan ir-reġjun.

5.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-dati tal-bidu tal-ħidmiet f'kull reġjun fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

6.   L-ebda Stat Membru ma għandu jikkonsulta d-data trażmessa minn Stati Membri oħra lill-VIS qabel ma hu jew xi Stat Membru ieħor li jirrappreżenta dan l-Istat Membru jibda' jdaħħal id-data bi qbil mal-paragrafi 1 u 3.

Artikolu 49

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-kumitat imwaqqaf skond l-Artikolu 51(1) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 2006, dwar it-twaqqif, il-ħidma u l-użu ta' Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (25).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE japplikaw.

Il-perjodu previst fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE ikun ta' xahrejn.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw.

Il-perjodu previst fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE ikun ta' xahrejn.

Artikolu 50

Sorveljanza u evalwazzjoni

1.   L-Awtorità tal-Ġestjoni għandha tiżgura li hemm proċeduri fis-seħħ sabiex jissorveljaw il-funzjonament tal-VIS ma miri relatati ma' rendiment, benefiċċju meta mqabbel ma spejjeż, sigurtà u kwalità tas-servizz.

2.   Għall-finijiet ta' manteniment tekniku, l-Awtorità tal-Ġestjoni għandha jkollha aċċess għall-informazzjoni neċessarja marbuta mal-ħidmiet ta' l-ipproċessar imwettqa fil-VIS.

3.   Sentejn wara li l-VIS tkun bdiet topera u kull sentejn minn hemm ’il quddiem, l-Awtorità tal-Ġestjoni trid tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport dwar l-iffunzjonar tekniku tal-VIS u l-infrastruttura tal-komunikazzjoni, inkluż is-sigurtà tagħha.

4.   Tliet snin wara li l-VIS tibda topera u kull erba' snin minn hemm ‘il quddiem, il-Kummissjoni trid tipprepara evalwazzjoni ġenerali tal-VIS. Din l-evalwazzjoni ġenerali għandha tinkludi eżami tar-riżultati miksuba fit-twettiq tal-miri u evalwazzjoni tal-validità kontinwa tal-ħsibijiet fundamentali, l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-VIS, is-sigurtà tal-VIS, l-użu magħmul mid-dispożizzjonijiet msemmija fl-Artikolu 31 u kwalunkwe implikazzoni ta' operati futuri. Il-Kummissjoni għandha tressaq l-evalwazzjoni quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

5.   Qabel it-tmiem tal-perjodi msemmija fl-Artikolu 18(2) il-Kummissjoni għandha tirraporta dwar il-progress tekniku rigward l-użu tas-sinjali tas-swaba fil-fruntieri esterni u l-implikazzjonijiet tiegħu matul it-tfittxijiet bl-użu tan-numru tal-viża kkombinat mal-verifika tas-sinjali tas-swaba tad-detentur tal-viża, inkluz jekk it-tul ta' żmien ta' tali tfittxija tikkawżax ħin ta' stennija eċċessiv fil-fruntieri. Il-Kummissjoni għandha tressaq l-evalwazzjoni quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Fuq il-bazi ta' dik l-evalwazzjoni, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista' jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipproponi, jekk meħtieġ, emendi xierqa għal dan ir-Regolament.

6.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Awtorità tal-Ġestjoni u lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa sabiex tħejji r-rapporti msemmija fil-paragrafi 3, 4 u 5.

7.   L-Awtorità tal-Ġestjoni għandha tipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa sabiex tipproduċi l-evalwazzjonijiet ġenerali msemmija fil-paragrafu 4.

8.   Waqt il-perjodu ta' tranżizzjoni qabel ma l-Awtorità tal-Ġestjoni tibda' twettaq ir-responsabilitajiet tagħha, il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-produzzjoni u l-preżentazzjoni tar-rapporti msemmija fil-paragrafu 3.

Artikolu 51

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

2.   Huwa japplika mid-data msemmija fl-Artikolu 48(1).

3.   L-Artikoli 26, 27, 32, 45, 48(1), (2) u (4), u l-Artikolu 49 għandhom japplikaw mit-2 ta' Settembru 2008.

4.   Waqt il-perjodu ta' tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 26(4), referenzi għall-Awtorità tal-Ġestjoni f'dan ir-Regolament għandhom jinftehmu bħala referenza għall-Kummissjoni.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri, skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, 9 ta' Lulju 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J.-P. JOUYET


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2007 (ĠU C 125 E, 22.5.2008, p. 118).

(2)  ĠU L 213, 15.6.2004, p. 5.

(3)  ĠU L 50, 25.2.2003, p. 1.

(4)  ĠU L 123, 9.5.2002, p. 50.

(5)  ĠU L 164, 14.7.1995, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(6)  ĠU C 326, 22.12.2005, p. 1. L-Struzzjonijiet kif emendati l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/684/KE (ĠU L 280, 12.10.2006, p. 29).

(7)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19. Il-Konvenzjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4).

(8)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. Id-Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(9)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(10)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(11)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(12)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(13)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 53.

(14)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(15)  ĠU L 395, 31.12.2004, p. 70.

(16)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

(17)  Id-Deċiżjoni 2004/860/KE tal-25 ta' Ottubru 2004 dwar l-iffirmar, f'isem il-Komunità Ewropea, u dwar l-applikazzjoni proviżorja ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehima bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera, dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen (ĠU L 370, 7.12.2004, p. 78).

(18)  Ara paġna 129, ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(19)  ĠU L 64, 7.3.2003, p. 1.

(20)  ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1932/2006 (ĠU L 405, 30.12.2006, p. 23).

(21)  ĠU L 53, 23.2.2002, p. 4.

(22)  ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 296/2008 (ĠU L 97, 9.4.2008, p. 60).

(23)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1525/2007 (ĠU L 343, 27.12.2007, p. 9).

(24)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 337/2007 (ĠU L 90, 30.3.2007, p. 1).

(25)  ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4.


ANNESS

Lista ta' organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija fl-Artikolu 31(2)

1.

Organizzazzjonijiet tan-NU (bħall-UNHCR);

2.

Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM);

3.

Il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar.


Top