EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0477

2008/477/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 13 ta’ Ġunju 2008 dwar l-armonizzazzjoni tal-medda ta’ frekwenzi bejn 2500 - 2690 MHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 2625) Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 163, 24.6.2008, p. 37–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 047 P. 227 - 231

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 12/05/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/477/oj

24.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 163/37


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Ġunju 2008

dwar l-armonizzazzjoni tal-medda ta’ frekwenzi bejn 2 500-2 690 MHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 2625)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/477/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 676/2002/KE tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju) (1), u partikolarment l-Artikolu 4(3) tagħha,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni wriet l-appoġġ tagħha għal użu aktar flessibbli ta’ l-ispettru tar-radju fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Aċċess rapidu għall-ispettru għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika bla wajers (‘wireless’) permezz ta’ iktar flessibbiltà” (2) [traduzzjoni mhux uffiċjali], li tirrigwarda fost l-oħrajn il-medda ta’ frekwenzi bejn 2 500 u 2 690 MHz. Fl-opinjoni tal-Grupp għall-Politika ta’ l-Ispettru tar-Radju (RSPG) tat-23 ta’ Novembru 2005 dwar il-Politika ta’ Aċċess bla wajers (“wireless”) għal Servizzi ta’ Komunikazzjoni Elettronika (WAPECS), l-Istati Membri saħqu fuq in-newtralità teknoloġika u n-newtralità tas-servizzi bħala għanijiet importanti ta’ politika fit-triq lejn użu aktar flessibbli ta’ l-ispettru tar-radju. Barra minn hekk, skond din l-opinjoni, dawn l-għanijiet ta’ politika ma għandhomx jiġu introdotti f’daqqa, iżda b’mod progressiv sabiex ma jkunx hemm xkiel għas-suq.

(2)

L-allokazzjoni tal-medda ta’ frekwenzi bejn 2 500 u 2 690 MHz għas-sistemi li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika hija element importanti għall-konverġenza tas-setturi tal-komunikazzjoni mobbli u fissa u tax-xandir, u tirrifletti l-innovazzjoni teknika. Is-servizzi pprovduti f’din il-medda ta’ frekwenzi għandhom ikunu mmirati l-aktar lejn l-aċċess ta’ l-utent aħħari għall-komunikazzjoni broadband.

(3)

Huwa mistenni li s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika broadband bla wajers (“wireless”) li għalihom se tkun allokata l-medda ta’ frekwenzi bejn 2 500 u 2 690 MHz fil-parti l-kbira tagħhom ikunu pan-Ewropej, fis-sens illi min jinqeda b’dawn is-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fi Stat Membru partikolari jkun jista’ jikseb aċċess għal servizzi ekwivalenti fi kwalunkwe Stat Membru ieħor.

(4)

Skond l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE, fil-5 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni tat mandat lill-Konferenza Ewropea ta’ l-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjoni (minn hawn ‘il quddiem “CEPT”) għall-iżvilupp ta’ kondizzjonijiet tekniċi l-inqas restrittivi għall-medda ta’ frekwenzi fil-kuntest tal-WAPECS.

(5)

Bħala reazzjoni għal dak il-mandat, is-CEPT ippubblikat rapport (Rapport 19 tas-CEPT) dwar kundizzjonijiet tekniċi l-inqas restrittivi għall-medda ta’ frekwenzi indirizzati fil-kuntest tal-WAPECS. Dan ir-rapport fih kundizzjonijiet tekniċi u gwida għall-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet l-inqas restrittivi għall-istazzjonijiet bażi u dawk terminali li joperaw fil-medda ta’ frekwenzi 2 500–2 690 MHz, li huma xierqa għall-kontroll tar-riskju ta’ l-interferenza li tagħmel il-ħsara fit-territorji nazzjonali kif ukoll ‘il barra minnhom, mingħajr il-ħtieġa li tintuża tip ta’ teknoloġija partikolari, abbażi ta’ parametri ottimizzati għall-iktar użu tal-medda ta’ frekwenzi.

(6)

Skond ir-Rapport 19 tas-CEPT, din id-Deċiżjoni tintroduċi l-kunċett ta’ Block Edge Masks (BEM), li huma parametri tekniċi li japplikaw għall-blokk sħiħ ta’ l-ispettru ta’ utent speċifiku, irrispettivament mill-għadd ta’ kanali okkupati mit-teknoloġija magħżula mill-utent. Dawn il-masks huma maħsuba biex jiffurmaw parti mill-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni għall-użu ta’ l-ispettru. Ikopru kemm l-emissjonijiet ġewwa l-blokk ta’ l-ispettru (jiġifieri l-potenza ġewwa l-blokk) kif ukoll l-emissjonijiet barra mill-blokk (jiġifieri l-emissjoni ‘l barra mill-blokk). Huma rekwiżiti regolatorji mmirati lejn il-kontroll tar-riskju ta’ interferenza ta’ ħsara bejn “networks” li jinsabu qrib xulxin, u huma mingħajr preġudizzju għal-limiti stabbiliti fi standards għat-tagħmir skond id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1999/5/KE tad-9 ta’ Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom (id-Direttiva R&TTE) (3).

(7)

L-allokazzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-medda ta’ frekwenzi 2 500-2 690 MHz skond ir-riżultati tal-mandat għas-CEPT jirrikonoxxu l-fatt li hemm applikazzjonijiet eżistenti oħrajn. Fir-Rapport 45 ta’ l-ECC, il-Kumitat dwar il-Komunikazzjoni Elettronika, ġew żviluppati kriterji xierqa ta’ qsim għall-koeżistenza ta’ ċerti sistemi. Għal sistemi u servizzi oħrajn il-kriterji xierqa ta’ qsim għall-koeżistenza jistgħu jkunu bbażati fuq kunsiderazzjonijiet nazzjonali.

(8)

Biex tinkiseb il-kompatibbiltà, separazzjoni ta’ 5 MHz hija meħtieġa bejn il-limiti tal-blokkijiet ta’ l-ispettru użati fl-operazzjoni mhux ristretta tat-TDD (time division duplex - dupleks permezz ta’ diviżjoni tal-ħin) u ta’ l-FDD (frequency division duplex - dupleks permezz ta’ diviżjoni tal-frekwenza) jew fil-każ ta’ żewġ “networks” mhux sinkronizzati li joperaw bil-metodu TDD. Separazzjoni ta’ dan it-tip għandha tinkiseb jew billi ma jintużawx dawn il-blokkijiet ta’ 5 MHz u jservu bħala blokkijiet ta’ limitu; jew permezz ta’ użu konformi mal-parametri tal-BEM ristrett meta tkun maġenb FDD (konnessjoni axxendenti) jew bejn żewġ blokkijiet TDD; jew permezz ta’ l-użu konformi mal-parametri tal-BEMs ristretti jew dawk mhux ristretti meta jkunu maġenb blokk FDD (konnessjoni dexxendenti). Kwalunkwe użu ta’ blokk ta’ limitu ta’ 5 MHz huwa soġġett għal riskju ikbar ta’ interferenza.

(9)

Fid-dawl tar-rekwiżiti dejjem jiżdiedu identifikati fl-istudji fil-livell Ewropew kif ukoll dak globali għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika terrestri li jipprovdu komunikazzjoni broadband, ir-riżultati tal-mandat tas-CEPT għandhom isiru applikabbli fil-Komunità u jiġu implimentati fl-Istati Membri mingħajr dewmien.

(10)

L-armonizzazzjoni taħt din id-Deċiżjoni m’għandhiex teskludi l-possibbiltà għal Stat Membru biex japplika, fejn huwa ġġustifikat, perjodi ta’ tranżizzjoni li jistgħu jinkludu arranġamenti ta’ qsim ta’ l-ispettri tar-radji, skond l-Artikolu 4(5) tad-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju.

(11)

Sabiex jiġi żgurat l-użu effettiv tal-medda ta’ 2 500-2 690 MHz għal-żmien fit-tul, l-amministrazzjonijiet għandhom ikomplu bl-istudji li jistgħu jżidu l-effiċjenza u l-użu innovattiv. Dawn l-istudji għandhom jitqiesu meta tkun se tiġi kkunsidrata reviżjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(12)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ispettru tar-Radju,

ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Din id-deċiżjoni għandha l-għan li tarmonizza l-kundizzjonijiet għad-disponibbiltà u l-użu effiċjenti tal-medda ta’ 2 500-2 690 MHz għal sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jallokaw u sussegwentement iqiegħdu għad-dispożizzjoni, fuq bażi mhux esklussiva, il-medda ta’ frekwenzi 2 500-2 690 MHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, skond il-parametri mogħtija fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni sa mhux aktar tard minn 6 xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   B’deroga tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jitolbu perjodi ta’ tranżizzjoni li jistgħu jinkludu arranġamenti ta’ qsim ta’ l-ispettri tar-radju, skond l-Artikolu 4(5) tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistemi msemmija fil-paragrafu 1 jagħtu l-protezzjoni xierqa lis-sistemi fil-medda tal-qrib.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom iżommu l-użu tal-medda ta’ frekwenzi 2 500-2 690 MHz taħt sorveljanza kontinwa, u għandhom jirrappurtaw is-sejbiet tagħhom lill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ ssir reviżjoni regolari u f’waqtha tad-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 13 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Kummissjoni

Viviane REDING

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

(2)  COM(2007)50.

(3)  ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10. Id-Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).


ANNESS

IL-PARAMETRI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2

Il-parametri tekniċi li ġejjin, imsejħin Block Edge Mask (BEM), għandhom jiġu wżati bħala parti essenzjali mill-kundizzjonijiet neċessarji li jiżguraw il koeżistenza bejn “networks” ġirien fin-nuqqas ta' ftehim bilaterali jew multilaterali, mingħajr ma jipprekludu paramentri inqas strinġenti teknikament jekk ikun hemm qbil bejn l-operaturi ta' “networks” bħal dawn. Stati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi tan-“networks” huma ħielsa biex jidħlu fi ftehim bilaterali jew multilaterali għall-iżvilupp ta’ parametri tekniċi inqas strinġenti u, jekk il-partijiet affettwati kollha jaqblu, jistgħu jintużaw dawn il-parametri tekniċi inqas strinġenti.

It-tagħmir li jopera f'din il-medda ta’ frekwenzi jista’ juża’ wkoll limiti tal-potenza rradjata iżotropikament ekwivalenti (e.i.r.p.) differenti minn dawk mogħtija hawn isfel, sakemm ikunu applikati tekniki xierqa għat-tnaqqis ta’ interferenza konformi mad-Direttiva 1999/5/KE, u li joffru livell ta’ protezzjoni talanqas ekwivalenti għal dak ipprovdut minn dawn il-parametri tekniċi.

A)   PARAMETRI ĠENERALI:

1.

Il-blokkijiet allokati għandhom ikunu f’multipli ta’ 5.0 MHz.

2.

Fil-medda ta’ frekwenzi 2 500-2 690 MHz, l-ispazju bejn id-dupleks għall-operazzjoni ta' l-FDD għandu jkun ta' 120 MHz, fejn it-trasmissjoni ta' l-istazzjon tat-terminal (konnessjoni axxendenti – “up link”) li hija fil-parti t’isfel tal-medda li tibda minn 2 500 MHz (u tilħaq il-limitu massimu ta’ 2 570 MHz) u t-trasmissjoni ta’ l-istazzjon bażi (konnessjoni dexxendenti – “down link”) fil-parti ta’ fuq tal-medda li tibda minn 2 620 MHz.

3.

Is-sottomedda 2 570 – 2 620 MHz tista’ tintuża mit-TDD jew modi ta’ użu oħra li huma konformi mal-BEMs f'dan l-anness. Barra s-sottomedda 2 570 – 2 620 MHz, użu ta’ dan it-tip jista’ jiġi deċiż fuq il-livell nazzjonali u għandu jkun f'partijiet ugwali kemm fil-parti ta’ fuq tal-medda li tibda’ minn 2 690 MHz (tkompli l-isfel) kif ukoll fil-parti t’isfel tal-medda li tibda minn 2 570 MHz (tkompli l-isfel).

B)   BEM MHUX RISTRETT GĦAL STAZZJONIJIET BAŻI:

Il-BEM għal blokk ta’ l-ispettru mhux ristrett iseħħ billi jingħaqdu t-Tabelli 1, 2 u 3 b’tali mod li l-limitu għal kull frekwenza jiddependi fuq l-ogħla valur bejn rekwiżiti ta’ linja bażi u dawk speċifiċi għall-blokk.

Tabella 1

Rekwiżiti ta’ linja bażi – BEM ta’ l-e.i.r.p. ‘l barra mill-blokk ta’ l-Istazzjon Bażi

Il-medda ta' frekwenza li fiha jiġu rċevuti emissjonijiet minn barra l-blokk

e.i.r.p. medja massima

(integrata fuq medda ta' 1 MHz)

Frekwenzi allokati għal konnessjoni dexxendenti FDD u +/- 5 MHz barra l-medda ta' blokkijiet ta' frekwenza allokati għal konnessjoni dexxendenti FDD.

+ 4 dBm/MHz

Frekwenzi fil-medda 2 500 -2 690 MHz mhux koperti fid-definizzjoni ta’ hawn fuq.

– 45 dBm/MHz


Tabella 2

Rekwiżiti ta’ linja bażi – BEM ta’ l-e.i.r.p. ‘l barra mill-blokk ta’ l-Istazzjon Bażi

e.i.r.p. massima fil-blokk

+ 61 dBm/5 MHz

Nota: L-Istati Membri jistgħu jillaxkaw dan il-limitu għal 68 dBm/5 MHz għal sistemi speċifiċi, eż. f’żoni b’densità tal-populazzjoni baxxa dejjem, jekk dan ma jżidx ir-riskju ta' l-imblukkar tar-riċevitur ta’ l-istazzjon terminali b’mod sinifikanti.


Tabella 3

Rekwiżiti speċifiċi tal-blokk – BEM ta’ l-e.i.r.p. fil-blokk ta’ l-Istazzjon Bażi

Devjazzjoni mit-tarf tal-blokk rilevanti

e.i.r.p. medja massima

Bidu tal-medda (2 500 MHz) sa -5 MHz (tarf t'isfel)

Livell tar-rekwiżit ta’ referenza

– 5,0 sa – 1,0 MHz (tarf t’isfel)

+ 4 dBm/MHz

– 1,0 sa – 0,2 MHz (tarf t’isfel)

+ 3 + 15(ΔF + 0,2) dBm/30 kHz

– 0,2 sa 0,0 MHz (tarf t’isfel)

+ 3 dBm/30 kHz

0,0 sa + 0,2 MHz (tarf ta’ fuq)

+ 3 dBm/30 kHz

+ 0,2 sa + 1,0 MHz (tarf ta’ fuq)

+ 3-15(ΔF – 0,2) dBm/30 kHz

+ 1,0 sa + 5,0 MHz (tarf ta’ fuq)

+ 4 dBm/MHz

+ 5,0 MHz (tarf ta’ fuq) sa sat-tmiem il-medda (2 690 MHz)

Livell tar-rekwiżit ta’ referenza

Fejn: ΔF hija d-devjazzjoni tal-frekwenza mit-tarf tal-blokk rilevanti (f’MHz)

Ċ)   BEM RISTRETT GĦAL STAZZJONIJIET BAŻI

Il-BEM għal blokk ta’ l-ispettru ristrett jifforma ruħu billi jingħaqdu it-Tabelli 1 u 4 b’tali mod li l-limitu għal kull frekwenza jingħata mill-ogħla valur tar-rekwiżiti ta’ linja bażi u dawk speċifiċi għall-blokk.

Tabella 4

Rekwiżiti speċifiċi tal-blokk – BEM ta’ l-e.i.r.p. fil-blokk ta’ l-Istazzjon Bażi għall-blokk ristrett

e.i.r.p. massima fil-blokk

+ 25 dBm/5 MHz

D)   BEM RISTRETT GĦALL-ISTAZZJONIJIET BAŻI B’RESTRIZZJONIJIET FUQ IT-TQEGĦID TA’ ANTENNA

Fil-każijiet fejn l-antenni jitqiegħdu ġewwa l-bini jew fejn it-tul ta’ l-antenna tkun aktar baxx minn ċertu tul, Stat Membru jista’ juża parametri alternattivi li jkunu konformi mat-Tabella 5, dejjem jekk fil-fruntieri ġeografiċi ma’ Stati Membri oħra tkun tapplika t-Tabella 1 u jekk it-Tabella 4 tibqa' valida madwar il-pajjiż kolllu.

Tabella 5

Rekwiżiti speċifiċi għall-blokk – BEM ta’ l-e.i.r.p. ‘l barra mill-blokk ristrett ta’ l-Istazzjoni Bażi b’restrizzjonijiet addizzjonali fuq it-tqegħid ta' antenna

Devjazzjoni mit-tarf tal-blokk rilevanti

e.i.r.p. medja massima

Bidu tal-medda (2 500 MHz) sa – 5 MHz (tarf t’isfel)

– 22 dBm/MHz

– 5,0 sa – 1,0 MHz (tarf t’isfel)

– 18 dBm/MHz

– 1,0 sa – 0,2 MHz (tarf t’isfel)

– 19 + 15(ΔF + 0,2) dBm/30 kHz

– 0,2 sa 0,0 MHz (tarf t’isfel)

– 19 dBm/30 kHz

0,0 sa + 0,2 MHz (tarf ta’ fuq)

– 19 dBm/30 kHz

+ 0,2 sa + 1,0 MHz (tarf ta’ fuq)

– 19-15(ΔF - 0,2) dBm/30 kHz

+ 1,0 sa + 5,0 MHz (tarf ta’ fuq)

– 18 dBm/MHz

+ 5,0 MHz (tarf ta’ fuq) sat-tmiem il-medda (2 690 MHz)

– 22 dBm/MHz

Fejn: ΔF hija d-devjazzjoni tal-frekwenza mit-tarf tal-blokk rilevanti (f’MHz).

E)   LIMITI GĦALL-ISTAZZJONIJIET TERMINALI

Tabella 6

Limiti tal-potenza fil-blokk għall-Istazzjonijiet Terminali

 

Potenza medja massima

(inklużi l-firxa tal-kontroll awtomatiku tal-potenza tat-trażmettitur (ATPC))

Potenza Rradjata Totali (TRP)

31 dBm/5 MHz

E.i.r.p.

35 dBm/5 MHz

NB: L-e.i.r.p. għandha tintuża għall-Istazzjonijiet Terminali fissi jew istallati u t-TRP għandha tintuża għall-Istazzjonijiet Terminali mobbli jew nomadiċi. It-TRP hija unità ta' kejl għall-ammont ta' potenza rradjata mill-antenna. It-TRP hija definita bħala l-parti integrali tal-potenza trasmessa f’direzzjonijiet differenti fl-isfera sħiħa ta’ radjazzjoni.


Top