EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008H0473

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal- 5 ta’ Ġunju 2008 dwar il-limitazzjoni tar-responsabbiltà ċivili ta’ l-awdituri u d-ditti tal-verifika statutorji (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 2274) Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 162, 21.6.2008, p. 39–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2008/473/oj

21.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 162/39


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-5 ta’ Ġunju 2008

dwar il-limitazzjoni tar-responsabbiltà ċivili ta’ l-awdituri u d-ditti tal-verifika statutorji

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 2274)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/473/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 211 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (1) tistabbilixxi armonizzazzjoni minima ta’ rekwiżiti statutorji tal-verifika. Skond l-Artikolu 31 ta’ dik id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-impatt tar-regoli nazzjonali attwali dwar ir-responsabbiltà għat-twettiq ta’ verifiki statutorji dwar is-swieq Ewropej tal-kapital u dwar il-kundizzjonijiet ta’ l-assigurazzjoni għal awdituri u ditti tal-verifika statutorji u tagħmel rakkomandazzjonijiet fejn tqis xieraq.

(2)

L-operat mexxej tas-swieq kapitali jeħtieġ kapaċità sostenibbli ta’ verifika u suq kompetittiv għas-servizzi ta’ verifika li fihom ikun hemm biżżejjed għażla ta’ ditti tal-verifika kapaċi jiżvolġu u disposti jiżvolġu verifiki statutorji tal-kumpaniji li t-titoli tagħhom ikunu ammessi biex jiġu nnegozjati f’suq regolat ta’ Stat Membru. Madankollu, il-volatilità kabbara fil-kapitalizzazzjoni tal-kumpaniji fis-suq wasslet għal riskji wisq akbar ta’ responsabbiltà, filwaqt li l-aċċess għall-kopertura ta’ l-assigurazzjoni kontra r-riskji marbuta ma’ tali verifiki saru dejjem aktar limitati.

(3)

Billi r-responsabbiltà illimitata u in solidum tista’ tgerrex ditti u netwerks tal-verifika milli jidħlu fis-suq internazzjonali tal-verifika għall-kumpaniji elenkati fil-Komunità, ftit fadal prospett għal netwerks emerġenti tal-verifika ġodda li jkunu f’pożizzjoni li jiżvolġu verifika statutorja ta’ tali kumpaniji.

(4)

Konsegwentement, ir-responsabbiltà ta’ l-awdituri u d-ditti tal-verifika, inkluż il-gruppi ta’ awdituri, li jwettqu l-verifiki statutorji ta’ kumpaniji elenkati għandhom ikunu limitati. Madankollu, kwalunkwe limitazzjoni ta’ responsabbiltà mhix ġustifikata f’każijiet ta’ ksur internazzjonali tad-dmirjiet professjonali min-naħa ta’ awditur u ma għandhiex tapplika f’tali każijiet. Lanqas għandu tali limitazzjoni tippreġudika d-dritt ta’ parti aggravata milli tkun kumpensata b’mod ġust.

(5)

Fid-dawl tal-varjazzjonijiet konsiderevoli bejn is-sistemi tar-responsabbiltà ċivili fl-Istati Membri, huwa xieraq f’dan l-istadju li kull Stat Membru jkun kapaċi jagħżel il-metodu ta’ limitazzjoni li jqis l-aktar xieraq għas-sistema tiegħu ta’ responsabbiltà ċivili.

(6)

L-Istati Membri għandhom bl-istess mod ikun kapaċi jiddeterminaw skond il-liġi nazzjonali limitu massimu fir-rigward tar-responsabbiltà ta’ l-awdituri. Alternattivament l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jistabbilixxu skond il-liġi nazzjonali sistema ta’ responsabbiltà propozjonata li biha l-awdituri u d-ditti tal-verifika statutorji jinżammu responsabbli skond sa fejn iwassal il-kontribut tagħhom għall-ħsara kkawżata, mingħajr ma tkun responsabbiltà in solidum ma partijiet oħra. Fl-Istati Membri fejn kwalunkwe talba kontra awdituri statutorji tista’ titressaq biss minn kumpanija vverifikata u mhux minn azzjonisti individwali jew kwalunkwe parti terza oħra, l-Istat Membru għandu wkoll ikun kapaċi jippermetti lill-kumpanija, l-azzjonisti tagħha u l-awditur jiddeterminaw il-limitazzjoni tar-responsabbiltà ta’ l-awditur, soġġett għal salvagwardji xierqa għall-investituri fil-kumpanija verifikata,

B’DAN TIRRAKOMANDA:

Suġġett

1.

Din ir-Rakkomandazzjoni tittratta r-responsabbiltà ċivili ta’ l-awdituri u ditti tal-verifika li jwettqu verifika statutorja tal-kontijiet konsolidati jew annwali ta’ kumpanija li tkun irreġistrata fi Stat Membru u li t-titoli tagħha jkunu ammessi għan-negozju f’suq regolat fi Stat Membru.

Limitazzjoni tar-responsabbilità

2.

Ir-responsabbiltà ċivili ta’ l-awdituri u d-ditti tal-verifika statutorji li toriġina minn ksur tad-dmirijiet professjonali tagħhom għandha tkun limitata ħlief f’każijiet ta’ ksur internazzjonali tad-dmirijiet mill-awditur jew id-ditta tal-verifika statutorji.

3.

Il-limitazzjoni tar-responsabbiltà għandha tapplika kontra l-kumpanija vverifikata u kwalunkwe parti terza intitolata skond il-liġi nazzjonali biex tressaq talba għal kumpens.

4.

Kwalunkwe limitazzjoni għar-responsabbiltà ċivili ma għandhiex iżżomm lill-partijiet aggravati milli jkunu ġustament ikkumpensati.

Metodi biex tillimita r-responsabbiltà

5.

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jillimitaw ir-responsabbiltà. Għal dak il-fini, huwa rrakkomandat li jintuża kwalunkwe wieħed, jew aktar, partikolarment mill-metodi li ġejjin:

(a)

l-istabbilment ta’ ammont massimu finanzjarju jew ta’ formula li tippermetti għall-kalkolu ta’ tali ammont.

(b)

l-istabbiliment ta’ sett ta’ prinċipji li permezz tagħha awditur jew ditta tal-verifika statutorji ma jkunux responsabbli aktar mill-kontribut reali tagħhom għat-telf imġarrab minn parti li tkun għamlet it-talba u għaldaqstant ma jkunux responsabbli in solidum flinkien ma’ kontravenjenti oħra.

(ċ)

dispożizzjoni li tippermetti kwalunkwe kumpanija li tiġi vverifikata u l-awditur jew id-ditta tal-verifika statutorja biex jiddeterminaw limitazzjoni tar-responsabbiltà fi ftehim.

6.

Fejn ir-responsabbiltà tkun limitata bi ftehim kif imsemmi fil-punt 5(ċ), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jintlaħqu l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-ftehim huwa soġġett għal stħarriġ ġudizzjarju;

(b)

fir-rigward tal-kumpanija li tiġi vverifikata, il-limitazzjoni tiġi deċiża kollettivament mill-membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji msemmija fl-Artikolu 50 b (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE, jew fil-każ tal-verifika ta’ grupp, fl-Artikolu 36 a tad-Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE (3), u tali deċiżjoni tkun approvata mill-azzjonisti tal-kumpanija li tiġi vverifikata;

(ċ)

il-limitazzjoni u kwalunkwe modifika tiegħu jkunu ppubblikati fin-noti għall-kontijiet tal-kumpanija vverifikata.

7.

Qabel ma jiġu adottati miżuri implimentattivi kwalunkwe mill-metodi msemmija fil-punt 5(a), (b) jew (ċ), jew kwalunkwe metodu ieħor li jillimita r-responsabbiltà li jikkonforma mal-punti 2, 3 u 4, Stat Membru għandu jqis l-impatt fuq is-swieq finanzjarji u l-investituri u fuq il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-suq għall-verifika statutorja tal-kumpaniji elenkati, kif ukoll l-impatt fuq il-kwalità tal-verifika, l-assigurabbiltà tar-riskji u l-kumpaniji li jiġu vverifikati.

Segwitu

8.

L-Istati Membri huma mistiedna jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar azzjonijiet li jittieħdu fid-dawl ta’ din ir-Rakkomandazzjoni sal-5 ta’ Ġunju 2010.

Destinatarji

9.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 5 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Kummissjoni

Charlie McCREEVY

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2008/30/KE (ĠU L 81, 20.3.2008, p. 53).

(2)  ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 224, 16.8.2006, p. 1).

(3)  ĠU L 193, 18.7.1983, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/99/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 137).


Top