EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0431

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 431/2008 tad- 19 ta’ Mejju 2008 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwota tariffarja ta’ l-importazzjoni ta’ laħam iffriżat ta’ l-annimali bovini koperti mill-kodiċi NM 0202 u prodotti koperti mill-kodiċi NM 02062991

OJ L 130, 20.5.2008, p. 3–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 061 P. 40 - 43

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Imħassar b' 32020R0760

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/431/oj

20.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 130/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 431/2008

tad-19 ta’ Mejju 2008

li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwota tariffarja ta’ l-importazzjoni ta’ laħam iffriżat ta’ l-annimali bovini koperti mill-kodiċi NM 0202 u prodotti koperti mill-kodiċi NM 0206 29 91

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq taċ-ċanga u l-vitella (1), b'mod partikolari l-Artikolu 32(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-iskeda CXL tad-WTO tesiġi li l-Komunità tiftaħ kwota tariffarja annwali ta’ l-importazzjoni ta’ 53 000 tunnellata ta’ ċanga ffriżata koperta mill-kodiċi NM 0202 u prodotti koperti mill-kodiċi NM 0206 29 91 (in-numru ta’ l-ordni 09.4003). Kull sena għandhom jiġu stipulati regoli ta’ implimentazzjoni għall-ftuħ u l-amministrazzjoni ta’ dik il-kwota għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju sat-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara.

(2)

Skond l-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1254/1999, l-importazzjonijiet fil-Komunità għandhom ikunu mmaniġġjati permezz ta’ liċenzji ta’ l-importazzjoni. Madankollu, huwa xieraq li din il-kwota tkun amministrata billi d-drittijiet ta’ l-importazzjoni jkunu attribwiti bħala l-ewwel pass u l-ħruġ ta’ liċenzji bħala t-tieni pass, kif stabbilit fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta’ Awissu 2006 li jistabbilixxi r-regoli komuni dwar l-amministrazzjoni tal-kwota tariffarja fuq l-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli mmexxija minn sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni (2). B’dan il-mod, l-operaturi li kisbu d-drittijiet ta’ l-importazzjoni għandhom ikunu kapaċi jiddeċiedu matul il-perjodu tal-kwota, il-waqt meta jixtiequ japplikaw għal liċenzji ta’ importazzjoni, fid-dawl tal-flussi reali tagħhom tal-kummerċ. Dak ir-Regolament jillimita l-perjodu tal-validità tal-liċenzji sa l-aħħar jum tal-perjodu tal-kwota tariffarja ta’ l-importazzjoni.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1291/2000 tad-9 ta’ Ġunju 2000 li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji ta’ l-importazzjoni u l-esportazzjoni u ċ-ċertifikati ta’ l-iffissar bil-quddiem għall-prodotti agrikoli (3), u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 382/2008 tal-21 ta’ April 2008 dwar ir-regoli ta’ l-applikazzjoni għall-liċenzji ta’ l-importazzjoni u l-esportazzjoni fis-settur taċ-ċanga u l-vitella (4) għandhom ikunu applikabbli għal-liċenzji ta’ l-importazzjoni maħruġa skond dan ir-Regolament, għajr meta jkunu f'lokhom xi derogi.

(4)

Il-kwota ta’ l-2007/2008 kienet amministrata skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 529/2007 tal-11 ta’ Mejju 2007 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwota tariffarja fuq l-importazzjoni ta’ laħam iffriżat ta’ l-annimali bovini koperti mill-kodiċi NM 0202 u l-prodotti koperti mill-kodiċi NM 0206 29 91 (mill-1 ta’ Lulju 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2008) (5). Dak ir-Regolament stabbilixxa metodu ta’ amministrazzjoni bbażat fuq kriterju tal-prestazzjoni ta’ l-importazzjoni li jiżgura li l-kwota tiġi allokata lil operaturi professjonali li huma kapaċi jimpurtaw iċ-ċanga mingħajr ebda spekulazzjoni.

(5)

L-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni ta’ dak il-metodu turi li hemm riżultati pożittivi u li għalhekk ikun xieraq li għall-perjodi ta’ kwota mill-1 ta’ Lulju 2008 jinżamm l-istess metodu ta’ amministrazzjoni. Għalhekk huwa f'loku li jiġi ddeterminat perjodu ta’ referenza għall-importazzjonijiet eliġibbli li jkun twil biżżejjed biex jipprovdi għal prestazzjoni rappreżentattiva filwaqt li jkun riċenti biżżejjed biex jirrifletti l-aħħar żviluppi fil-kummerċ.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 1301/2006 jistabbilixxi b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet dettaljati dwar l-applikazzjonijiet tad-drittijiet ta’ l-importazzjoni u l-ħruġ ta’ liċenzji ta’ l-importazzjoni. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006 għandhom japplikaw għal liċenzji ta’ l-importazzjoni maħruġa skond dan ir-Regolament, bla ħsara għall-kundizzjonijiet addizzjonali stipulati f'dan ir-Regolament.

(8)

Sabiex tkun evitata l-ispekulazzjoni, għandha tiġi ffissata sigurtà relatata mad-drittijiet ta’ l-importazzjoni għal kull wieħed mill-applikanti fil-kwota.

(9)

Sabiex l-operaturi jiġu obbligati li japplikaw għal liċenzji ta’ l-importazzjoni għad-drittijiet kollha ta’ l-importazzjoni allokati, għandu jiġi stabbilit li din l-obbligazzjoni tikkostitwixxi rekwiżit primarju fis-sens tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2220/85 tat-22 ta’ Lulju 1985 li jippreskrivi regoli dettaljati li japplikaw is-sistema ta’ sigurtajiet għall-prodotti agrikoli (6).

(10)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni taċ-Ċanga u tal-Vitella,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Kwota tariffarja ta’ l-importazzjoni għal total ta’ 53 000 tunnellata espressa fil-piż ta’ laħam mingħajr għadam għal-laħam iffriżat ta’ l-annimali bovini koperti mill-kodiċi NM 0202 u l-prodotti koperti mill-kodiċi NM 0206 29 91 għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju sat-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara (minn hawn 'il quddiem “il-perjodu tal-kwota tariffarja”).

In-numru ta’ l-ordni tal-kwota tariffarja għandu jkun 09.4003.

2.   Id-dazju tat-Tariffa Doganali Komuni applikabbli għall-kwota provduta fil-paragrafu 1 għandu jkun 20 % ad valorem.

Artikolu 2

1.   Il-kwota tariffarja ta’ l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tkun amministrata billi d-drittjiet ta’ l-importazzjoni jkunu attribwiti bħala l-ewwel pass u l-ħruġ tal-liċenzji ta’ l-importazzjoni bħala t-tieni pass.

2.   Għandhom japplikaw ir-Regolamenti (KE) Nru 1291/2000, (KE) Nru 1301/2006 u (KE) Nru 382/2008, għajr meta pprovdut xorta oħra f'dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament,

(a)

100 kilogramma ta’ laħam bl-għadam għandu jkun ekwivalenti għal 77 kilogramma ta’ laħam mingħajr għadam;

(b)

“laħam iffriżat” tfisser laħam li huwa ffriżat u li jkollu temperatura interna ta’ – 12 °C jew anqas meta jidħol fit-territorju tad-dwana tal-Komunità.

Artikolu 4

1.   Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, l-applikanti għad-drittijiet ta’ l-importazzjoni għandhom juru li l-kwantità ta’ ċanga li taqa' taħt il-kodiċijiet NM 0201, 0202, 0206 10 95 jew 0206 29 91 kienet importata minnhom jew f'isimhom taħt id-dispożizzjonijiet tad-dwana rilevanti, matul il-perjodu bejn l-1 ta’ Mejju u t-30 ta’ April ta’ qabel il-perjodu annwali tal-kwota tariffarja (minn hawn 'il quddiem “il-kwantità ta’ referenza”).

2.   Kumpanija ffurmata mill-merger ta’ kumpaniji li kull waħda minnhom impurtat kwantitajiet ta’ referenza, tista' tuża dawk il-kwantitajiet ta’ referenza bħala l-bażi għall-applikazzjoni tagħha.

Artikolu 5

1.   L-applikazzjonijiet għal drittijiet ta’ l-importazzjoni għandhom jiġu ddepożitati mhux aktar tard mis-13:00, ħin ta’ Brussell, fl-1 ta’ Ġunju ta’ qabel il-perjodu annwali tal-kwota tariffarja ta’ l-importazzjoni.

Il-kwantità totali koperta mill-applikazzjonijiet għad-drittijiet ta’ l-importazzjoni mressqa fil-perjodu tal-kwota tariffarja fuq l-importazzjoni ma tistax taqbeż il-kwantitajiet ta’ referenza ta’ l-applikant. L-applikazzjonijiet li ma jħarsux din ir-regola ma jiġux aċċettati mill-awtoritajiet kompetenti.

2.   Garanzija ta’ EUR 6 kull 100 kilogramma ekwivalenti għal-laħam mingħajr għadam għandha tkun ippreżentata flimkien ma’ l-applikazzjoni għad-drittijiet ta’ l-importazzjoni.

3.   Sa mhux aktar tard mis-13:00, il-ħin ta’ Brussell, fit-tielet Ġimgħa wara tmiem il-perjodu għat-tressiq ta’ l-applikazzjonijiet imsemmija f'paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-kwantitajiet totali li saret applikazzjoni għalihom.

Artikolu 6

1.   Id-drittijiet ta’ l-importazzjoni għandhom jingħataw mis-seba' jum tax-xogħol iżda mhux aktar tard mis-16-il jum tax-xogħol wara tmiem il-perjodu għan-notifiki msemmi fl-Artikolu 5(3).

2.   Jekk l-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ l-allokazzjoni msemmi fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006 tirriżulta f'anqas drittijiet ta’ l-importazzjoni għall-allokazzjoni milli tressqu applikazzjonijiet għalihom, il-garanzija ppreżentata skond l-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-Regolament għandha tkun irrilaxxata proporzjonalment mingħajr dewmien.

Artikolu 7

1.   Ir-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-kwantitajiet mogħtija skond il-kwota msemmija fl-Artikolu 1(1) huwa suġġett għall-preżentazzjoni ta’ liċenzja ta’ l-importazzjoni.

2.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzja ta’ l-importazzjoni għandhom ikopru l-kwantità totali allokata. Dan l-obbligu għandu jikkostitwixxi rekwiżit primarju skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 20(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85.

Artikolu 8

1.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzji jistgħu jitressqu biss fl-Istat Membru fejn l-applikant applika għad-drittijiet ta’ l-importazzjoni u kisibhom skond il-kwota msemmija fl-Artikolu 1(1).

Kull ħruġ ta’ liċenzja ta’ l-importazzjoni għandu jirriżulta fi tnaqqis korrispondenti fid-drittijiet ta’ l-importazzjoni miksuba u l-garanzija ddepożitata skond l-Artikolu 5(2) għandha tiġi rrilaxxata proporzjonalment mingħajr dewmien.

2.   Il-liċenzji ta’ l-importazzjoni għandhom jinħarġu ma’ l-applikazzjoni minn u f'isem l-operatur li kiseb id-drittijiet ta’ l-importazzjoni.

3.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzja u l-liċenzji ta’ l-importazzjoni għandhom juru:

(a)

fil-kaxxa 16, wieħed mill-gruppi li ġejjin ta’ kodiċijiet NM:

0202 10 00, 0202 20

0202 30, 0206 29 91;

(b)

fil-kaxxa 20, in-numru ta’ l-ordni tal-kwota (09.4003) u talanqas waħda mill-annotazzjonijiet elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 9

1.   B'deroga mit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni:

(a)

sa mhux aktar tard mill-għaxar jum ta’ kull xahar, il-kwantitajiet ta’ prodotti, inklużi prospetti nulli, li għalihom ikunu nħarġu liċenzji ta’ l-importazzjoni fix-xahar ta’ qabel;

(b)

sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru ta’ wara li jintemm kull perjodu tal-kwota tariffarja ta’ l-importazzjoni, il-kwantitajiet tal-prodotti, inklużi prospetti nulli, koperti b'liċenzji ta’ l-importazzjoni li ma ntużawx jew li ntużaw biss parzjalment u li jikkorrispondu għad-differenza bejn il-kwantitajiet imniżżla fuq in-naħa ta’ wara tal-liċenzji ta’ l-importazzjoni u l-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu.

2.   Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru ta’ wara li jintemm kull perjodu tal-kwota tariffarja ta’ l-importazzjoni, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-kwantitajiet ta’ prodotti li effettivament ikunu ġew rilaxxati għall-moviment ħieles matul il-perjodu tal-kwota tariffarja preċedenti.

3.   Fin-notifiki msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, il-kwantitajiet għandhom ikunu espressi f’kilogrammi tal-piż tal-prodott u għal kull kategorija tal-prodott kif stipulat fl-Anness V għar-Regolament (KE) Nru 382/2008.

Artikolu 10

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 19 ta’ Mejju 2008.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 160, 26.6.1999, p. 21. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 98/2008 (ĠU L 29, 2.2.2008, p. 5).

(2)  ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 289/2007 (ĠU L 78, 17.3.2007, p. 17).

(3)  ĠU L 152, 24.6.2000, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) 1423/2007 (ĠU L 317, 5.12.2007, p. 36).

(4)  ĠU L 115, 29.4.2008, p. 10.

(5)  ĠU L 123, 12.5.2007, p. 26.

(6)  ĠU L 205, 3.8.1985, p. 5. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1913/2006 (ĠU L 365, 21.12.2006, p. 52).


ANNESS

Annotazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(3)(b)

:

Bil-Bulgaru

:

Замразено говеждо или телешко месо (Регламент (ЕО) № 431/2008)

:

Bl-Ispanjol

:

Carne de vacuno congelada [Reglamento (CE) no 431/2008]

:

Biċ-Ċek

:

Zmrazené maso hovězího skotu (nařízení (ES) č. 431/2008)

:

Bid-Daniż

:

Frosset oksekød (forordning (EF) nr. 431/2008)

:

Bil-Ġermaniż

:

Gefrorenes Rindfleisch (Verordnung (EG) Nr. 431/2008)

:

Bl-Estonjan

:

Külmutatud veiseliha (määrus (EÜ) nr 431/2008)

:

Bil-Grieg

:

Κατεψυγμένο βόειο κρέας [κανονισμός (EK) αριθ. 431/2008]

:

Bl-Ingliż

:

Frozen meat of bovine animals (Regulation (EC) No 431/2008)

:

Bil-Franċiż

:

Viande bovine congelée [Règlement (CE) no 431/2008]

:

Bit-Taljan

:

Carni bovine congelate [Regolamento (CE) n. 431/2008]

:

Bil-Latvjan

:

Saldēta liellopu gaļa (Regula (EK) Nr. 431/2008)

:

Bil-Litwan

:

Sušaldyta galvijų mėsa (Reglamentas (EB) Nr. 431/2008)

:

Bl-Ungeriż

:

Szarvasmarhafélék húsa fagyasztva (431/2008/EK rendelet)

:

Bil-Malti

:

Laħam iffriżat ta’ annimali bovini (Regolament (KE) Nru 431/2008)

:

Bl-Olandiż

:

Bevroren rundvlees (Verordening (EG) nr. 431/2008)

:

Bil-Pollakk

:

Mięso wołowe mrożone (Rozporządzenie (WE) nr 431/2008)

:

Bil-Portugiż

:

Carne de bovino congelada [Regulamento (CE) n.o 431/2008]

:

Bir-Rumen

:

Carne de vită congelată [Regulamentul (CE) nr. 431/2008]

:

Bis-Slovakk

:

Mrazené mäso z hovädzieho dobytka [Nariadenie (ES) č. 431/2008]

:

Bis-Sloven

:

Zamrznjeno goveje meso (Uredba (ES) št. 431/2008)

:

Bil-Finlandiż

:

Jäädytettyä naudanlihaa (asetus (EY) N:o 431/2008)

:

Bl-Iżvediż

:

Fryst kött av nötkreatur (förordning (EG) nr 431/2008)


Top