EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0249

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 249/2008 tas- 17 ta’ Marzu 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1425/2006 li jimponi dazju ta’ anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u basktijiet tal-plastik li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u fit-Tajlandja

OJ L 76, 19.3.2008, p. 8–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/09/2011

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/249/oj

19.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 76/8


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 249/2008

tas-17 ta’ Marzu 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1425/2006 li jimponi dazju ta’ anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u basktijiet tal-plastik li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u fit-Tajlandja

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-ħarsien kontra importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikoli 9 u 11(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1425/2006 tal-25 ta’ Settembru 2006 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u basktijiet tal-plastik li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u fit-Tajlandja, u li jtemm il-proċediment dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u basktijiet tal-plastik li joriġinaw fil-Malażja (2),

Wara li kkunsidrat il-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni, wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.   MIŻURI EŻISTENTI

(1)

Wara investigazzjoni (“l-investigazzjoni oriġinali”), il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1425/2006, impona dazju definittiv ta’ kontra d-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u basktijiet tal-plastik li joriġinaw, inter alia, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

1.1.   L-inizjazzjoni ta’ reviżjoni interim

(2)

B’inizjattiva tal-Kummissjoni, kienet inizjata reviżjoni interim parzjali tar-Regolament imsemmi hawn fuq għal Xinhui Alida Polythene Limited (“Xinhui Alida” jew “il-kumpanija”), produttur Ċiniż għall-esportazzjoni suġġett għall-miżuri ta’ kontra d-dumping li huma fis-seħħ. Din ir-reviżjoni interim parzjali kienet inizjata bl-inizjattiva tal-Kummissjoni msejsa fuq evidenza prima facie pprovduta mill-kumpanija.

(3)

Din ir-reviżjoni kienet inizjata skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. Fl-evidenza li l-Kummissjoni rċeviet minn Xinhui Alida, il-kumpanija qalet li, safejn taf hi, iċ-ċirkostanzi li fuqhom ġew stabbiliti l-miżuri kienu nbidlu u li dawn il-bidliet kienu se jibqgħu hemm.

(4)

L-informazzjoni li tiddisponi minnha l-Kummissjoni indikat li l-kundizzjonijiet prima facie ta’ ekonomija tas-suq kienu favur il-kumpanija, kif muri mid-dikjarazzjoni tal-kumpanija li hi kienet issodisfat il-kriterji ta’ l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku. Il-kumpanija allegat ukoll li t-tendenzi tal-bejgħ tagħha, kemm f’termini ta’ kwantità kif ukoll ta’ destinazzjoni, inbidlu b’mod permanenti mill-perjodu li fuqu ġew stabbiliti l-miżuri oriġinali, kif għamlet il-kapaċità installata. Allegat ukoll li t-tqabbil tal-valur normali msejjes fuq l-ispejjeż u l-prezzijiet tagħha stess mal-prezzijiet ta’ esportazzjoni lejn il-Komunità jwassal għal tnaqqis fid-dumping b’mod sinifikament taħt il-livell tal-miżuri ta’ bħalissa, u pprovdiet evidenza prima facie ta’ dan.

(5)

F’dan il-kuntest, il-kumpanija ddikjarat li l-impożizzjoni kontinwa ta’ miżuri fil-livell eżistenti, li kienu msejsa fuq il-livell ta’ dumping li kien ġie stabbilit qabel, ma kinitx għadha meħtieġa biex tikkumpensa d-dumping.

(6)

Wara li ddeterminat, wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv, li kienet teżisti biżżejjed evidenza biex tiġi inizjata reviżjoni interim parzjali, il-Kummissjoni ppubblikat avviż (“Avviż ta’ Inizjazzjoni”) (3) u bdiet investigazzjoni limitata għall-ambitu ta’ stħarriġ tad-dumping.

1.2.   Il-partijiet milquta mill-investigazzjoni

(7)

Il-Kummissjoni avżat, b’mod uffiċjali, lil Xinhui Alida u lill-kumpaniji relatati magħha, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur, dwar l-inizjazzjoni tar-reviżjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta.

(8)

Il-Kummissjoni bagħtet ukoll kwestjonarji lill-applikant u lill-kumpaniji relatati miegħu u rċeviet tweġibiet fiż-żmien ta’ skadenza stabbilit għal dak il-għan. Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li hija qieset meħtieġa għad-determinazzjoni tagħha ta’ dumping u ta’ Trattament ta’ Ekonomija tas-Suq u għamlet żjarat ta’ verifika fl-istabbilimenti tal-kumpaniji li ġejjin:

Xinhui Alida Polythene Limited, Xinhui, Iċ-Ċina,

Horneman Chemplas (Far East) Limited, Hong Kong,

British Polythene Industries plc, Stockton-on-Tees, Ir-Renju Unit,

Thai Plastic Bags Industries Co., Ltd, Nakonpathom, It-Tajlandja,

Thai Griptech Co., Ltd, Samae-Dum, Bangkok, It-Tajlandja,

Sahachit Watana Co., Ltd, Nongkaem, Bangkok, It-Tajlandja.

1.3.   Perijodu għall-investigazzjoni tar-reviżjoni

(9)

L-investigazzjoni tad-dumping kopriet il-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Lulju 2005 u t-30 ta’ Ġunju 2006 (“il-perijodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni” jew “il-PIR”).

2.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Il-prodott ikkonċernat

(10)

Il-prodott milqut mir-reviżjoni ta’ bħalissa hu l-istess bħal dak fl-investigazzjoni oriġinali, i.e. xkejjer u basktijiet tal-plastik li fihom mill-anqas 20 % ta’ kemm jiżnu f’polietilina u f’sheeting li l-ħxuna tiegħu ma taqbiżx il-100 mikrometru (μm); li joriġinaw mir-RPĊ; u bħalissa klassifikabbli fi ħdan il-kodiċijiet NM ex 3923 21 00, ex 3923 29 10 u ex 3923 29 90 (kodiċijiet TARIC 3923210020, 3923291020 u 3923299020).

2.2.   Prodott simili

(11)

Ir-reviżjoni ta’ bħalissa wriet li Xinhui Alida m’għamlitx bejgħ fis-suq domestiku Ċiniż u għalhekk ma ġie prodott ebda prodott simili ieħor.

3.   TRATTAMENT ta’ EKONOMIJA TAS-SUQ (“TES”)

(12)

Fl-investigazzjonijiet kollha ta’ kontra d-dumping fir-rigward ta’ importazzjoni li toriġina mir-RPĊ, il-valur normali tal-produtturi li jesportaw u li nstabu li kienu jissodisfaw il-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(ċ), għandu jiġi stabbilit skond il-paragrafi 1 sa 6 ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku. Fil-qosor, u gћall-faċilitazzjoni ta’ referenza biss, dawn il-kriterji huma mqassra hawn taћt:

id-deċiżjonijiet u l-ispejjeż kummerċjali jsiru b’reazzjoni għall-kundizzjonijiet tas-suq u mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat;

ir-reġistri ta’ kontabbiltà huma vverifikati indipendentement skond standards ta’ kontabbiltà internazzjonali u huma applikati għall-għanijiet kollha;

ma ntiret l-ebda tagħwiġ sinifikanti mis-sistema ta’ qabel ta’ l-ekonomija mhux ibbażata fuq is-suq;

iċ-ċertezza ġuridika u l-istabbiltà huma pprovduti mil-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà;

il-kambji tal-munita jitwettqu bir-rata tas-suq.

(13)

Is-servizzi tal-Kummissjoni kkonkludew li Xinhui Alida wriet li ssodisfat il-ħames kriterji ta’ l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, u għalhekk ipproponew li tingħata t-Trattament ta’ Ekonomija tas-Suq.

(14)

Kemm Xinhui Alida u kemm l-industrija Komunitarja ngħataw opportunità biex jikkummentaw dwar is-sejbiet li ssemmew hawn fuq.

(15)

L-industrija Komunitarja kkuntestat l-għoti tat-TES lil Xinhui Alida, u qalet li t-tmexxija tal-kumpanija ma kinitx ċara u li l-kumpanija kienet qerdet ċerti dokumenti li hi kellha bżonn biex tipprova l-eliġibilità tagħha għat-TES.

(16)

L-Artikoli ta’ l-Assoċjazzjoni tal-kumpanija jipprovdu għan-nominazzjoni ta’ diretturi min-naħa ta’ l-azzjonisti bi proporzjon ma’ kemm għandhom ishma f’Xinhui Alida, imma bħalissa ż-żewġ azzjonisti jappuntaw l-istess numru ta’ diretturi minkejja li m’għandhomx l-istess numru ta’ ishma. Dan, iżda, ma jagħmilx it-tmexxija tal-kumpanija waħda mhix ċara. L-iżgħar parti interessata hi meħuda b’maġġoranza mill-ikbar parti. Għaldaqstant, il-kompożizzjoni tal-Bord tad-Diretturi tirrifletti t-titolarità attwali ta’ Xinhui Alida.

(17)

Barra minn hekk, inġieb l-argument li l-kumpanija ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi s-slips oriġinali tat-trasferimenti tal-bank għall-ħlas oriġinali tal-kapital, il-ħlas tad-dritt ta’ l-użu ta’ l-art, u l-ħlas lill-Istat għall-ishma tagħha meta l-kumpanija ġiet privatizzata għal kollox. Dan minħabba li mhix il-politika tal-kumpanija li żżomm dokumenti għal aktar minn seba’ snin. Madankollu, il-kumpanija kienet f’pożizzjoni li tipprovdi evidenza minn sorsi vverifikati rigward dawn it-tranżazzjonijiet u, meta wieħed iżomm f’moħħu kemm għadda żmien minn meta saru, l-assenza tas-slips oriġinali tat-trasferiment tal-bank ma ġietx ikkunsidrata bħala eċċezzjonali.

(18)

Dawn l-argumenti ġew ikkunsidrati imma minħabba li ma twasslet l-ebda evidenza biex tbiddel id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti t-TES lill-kumpanija, l-argumenti ta’ l-industrija Komunitarja ġew għalhekk irrifjutati.

(19)

Kien ikkonsultat il-Kumitat Konsultattiv u l-partijiet milquta direttament kienu mgħarrfa b’dan. L-argumenti prinċipali mqajma mill-industrija Komunitarja diġà ġew indirizzati hawn fuq.

4.   DUMPING

4.1.   Il-valur normali

4.1.1.   Il-metodoloġija applikata għad-determinazzjoni tal-valur normali

(20)

Bi qbil ma’ l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, l-ewwel ġie eżaminat jekk il-bejgħ domestiku tal-prodott simili lill-klijenti indipendenti min-naħa tal-produttur esportatur kienx rappreżentattiv, i.e. jekk il-volum totali ta’ bejgħ ta’ din ix-xorta kienx daqs jew akbar minn 5 % tal-volum totali tal-bejgħ mill-esportazzjoni korrispondenti lejn il-Komunità. Minħabba li Xinhui Alida m’għamlitx bejgħ domestiku waqt il-PIR, il-valur normali tal-kumpanija nħadem skond l-Artikolu 2(3) kif deskritt hawn taħt.

4.1.2.   Id-determinazzjoni tal-valur normali

(21)

Minħabba l-assenza ta’ bejgħ domestiku, il-valur normali nħadem fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku biż-żieda tan-nefqa tal-bejgħ, dik ġenerali u dik amministrattiva (“BĠA”) magħmula, u flimkien ma’ dik tal-profitt medju ddifferenzjat, ma’ l-ispiża tal-manifattura ta’ Xinhui Alida waqt il-PIR.

(22)

Xinhui Alida stqarret li l-ispiża tal-manifattura tagħha għandha tiġi aġġustata sabiex tiġi kkunsidrata d-differenza fil-politika tat-tnaqqis fil-valur bejnha u bejn il-kumpanija omm tar-Renju Unit, il-British Polythene Industries plc (“BPI”) li għandha l-kontijiet ikkonsolidati ma’ tagħha. Xinhui Alida pprovdiet evidenza biex turi li l-BPI aġġustat it-tnaqqis fil-valur ta’ l-assi tagħha bħala parti mill-proċess ta’ konsolidazzjoni u stqarret ukoll li r-rati tat-tnaqqis fil-valur fiċ-Ċina kienu stabbiliti bil-liġi. Għaldaqstant, dan ma ppermettiex lill-kumpanija li tallinja l-politika tagħha dwar it-tnaqqis fil-valur.

(23)

It-talba ġiet irrifjutata, kemm minħabba li l-liġi Ċiniża nbidlet fl-2001 u m’għadhiex tistabbilixxi rati fit-tnaqqis fil-valur, u anki għaliex l-ispiża tal-manifattura ta’ Xinhui Alida għall-PIR hija dik imniżżla fil-kontijiet ivverifikati tagħhom, u mhux spiża aġġustata biex tippermetti li ssir konsolidazzjoni fir-Renju Unit. Barra minn hekk, ġew eżaminati wkoll l-assi kkunċernati u nstab li fil-biċċa l-kbira tagħhom, wara 10 snin, għadhom qed jintużaw.

(24)

Xinhui Alida stqarret ukoll li l-ispiża ta’ materja prima għandha tiġi aġġustata biex jiġi kkunsidrat il-fatt li parti mill-ammont imħallas lil min jipprovdi lill-kumpanija, Horneman Chemplas (Far East) Limited, kienet fil-fatt tħallset lill-kumpanija possedenti Venture Hong Kong li parti minnha hi f’idejn Horneman Chemplas u l-bqija tagħha f’idejn il-British Polythene-Industries plc (BPI). Din it-talba ġiet irrifjutata wkoll. L-ewwelnett, għalkemm Horneman Chemplas u Xinhui Alida huma partijiet relatati, il-prezz mitlub minn Horneman Chemplas lil Xinhui Alida nstab li kien prezz tas-suq raġonevoli, inkluża żieda żgħira, min-naħa ta’ Horneman, fuq il-prezz li hu kien xtara l-oġġetti bih sabiex ikopri l-ispejjeż. Barra minn hekk, mingħand Horneman l-ammonti ma tħallsux direttament lura minn Horneman lil Xinhui Alida fil-forma ta’, eż. refużjoni ta’ volum jew noti ta’ kreditu, imma lil Venture Hong Kong li mbagħad ittrasferithom lil Xinhui Alida bħala injezzjoni(jiet) kapitali u ħlasijiet oħra. Għalhekk, dawn ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala refużjoni ta’ prezz standard mogħti minn dak li jipprovdi lil min qed jixtri.

(25)

Id-data dwar il-bejgħ, l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi u l-profitt medju ddifferenzjat ittieħdet mingħand kumpaniji li wieġbu għall-kwestjonarju mibgħut lil kumpaniji fil-pajjiż analogu kif imniżżel hawn taħt.

4.1.3.   Pajjiż Analogu

(26)

Id-data mill-pajjiż analogu ntużat biex jiġi ddeterminat il-valur normali għal Xinhui Alida minħabba l-assenza ta’ bejgħ domestiku, b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2(6)(ċ) tar-Regolament bażiku. L-Avviż ta’ l-Inizjazzjoni stipula li l-pajjiż analogu kellu jkun il-Malażja, imma ebda kumpanija ma qablet li tikkoopera fl-investigazzjoni. Madankollu, kien hemm kooperazzjoni min-naħa ta’ tliet kumpaniji fit-Tajlandja li kellhom bejgħ domestiku. Il-BĠA u l-profitt medju ddifferenzjat ġie kkalkulat minn data li waslet mingħandhom u li ġiet ivverifikata fl-istabbilimenti tagħhom.

4.2.   Il-prezz ta’ l-esportazzjoni

(27)

Kull meta l-esportazzjoni ta’ Xinhui Alida saret direttament lil konsumaturi indipendenti fil-Komunità, il-prezz ta’ l-esportazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet li effettivament tħallsu jew li jistgħu jitħallsu għall-prodott ikkonċernat waqt il-PIR skond l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

(28)

Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-bejgħ li għamlet Xinhui Alida kien jew lill-kumpanija relatata magħha f’Hong Kong, Horneman Chemplas, biex finalment jiġi esportat lejn il-Komunità, jew lill-kumpanija relatata magħha fir-Renju Unit, il-BPI, biex finalment jinbiegħ fil-Komunità. Fejn tidħol din l-esportazzjoni ta’ bejgħ lejn il-Komunità, il-prezz ta’ l-esportazzjoni kien stabbilit fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, i.e. billi jintużaw il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid li jkunu effettivament ġew imħallsa jew li jistgħu jitħallsu lill-kumpanija relatata mill-ewwel xerrej indipendenti fil-Komunità waqt il-PIR, u li jkunu ġew aġġustati għall-ispejjeż li jkunu saru bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid u għall-profitti.

4.3.   Tqabbil

(29)

It-tqabbil bejn il-valur normali u l-prezz ta’ l-esportazzjoni kien magħmul fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika u fl-istess livell ta’ kummerċ. Sabiex jiġi assigurat tqabbil ġust, ġew ikkunsidrati, bi qbil ma’ l-Artikolu 2(10) tar-Regolament Bażiku, dawk id-differenzi fil-fatturi li ntwerew li jaffettwaw il-prezzijiet u t-tqabbil tal-prezzijiet. Fuq il-bażi ta’ dan, saru konċessjonijiet, kull fejn deher applikabbli u ġustifikat, għal differenzi fl-iskontijiet, fir-rifużjonijiet, fil-kummissjonijiet, fl-ispejjeż ta’ trasport, fl-assigurazzjoni, fl-ispejjeż tat-tagħbija, fl-ippakkjar, fl-ispejjeż ta’ kreditu, fl-ispejjeż tal-bank, u f’dazji ta’ l-importazzjoni.

(30)

Peress li l-importatur relatat fir-Renju Unit għandu funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent bil-kummissjoni, sar aġġustament fil-prezz ta’ l-esportazzjoni għall-kummissjoni skond l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku. Il-livell tal-kummissjoni ġie kkalkulat fuq bażi ta’ evidenza diretta li turi l-eżistenza ta’ żieda u ta’ l-ispejjeż tal-bejgħ relatati ma’ dawn il-funzjonijiet.

4.4.   Il-marġini tad-dumping

(31)

Skond l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-valur medju normali ddifferenzjat skond it-tip tqabbel mal-prezz medju ddifferenzjat ta’ l-esportazzjoni tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat.

(32)

Il-marġini tad-dumping ta’ Xinhui Alida espress bħala persentaġġ tal-prezz nett ħieles fil-fruntieri tal-Komunità, bid-dazju mhux imħallas, kien ta’ 4,3 %.

5.   ID-DURABILITÀ TAĊ-ĊIRKUSTANZI MIBDULA

(33)

Bi qbil ma’ l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, kien eżaminat ukoll jekk kienx raġonevoli li wieħed isejjaħ iċ-ċirkustanzi mibdula bħala ta’ natura permanenti.

(34)

L-ewwelnett, ta’ min jinnota li l-kumpanija kienet f’pożizzjoni li tipprova li kellu jingħatalha t-TES, u għalhekk kienet eliġibbli għall-marġini tad-dumping individwali tagħha. Il-raġunijiet li għalihom il-kumpanija ngħatat it-TES għandhom jiġu kkunsidrati bħala permanenti minħabba li jirreferu għall-istruttura fit-terminu t-twil u għall-mudell ta’ kummerċ tal-kumpanija. It-tieni, kienet intalbet informazzjoni dwar l-evoluzzjoni ta’ tipi ta’ prodotti u ta’ ċaqliq fil-prezzijiet wara tmiem il-PIR f’Ġunju 2006. Il-kumpanija pprovdiet evidenza biex turi li l-prezzijiet ta’ materja prima żdiedu fl-aħħar nofs ta’ l-2006 u li reġgħu niżlu fl-aħħar ta’ l-2006, iżda dejjem baqgħu ogħla mil-livell tal-kumpanija waqt il-PIR. Minħabba l-politika tal-kumpanija omm dwar il-prezzijiet tat-trasferiment bejn Xinhui Alida u bejnha, huwa ċar li tul l-aħħar nofs ta’ l-2006 il-prezz tat-trasferiment baqa’ stabbli waqt li l-prezzijiet ta’ materja prima għolew sostanzjalment. Il-BPI uriet ukoll li l-prezzijiet tal-bejgħ tagħha mill-ġdid baqgħu stabbli tul l-aħħar nofs ta’ l-2006, b’mod li l-marġini tad-dumping ikkalkulat għall-PIR baqa’ definittivament validu għall-bqija tas-sena tal-kalendarju 2006.

(35)

Il-kumpanija allegat li t-tendenzi tal-bejgħ tagħha, kemm f’termini ta’ kwantità kif ukoll ta’ destinazzjoni, inbidlu b’mod permanenti mill-perjodu ta’ l-investigazzjoni oriġinali ta’ bejn April ta’ l-2004 u Marzu ta’ l-2005.

(36)

Mill-evidenza miksuba waqt l-investigazzjoni ħareġ li l-andament tal-kumpanija, inkluż iċ-ċirkostanzi li wasslu għall-inizjazzjoni ta’ din ir-reviżjoni, x’aktarx li ma kinux se jinbidlu fil-futur qrib b’mod li jaffettwa s-sejbiet tar-reviżjoni ta’ bħalissa. Għalhekk, dan jissuġġerixxi li l-bidliet ikkunċernati kienu permanenti u li, għaldaqstant, il-konklużjonijiet tar-reviżjoni kienu se jibqgħu validi fit-tul.

6.   MIŻURI TA’ KONTRA D-DUMPING

(37)

Fid-dawl tar-riżultati ta’ l-investigazzjoni, hu kkunsidrat bħala xieraq li d-dazju ta’ kontra d-dumping applikabbli fuq l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat minn Xinhui Alida jiġi emendat għal 4,3 %.

7.   L-IŻVELAR

(38)

Il-partijiet interessati kienu infurmati bil-fatti essenzjali u bil-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kienet intenzjonata li tiġi rrakkomandata emenda lir-Regolament (KE) Nru 1425/2006 u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw.

(39)

Il-kumpanija kkuntestat is-sejbiet li ħarġu fejn bosta aġġustamenti mitluba mill-kumpanija ġew irrifjutati, jiġifieri l-kalkolu tat-tnaqqis fil-valur fiċ-Ċina, it-trattament ta’ qligħ tar-rata tal-kambju magħmul fir-Renju Unit u, allegatament, ir-rifużjoni fuq il-materja prima. Madankollu, il-kumpanija ma pprovdiet l-ebda evidenza ġdida biex tissostanzja t-talbiet tagħha u għalhekk dawn it-talbiet ġew irrifjutati mill-ġdid.

(40)

L-industrija Komunitarja talbet aktar informazzjoni rigward il-kalkolu ta’ kif inħadem il-valur normali billi intużat data mit-Tajlandja, iżda ma pprovdiet ebda evidenza biex timpunja jew tikkontesta l-kalkolu jew il-metodoloġija li ntużat,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-tabella fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1425/2006 huwa minn hawnhekk emendat billi jiżdied dan li ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Rata ta’ dazju (%)

Kodiċi TARIC addizzjonali

Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

Xinhui Alida Polythene Limited, Xinhui

4,3  %

A854

Il-lista tal-kumpaniji fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1425/2006 hija minn hawnhekk emendata billi jitneħħa dan li ġej:

XINHUI ALIDA POLYTHENE LIMITED

Xinhui

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada ta’ meta ssir il-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 17 ta’ Marzu 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

I. JARC


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

(2)  ĠU L 270, 29.9.2006, p. 4, Ir-Regolament kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1356/2007 (ĠU L 304, 22.11.2007, p. 5).

(3)  ĠU C 54, 9.3.2007, p. 5.


Top