EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0847

2007/847/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 6 ta’ Diċembru 2007 li tipprovdi għal deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE fir-rigward ta’ pjanti ta’ Vitis L., għajr għall-frott, li joriġinaw fil-Kroazja jew l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 5897)

OJ L 333, 19.12.2007, p. 78–82 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 040 P. 213 - 217

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/847/oj

19.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 333/78


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-6 ta’ Diċembru 2007

li tipprovdi għal deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE fir-rigward ta’ pjanti ta’ Vitis L., għajr għall-frott, li joriġinaw fil-Kroazja jew l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 5897)

(2007/847/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar miżuri ta’ ħarsien kontra l-introduzzjoni fil-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew il-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom fil-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha,

Billi:

(1)

Skond id-Direttiva 2000/29/KE, il-pjanti ta’ Vitis L., għajr għall-frott, li joriġinaw f’pajjiżi terzi fil-prinċipju ma jistgħux jiddaħħlu fil-Komunità.

(2)

Is-Slovenja talbet deroga li tippermetti importazzjonijiet ta’ pjanti ta’ Vitis L., għajr għall-frott, mill-Kroazja jew l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għal perjodu limitat ta’ żmien sabiex il-mixtliet speċjalizzati jkunu jistgħu jkattru dawn ix-xtieli fil-Komunità qabel ma jesportawhom mill-ġdid lejn il-Kroazja jew l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

(3)

Il-Kummissjoni hi tal-fehma li m’hemmx riskju ta’ tixrid ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew prodotti tal-pjanti sakemm il-pjanti ta’ Vitis L., għajr għall-frott, li joriġinaw fil-Kroazja jew l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jkunu soġġetti għall-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

(4)

Għalhekk l-Istati Membri għandhom jiġu awtorizzati għal perjodu limitat ta’ żmien li jippermettu d-dħul fuq it-territorju tagħhom ta’ dawn il-pjanti taħt ċerti kundizzjonijiet speċifiċi.

(5)

Din l-awtorizzazzjoni għandha tiġi tterminata jekk jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f’din id-Deċiżjoni ma jkunux biżżejjed biex jipprevjenu d-dħul ta’ organiżmi perikolużi fil-Komunità jew ma jkunux ġew imħarsa.

(6)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/29/KE fir-rigward tal-punt 15 tal-Parti A ta’ l-Anness III ta’ dik id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiġu awtorizzati jippermettu d-dħul fit-territorju tagħhom ta’ pjanti ta’ Vitis L., għajr għall-frott, maħsuba għat-tlaqqim fil-Komunità u li joriġinaw fil-Kroazja jew l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (minn issa ‘l quddiem, “il-pjanti”).

Biex jikkwalifikaw għal din id-deroga, il-pjanti għandhom ikunu soġġetti, flimkien mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Annessi I u II tad-Direttiva 2000/29/KE, għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Sabiex jikkwalifikaw għal dik id-deroga, il-pjanti għandhom jiddaħħlu fil-Komunità fil-perjodi li ġejjin:

(a)

bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-30 ta’ April 2008;

(b)

bejn l-1 ta’ Jannar 2009 u t-30 ta’ April 2009;

(ċ)

bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u t-30 ta’ April 2010.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri li jagħmlu użu mid-deroga stipulata fl-Artikolu 1 għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra:

(a)

b’tagħrif dwar il-kwantitajiet ta’ pjanti impurtati skond din id-Deċiżjoni; u

(b)

b’rapport tekniku dettaljat dwar l-ispezzjonijiet uffiċjali msemmija fil-punt 6 ta’ l-Anness.

Dak it-tagħrif u dak ir-rapport, fir-rigward ta’ l-introduzzjonijiet koperti mill-punt (a) ta’ l-Artikolu 1, għandhom jingħataw sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Novembru 2008, fir-rigward ta’ l-introduzzjonijiet koperti mill-punt (b) ta’ l-Artikolu 1, għandhom jingħataw sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Novembru 2009 u, fir-rigward ta’ l-introduzzjonijiet koperti mill-punt (c) ta’ l-Artikolu 1, għandhom jingħataw sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Novembru 2010.

2.   Kull Stat Membru li fih il-pjanti jiġu sussegwentement imlaqqma wara d-dħul tagħhom fit-territorju tiegħu, għandu jipprovdi wkoll lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra b’rapport tekniku dettaljat ta’ l-ispezzjonijiet u l-ittestjar uffiċjali msemmija fil-punt 8(b) ta’ l-Anness.

Ir-rapport, fir-rigward ta’ l-introduzzjonijiet koperti mill-punt (a) ta’ l-Artikolu 1, għandu jingħata sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Novembru 2008, fir-rigward ta’ l-introduzzjonijiet koperti mill-punt (b) ta’ l-Artikolu 1, għandu jingħata sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Novembru 2009 u, fir-rigward ta’ l-introduzzjonijiet koperti mill-punt (c) ta’ l-Artikolu 1, għandu jingħata sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Novembru 2010.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-kunsinni kollha li jidħlu fit-territorju tagħhom skond din id-Deċiżjoni u li sussegwentement instabu li ma jikkonformawx ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 6 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/41/KE (ĠU L 169, 29.6.2007, p. 51).


ANNESS

KUNDIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI LI JGĦODDU GĦALL-PJANTI TA’ VITIS L., GĦAJR GĦALL-FROTT, LI JORIĠINAW FIL-KROAZJA JEW L-EX REPUBBLIKA JUGOSLAVA TAL-MAĊEDONJA LI JIBBENEFIKAW MID-DEROGA STIPULATA FL-ARTIKOLU 1

1.

Il-pjanti għandhom ikunu materjal ta’ propagazzjoni fil-forma ta’ raħs inattiv tal-varjetajiet Babić, Borgonja, Dišeča belina, Graševina, Grk, Hrvatica, Kraljevina, Malvasija dubrovačka, Malvazija (syn. Malvazija istarska bijela), Maraština, Muškat momjanski (syn. Muškat istarski), Muškat ruža porečki, Plavac mali, Plavac veliki, Plavka (syn. Plavina), Pošip, Škrlet, Teran, Trnjak, Vugava or Žlahtina, fil-każ ta’ introduzzjoni mill-Kroazja, jew Aleksandriski muškat, Alikant buse, Belan, Belo zimsko, Beogradska bessemena, Demir kapija, Grenaš crn, Kadarka, Krainski bojadiser, Kratošija, Moldavija, Ohridsko crno, Plavec mal, Plovdina, Prokupec, R’kaciteli, Semijon, Smederevka, Stanušina, Sultanina, Temjanika, Teran, Vranec, Župljanka jew Žilavka, fil-każ ta’ introduzzjoni mill-Ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, li għandhom ikunu:

(a)

intiżi biex jitlaqqmu fil-Komunità fl-istabbiliment imsemmi fil-punt 7, fuq riżomi prodotti fil-Komunità;

(b)

maħsuda f’mixtliet ta’ tnissil, li jkunu reġistrati uffiċjalment fil-Kroazja jew l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. L-Istati Membri li jagħmlu użu minn din id-deroga għandhom jagħmlu dawn il-listi ta’ mixtliet irreġistrati disponibbli lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel l-introduzzjoni tal-pjanti fil-Komunità. Dawn il-listi għandhom jinkludu l-isem tal-varjetà, l-għadd ta’ fillieri mħawla b’din il-varjetà, l-għadd ta’ pjanti f’kull filliera għal kull waħda minn dawn il-mixtliet, sal-limitu li jitqies adattat biex jintbagħtu lejn il-Komunità fl-2008, 2009 jew 2010 skond il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni;

(ċ)

ippakkjati kif suppost u l-ippakkjar li jintgħaraf permezz ta’ mmarkar, li jippermetti l-identifikazzjoni tal-mixtla rreġistrata u tal-varjetà.

2.

Il-pjanti għandhom ikunu akkumpanjati b’ċertifikat fitosanitarju maħruġ fil-Kroazja jew l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja skond l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2000/29/KE, fuq il-bażi ta’ l-eżami stabbilit fiha, li jikkonferma, b’mod partikolari, assenza ta’ l-organiżmi ta’ ħsara li ġejjin:

 

Daktulosphaira vitifoliae (Fitch)

 

Xylophilus ampelinus (Panagopoulos) Willems et al.

 

Grapevine Flavescence dorée

 

Xylella fastidiosa (Well et Raju)

 

Trechispora brinkmannii (Bresad.) Rogers

 

Il-virus tar-ringspot tat-tabakk

 

Il-virus tar-ringspot tat-tadam

 

Il-Blueberry leaf mottle virus

 

Il-Peach rosette mosaic virus

Iċ-ċertifikat għandu jkollu taħt “Indikazzjoni Addizzjonali”, din l-indikazzjoni “Din il-kunsinna tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni 2007/847/KE”.

3.

L-organizzazzjoni uffiċjali tal-protezzjoni tal-pjanti tal-Kroazja jew l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għandha tiżgura l-identità u l-integrità tal-pjanti miż-żmien tal-ħsad kif imsemmi fil-punt 1(b) saż-żmien meta jiġu esportati lejn il-Komunità.

4.

Il-pjanti għandhom jidħlu minn punti ta’ dħul magħżula għal dan il-għan mill-Istat Membru fejn jinsabu.

Dawn il-punti ta’ dħul u l-isem u l-indirizz tal-korp uffiċjali responsabbli msemmi fid-Direttiva 2000/29/KE inkarigat f’kull punt ta’ dħul għandhom jiġu nnotifikati biżżejjed minn qabel mill-Istat Membru li jagħmel użu mid-deroga lill-Kummissjoni u għandhom isiru disponibbli fuq talba lill-Istati Membri l-oħra.

Fejn id-dħul tal-pjanti fil-Komunità isir fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru li jkun qiegħed jagħmel użu mill-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 1, minn issa 'l quddiem “l-awtorizzazzjoni”, il-korpi uffiċjali responsabbli ta’ l-Istat Membru ta’ dħul għandhom jgħarrfu u jikkooperaw mal-korpi uffiċjali responsabbli ta’ l-Istati Membri li jkunu qed jagħmlu użu mill-awtorizzazzjoni biex jiżguraw konformità ma’ din id-Deċiżjoni.

5.

Qabel id-dħul fil-Komunità, l-importatur għandu jiġi uffiċjalment infurmat bil-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 1 sa 4; l-importatur imsemmi għandu jinnotifika d-dettalji ta’ kull dħul suffiċjentement bil-quddiem lill-korpi responsabbli uffiċjali fl-Istat Membru ta’ dħul u dan l-Istat Membru, mingħajr dewmien, għandu jibgħat id-dettalji tan-notifika lill-Kummissjoni, filwaqt li jindika:

(a)

it-tip ta’ materjal;

(b)

il-varjetà u l-kwantità;

(ċ)

id-data ta’ dħul dikjarata u l-konferma tal-punt tad-dħul;

(d)

l-ismijiet, l-indirizzi u l-postijiet fejn jinsab il-bini msemmi fil-punt 7 fejn ir-raħs se jitlaqqam u jinħażen.

L-importatur għandu jinforma lill-korpi uffiċjali kkonċernati b’kull tibdil fid-dettalji ta’ hawn fuq hekk kif dawn ikunu magħrufa.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni bid-dettalji ta’ hawn fuq u d-dettalji ta’ kull tibdil fihom mingħajr dewmien.

Għallinqas ġimagħtejn qabel id-data ta’ dħul, l-importatur għandu jgħarraf lill-korp uffiċjali responsabbli bil-bini fejn se jitlaqqmu l-pjanti msemmi fil-punt 7.

6.

L-ispezzjonijiet, inkluż l-ittestjar, skond kif xieraq, meħtieġa b’konformità ma’ l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/29/KE u skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni attwali, għandhom isiru mill-korpi uffiċjali responsabbli ta’ l-Istat Membru li jagħmel użu minn din l-awtorizazzjoni, u fejn ikun xieraq, f’kooperazzjoni mal-korpi uffiċjali responsabbli ta’ l-Istat Membru fejn il-pjanti għandhom jinħażnu.

Matul dawn l-ispezzjonijiet, l-Istat(i) Membru(/i) għandu(għandhom) ukoll jispezzjona(w), u fejn ikun xieraq, jittestja(w) għal organiżmi ta’ ħsara msemmija fil-punt 2. Kull sejba ta’ dawn l-organiżmi ta’ ħsara għandha tiġi nnotifikata minnufih lill-Kummisjoni. Għandha tittieħed azzjoni xierqa biex jinqerdu l-organiżmi ta’ ħsara u, fejn xieraq, il-pjanti kkonċernati.

7.

Il-pjanti għandhom jitlaqqmu biss f’bini rreġistrat u approvat uffiċjalment għall-finijiet ta’ din l-awtorizzazzjoni.

Il-persuna li għandha ħsieb li tlaqqam il-pjanti għandha tinnotifika bil-quddiem il-korpi uffiċjali responsabbli ta’ l-Istat Membru fejn jinstab il-bini bl-isem u l-indirizz ta’ sid dan il-bini.

Fejn il-post ta’ tlaqqim jkun jinstab fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru li jagħmel użu mill-awtorizzazzjoni, il-korpi uffiċjali responsabbli ta’ l-Istat Membru li jagħmel użu mill-awtorizzazzjoni għandhom jinfurmaw lill-korpi uffiċjali responsabbli ta’ l-Istat Membru fejn il-pjanti se jitlaqqmu bl-ismijiet u l-indirizzi tal-bini fejn il-pjanti se jitlaqqmu. Din l-informazzjoni għandha tingħata fil-mument ta’ l-irċevuta tan-notifika bil-quddiem mill-importatur kif imsemmi fir-raba' paragrafu tal-punt 5.

8.

Fl-istabbiliment imsemmi fil-punt 7:

(a)

il-pjanti li nstabu ħielsa minn organiżmi ta’ ħsara msemmija fil-punt 2 jistgħu jintużaw għat-tlaqqim fuq riżomi ta’ oriġini Komunitarja. Il-pjanti mlaqqma għandhom sussegwentement jinżammu f’kundizzjonijiet xierqa f’kundizzjonijiet xierqa għat-tkabbir iżda m’għandhomx jitħawlu jew ikomplu jitkabbru fl-għelieqi. Il-pjanti mlaqqma għandhom jibqgħu fl-istabbiliment għal mhux iktar minn tmintax-il xahar qabel jiġu esportati f’destinazzjoni barra mill-Komunità kif imsemmi fil-punt 9;

(b)

fil-perjodu ta’ wara t-tlaqqim il-pjanti għandhom jiġu spezzjonati viżwalment mill-korpi uffiċjali responsabbli msemmija ta’ l-Istat Membru li fih jitlaqqmu, kull tant żmien kif xieraq, għal preżenza ta’ organiżmi ta’ ħsara jew għal sinjali jew sintomi kkawżati minn xi organiżmu ta’ ħsara; bħala riżultat ta’ dan it-tip ta’ spezzjoni viżwali kull organiżmu ta’ ħsara li jkun ikkawża dawn is-sinjali jew is-sintomi għandu jiġi identifikat permezz ta’ proċedura xierqa ta’ ttestjar;

(ċ)

kull pjanta mlaqqma li ma tkunx instabet ħielsa, matul tali spezzjonijiet jew ittestjar imsemmija fil-punti (a) u (b), mill-organiżmi ta’ ħsara elenkati fil-punt 2, jew li b’xi mod hija kkonċernata mill-kwarantina, għandha tinqered minnufih taħt il-kontroll tal-korpi uffiċjali responsabbli msemmija.

9.

Kull pjanta li tirriżulta minn tlaqqim li jirnexxi bl-użu tar-raħs imsemmi fil-punt 1 għandha tiġi rrilaxxata biss bħala pjanta mlaqqma biex tiġi esportata lejn il-Kroazja jew l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Il-korpi uffiċjali responsabbli ta’ Stat Membru li jagħmel użu minn din l-awtorizzazzjoni għandhom jiżguraw li kull pjanta jew parti ta’ pjanta li ma jiġux esportati b’dan il-mod, għandhom jinqerdu uffiċjalment. Għandha tinżamm dokumentazzjoni ta’ l-ammonti ta’ pjanti mlaqqma b’suċċess, ta’ pjanti meqruda uffiċjalment u ta’ pjanti li sussegwentement ġew esportati mill-ġdid lejn il-Kroazja u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Din l-informazzjoni għandha tkun għad-disposizzjoni tal-Kummissjoni.


Top