EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0636

2007/636/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 28 ta’ Settembru 2007 rigward kontribut finanzjarju mill-Komunità lejn stħarriġ dwar il-prevalenza tas- Salmonella spp. fil-merħliet ta’ ħnieżer għat-tgħammir imwettaq fl-Istati Membri (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 4434)

OJ L 257, 3.10.2007, p. 30–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2007; Imħassar b' 32008D0055

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/636/oj

3.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 257/30


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta’ Settembru 2007

rigward kontribut finanzjarju mill-Komunità lejn stħarriġ dwar il-prevalenza tas-Salmonella spp. fil-merħliet ta’ ħnieżer għat-tgħammir imwettaq fl-Istati Membri

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 4434)

(2007/636/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni 90/424/KEE tistipula proċeduri li jirregolaw kontribut finanzjarju mill-Komunità lejn miżuri veterinarji speċifiċi, li jinkludu miżuri tekniċi u xjentifiċi. Tistipula li l-Komunità għandha timpenja ruħha jew tgħin lill-Istati Membri fit-twettiq ta’ miżuri tekniċi u xjentifiċi meħtieġa għall-iżvilupp tal-leġislazzjoni veterinarja Komunitarja u għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni jew taħriġ veterinarju.

(2)

Skond l-Artikolu 4 u l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 fuq il-kontroll tas-Salmonella u aġenti żoonotiċi oħra speċifiċi li jkun hemm ġewwa l-ikel (2), għan Komunitarju hu stabbilit għat-tnaqqis tal-prevalenza tas-Salmonella fil-popolazzjonijiet tal-merħliet tal-ħnieżer għat-tgħammir.

(3)

Fit-30 ta’ April 2007, it-Task Force dwar il-Ġbir tad-Data fuq iż-Żoonosi ta’ l-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza Alimentari (EFSA) adottat Rapport dwar il-proposta għal speċifikazzjonijiet tekniċi għal studju bażiku dwar il-prevalenza tas-Salmonella fil-ħnieżer għat-tgħammir (3) (“ir-rapport EFSA”).

(4)

Sabiex tiġi stabbilita mira Komunitarja, data komparabbli dwar il-persentaġġ ta’ stabbilimenti ta’ ħnieżer għat-tgħammir infettati bis-Salmonella fl-Istati Membri, jeħtieġu jkunu disponibbli. Tali tagħrif mhux disponibbli u għalhekk għandu jsir stħarriġ speċjali biex tiġi sorveljata l-prevalenza tas-Salmonella fil-ħnieżer għat-tgħammir fuq perjodu xieraq sabiex jitqiesu l-varjazzjonijiet staġjonali possibbli. L-istħarriġ għandu jissejjes fuq ir-rapport ta’ l-EFSA.

(5)

Ir-rapport ta’ l-EFSA jirrakkomanda wkoll teħid ta’ kampjuni supplimentari għall-istima ta’ prevalenza fi ħdan l-istabbilimenti. Tali teħid ta’ kampjuni għandu jitwettaq minn għadd ta’ Stati Membri li ġeografikament jirrappreżentaw is-sitwazzjonijiet differenti fil-Komunità.

(6)

L-istħarriġ għandu jipprovdi tagħrif tekniku meħtieġ għall-iżvilupp tal-leġislazzjoni veterinarja Komunitarja. Minħabba l-importanza tal-ġbir ta’ data komparabbli dwar il-prevalenza tas-Salmonella fil-ħnieżer għat-tgħammir fl-Istati Membri, dawn għandhom jingħataw kontribut finanzjarju Komunitarju sabiex jimplimentaw ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ l-istħarriġ. Huwa xieraq li jitħallsu lura 100 % ta’ l-ispejjeż li ntefqu fuq testijiet f’laboratorji; dan hu soġġett għal limitu. L-ispejjeż l-oħra kollha li ġġarrbu bħat-teħid ta’ kampjuni, vjaġġar, amministrazzjoni, eċċ. m’għandhomx ikunu eliġibbli għal kontribut finanzjarju Komunitarju.

(7)

Il-kontribut finanzjarju mill-Komunità għandu jingħata dment li l-istħarriġ jitwettaq skond id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi Komunitarja u suġġett għal konformità ma’ ċertu kundizzjonijiet oħra.

(8)

Il-kontribut finanzjarju mill-Komunità għandu jingħata sakemm l-azzjonijiet stipulati jitwettqu b’mod effettiv u dment li l-awtoritajiet kompetenti jipprovdu t-tagħrif meħtieġ kollu fi ħdan il-limiti taż-żmien stipulati.

(9)

Minħabba raġunijiet ta’ effiċjenza amministrattiva, l-infiq kollu ppreżentat għal kontribut finanzjarju mill-Komunità għandu jintwera f’euro. Skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (4), ir-rata ta’ konverżjoni għall-infiq f’munita għajr l-euro għandha tkun ir-rata stabbilita dan l-aħħar mill-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-ewwel ġurnata tax-xahar li fih tressqet l-applikazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat.

(10)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti fuq il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Tema tas-suġġett u l-ambitu

Din id-Deċiżjoni tistipula r-regoli dwar il-kontribut finanzjarju mill-Komunità lejn l-istħarriġ bażiku mwettaq fl-Istati Membri biex jevalwa l-prevalenza tas-Salmonella spp. mal-Komunità fil-ħnieżer għat-tgħammir li tteħdilhom kampjun fil-livell ta’ l-istabbilimenti (“l-istħarriġ”).

Ir-riżultati ta’ l-istħarriġ għandhom jintużaw biex jistabbilixxu mira Komunitarja kif stipulata fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 u biex jiġi kkunsidrat l-aħjar approċċ għall-valutazzjoni fil-ġejjieni tal-kisba ta’ tali mira.

Artikolu 2

Definizzjoni

Għal skopijiet ta’ din id-Deċiżjoni, “l-awtorità kompetenti” se tkun l-awtorità jew l-awtoritajiet ta’ Stat Membru kif maħtura skond l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003.

Artikolu 3

Ambitu ta’ l-istħarriġ

1.   L-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġ biex jivvalutaw il-prevalenza tas-Salmonella spp. fil-ħnieżer għat-tgħammir li tteħdilhom kampjun fil-livell ta’ l-istabbilimenti skond l-Anness I.

2.   L-istħarriġ se jkopri perjodu ta’ sena mill-1 ta’ Jannar 2008.

Artikolu 4

Twettiq tat-teħid tal-kampjuni u l-analiżi

It-teħid tal-kampjuni u l-analiżi se jitwettqu mill-awtorità kompetenti jew taħt is-superviżjoni tagħha skond l-ispeċikazzjonijiet tekniċi stipulati fl-Anness I.

Artikolu 5

Kondizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribut finanzjarju Komunitarju

1.   Il-kontribut finanzjarju mill-Komunità lejn l-ispejjeż ta’ l-analiżi se jingħata lill-Istati Membri sa l-ammont totali massimu għall-kofinanzjament stipulat fl-Anness II tul l-istħarriġ kollu.

2.   Il-kontribut finanzjarju mill-Komunità stipulat fil-paragrafu 1 għandu jingħata lill-Istati Membri dment li l-istħarriġ jiġi implimentat skond id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi Komunitarja, kif ukoll skond ir-regoli dwar il-kompetizzjoni u dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi, u f’konformità mal-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ l-istħarriġ għandhom jidħlu fis-seħħ sa l-1 ta’ Jannar 2008 l-aktar tard;

(b)

għandu jitressaq rapport ta’ progress li fih it-tagħrif imniżżel fil-punt 5.1 ta’ l-Anness I u li jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Marzu 2008 lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Mejju 2008 l-akar tard.

(c)

għandu jitressaq rapport finali dwar l-implimentazzjoni ta’ l-istħarriġ, flimkien ma’ xhieda li tiżgura l-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri għall-analiżi u r-riżultati miksuba tul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2008 lill-Kummissjoni sat-28 ta’ Frar 2009 l-aktar tard;

(d)

l-istħarriġ għandu jiġi implimentat b’mod effettiv.

Ix-xhieda ta’ l-ispejjeż imġarrba kif imsemmi fil-punt (c) tat-tieni paragrafu għandha tinkludi għall-inqas it-tagħrif stipulat fl-Anness III.

3.   Jekk ir-rapport finali msemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 2 ma jiġix ippreżentat, dan iwassal għal tnaqqis progressiv tal-kontribut finanzjarju li għandu jitħallas mill-Komunità, li jammonta għal 25 % ta’ l-ammont totali sal-31 ta’ Marzu 2009, 50 % sat-30 ta’ April 2009 u 100 % sal-31 ta’ Mejju 2009.

Artikolu 6

Ammonti massimi li għandhom jitħallsu lura

L-ammonti massimi tal-kontribut finanzjarju mill-Komunità għall-ispejjeż li għandhom jitħallsu lura lill-Istati Membri għall-analiżijiet koperti mill-istħarriġ m'għandhomx jaqbżu dawn li ġejjin:

(a)

20 EUR għal kull test għal sejba batterjoloġika tas-Salmonella spp;

(b)

30 EUR għas-serotipar ta’ l-iżolati relevanti.

Artikolu 7

Ġabra tad-data, valutazzjoni u rappurtar

1.   L-awtorità kompetenti responsabbli mit-tħejjija tar-rapport nazzjonali annwali skond l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) għandha tiġbor u tivvaluta r-riżultati ta’ l-istħarriġ.

2.   Il-Kummissjoni se tressaq id-data nazzjonali u l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 lill-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza Alimentari, li se teżaminahom.

3.   Id-data nazzjonali u r-riżultati se jitħabbru f’forma li tiżgura kunfidenzjalità.

Artikolu 8

Rata ta’ kambju għall-infiq

Meta l-infiq ta’ Stat Membru jkun f’munita għajr l-euro, l-Istat Membru kkonċernat għandu jaqleb il-munita tiegħu f’euro billi japplika l-aħħar rata ta’ kambju stipulata mill-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-ewwel ġurnata tax-xahar li fih l-applikazzjoni għall-kontribut finanzjarju mill-Komunità titressaq mill-Istat Membru.

Artikolu 9

Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta’ Jannar 2008.

Artikolu 10

Id-destinatarji

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 28 ta’ Settembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(2)  ĠU L 325, 12.12.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1791/2006.

(3)  Il-Ġurnal EFSA (2007) 99, 1-28.

(4)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 378/2007 (ĠU L 95, 5.4.2007, p. 1).

(5)  ĠU L 325, 12.12.2003, p. 31.


ANNESS I

Speċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikoli 3(1), 4 u 5(2)(b)

1.   DESKRIZZJONI ĠENERALI TA' L-ISTĦARRIĠ

L-istħarriġ se jitwettaq skond id-deskrizzjoni ġenerali fit-Tabella 1.

Tabella 1:   Deskrizzjoni ġenerali ta' l-istħarriġ

Image

2.   QAFAS GĦAT-TEĦID TA’ KAMPJUNI

2.1.   Id-deskrizzjoni tal-popolazzjoni

L-istħarriġ se jitwettaq fuq stabbilimenti li għandhom mill-inqas 80 % tal-popolazzjoni tal-ħnieżer għat-tgħammir fi Stat Membru. Preferibbilment l-istabbilimenti li għandom 50 ħanżir jew aktar għandu jitteħdilhom kampjun. Madankollu, jekk dawk l-istabbilimenti li għandhom 50 ħanżir għat-tgħammir jew aktar m’għandhomx 80 % tal-merħla nazzjonali tal-ħnieżer għat-tgħammir, allura stabbilimenti iżgħar b’inqas minn 50 ħanżir għat-tgħammir għandu jitteħdilhom kampjun ukoll.

Stabbilimenti bi ħnieżer għat-tgħammir se jiġu kklassifikati jew bħala “stabbilimenti għat-tgħammir” jew bħala “stabbilimenti tal-produzzjoni”. Stabbilimenti għat-tgħammir li jbiegħu ħnieżer nisa żgħar u/jew ħnieżer tar-refgħa għat-tgħammir. Tipikament, ibiegħu 40 % jew aktar mill-ħnieżer nisa ż-żgħar li jrabbu għat-tgħammir filwaqt li l-bqija jinbiegħu għall-qatla. Min-naħa l-oħra, l-istabbilimenti tal-produzzjoni jbiegħu ġeneralment ħnieżer għat-tismin jew għall-qatla.

Il-prevalenza tas-Salmonella għandha titkejjel separatament fl-istabbilimenti għat-tgħammir (il-parti 1 ta’ l-istħarriġ) u fl-istabbilimenti tal-produzzjoni (il-parti 2 ta’ l-istħarriġ), li tirrappreżenta l-merħliet kif indikati fit-Tabella 2, iżda li teskludi l-merħliet ta’ ħnieżer li jinfatmu sal-ħnieżer li waslu għall-qatla li jiżnu aktar minn 70 kg.

Tabella 2:   Ħarsa ġenerali ta’ l-istabbilimenti

Image

2.2.   Il-kampjun u l-istrateġija ta’ teħid ta’ kampjuni

Iż-żewġ partijiet ta’ l-istħarriġ se jkollhom disinn simili ta’ teħid ta’ kampjuni b’żewġ stadji. Fl-ewwel stadju, se jintgħażel kampjun każwali ta’ l-istabbilimenti f’kull Stat Membru mill-istabbilimenti għat-tgħammir u kampjun każwali ieħor se jintgħażel mill-grupp ta’ l-istabbilimenti tal-produzzjoni. In-numru ta’ stabbilimenti meħtieġa se jiġi diskuss fit-taqsima 2.3. Fit-tieni stadju, se jintgħażlu numru ta’ mqajjel għat-teħid tal-kampjuni fi ħdan kull stabbiliment magħżul (ara t-taqsima 2.2.2).

2.2.1.   L-ewwel stadju: għażla ta’ l-istabbilimenti

Kull Stat Membru għandu joħloq żewġ oqfsa għat-teħid ta’ kampjuni. L-ewwel għandu jniżżel l-istabbilimenti għat-tgħammir eliġibbli kollha (normalment dawk l-istabbilimenti b’mill-inqas 50 ħanżir għat-tgħammir – ara t-taqsima 2.1) u t-tieni se jniżżel l-istabbilimenti tal-produzzjoni eliġibbli kollha. In-numru meħtieġ ta’ stabbilimenti għal kull parti ta’ l-istħarriġ se jintgħażel każwalment minn kull lista. Kampjun każwali hu maħsub jiżgura li l-istħarriġ jinkludi stabbilimenti b’firxa ta' daqsijiet tal-merħla u mir-reġjuni kollha ta' Stat Membru fejn jinżammu l-ħnieżer. Huwa magħruf li, f’ċerti Stati Membri, jista’ jkun hemm xi stabbilimenti (pereżempju inqas minn 10 % mill-istabbilimenti eliġibbli kollha) b’merħla ta’ daqs kbir ħafna. B’hekk, minħabba l-għażla każwali jista’ jkun li l-ebda minn dawn il-merħliet kbar ħafna ma jintgħażlu. Stat Membru jista’ juża kriterju ta’ stratifikazzjoni qabel ma ssir l-għażla ta’ l-istabbilimenti - pereżempju, biex jiġi ddefinit grupp li fih l-10 % ta' l-akbar merħliet u biex jiġi allokat 10 % tad-daqs tal-kampjun meħtieġ lil dan il-grupp. Bl-istess mod, l-Istat Membru jista’ jqassam fi gruppi l-kampjun mar-reġjuni amministrattivi skond il-kobor tal-merħliet eliġibbli f’ kull reġjun. Kwalunkwe stratifikazzjoni li titqies, għandha tiġi deskritta fir-rapport li Stat Membru jressaq lill-Kummissjoni skond il-paragrafu 5(1).

Jekk stabbiliment magħżul ma jistax jitteħidlu kampjun (pereżempju, jekk ma għadux jeżisti meta t-teħid tal-kampjun jitwettaq) jintgħażel stabbiliment ieħor każwalment mill-istess qafas għat-teħid ta’ kampjuni. Jekk kien hemm xi stratifikazzjoni partikolari (pereżempju fuq id-daqs tal-merħla jew ir-reġjun), allura l-istabbiliment il-ġdid għandu jintgħażel mill-istess grupp statistiku.

Id-daqs tal-kampjun ewlieni (in-numru ta’ stabbilimenti li għandu jitteħdilhom kampjun) għandu jkun bejn wieħed u ieħor imxerred l-istess tul is-sena biex ikopri l-istaġuni differenti, kemm jista’ jkun. Il-kampjuni għandhom jittieħdu minn, bejn wieħed u ieħor, wieħed minn kull tnax ta’ l-għadd ta’ stabbilimenti kull xahar.

L-istabbilimenti ta’ barra għandhom jiġu inklużi fl-istħarriġ iżda ma hemm l-ebda stratifikazzjoni mandatorja fuq dan it-tip ta’ produzzjoni.

2.2.2.   It-tieni stadju: teħid ta’ kampjuni fl-istabbilimenti

F’kull merħla għat-tgħammir u merħla ta’ produzzjoni magħżula, l-imqajjel, mgħalaq jew gruppi ta’ ħnieżer għat-tgħammir ’il fuq minn 6 xhur li għandu jitteħdilhom kampjun se jintgħażlu każwalment.

L-għadd ta’ mqajjel, mgħalaq jew gruppi li għandu jitteħdilhom kampjun għandu jkun allokat proporzjonalment skond in-numru ta’ ħniezer għat-tgħammir fl-istadji differenti ta’ produzzjoni (tqal, mhux tqal, jew kategoriji oħra ta’ ħnieżer għat-tgħammir). Il-kategoriji ta’ l-età eżatta li għandu jitteħdilhom kampjun ma ġewx preskritti, iżda dan it-tagħrif għandu jinġabar tul it-teħid tal-kampjuni.

Il-ħnieżer għat-tgħammir li m’ ilhomx li waslu fil-merħla u li huma miżmuma fil-kwarantina ma jridux jiġu inklużi fl-istħarriġ.

2.3.   Il-kalkolu tad-daqs tal-kampjun

2.3.1.   Id-daqs tal-kampjun ewlieni (id-daqs tal-kampjun ta’ l-ewwel stadju)

Kalkolu ewlieni regolari tad-daqs tal-kampjun se jsir għall-istabbilimenti għat-tgħammir u kalkolu regolari ieħor tad-daqs tal-kampjun se jsir għall-istabbilimenti tal-produzzjoni. Id-daqs tal-kampjun ewlieni se jkun in-numru ta’ stabbilimenti għat-tgħammir li għandu jitteħdilhom kampjun u n-numru ta’ stabbilimenti tal-produzzjoni li għandu jitteħdilhom kampjun f’kull Stat Membru u se jiġi ddeterminat f’kunsiderazzjoni għall-kriterji li ġejjin, bl-użu ta’ kampjun sempliċi każwali:

(a)

In-numru totali ta’ stabbilimenti għat-tgħammir (stabbilimenti għat-tgħammir, l-ewwel parti ta’ l-istħarriġ);

(b)

In-numru totali ta’ stabbilimenti tal-produzzjoni (stabbilimenti tal-produzzjoni, it-tieni parti ta’ l-istħarriġ);

(c)

Prevalenza annwali mistennija (p): 50 %;

(d)

livell ta’ kunfidenza mixtieq (Z): 95 %, jikkorrispondi għall-valur Zα ta’ 1.96;

(e)

preċiżjoni (L): 7.5 %;

(f)

bl-użu ta’ dawn il-valuri u l-formola:

Formula

Il-kalkolu, l-ewwel se jsir għall-istabbilimenti għat-tgħammir u mbagħad, għall-istabbilimenti tal-produzzjoni. F’kull każ, l-assunzjonijiet fil-passi c-e hawn fuq huma l-istess.

Għal raġunijiet prattiċi, jekk hemm 100 000 stabbiliment jew aktar jew fil-qafas għat-teħid ta’ kampjuni tal-merħliet għat-tgħammir jew fil-qafas tal-kampjun tal-merħliet tal-produzzjoni, allura dik il-popolazzjoni tista' titqies bħala infinita u l-għadd ta' stabbilimenti li għandhom jintgħażlu każwalment minn dak il-qafas għat-teħid ta’ kampjun huwa 171 (ara t-Tabella 1). Meta l-għadd ta’ merħliet għat-tgħammir jew merħliet tal-produzzjoni jkun inqas minn 100 000, fattur ta’ korrezzjoni finit għall-popolazzjoni jiġi applikat u jkunu meħtieġa anqas stabbilimenti fil-kampjun kif muri fit-Tabella 1.

Pereżempju, jekk fi Stat Membru hemm 1 000 stabbiliment, li jagħmlu parti mill-grupp ta’ stabbilimenti tal-produzzjoni, u 250 stabbiliment, li jagħmlu parti mill-grupp ta’ stabbilimenti għat-tgħammir, 147 stabbiliment għandu jitteħdilhom kampjun fil-grupp ta’ stabbilimenti tal-produzzjoni u 102 stabbiliment għandu jitteħdilhom kampjun fil-grupp ta’ stabbilimenti għat-tgħammir.

Tabella 1

Għadd ta’ stabbilimenti bi ħnieżer għat-tgħammir fi kwalunkwe parti mill-istħarriġ bħala funzjoni tad-daqs finit tal-popolazzjoni (numru totali ta’ l-istabbilimenti bi ħnieżer għat-tgħammir fl-Istati Membri)

Numru ta’ stabbilimenti bi ħnieżer għat-tgħammir (N)

Daqs tal-kampjun (n) għad-daqs finit tal-popolazzjoni b’reqqa ta’ 7.5 %

100 000

171

10 000

169

5 000

166

2 000

158

1 000

147

500

128

250

102

150

80

125

73

100

64

90

59

80

55

70

50

60

45

50

39

40

33

30

26

20

18

10

10

In-nuqqas ta’ rispons se jiġi antiċipat pereżempju biż-żieda tad-daqs tal-kampjun f'kull grupp b'10 %. Kwalunkwe stabbiliment mhux xieraq se jinbidel fil-proċess ta’ l-istħarriġ (ara t-taqsima 2.2.1).

F’każ li stima tan-numru ta’ “stabbilimenti għat-tgħammir” ma tkunx possibbli qabel il-bidu ta’ l-istħarriġ, se jintgħażlu għadd ta’ stabbilimenti għat-teħid tal-kampjuni kif muri fit-Tabella 1 imsejjes fuq in-numru totali ta’ stabbilimenti bi ħnieżer nisa (X stabbilimenti). L-għadd ta' stabbilimenti li għandu jitteħdilhom kampjun se jiżdied b'mill-inqas 30 % ((X + 30 %) stabbilimenti). Qabel l-istħarriġ, l-awtorità kompetenti għandha tidentifika għadd ta’ stabbilimenti għat-tgħammir, li hu mill-inqas daqs dan it-30 % supplimentari. Tul iż-żjajjar ta’ l-irziezet, l-istabbiliment se jiġi kklassifikat bħala għat-tgħammir jew tal-produzzjoni skond id-definizzjonijiet ta’ hawn fuq.

2.3.2.   Id-daqs tal-kampjun sekondarju (id-daqs tal-kampjun tat-tieni stadju)

F’kull stabbiliment magħżul kampjuni regolari tal-feċi (ara t-taqsima 3.1) se jinġabru minn 10 mqajjel, mgħalaq jew gruppi ta’ ħnieżer għat-tgħammir magħżula każwalment. Jekk meħtieġ (pereżempju f’akkomodazzjoni tal-ħlas jew fejn jinżammu l-ħnieżer nisa fi gruppi żgħar ta’ inqas minn 10 individwi), grupp jista’ jikkonsisti f’aktar minn maqjel wieħed. Mill-inqas għaxar ħnieżer għat-tgħammir indvidwali għandhom jikkontribwixxu għal kull kampjun regolari.

Madankollu, fi stabbilimenti żgħar jew stabbilimenti b'numru kbar ta' ħnieżer għat-tgħammir miżmuma barra f'reċint, in-numru ta' mqajjel, mgħalaq jew gruppi ta' inqas minn 10, it-teħid tal-kampjuni ta' l-istess maqjel, magħlaq jew grupp se jkun meħtieġ sabiex in-numru totali ta’ 10 kampjuni tar-rutina jiġu ppreżentati.

3.   ĠABRA TAL-KAMPJUNI FIL-MERĦLIET

3.1.   Tip u dettall tal-kampjun regolari

Il-materjal miġbur għall-analiżi batterjoloġika se jkun feċi frisk li jirrappreżenta l-istabbiliment kollu, li hu l-unità ta’ interess. Peress li kull stabbiliment hu uniku, se jiġi deċiż, qabel il-bidu tat-teħid tal-kampjuni, liema mqajjel, mgħalaq jew gruppi fi ħdan l-istabbiliment se jitteħdilhom kampjun. Il-kampjun miġbur se jitqiegħed f’kontenitur separat li jevita kontaminazzjoni minn kampjun għall-ieħor u jintbagħat lil-laboratorju.

Kull raggruppament ta’ kampjuni għandu jammonta għal mill-inqas 25g u jistgħu jintużaw żewġ strateġiji biex jinġabru dawn ir-raggruppamenti tal-kampjuni tal-feċi.

(1)

fejn hemm akkumulazzjoni ta’ feċi mħallta fi ħdan żona ta’ maqjel jew magħlaq, imselħa kbira (pereżempju 20ċm × 20ċm) tista’ tintuża biex tgħaddi mill-massa tal-feċi, u tiżgura li mill-inqas 25g tal-materjal imħallat jinġabar. Dan jista’ jinkiseb billi pereżempju, titmexxa l-imselħa tul mogħdija żigżag ta’ 2 metri b’mod li tkun miksija sew bil-feċi. Jekk meħtieġ, pereżempju minħabba s-sħana jew fuq art miksija bil-lavanji, l-imselħa tista' tixxarrab kemm kemm b'likwidu xieraq bħal ilma tax-xorb.

(2)

fejn m’hemmx akkumulazzjoni tali, pereżempju, f’għalqa, magħlaq kbir, f’dar tal-ħlas jew mqajjel jew akkomodazzjoni oħra b’numru żgħir ta’ ħnieżer għal kull grupp, allura għandhom jintgħażlu ammonti żgħar individwali mill-massa ta’ feċi friska individwali jew postijiet sabiex mill-inqas 10 individwi, jikkontribwixxu għal volum tal-kampjun totali ta’ mill-inqas 25g. Is-siti minn fejn jinġabru dawn l-ammonti żgħar għandhom ikunu mxerrda b'mod rappreżentattiv maż-żona kkonċernata.

Strateġija 1 hija preferuta fejn tkun prattika. F’din l-istrateġija mill-inqas 10 ħnieżer individwali għandhom jikkontribwixxu għal kull kampjun meħud, inkella tiġi applikata l-istrateġija 2.

3.2.   Teħid ta’ kampjuni supplimentari għall-istudju tal-prevalenza fi ħdan l-istabbiliment

F’daqqa, 10 stabbilimenti, magħżula każwalment mill-kampjun globali ta’ l-istabbilimenti għat-tgħammir u tal-produzzjoni huma suġġetti għal teħid ta’ kampjuni aktar intensiv. F’dawn l-istabbilimenti se jinġabru 10 kampjuni regolari bl-istess mod kif deskritt hawn fuq (taqsima 2.1). Barra minn hekk, se jinġabru 10 kampjuni individwali ta’ mill-inqas 30g f’kull maqjel magħżul u se jiġu identifikati b’tali mod li dawn l-10 kampjuni individwali jiġu assoċjati mal-kampjun regolari minn dak il-maqjel. B’hekk, b’kollox se jinġabru 10 kampjuni regolari u 100 (10 × 10) kampjun individwali minn kull wieħed minn dawn l-10 stabbilimenti. It-trattament ta’ dawn il-kampjuni se jiġi deskritt fit-taqsima 4.3.1.

Dan it-teħid tal-kampjuni se jiġi applikat fir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, ir-Rumanija, is-Slovenja, l-Iżvezja u r-Renju Unit.

3.3.   Tagħrif dwar il-kampjuni

Kull tagħrif relevanti disponibbli mill-kampjun se jiġi rreġistrat fuq formola tat-teħid tal-kampjuni prodotta mill-awtorità kompetenti biex tippermetti li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tad-data fil-Parti 5.

Kull kampjun u l-formola tal-kampjun tiegħu se jkollhom tikketta b’numru waħdieni li se jintuża mit-teħid tal-kampjuni sa l-ittestjar, u bil-kodiċi tal-maqjel. L-awtorità kompetenti għandha tirranġa għall-ħarġa u l-użu ta’ sistema ta’ numru waħdieni.

3.4.   Trasport tal-kampjuni

Preferibbilment, il-kampjuni għandhom jinżammu bejn + 2 sa + 8 °C u jkunu bla kontaminazzjoni esterna tul it-trasport. Il-kampjuni għandhom jintbagħtu lil-laboratorju malajr kemm jista' jkun fi żmien 36 siegħa b'posta mgħaġġla jew kurjer u għandha tasal fil-laboratorju mhux aktar tard minn 72 siegħa wara t-teħid tal-kampjun.

4.   METODI ANALITIĊI TAL-LABORATORJU

4.1.   Laboratorji

L-analiżi u s-serotipar se jsiru fil-Laboratorji ta’ Referenza Nazzjonali (NRL). Meta l-NRL m’għandux il-ħila jwettaq l-analiżi kollha jew jekk ma jkunx il-laboratorju li jwettaq id-detezzjoni regolari, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jaħtru numru limitat ta’ laboratorji oħra involuti fil-kontroll uffiċjali tas-Salmonella biex iwettqu l-analiżi. Dawn il-laboratorji se jkollhom esperjenza approvata ta’ l-użu tal-metodu ta’ detezzjoni meħtieġ u jkollhom sistema ta’ l-assigurazzjoni tal-kwalità li tikkonforma ma’ l-istandard ta’ l-ISO 17025 u jitressqu għas-supervizjoni ta’ l-NRL.

4.2.   Twassil tal-kampjuni

Fil-laboratorju, il-kampjuni se jinżammu mkessħa sakemm isir l-eżami batterjoloġiku, li preferibbilment jitwettaq fi żmien 24 siegħa wara t-twassil iżda f'kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 96 siegħa wara li jinġabar il-kampjun.

4.3.   Analiżi tal-kampjun

L-Istati Membri se jiggarantixxu li l-partijiet involuti ġew imħarrġa biżżejjed biex iwettqu l-analiżi.

4.3.1.   Tħejjija

Fil-laboratorji, il-kampjuni tar-rutina se jitħalltu bir-reqqa u bis-sħiħ, qabel ma jinġabru l-25g għall-analiżi.

Għall-valutazzjoni tal-prevalenza fi ħdan l-istabbilimenti skond il-paragrafu 3.2, kull kampjun individwali miġbur (30g) jeħtieġ jinqasam f’żewġ partijiet. Parti waħda, li tiżen mill-inqas 25g se titħallat bir-reqqa u bis-sħiħ u mbagħad ikkolturati individwalment. It-tieni parti li tibqa’ għandha tintuza biex tħejji artifiċjalment raggruppament ta’ kampjuni mill-10 kampjuni individwali fil-maqjel, grupp jew magħlaq magħżul. Din il-parti ta’ l-aħħar se titħejja biż-żieda ta’ 2.5g għal għaxar darbiet tal-kampjuni individwali biex jinħoloq raggruppament ta’ kampjuni artifiċjalment ta’ 25g. Il-kampjuni magħquda artifiċjalment jitħalltu bir-reqqa u bis-sħiħ qabel l-analiżi. B’kollox, 10 kampjuni tar-rutina, 10 kampjuni magħquda artifiċjalment u 100 kampjun individwali se jiġu analizzati minn kull wieħed mill-10 stabbilimenti magħżula għall-istima tal-prevalenza fi ħdan l-istabbiliment.

4.3.2.   Metodu ta’ detezzjoni u identifikazzjoni

4.3.2.1.   Detezzjoni tas-Salmonella

Se jintuża l-metodu rakkomandat mil-Laboratorju ta’ Referenza Komunitarju (CRL) għas-Salmonella f’Bilthoven, fl-Olanda. Dan il-metodu hu deskritt fl-Anness D ta’ l-ISO 6579: “Detezzjoni tas-Salmonella spp. fil-feċi ta’ l-annimali u fil-kampjuni ta’ l-ewwel stadju ta’ produzzjoni”. Se tintuża l-aħħar verżjoni ta’ l-Anness D.

4.3.2.2.   Serotipar tas-Salmonella

Kull varjazzjoni iżolata u kkonfermata bħala Salmonella spp. se tiġi serotipata skond l-iskema Kaufmann-White, mill-NRL għas-Salmonella.

Għall-assigurazzjoni tal-kwalità, 16-il varjazzjoni klassifikabbli u 16-il iżolat mhux klassifikabbli se jintbagħtu lis-CRL għas-Salmonella. Parti minn dawn l-iżolati se tintbagħat lis-CRL kull tliet xhur. Jekk ġew iżolati inqas varjazzjonijiet, jintbagħat kollox.

4.3.2.3.   Il-klassifikazzjoni batterjofaga tas-Salmonella

F’każ li l-iżolati tas-Salmonella Enteritidis u Salmonella Typhimurium għandom il-klassifikazzjoni batterjofaga (mhux obbligatorju), se jiġu użati l-metodi deskritti miċ-ċentru ta’ referenza tad-WHO għall-klassifikazzjoni batterjofaga tas-Salmonella ta’ l-Aġenzija għall-Protezzjoni tas-Saħħa (HPA) Colindale, Londra.

5.   RAPPORT MILL-ISTATI MEMBRI

5.1.   Deskrizzjoni ġenerali ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-istħarriġ

Rapport f'format testwali se jinkludi mill-inqas:

(a)

Stat Membru

(b)

Deskrizzjoni tal-popolazzjoni ta’ l-istabbilimenti bi ħnieżer għat-tgħammir

(1)

Stabbilimenti għat-tgħammir

(i)

Numru totali ta’ stabbilimenti għat-tgħammir

(ii)

Numru totali ta’ stabbilimenti nukleu

(iii)

Numru totali ta’ stabbilimenti multiplikaturi

(iv)

għadd ta’ stabbilimenti għat-tgħammir ippjanati li jitteħdilhom kampjun, u għadd ta’ stabbilimenti għat-tgħammir li tabilħaqq itteħdilhom kampjun; għadd ta’ stabbilimenti ppjanati li jitteħdilhom kampjun iżda dan ma ġarax u r-raġuni għal dan

(v)

Kummenti fuq ir-rappreżentanza ġenerali tal-programm tat-teħid tal-kampjuni ta’ l-istabbilimenti għat-tgħammir

(2)

Stabbilimenti tal-produzzjoni

(i)

Għadd totali ta’ stabbilimenti nukleu

(ii)

Għadd totali ta’ stabbilimenti ta’ boton qżieqeż sa ħnieżer li jinfatmu/ħnieżer li waslu għall-qatla

(iii)

Għadd totali ta’ stabbilimenti ta’ boton qżieqeż sa ħnieżer li waslu għall-qatla li jiżnu aktar minn 70 kg

(iv)

Għadd ta’ stabbilimenti għat-tgħammir ippjanati li jitteħdilhom kampjun, u għadd ta’ stabbilimenti għat-tgħammir li tabilħaqq itteħdilhom kampjun; għadd ta’ stabbilimenti ppjanati li jitteħdilhom kampjun iżda dan ma ġarax u r-raġuni għal dan

(v)

Kummenti possibbli fuq ir-rappreżentanza ġenerali tal-programm tat-teħid tal-kampjuni ta’ l-istabbilimenti għat-tgħammir

(c)

Għadd ta’ kampjuni miksuba u analizzati:

(i)

Mill-istabbilimenti għat-tgħammir

(ii)

Mill-istabbilimenti tal-produzzjoni

(iii)

Mill-istabbilimenti li tteħdilhom kampjun għall-istudju tal-prevalenza fi ħdan l-istabbiliment

(d)

Ir-riżultati globali.

(i)

Prevalenza ta’ l-istabbilimenti għat-tgħammir u tal-produzzjoni infettati bis-Salmonella u serovars tas-Salmonella

(ii)

Riżultat ta’ l-istudju ta’ prevalenza fi ħdan l-istabbiliment

(e)

Lista ta’ laboratorji responsabbli mill-istudju bażiku tas-Salmonella

(i)

detezzjoni

(ii)

serotipar

(iii)

klassifikazzjoni batterjofaga (jekk imwettqa).

5.2.   Data sħiħa fuq kull stabbiliment u r-riżultati tat-testijiet korrispondenti:

L-Istati Membri għandhom jippreżentaw ir-riżultati ta' l-investigazzjoni elettronikament fil-forma ta' data mhux ipproċessata bl-użu ta' dizzjunarju tad-data u formoli tal-ġbir tad-data pprovduti mill-Kummissjoni. Dan id-dizzjunarju u l-formoli se jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni.

5.2.1.   It-tagħrif li ġej se jinġabar fl-Istati Membri għal kull stabbiliment magħżul għat-teħid tal-kampjuni:

(a)

Kodiċi ta’ l-istabbiliment

(b)

Tip ta’ produzzjoni ta’ l-istabbiliment

(i)

Ġewwa versus “kwalunkwe stadju tal-produzzjoni miżmuma barra”

(ii)

Nukleu, multiplikatur, boton qżieqeż sa ħnieżer li jinfatmu, boton qżieqeż sa ħnieżer li waslu għall-qatla li jiżnu aktar minn 70 kg u boton qżieqeż sa ħnieżer li waslu għall-qatla

(c)

Daqs ta’ l-istabbiliment: l-għadd ta’ ħnieżer għat-tgħammir preżenti fil-ħin tat-teħid tal-kampjuni (inventorju ta’ l-adulti)

(d)

Politika ta’ sostituzzjoni: ħnieżer għat-tgħammir sostituti mixtrija kollha; ċerti ħnieżer għat-tgħammir sostituti mrobbija d-dar jew il-ħnieżer għat-tgħammir sostituti mrobbija d-dar kollha

(e)

(Volontarjament:) Sintomi kliniċi tad-dijarea: Kien hemm sintomi ta’ dijarea fit-3 xhur qabel it-teħid tal-kampjuni?

5.2.2.   It-tagħrif li ġej se jinġabar fl-Istati Membri għal kull kampjun mibgħut lil-laboratorju:

(a)

Kodiċi tal-kampjun

(b)

Kodiċi tal-laboratorju involut fl-analiżi inizjali

(c)

Data tal-ġabra tal-kampjuni

(d)

Id-data meta bdew l-analiżijiet tal-laboratorju

(e)

Detezzjoni tas-Salmonella: Riżultat kwalitattiv (pożittiv/negattiv)

(f)

Serotipar tas-Salmonella: Serovar(s) misjub(a) (jista’ jkun aktar minn wieħed)

(g)

Età tal-ħnieżer: il-ħnieżer nisa żgħar kollha versus ħnieżer għat-tgħammir ta’ età mħallta

(h)

Sess: Ħnieżer nisa biss; Ħnieżer nisa u ħnieżer tar-refgħa jew ħnieżer tar-refgħa biss

(i)

Stadju tal-produzzjoni: Tqala; Tgħammir, żmien tat-tqala (oħrajn?)

(j)

Akkomodazzjoni: art miksija bil-lavanji (kompletament/parzjalment); art solida; saff fond ta’ tiben jew oħrajn

(k)

Dieta: Il-ħnieżer f’dan il-maqjel, magħlaq jew grupp huma magħlfa għalf kompost biss?

(l)

Suppliment ta’ l-għalf: hemm xi sustanza li tnaqqas is-Salmonella miżjuda lill-għalf (bħall-aċtu organiku, probijotiku)?

(m)

Użu sistematiku ta’ l-antibijotiċi: l-antibijotiċi għandhom jingħataw bi kwalunkwe mod lill-annimali kollha ta’ dan il-grupp?

(n)

L-aħħar data ta’ amministrazzjoni ta’ l-antimikrobiċi lill-annimali (tul dawn l-aħħar erba’ ġimgħat)

5.2.3.   Dan it-tagħrif supplimentari li ġej se jinġabar fl-Istati Membri għal kull kampjun individwali mibgħut lil-laboratorju fi ħdan il-qafas tat-teħid tal-kampjuni għall-prevalenza fi ħdan l-istabbiliment

(a)

Kodiċi tal-kampjun miġbur

(b)

Detezzjoni tas-Salmonella f’kull kampjun individwali: riżultat kwalitattiv (pożittiv/negattiv)

(c)

Serotipar tas-Salmonella f’kull kampjun individwali: serovar(s) misjub(a) (jista’ jkun aktar minn wieħed)


ANNESS II

Kontribut finanzjarju Komunitarju massimu lill-Istati Membri msemmi fl-Artikolu 5

Stat Membru

Ammont totali massimu għal kofinanzjament ta’ l-analiżijiet (EUR)

Il-Belġju – BE

59 800

Il-Bulgarija – BG

52 260

Ir-Repubblika Ċeka – CZ

102 960

Id-Danimarka – DK

98 280

Il-Ġermanja – DE

57 980

L-Estonja – EE

9 360

L-Irlanda – IE

43 420

Il-Greċja – EL

39 260

Spanja – ES

82 680

Franza – FR

82 680

L-Italja – IT

79 300

Ċipru – CY

20 020

Il-Latvja – LV

3 380

Il-Litwanja – LT

13 780

Il-Lussemburgu – LU

11 960

L-Ungerija – HU

74 360

Malta – MT

0

L-Olanda – NL

87 100

L-Awstrija – AT

59 020

Il-Polonja – PL

85 020

Il-Portugall – PT

54 860

Ir-Rumanija – RO

107 900

Is-Slovenja – SI

81 120

Is-Slovakkja – SK

54 080

Il-Finlandja – FI

64 740

L-Iżvezja – SE

81 120

Ir-Renju Unit – UK

102 960

Total

1 609 400


ANNESS III

Image

Test ta 'immaġni

Top