EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0863

Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi mekkaniżmu għall-ħolqien ta’ Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 fir-rigward ta’ dak il-mekkaniżmu u li jirregola l-kompiti u l-poteri ta’ uffiċjali mistiedna

OJ L 199, 31.7.2007, p. 30–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 19 Volume 008 P. 156 - 165

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 05/10/2016; Imħassar b' 32016R1624

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/863/oj

31.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 199/30


REGOLAMENT (KE) Nru 863/2007 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Lulju 2007

li jistabbilixxi mekkaniżmu għall-ħolqien ta’ Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 fir-rigward ta’ dak il-mekkaniżmu u li jirregola l-kompiti u l-poteri ta’ uffiċjali mistiedna

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikoli 62(2)(a) u 66 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Ottubru 2004, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea (2) (“l-Aġenzija”).

(2)

Stat Membru li jiffaċċja ċirkostanzi li jenħtieġu aktar assistenza teknika u operazzjonali fil-fruntieri esterni tiegħu jista’, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 64(2) tat-Trattat u skond l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004 jitlob assistenza lill-Aġenzija f’forma ta’ koordinazzjoni, fejn huma involuti Stati Membri oħra.

(3)

Ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni permezz ta’ kontrolli u sorveljanza tgħin biex ikunu miġġielda l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin u biex ma jkun hemm l-ebda theddida għas-sigurtà interna, għall-politika pubblika, għas-saħħa pubblika u għar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ l-Istati Membri. Il-kontroll tal-fruntieri mhuwiex biss fl-interess ta’ l-Istat Membru fejn isir il-kontroll tal-fruntiera iżda hu fl-interess ta’ l-Istati Membri kollha li neħħew il-kontroll tal-fruntiera interna.

(4)

Ir-responsabbiltà għall-kontroll tal-fruntieri esterni hija ta’ l-Istati Membri. B’kont meħud tas-sitwazzjonijiet kritiċi li l-Istati Membri, minn żmien għal żmien, jiffaċċjaw fil-fruntieri esterni tagħhom, partikolarment fir-rigward tal-wasla f’punti tal-fruntieri esterni ta’ numri kbar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jippruvaw jidħlu illegalment fit-territorju ta’ l-Istati Membri, jista’ jkun meħtieġ li tingħata assistenza lill-Istati Membri, billi jingħataw riżorsi xierqa u suffiċjenti, b’mod partikolari persunal.

(5)

Il-possibbiltajiet attwali għall-għoti ta’ assistenza prattika u effiċjenti fir-rigward tal-kontroll ta’ persuni fil-fruntieri esterni u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni fil-livell Ewropew m’humiex meqjusa bħala suffiċjenti, partikolarment fejn l-Istati Membri jiffaċċjaw il-wasla ta’ numri kbar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jippruvaw jidħlu illegalment fit-territorju ta’ l-Istati Membri.

(6)

Stat Membru għandu għalhekk ikollu l-possibbiltà li jitlob l-iskjerament, fil-qafas ta’ l-Aġenzija, ta’ Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri li jkun fih esperti b’taħriġ speċjali minn Stati Membri oħrajn fit-territorju tiegħu biex jassistu l-gwardji nazzjonali tal-fruntiera tiegħu fuq bażi temporanja. L-iskjerament tat-Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri jikkontribwixxi għat-tisħiħ tas-solidarjetà u ta’ l-assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri.

(7)

L-iskjerament ta’ Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri iseħħ biex jagħti appoġġ għal perijodu ta’ żmien limitat f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali u urġenti. Dawn iċ-ċirkostanzi jinqalgħu meta Stat Membru ikun qed jiffaċċja fluss ta’ massa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jippruvaw jidħlu illegalment fit-territorju tiegħu li jkun jitlob azzjoni immedjata u fejn l-iskjerament ta’ Tim ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri jista’ jikkontribwixxi għal azzjoni effettiva. It-Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri mhumiex maħsuba biex jipprovdu assistenza fuq perijodu twil.

(8)

Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri ser jiddependu fuq id-dmirijiet maħsuba, id-disponibbiltà u l-frekwenza ta’ l-iskjerament. Sabiex tkun żgurata operazzjoni effikaċi, l-Istati Membri għandhom jipprovdu numru xieraq ta’ gwardji tal-fruntiera (il-Grupp Rapidu) li jirrifletti b’mod speċjali l-ispeċjalizzazzjoni u d-daqs ta’ l-organizzazzjoni tal-gwardji tal-fruntiera tagħhom stess. L-Istati Membri għandhom għalhekk joħolqu gruppi ta’ esperti nazzjonali biex jgħinu jżidu l-effikaċja ta’ dan ir-Regolament. Id-daqs differenti ta’ l-Istati Membri u l-ispeċjalizzazzjonijiet tekniċi ta’ l-organizzazzjonijiet tal-gwardja tal-fruntiera tagħhom għandhom jiġu meqjusa mill-Aġenzija.

(9)

L-aħjar prattika minn għadd ta’ Stati Membri turi li meta wieħed ikun jaf il-profili (ħiliet u kwalifiki) tal-gwardji tal-fruntiera disponibbli qabel l-iskjerament, dan il-fatt jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-ippjanar u t-tmexxija effiċjenti ta’ l-operazzjonijiet. L-Aġenzija għandha tiddetermina l-profili u n-numru totali ta’ gwardji tal-fruntiera li għandhom jiġu pprovduti għat-Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri.

(10)

Għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-ħolqien ta’ Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri, li joffri kemm lill-Aġenzija kif ukoll lill-Istati Membri flessibbiltà suffiċjenti u jiżgura li l-operazzjonijiet jitwettqu b’livell għoli ta’ effiċjenza u effikaċja.

(11)

L-Aġenzija, għandha, inter alia, tikkordina l-kompożizzjoni, taħriġ u l-iskjerament tat-Timijet ta’ Intervent Rapidu. Hu għalhekk neċessarju li jkunu introdotti dispożizzjonijiet ġodda fir-Regolament (KE) Nru 2007/2004 dwar l-irwol ta’ l-Aġenzija fir-rigward ta’ dawk it-timijiet.

(12)

Meta Stat Membru jiffaċċja fluss ta’ massa ta’ ċittadini ta’ pajjizi terzi li qed jippruvaw jidħlu illegalment fit-territorju tiegħu, jew f’xi sitwazzjoni eċċezzjonali li taffettwa sustanzjalment it-twettiq ta’ kompiti nazzjonali, dan jista’ ma jibgħatx il-gwardji tal-fruntiera tiegħu biex jiġu skjerati.

(13)

Sabiex jaħdmu flimkien b’mod effikaċi mal-gwardji nazzjonali tal-fruntieri, il-membri tat-timijiet għandhom ikunu kapaċi jwettqu kompiti relatati mal-kontroll ta’ persuni u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni waqt li jkunu skjerati fit-territorju ta’ l-Istat Membru li jitlob l-għajnuna tagħhom.

(14)

Bl-istess mod, l-effiċjenza ta’ operazzjonijiet konġunti kkoordinati mill-Aġenzija għandha titjieb aktar billi uffiċjali mistiedna ta’ Stati Membri oħrajn, jitħallew fuq bażi temporanja, iwettqu kompiti relatati mal-kontroll ta’ persuni fi u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni.

(15)

Huwa għalhekk neċessarju wkoll li jiġu introdotti dispożizzjonijiet ġodda fir-Regolament (KE) Nru 2007/2004 dwar il-kompiti u l-poteri ta’ uffiċjali mistiedna li jkunu skjerati fit-territorju ta’ l-Istat Membru li jitlob l-għajnuna fil-qafas ta’ l-Aġenzija.

(16)

Dan ir-Regolament jikkontribwixxi għall-applikazzjoni xierqa tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi l-Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntieri (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (3). Għal dan il-għan, l-uffiċjali mistiedna u l-membri tat-timijiet, filwaqt li jwettqu kontrolli u sorveljanza fil-fruntiera, m’għandhomx jiddiskriminaw kontra persuni għal raġunijiet ta’ sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali. Kwalunkwe miżura meħuda fit-twettiq tal-kompiti tagħhom għandha tkun proporzjonata għall-objettivi ta’ tali miżuri.

(17)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. Hu għandu jkun applikabbli skond l-obbligi ta’ l-Istati Membri fir-rigward tal-protezzjoni internazzjonali u n-non-refoulement.

(18)

Dan ir-Regolament għandu jkun applikat b’rispett sħiħ ta’ l-obbligi li jirriżultaw mil-liġi internazzjonali tal-baħar, partikolarment fir-rigward tat-tfittxija u s-salvataġġ.

(19)

Id-Direttiva 95/46/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (4) japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-Istati Membri fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(20)

Fir-rigward ta’ l-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen skond it-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja fir-rigward ta’ l-assoċjazzjoni ta’ dawn ta’ l-aħħar fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen (5), li jaqgħu fl-ambitu imsemmi fl-Artikolu 1, punt A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (6) dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim.

(21)

Fir-rigward ta’ l-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen, fit-tifsira tal-Ftehim iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera fir-rigward ta’ l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen, li jaqa’ fil-qasam msemmi fl-Artikolu 1 punt A tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien ma’ l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/849/KE (7) u 2004/860/KE (8).

(22)

B’mod konformi ma’ l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll fuq il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhijiex se tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Minħabba li dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Parti Tlieta tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka għandha, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 5 tal-Protokoll imsemmi, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur minn wara d-data ta’ l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, jekk hijiex se tittrasponih jew le fil-liġi nazzjonali tagħha.

(23)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen li fih ir-Renju Unit ma jiħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tat-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu sehem f’xi wħud mid-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen (9). Ir-Renju Unit għalhekk mhux se jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhuwiex marbut bih jew suġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(24)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda ma tiħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba ta’ l-Irlanda biex tieħu sehem f’xi wħud mid-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen (10). Għalhekk l-Irlanda mhux se tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(25)

F’dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(8) u (9) jikkostitwixxu, sal-punt li jirreferu għall-aċċess li jingħata għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, dispożizzjonijiet li jibnu fuq l-acquis ta’ Schengen jew relatati miegħu b’mod ieħor skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 3(2) ta’ l-2003 u l-Artikolu 4(2) ta’ l-2005 ta’ l-Atti ta’ l-Adeżjoni.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi mekkaniżmu bil-għan li jipprovdi assistenza operattiva rapida għal perijodu limitat lil Stat Membru li jitlobha u li qed jiffaċċja sitwazzjoni ta’ pressjoni urġenti u eċċezzjonali, speċjalment il-wasla ta’ numri kbar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’punti tal-fruntieri esterni li jkunu qed jippruvaw jidħlu illegalment fit-territorju ta’ l-Istat Membru, fil-forma ta’ Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri (aktar ’il quddiem imsejħa “timijiet”). Dan ir-Regolament jiddefinixxi wkoll il-kompiti li għandhom jitwettqu u l-poteri li għandhom jiġu eżerċitati minn membri tat-Timijiet waqt operazzjonijiet fi Stat Membru li mhuwiex dak tagħhom.

2.   Dan ir-Regolament jemenda r-Regolament (KE) Nru 2007/2004 b’riżultat ta’ l-istabbiliment tal-mekkaniżmu kif imsemmi fil-paragrafu 1 u bil-ħsieb li jkunu definiti l-kompiti li għandhom jitwettqu u l-poteri li għandhom jiġu eżerċitati mill-gwardji tal-fruntiera ta’ l-Istati Membri li jipparteċipaw f’operazzjonijiet konġunti u proġetti pilota fi Stat Membru ieħor.

3.   L-assistenza teknika meħtieġa għandha tiġi pprovduta lil Stat Membru li jagħmel it-talba skond l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004.

Artikolu 2

Għan

Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tar-refuġjati u persuni li jitolbu protezzjoni internazzjonali, partikolarment fir-rigward ta’ non-refoulement.

KAPITOLU 1

TIMIJIET TA’ INTERVENT RAPIDU FIL-FRUNTIERI

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

1.

“l-Aġenzija” tfisser l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea;

2.

“membri tat-timijiet” tfisser gwardji tal-fruntiera ta’ Stati Membri li jservu mat-Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri li mhumiex dawk ta’ l-Istat Membru ospitanti;

3.

“Stat Membru li jagħmel it-talba” tfisser Stat Membru fejn l-awtoritajiet kompetenti tiegħu jitolbu lill-Aġenzija biex tibgħat Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri fit-territorju tiegħu;

4.

“Stat Membru ospitanti” tfisser Stat Membru li fit-territorju tiegħu jintbagħtu Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri;

5.

“Stat Membru ta’ oriġini” tfisser l-Istat Membru fejn membru tat-tim huwa gwardja tal-fruntiera.

Artikolu 4

Kompożizzjoni u skjerament ta’ Timijiet ta’ Intervent Rapidu

1.   Il-kompożizzjoni tat-Timijiet għandha tkun iddeterminata mill-Aġenzija skond l-Artikolu 8b tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004 kif emendat b’ dan ir-Regolament. L-iskjerament tagħhom għandu jkun regolat mill-Artikolu 8d ta’ dak ir-Regolament.

2.   Fuq proposta tad-Direttur Eżekuttiv ta’ l-Aġenzija, il-Bord Amministrattiv ta’ l-Aġenzija għandu jiddeċiedi b’maġġoranza ta’ tliet kwarti l-profili u n-numru sħiħ ta’ uffiċjali tal-fruntiera li jridu jkunu disponibbli għat-Timijiet (Il-Grupp Rapidu). L-istess proċedura għandha tapplika għal kwalunkwe bidla sussegwenti fil-profili u n-numru sħiħ ta’ gwardji tal-fruntiera tal-Grupp Rapidu. L-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu għall-Grupp Rapidu permezz ta’ grupp ta’ esperti nazzjonali bbażat fuq il-profili differenti definiti billi jaħtru gwardji tal-fruntiera li jikkorrispondu mal-profili meħtieġa.

3.   L-Istati Membri għandhom iqiegħdu l-gwardji tal-fruntiera disponibbli għall-iskjerament fuq talba ta’ l-Aġenzija, sakemm ma jkunux qed jiffaċċjaw sitwazzjoni eċċezzjonali li taffettwa sew it-twettiq ta’ kompiti nazzjonali. L-awtonomija ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini f’relazzjoni ma’ l-għażla tal-persunal u t-tul ta’ żmien ta’ l-iskjerament tagħhom m’għandhiex tkun affettwata.

4.   L-ispejjeż relatati ma’ l-attivitajiet msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitħallsu mill-Aġenzija skond l-Artkolu 8h tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004.

Artikolu 5

Istruzzjonijiet għat-Timijiet ta’ Intervent Rapidu

1.   Waqt l-iskjerament tat-Timijiet, l-istruzzjonijiet lit-timijiet għandhom jinħarġu mill-Istat Membru ospitanti skond il-pjan operattiv imsemmi fl-Artikolu 8e tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004.

2.   L-Aġenzija, permezz ta’ l-uffiċjal li jikkoordina, kif imsemmi fl-Artikolu 8 g tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004, tista’ tikkomunika l-fehmiet tagħha dwar dawk l-istruzzjonijiet lill-Istat Membru ospitanti. Jekk tagħmel hekk, l-Istat Membru ospitanti għandu jikkunsidra dawk il-fehmiet.

3.   B’mod konformi ma’ l-Artikolu 8 g tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004 l-Istat Membru ospitanti għandu jagħti l-assistenza kollha meħtieġa lill-uffiċjal li jikkoordina, inkluż aċċess sħiħ għat-timijiet fil-ħinijiet kollha matul l-iskjerament.

Artikolu 6

Poteri u kompiti tal-membri tat-timijiet

1.   Il-Membri tat-timijiet għandu jkollhom il-kapaċità biex iwettqu l-kompiti kollha u jeżerċitaw il-poteri kollha għall-kontrolli u s-sorveljanza tal-fruntiera b’mod konformi mar-Regolament (KE) Nru 562/2006 u li huma meħtieġa għall-kisba ta’ l-għanijiet ta’ dak ir-Regolament. Id-dettalji għal kull skjerament għandhom ikunu speċifikati fil-pjan operattiv ta’ dak l-iskjerament b’mod konformi ma’ l-Artikolu 8e tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004.

2.   Membri tat-timijiet għandhom, fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u meta jeżerċitaw il-poteri tagħhom, jirrispettaw bis-sħiħ id-dinjità umana. Kwalunkwe miżura meħuda fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tal-poteri għandha tkun proporzjonata għall-objettivi ta’ tali miżuri. Waqt li jkunu qed iwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw il-poteri tagħhom, il-membri tat-timijiet m’għandhomx jiddiskriminaw kontra persuni fuq bażi ta’ sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali.

3.   Membri tat-timijiet jistgħu jwettqu biss kompiti u jeżerċitaw poteri taħt l-istruzzjoni u, bħala regola ġenerali, fil-preżenza ta’ uffiċjal tal-gwardja ta’ l-Istat Membru ospitanti.

4.   Il-membri tat-timijiet għandhom jilbsu l-uniformi tagħhom meta jwettqu l-kompiti tagħhom u meta jeżerċitaw il-poteri tagħhom. Huma għandhom jilbsu faxxa ta’ l-idejn blu bl-insinja ta’ l-Unjoni Ewropea u ta’ l-Aġenzija fuq l-uniformi tagħhom, li tidentifikahom bħala parteċipanti fi skjerament tat-Timijiet. Għall-finijiet ta’identifikazzjoni fil-konfront ta’ l-awtoritajiet nazzjonali ta’ l-Istat Membru ospitanti u ċ-ċittadini tiegħu, il-membri tat-timijiet għandhom f’kull ħin iġorru magħhom dokument ta’ akkreditazzjoni, previst fl-Artikolu 8, li huma għandhom jippreżentaw meta mitlubin.

5.   Meta jkunu qed iwettqu l-kompiti tagħhom u meta jeżerċitaw il-poteri tagħhom, il-membri tat-timijiet jistgħu jġorru armi, munizzjon u tagħmir tas-servizz kif awtorizzat skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini. Madankollu, l-Istat Membru ospitanti jista’ jipprojbixxi l-ġarr ta’ ċerti armi, munizzjon u tagħmir tas-servizz, sakemm il-liġijiet tiegħu japplikaw l-istess projbizzjoni lill-gwardji tal-fruntiera tiegħu. L-Istat Membru ospitanti għandu, qabel l-iskjerament tat-timijiet, jinforma lill-Aġenzija dwar armi, munizzjon u tagħmir tas-servizz permissibbli u dwar il-kondizzjonijiet għall-użu tagħhom. L-Aġenzija għandha tqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni ta’ l-Istati Membri kollha li jipparteċipaw fl-iskjerament.

6.   Meta jkunu qed iwettqu l-kompiti tagħhom u meta jeżerċitaw il-poteri tagħhom, il-membri tat-timijiet għandhom ikunu awtorizzati jużaw il-forza, inkluż armi tas-servizz, munizzjon u tagħmir, bil-kunsens ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini u ta’ l-Istat Membru ospitanti, fil-preżenza tal-gwardji tal-fruntiera ta’ l-Istat Membru ospitanti u b’mod konformi mal-liġi nazzjonali tiegħu.

7.   B’deroga mill-paragrafu 6, armi, munizzjon u tagħmir tas-servizz jistgħu jintużaw f’awto-difiża leġittima u f’difiża leġittima tal-membri tat-timijiet jew ta’ persuni oħra, b’mod konformi mal-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru ospitanti.

8.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament l-Istat Membru ospitanti jista’ jawtorizza lill-membri tat-timijiet biex jikkonsultaw il-bażijiet tad-data nazzjonali u Ewropej tiegħu li huma meħtieġa għall-kontrolli u s-sorveljanza tal-fruntiera. Il-membri tat-timijiet għandhom jikkonsultaw dik id-data biss li hija meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom u meta jeżerċitaw il-poteri tagħhom. L-Istat Membru ospitanti għandu, qabel l-iskjerament tat-timijiet, jinfurma lill-Aġenzija bil-bażijiet ta’ data nazzjonali u Ewropej li jistgħu jiġu kkonsultati. L-Aġenzija għandha tqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni ta’ l-Istati Membri kollha li jipparteċipaw fl-iskjerament.

9.   Il-konsultazzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 8 għandha ssir b’mod konformi mal-liġi Komunitarja u l-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru ospitanti fil-qasam tal-protezzjoni tad-data.

10.   Deċiżjonijiet biex jiġi miċħud id-dħul skond l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 għandhom jittieħdu biss mill-gwardji tal-fruntiera ta’ l-Istat Membru ospitanti.

Artikolu 7

Status, drittijiet u obbligi tal-membri tat-timijiet

1.   Il-membri tat-timijiet għandhom jibqgħu gwardji nazzjonali tal-fruntieri ta’ l-Istati Membri ta’ oriġini tagħhom u għandhom jitħallsu minnhom.

2.   Il-gwardji tal-fruntiera li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Grupp Rapidu skond l-Artikolu 4 għandhom jipparteċipaw f’taħriġ avvanzat rilevanti għall-kompiti u l-poteri tagħhom kif ukoll fl-eżerċizzji regolari pprovduti mill-Aġenzija b’mod konformi ma’ l-Artikolu 8c tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004.

3.   Gwardji tal-fruntiera għandhom jirċievu kumpens għall-għajxien ta’ kuljum, inkluż spejjeż ta’ akkomodazzjoni, għat-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom f’taħriġ u eżerċizzji organizzati mill-Aġenzija, u l-perijodi ta’ tħaddim tagħhom b’mod konformi ma’ l-Artikolu 8h tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004.

Artikolu 8

Dokument ta’ Akkreditazzjoni

1.   L-Aġenzija għandha, f’kooperazzjoni ma’ l-Istat Membru ospitanti, toħroġ dokument fil-lingwa uffiċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti u f’lingwa uffiċjali oħra ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea lill-membri tat-timijiet bil-għan li huma jkunu identifikati u bħala prova tad-drittijiet tad-detentur biex iwettaq il-kompiti u jeżerċita l-poteri kif imsemmi fl-Artikolu 6(1). Id-dokument għandu jinkludi d-data li ġejja tal-membru tat-tim:

(a)

isem u nazzjonalità;

(b)

grad; u

(ċ)

ritratt reċenti diġitalizzat.

2.   Id-dokument għandu jkun irritornat lill-Aġenzija fi tmiem l-iskjerament tat-Tim.

Artikolu 9

Liġi applikabbli

1.   Meta jkunu qed iwettqu l-kompiti u jeżerċitaw il-poteri kif imsemmi fl-Artikolu 6(1), il-membri tat-timijiet għandhom jikkonformaw mal-liġi Komunitarja u l-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru ospitanti.

2.   Meta jkunu qed iwettqu l-kompiti u jeżerċitaw il-poteri kif imsemmi fl-Artikolu 6(1), il-membri tat-timijiet għandhom jibqgħu soġġetti għall-miżuri dixxiplinarji ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom.

3.   Regoli speċifiċi dwar il-ġarr u l-użu ta’ armi, munizzjon u tagħmir tas-servizz, kif ukoll dwar l-użu ta’ forza huma stabbiliti fl-Artikolu 6(5), (6) u (7).

4.   Regoli speċifiċi dwar ir-responsabbiltà ċivili u kriminali huma stabbiliti fl-Artikoli 10 u 11 rispettivament.

Artikolu 10

Responsabbiltà ċivili

1.   Fejn membri tat-timijiet joperaw fi Stat Membru ospitanti, dak l-Istat Membru għandu jkun responsabbli b’konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu għal kwalunkwe ħsara li ssir minnhom waqt l-operazzjonijiet tagħhom.

2.   Fejn dik il-ħsara tiġi kkawżata minn negliġenza kbira jew intenzjonalment, l-Istat Membru ospitanti jista’ jitlob lill-Istat Membru ta’ oriġini is-somma li jkun ħallas lill-vittmi jew lill-persuni intitolati għan-nom tagħhom irrimborsati mill-Istat Membru ta’ oriġini.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu fil-konfront ta’ partijiet terzi kull Stat Membru għandu jirrinunzja milli jitlob lill-Istat Membru ta’ oriġini jew lil xi Stat Membru ħlas għad-danni li jkun sofra sakemm id-dannu ma jkunx ġie kkawżat minħabba negliġenza gravi jew intenzjonalment.

4.   Kwalunkwe tilwima, relatata ma’ l-applikazzjoni ta’ paragrafi 2 u 3, li ma tiġix solvuta permezz ta’ negozjati bejn l-Istati Membri, għandha tiġi sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komuntajiet Ewropej b’konformità ma’ l-Artikolu 239 tat-Trattat.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu fil-konfront ta’ partijiet terzi, l-ispejjeż relatati mad-danni kkawżati lit-tagħmir ta’ l-Aġenzija matul l-iskjerament għandhom ikunu koperti mill-Aġenzija, sakemm id-dannu ma jkunx ġie kkawżat minħabba negliġenza gravi jew intenzjonalment.

Artikolu 11

Responsabbiltà kriminali

Matul l-iskjerament tat-Timijiet, membri tat-timijiet għandhom jiġu meqjusa bl-istess mod bħall-uffiċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti fir-rigward ta’ kwalunkwe reat kriminali li jista’ jitwettaq kontrihom jew minnhom.

KAPITOLU II

EMENDI GĦAR-REGOLAMENT (KE) Nru 2007/2004

Artikolu 12

Emendi

Ir-Regolament (KE) Nru 2007/2004 huwa b’dan emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 1(4) għandu jitħassar;

2.

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li jmiss:

“Artikolu 1a

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ser japplikaw id-definizzjonijiet li jmiss:

1.

‘fruntiera esterna ta’ l-Istati Membri’ tfisser il-fruntieri fuq l-art u fuq il-baħar ta’ l-Istati Membri u l-ajruporti u l-portijiet tagħhom, li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja dwar il-qsim ta’ fruntieri esterni minn persuni;

2.

‘Stat Membru ospitanti’ tfisser Stat Membru fejn fit-territorju tiegħu jseħħ skjerament ta’ Tim ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri jew operazzjoni konġunta jew proġett pilota;

3.

‘Stat Membru ta’ oriġini’ tfisser l-Istat Membru fejn membru tat-tim jew l-uffiċjal mistieden huwa gwardja tal-fruntiera tiegħu;

4.

‘membri tat-timijiet’ tfisser gwardji tal-fruntiera ta’ Stati Membri li jservu mat-Tim ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri li mhumiex dawk ta’ l-Istat Membru ospitanti;

5.

‘Stat Membru li jagħmel it-talba’ tfisser Stat Membru fejn l-awtoritajiet kompetenti tiegħu jitolbu lill-Aġenzija biex tibgħat Tim ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri fit-territorju tiegħu;

6.

‘Uffiċjali mistiedna’ tfisser l-uffiċjali tas-servizzi ta’ l-għassa tal-fruntiera ta’ Stati Membri oħra li mhux l-Istat Membru ospitanti li jipparteċipaw f’operazzjonijiet konġunti u proġetti pilota.”.

3.

Fl-Artikolu 2(1), il-punt li ġej għandu jiżdied:

“(g)

tiskjera Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri lil Stati Membri b’mod konformi mar-Regolament (KE) Nru 863/2007 ta’ …  li jistabbilixxi mekkaniżmu għall-ħolqien ta’ Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 fir-rigward ta’ dak il-mekkaniżmu u li jirregola l-kompiti u l-poteri ta’ uffiċjali mistiedna (*).

(*)  ĠU L 199, 31.7.2007, p. 30.”"

4.

L-Artikolu 8(3) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-Aġenzija tista’ takkwista tagħmir tekniku għall-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni biex jintuża mill-esperti tagħha u fil-qafas tat-Tim ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri għat-tul ta’ l-iskjerament tagħhom.”

5.

L-Artikoli li ġejjin għandhom jiddaħħlu:

“Artikolu 8a

Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri

Fuq talba minn Stat Membru li jkun qed jiffaċċja sitwazzjoni ta’ pressjoni urġenti u eċċezzjonali, speċjalment il-wasla f’punti tal-fruntieri esterni ta’ numri kbar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jippruvaw jidħlu illegalment fit-territorji ta’ dak l-Istat Membru, l-Aġenzija tista’ tiskjera għal perijodu limitat Tim jew Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri (minn hawn ‘il quddiem imsejħa ‘tim(ijiet)’) fit-territorju ta’ l-Istat Membru li jagħmel it-talba għat-tul ta’ żmien adatt, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 863/2007.

Artikolu 8b

Kompożizzjoni tat-Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri

1.   F’każ ta’ sitwazzjoni kif deskritt fl-Artikolu 8a, l-Istati Membri għandhom immedjatament jikkomunikaw fuq talba ta’ l-Aġenzija n-numru, l-ismijiet u l-profili tal-gwardji tal-fruntiera mill-grupp nazzjonali tagħhom li huma jistgħu jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-membri tat-Tim ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri fi żmien ħamest ijiem. L-Istati Membri għandhom iqiegħdu l-gwardji tal-fruntiera disponibbli għall-iskjerament fuq talba ta’ l-Aġenzija, sakemm l-Istat Membru ma jkunx qed jiffaċċja sitwazzjoni eċċezzjonali li taffettwa b’mod sostanzjali it-twettiq ta’ kompiti nazzjonali.

2.   Meta tiġi deċiża l-kompożizzjoni tat-Tim ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri għall-iskjerament, id-Direttur Esekuttiv għandu jieħu kont taċ-ċirkostanzi partikolari li qed jiffaċċja l-Istat Membru li jagħmel it-talba. It-tim għandu jkun kompost skond il-pjan operattiv imħejji skond l-Artikolu 8e.

Artikolu 8c

Taħriġ u eżerċizzji

L-Aġenzija għandha tipprovdi lill-gwardji tal-fruntiera li jiffurmaw parti mill-Grupp Rapidu, kif imsemmi fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 863/2007 taħriġ avvanzat rilevanti għall-kompiti tagħhom u għandha tmexxi b’mod regolari eżerċizzji ma’ dawk il-gwardji tal-fruntiera b’mod konformi ma’ l-iskeda ta’ taħriġ u eżerċizzju avvanzat imsemmija fil-programm ta’ ħidma annwali ta’ l-Aġenzija.

Artikolu 8d

Proċedura biex jiġi deċiż l-iskjerament tat-Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri

1.   Talba għall-iskjerament ta’ timijiet b’mod konformi ma’ l-Artikolu 8a għandha tinkludi deskrizzjoni tas-sitwazzjoni, il-miri possibbli u l-ħtiġijiet previsti għall-iskjerament. Jekk meħtieġ, id-Direttur Esekuttiv jista’ jibgħat esperti mill-Aġenzija biex jevalwaw is-sitwazzjoni fil-fruntieri esterni ta’ l-Istat Membru li jagħmel it-talba.

2.   Id-Direttur Esekuttiv għandu jinforma minnufih lill-Bord Amministrattiv b’talba ta’ Stat Membru għall-iskjerament tat-Timijiet.

3.   Meta jkun qed jiddeċiedi dwar it-talba ta’ Stat Membru id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu kont tas-sejbiet ta’ l-analiżi ta’ l-Aġenzija dwar ir-riskji kif ukoll kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti pprovduta mill-Istat Membru li għamel it-talba jew minn Stat Membru ieħor.

4.   Id-Direttur Esekuttiv għandu jieħu deċiżjoni dwar it-talba għall-iskjerament tat-Timijiet malajr kemm jista’ jkun u mhux iktar tard minn ħamest ijiem ta’ xogħol mid-data meta rċieva t-talba. Id-Direttur Eżekuttiv għandu fl-istess ħin javża bil-miktub lill-Istat Membru li għamel it-talba u lill-Bord ta’ Tmexxija bid-deċiżjoni. Id-deċiżjoni għandha tiddikjara r-raġunijiet ewlenin li fuqhom hija bbażata.

5.   Jekk id-Direttur Esekuttiv jiddeċiedi li jibgħat wieħed jew iktar mit-Timijiet l-Aġenzija u l-Istat Membru li għamel it-talba għandhom ifasslu immedjatament pjan operattiv skond l-Artikolu 8e.

6.   Malli jkun hemm ftehim dwar il-pjan operattiv, id-Direttur Esekuttiv għandu jinforma lill-Istati Membri bin-numru mitlub u bil-profili ta’ uffiċjali tal-gwardja tal-fruntiera li ser jiġu skjerati fit-Timijiet. Din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta, bil-miktub, lill-punti nazzjonali ta’ kuntatt stabbiliti skond l-Artikolu 8f u għandha tindika d-data li fiha għandu jsir l-iskjerament. Għandha tiġi pprovduta wkoll lilhom kopja tal-pjan operattiv.

7.   Jekk id-Direttur Esekuttiv huwa assenti jew indispost, id-deċiżjonijiet relatati ma’ l-iskjerament tat-Timijiet għandhom jittieħdu mill-Viċi Direttur Eżekuttiv.

8.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-gwardji disponibbli għall-iskjerament tal-fruntiera fuq talba ta’ l-Aġenzija, sakemm l-Istat Membru ma jkunx qed jiffaċċja sitwazzjoni eċċezzjonali li taffettwa b’mod sostanzjali it-twettiq ta’ kompiti nazzjonali.

9.   L-iskjerament tat-Timijiet għandu jseħħ mhux iktar tard minn ħamest ijiem ta’ xogħol wara d-data li fiha jkun ġie miftiehem il-pjan operattiv bejn id-Direttur Esekuttiv u l-Istat Membru li jkun għamel it-talba.

Artikolu 8e

Pjan Operattiv

1.   Id-Direttur Esekuttiv u l-Istat Membru li jagħmel it-talba għandhom jiftehmu dwar pjan operattiv li jagħti l-kondizzjonijiet preċiżi għall-iskjerament tat-Timijiet. Il-pjan operattiv għandu jinkludi dan li ġej:

(a)

deskrizzjoni tas-sitwazzjoni bil-modus operandi u l-għanijiet ta’ l-iskjerament, inkluż l-għan operattiv;

(b)

it-tul previst ta’ iskjerament tat-Timijiet;

(ċ)

iż-żona ġeografika ta’ responsabbiltà fl-Istat Membru li jagħmel it-talba fejn ser jintbagħtu it-Timijiet;

(d)

deskrizzjoni tal-kompiti u ta’ l-istruzzjonijiet speċjali għal membri tat-timijiet inkluż dawk dwar il-konsultazzjoni permissibbli ta’ bażijiet ta’ data u armi, munizzjon u tagħmir permissibbli tas-servizz fl-Istat Membru ospitanti;

(e)

il-kompożizzjoni tat-Timijiet;

(f)

l-ismijiet u l-gradi tal-gwardji tal-fruntiera ta’ l-Istat Membru ospitanti responsabbli għall-kooperazzjoni mat-timijiet, partikolarment dawk fost il-gwardji tal-fruntiera li ser ikollhom il-kmand tat-Timijiet waqt il-perijodu ta’ skjerament, u l-post tat-timijiet fil-katina tal-kmand;

(g)

it-tagħmir tekniku li jrid jiġi skjerat flimkien mat-Timijiet b’mod konformi ma’ l-Artikolu 8;

2.   Għandu jkun hemm ftehim dwar kull emenda jew adattament għall-pjan operattiv kemm mid-Direttur Eżekuttiv ta’ l-Aġenzija kif ukoll ta’ l-Istat Membru li jagħmel it-talba. Għandha tintbagħat minnufih kopja tal-pjan operattiv emendat jew adattat mill-Aġenzija lill-Istati Membri parteċipanti.

Artikolu 8f

Punt ta’ kuntatt nazzjonali

L-Istati Membri għandhom jagħżlu punt ta’ kuntatt nazzjonali għall-komunikazzjoni ma’ l-Aġenzija fuq il-kwistjonijiet kollha li jkollhom x’jaqsmu mat-Timijiet. Il-punt ta’ kuntatt nazzjonali għandu jkun jista’ jintlaħaq f’kull ħin.

Artikolu 8g

Uffiċjal tal-Koordinazzjoni

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jaħtar espert wieħed jew aktar mill-persunal ta’ l-Aġenzija biex jiġi skjerat bħala uffiċjal tal-koordinazzjoni. Id-Direttur Eżekuttiv għandu javża lill-Istat Membru ospitanti bil-ħatra.

2.   L-uffiċjal tal-koordinazzjoni għandu jaġixxi f’isem l-Aġenzija fl-aspetti kollha ta’ l-iskjerament tat-timijiet. B’mod partikulari, l-uffiċjal tal-koordinazzjoni għandu:

(a)

jaġixxi bħala kollegament bejn l-Aġenzija u l-Istat Membru ospitanti;

(b)

jaġixxi bħala kollegament bejn l-Aġenzija u l-membri tat-timijiet, u jipprovdi assistenza, f’isem l-Aġenzija, dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-kondizzjonijiet ta’ l-iskjerament tagħhom mat-timijiet;

(ċ)

jimmonitorja l-implimentazzjoni korretta tal-pjan operattiv;

(d)

jirrapporta lill-Aġenzija dwar l-aspetti kollha ta’ l-iskjerament tat-timijiet.

3.   B’mod konformi ma’ l-Artikolu 25(3)f, id-Direttur Eżekuttiv ta’ l-Aġenzija jista’ jawtorizza lill-uffiċjal tal-koordinazzjoni biex jassisti ħalli jsolvi kwalunkwe nuqqas ta’ qbil dwar l-eżekuzzjoni tal-pjan operattiv u l-iskjerament tat-Timijiet.

4.   Fil-qadi ta’ dmirijietu, l-uffiċjal ta’ koordinazzjoni għandu jieħu biss struzzjonijiet mill-Aġenzija.

Artikolu 8h

Spejjeż

1.   L-Aġenzija għandha tkopri bis-sħiħ l-ispejjeż li ġejjin li jkunu sofrew l-Istati Membri meta qiegħdu għad-dispożizzjoni l-gwardji tal-fruntiera tagħhom għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 8a u 8c.

(a)

l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar mill-Istat Membru ta’ oriġini għall-Istat Membru ospitanti u mill-Istat Membru ospitanti sa l-Istat Membru ta’ oriġini;

(b)

l-ispejjeż relatati mat-tilqim;

(ċ)

l-ispejjeż relatati mal-ħtiġijiet ta’ assigurazzjoni speċjali;

(d)

l-ispejjeż relatati mal-kura tas-saħħa;

(e)

il-konċessjonijiet għall-għajxien ta’ kuljum, inklużi l-ispejjeż għall-akkomodazzjoni;

(f)

l-ispejjeż relatati mat-tagħmir tekniku ta’ l-Aġenzija.

2.   Regoli dettaljati dwar il-ħlas tal-konċessjoni għall-għajxien ta’ kuljum tal-membri tat-Timijiet għandhom jiġu stabbiliti mill-Bord Amministrattiv.”;

6.

L-Artikolu 10 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 10

Poteri u kompiti ta’ uffiċjali mistiedna

1.   L-uffiċjali mistiedna għandu jkollhom il-kapaċità biex iwettqu l-kompiti kollha u jeżerċitaw il-poteri kollha għall-kontrolli tal-fruntiera u s-sorveljanza tal-fruntiera b’mod konformi mar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntieri (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (**), kif ukoll dawk li huma meħtieġa għall-ksib ta’ l-għanijiet ta’ dak ir-Regolament.

2.   Meta jkunu qed iwettqu il-kompiti tagħhom u jeżerċitaw il-poteri tagħhom, l-uffiċjali mistiedna għandhom jikkonformaw mal-liġi Komunitarja u mal-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru ospitanti.

3.   L-uffiċjali mistiedna jistgħu jwettqu biss kompiti u jeżerċitaw poteri fuq l-istruzzjoni u, bħala regola ġenerali, fil-preżenza ta’ l-uffiċjali tal-gwardja ta’ l-Istat Membru ospitanti.

4.   L-uffiċjali mistiedna jistgħu jilbsu l-uniformi tagħhom meta jkunu qed iwettqu l-kompiti tagħhom u meta jeżerċitaw il-poteri tagħhom. Huma għandhom jilbsu faxxa ta’ l-idejn blu bl-insinja ta’ l-Unjoni Ewropea u ta’ l-Aġenzija fuq l-uniformi tagħhom, li tidentifikahom bħala parteċipanti f’operazzjoni konġunta jew proġett pilota. Għall-finijiet ta’ identifikazzjoni fil-konfront ta’ l-awtoritajiet nazzjonali ta’ l-Istat Membru ospitanti u ċ-ċittadini tiegħu, l-uffiċjali mistiedna għandhom f’kull ħin iġorru magħhom dokument ta’ akkreditazzjoni, previst fl-Artikolu 10a, li għandhom jippreżentaw meta mitlubin.

5.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 2, meta jkunu qed iwettqu l-kompiti tagħhom u meta jeżerċitaw il-poteri tagħhom, l-uffiċjali mistiedna jistgħu jġorru armi, munizzjon u tagħmir tas-servizz kif awtorizzat b’mod konformi mal-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini. Madankollu, l-Istat Membru ospitanti jista’ jipprojbixxi l-ġarr ta’ ċerti armi, munizzjon u tagħmir tas-servizz, sakemm il-liġijiet tiegħu ikunu jinkludu l-istess dispożizzjonijiet għall-gwardji tal-fruntiera tiegħu. L-Istat Membru ospitanti għandu, qabel l-iskjerament ta’ l-uffiċjali mistiedna, jinforma lill-Aġenzija dwar armi, munizzjon u tagħmir permissibbli tas-servizz u dwar il-kondizzjonijiet għall-użu tagħhom. L-Aġenzija għandha tqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni ta’ l-Istati Membri.

6.   Bħala deroga mill-paragrafu 2, meta jkunu qed iwettqu l-kompiti tagħhom u meta jeżerċitaw il-poteri tagħhom, il-membri tat-timijiet għandhom ikunu awtorizzati jużaw il-forza, inkluż armi tas-servizz, munizzjon u tagħmir, biss bil-kunsens ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini u ta’ l-Istat Membru ospitanti, fil-preżenza tal-gwardji tal-fruntiera ta’ l-Istat Membru ospitanti u b’mod konformi mal-liġi nazzjonali tiegħu.

7.   Bħala deroga mill-paragrafu 6, armi, munizzjon u tagħmir tas-servizz jistgħu jintużaw f’awto-difiża leġittima u f’difiża leġittima ta’ l-uffiċjali mistiedna jew ta’ persuni oħra, b’mod konformi mal-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru ospitanti.

8.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament l-Istat Membru ospitanti jista’ jawtorizza lill-uffiċjali mistiedna biex jikkonsultaw il-bażijiet tad-data nazzjonali u Ewropej tiegħu li huma meħtieġa għall-kontrolli u s-sorveljanza tal-fruntiera. L-uffiċjali mistiedna għandhom jikkonsultaw biss dik id-data li hija meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom u meta jeżerċitaw il-poteri tagħhom. L-Istati Membri għandhom, qabel l-iskjerament ta’ l-uffiċjali mistiedna, jinfurmaw lill-Aġenzija bil-bażijiet ta’ data nazzjonali u Ewropej li jistgħu jiġu kkonsultati. L-Aġenzija għandha tqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni ta’ l-Istati Membri kollha li jipparteċipaw fl-iskjerament.

9.   Il-konsultazzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 8 għandha ssir b’mod konformi mal-liġi Komunitarja u l-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru ospitanti fil-qasam tal-protezzjoni tad-data.

10.   Deċiżjonijiet biex ikun miċħud id-dħul b’mod konformi ma’ l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 għandhom jittieħdu biss mill-gwardji tal-fruntiera ta’ l-Istat Membru ospitanti.

Artikolu 10a

Dokument ta’ Akkreditazzjoni

1.   L-Aġenzija għandha, f’kooperazzjoni ma’ l-Istat Membru ospitanti, toħroġ dokument fil-lingwa uffiċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti u lingwa uffiċjali oħra ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea lill-uffiċjali mistiedna bil-għan li huma jkunu identifikati u bħala prova tad-drittijiet tad-detentur biex iwettaq il-kompiti u jeżerċita l-poteri kif imsemmi fl-Artikolu 10(1). Id-dokument għandu jinkludi d-data li ġejja ta’ l-uffiċjal mistieden:

(a)

isem u nazzjonalità;

(b)

grad; u

(ċ)

ritratt reċenti diġitalizzat.

2.   Id-dokument għandu jkun irritornat lill-Aġenzija fi tmiem l-operazzjoni konġunta jew il-proġett pilota.

Artikolu 10b

Responsabbiltà ċivili

1.   Fejn l-uffiċjali mistiedna ikunu qed joperaw fi Stat Membru ospitanti, dak l-Istat Membru għandu jkun responsabbli b’konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu għal kwalunkwe ħsara kkawżata minnhom waqt l-operazzjonijiet tagħhom.

2.   Fejn dik il-ħsara tiġi kkawżata minn negliġenza gravi jew intenzjonalment, l-Istat Membru ospitanti jista’ jitlob lill-Istat Membru ta’ oriġini is-somma li jkun ħallas lill-vittmi jew lill-persuni intitolati għan-nom tagħhom mħallsa minnu.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu fil-konfront ta’ partijiet terzi, kull Stat Membru għandu jirrinunzja milli jitlob lill-Istat Membru ta’ oriġini jew minn xi Stat Membru ieħor ħlas għad-danni li jkun sofra sakemm id-dannu ma jkunx ġie kkawżat minħabba negliġenza gravi jew intenzjonalment.

4.   Kwalunkwe tilwima bejn l-Istati Membri, relatata ma’ l-applikazzjoni ta’ paragrafi 2 u 3, li ma tiġix solvuta permezz ta’ negozjati, għandha tiġi sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropew b’konformità ma’ l-Artikolu 239 tat-Trattat.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu fil-konfront ta’ partijiet terzi, l-ispejjeż relatati mad-danni kkawżati lit-tagħmir ta’ l-Aġenzija matul l-iskjerament għandhom ikunu koperti mill-Aġenzija, sakemm id-dannu ma jkunx ġie kkawżat minħabba negliġenza gravi jew intenzjonalment.

Artikolu 10c

Responsabbiltà kriminali

Matul l-iskjerament ta’ operazzjoni konġunta jew ta’ proġett pilota, l-uffiċjali mistiedna għandhom jiġu meqjusa bl-istess mod bħall-uffiċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti fir-rigward ta’ kwalunkwe reat kriminali li jista’ jitwettaq kontrihom jew minnhom.

(**)  ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1.”"

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Evalwazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sena wara d-dħul fis-seħħ tiegħu u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill akkumpanjat, fejn hemm bżonn, bi proposti li jemendaw dan ir-Regolament.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri, skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, 11 ta’ Lulju 2007.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

M. LOBO ANTUNES


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ April 2007. (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċizjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2007.

(2)  ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1.

(4)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(5)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(6)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(7)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/849/KE tal-25 ta’ Ottubru 2004 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u dwar l-applikazzjoni proviżorja ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tax-Schengen acquis (ĠU L 368, 15.12.2004, p. 26).

(8)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/860/KE tal-25 ta’ Ottubru 2004 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u dwar l-applikazzjoni proviżorja ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tax-Schengen acquis (ĠU L 370, 17.12.2004, p. 78).

(9)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(10)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.


ANNESS

Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jenfassizzaw li f’każ ta’ sitwazzjoni ta’ pressjoni urġenti u eċċezzjonali fil-fruntieri esterni li teħtieġ l-intervent ta’ Tim ta’ Intervent Rapidu fuq il-Fruntiera u possibilment f’ każ ta’ nuqqas ta’ mezzi finanzjarji fil-baġit ta’ l-Aġenzija Ewropea għall-Immaniġġjar tal-Koperazzjon Operattiva fil-Fruntieri Esterni ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea (FRONTEX) sabiex jagħmlu dan, il-possibbiltajiet kollha sabiex jiġi żgurat il-finanzjament għandhom jiġu esplorati. Il-Kummissjoni ser tivverifika b’urġenza kbira jekk jista’ jsir tqassim mill-ġdid tal-fondi. F’każ li tkun meħtieġa deċiżjoni ta’ l-awtorita’ baġitarja, il-Kummissjoni ser tagħti bidu għal proċedura li hi skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju, jiġifieri l-Artikolu 23 u 24, sabiex tiżgura deċiżjoni bikrija taż-żewġ kapaċitajiet ta’ l-awtorita’ baġitarja dwar il-mezzi biex tipprovdi għal finanzjament addizjonali għall-FRONTEX sabiex jibgħat Tim ta’ Intervent Rapidu fuq il-Fruntiera. L-awtorità baġitarja timpenja ruħa sabiex taġixxi kemm jista’ jkun malajr, filwaqt li tqis l-urġenza.


Top