EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R0561

Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 Test b' rilevanza għaż-ŻEE. Dikjarazzjonijiet - Deklarācija

OJ L 102, 11.4.2006, p. 1–14 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Bulgarian: Chapter 05 Volume 008 P. 214 - 226
Special edition in Romanian: Chapter 05 Volume 008 P. 214 - 226
Special edition in Croatian: Chapter 05 Volume 006 P. 167 - 179

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/561/oj

11.4.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


REGOLAMENT (KE) Nru 561/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Marzu 2006

dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85

(Test b' rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 71 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3), fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni tat-8 ta' Diċembru 2005,

Billi:

(1)

Fil-qasam tat-trasport bit-triq, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 ta' l-20 ta' Diċembru 1985 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq (4) ipprova jarmonizza l-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn il-modi ta' trasport fil-pajjiż, speċjalment fir-rigward tas-settur tat-trasport fit-triq u t-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u s-sigurtà fit-triq. Il-progress f'dawn l-oqsma għandu jitħares u jiġi estiż.

(2)

Id-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta' persuni li jwettqu attivitajiet mobbli ta' trasport bit-triq (5) titlob mill-Istati Membri li jadottaw miżuri li jillimitaw il-ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa tal-ħaddiema mobbli.

(3)

Kien hemm diffikultajiet fl-interpretazzjoni, l-applikazzjoni, l-infurzar u l-monitoraġġ b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha ta' ċerti disposizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85 dwar ir-regoli tal-ħin ta' sewqan, il-pawżi u l-perjodi ta' mistrieħ għal xufiera involuti fit-trasport nazzjonali u internazzjonali bit-triq fil-Komunità, minħabba t-termini wesgħin użati fihom jiġu abbozzati.

(4)

Infurzar effettiv u uniformi ta' dawk id-disposizzjonijiet huwa mixtieq jekk l-oġġettivi tagħhom għandhom jintlaħqu u l-applikazzjoni tar-regoli ma tieħux isem ħażin. Għaldaqstant hemm il-bżonn ta' sett ta' regoli aktar ċari u sempliċi, li jkunu jistgħu jinftehmu, jiġu interpretati u applikati b'mod eħfef mill-industrija tat-trasport bit-triq u mill-awtoritajiet ta' infurzar.

(5)

Il-miżuri msemmija f'dan ir-Regolament dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol ma għandhomx jippreġudikaw id-dritt taż-żewġ naħat ta' l-industrija li jistabbilixxu, b'negozjar kollettiv jew b'xi mod ieħor, disposizzjonijiet li huma aktar vantaġġużi għall-ħaddiema.

(6)

Huwa mixtieq li jkun definit b'mod ċar il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, billi jkunu speċifikati l-kategoriji ewlenin ta' vetturi koperti.

(7)

Dan ir-Regolament għandu japplika għat-trasport bit-triq li jsir, jew esklużivament fil-Komunità, jew bejn il-Komunità, l-Isvizzera u l-pajjiżi li huma parti mill-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

(8)

Il-Ftehim Ewropew dwar il-Ħidma ta' Ekwipaġġi ta' Vetturi involuti fit-Trasport Internazzjonali bit-Triq ta' 1 ta' Lulju 1970 (“l-AETR”), kif emendat, għandu jibqa' japplika għat-trasport bit-triq ta' merkanzija u passiġġieri permezz ta' vetturi rreġistrati fi kwalunkwe Stat Membru jew kwalunkwe pajjiż li huwa parti kontraenti għall-AETR, għall-vjaġġ kollu fejn dak il-vjaġġ huwa bejn il-Komunità u pajjiż terz minbarra l-Isvizzera u l-pajjiżi kontraenti għall-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew jekk il-vjaġġ jgħaddi minn tali pajjiż. Huwa essenzjali li l-AETR jiġi modifikat mill-aktar fis possibbli, idealment fi żmien sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, sabiex id-disposizzjonijiet tiegħu jkunu konformi ma' dan ir-Regolament.

(9)

Fil-każ ta' trasport bit-triq permezz ta' vetturi rreġistrati f'pajjiż terz li ma hux parti kontraenti għall-AETR, id-disposizzjonijiet ta' l-AETR għandhom japplikaw għal dik il-parti tal-vjaġġ li ssir fil-Komunità jew fil-pajjiżi li huma partijiet kontraenti għall-AETR.

(10)

Peress li s-suġġett ta' l-AETR jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, is-setgħa li tinnegozja u li tikkonkludi l-Ftehim hija tal-Komunità.

(11)

Jekk xi emenda għar-regoli interni tal-Komunità fil-qasam in kwistjoni titlob emenda korrispondenti għall-AETR, l-Istati Membri għandhom jaġixxu flimkien sabiex iwettqu din l-emenda għall-AETR mill-aktar fis possibli, skond il-proċedura stabbilita f'dak il-ftehim.

(12)

Il-lista ta' l-eżenzjonijiet għandha tkun aġġornata sabiex tirriffletti l-iżviluppi fis-settur tat-trasport bit-triq matul dawn l-aħħar dsatax-il sena.

(13)

Għandhom jingħataw definizzjonijiet sħaħ tat-termini ewlenin sabiex l-interpretazzjoni ssir eħfef u biex ikun żgurat illi dan ir-Regolament ikun applikat b'mod uniformi. Barra minn hekk, għandhom isiru sforzi biex ikunu żgurati interpretazzjoni uniformi u applikazzjoni ta' dan ir-Regolament minn awtoritajiet nazzjonali ta' superviżjoni. Id-definizzjoni ta' “ġimgħa” li tingħata f'dan ir-Regolament ma għandhiex iżżomm lil xufiera milli jibdew il-ġimgħa ta' xogħol tagħhom fi kwalunkwe jum tal-ġimgħa.

(14)

Sabiex ikun hemm garanzija ta' infurzar effettiv, huwa essenzjali li l-awtoritajiet adatti, meta jagħmlu l-kontrolli fit-triq u wara perijodu ta' transizzjoni, ikunu kapaċi jassiguraw illi l-ħinijiet tas-sewqan u l-perijodi ta' mistrieħ ġew osservati sewwa fil-jum tal-kontroll u fit-28 jum ta' qabel.

(15)

Hemm bżonn li r-regoli bażiċi dwar il-ħin ta' sewqan ikunu kjarifikati u simplifikati sabiex jippermettu infurzar effettiv u uniformi permezz tat-takografu diġitali skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 ta' l-20 ta' Diċembru 1985 dwar it-tagħmir ta' reġistrazzjoni fit-trasport bit-triq (6) u dan ir-Regolament. Minbarra dan, permezz tal-kumitat permanenti, l-awtoritajiet ta' l-infurzar ta' l-Istati Membri għandhom jirsistu biex jilħqu ftehim komuni dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(16)

Ġie ppruvat li huwa possibbli taħt ir-regoli tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85 li jkunu skedati perijodi ta' kuljum ta' sewqan u ta' pawżi sabiex ix-xufier li jsuq għal ħin twil wisq mingħajr pawża sħiħa, b'mod li tonqos is-sigurtà fit-triq u jeħżienu l-kondizzjonijiet tax-xogħol tax-xufier. Huwa għalhekk xieraq li jkun żgurat li l-pawżi maqsuma jkunu ppjanati b'mod li ma jkunux jistgħu jsiru abbużi.

(17)

Dan ir-Regolament għandu l-iskop li jtejjeb il-kondizzjonijiet soċjali għall-impjegati li jaqgħu taħtu, kif ukoll li jtejjeb is-sigurtà ġenerali fit-triq. Jagħmel dan prinċipalment permezz tad-disposizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-ħin massimu ta' sewqan kuljum, fil-ġimgħa u kull perijodu ta' ġimagħtejn konsekuttivi, tad-disposizzjoni li tobbliga lix-xufier jieħu perijodu regolari ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa mill-inqas darba kull ġimagħtejn konsekuttivi u tad-disposizzjonijiet li jitolbu li taħt l-ebda ċirkustanza l-perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum ma jista' jkun anqas minn perijodu mhux interrott ta' disa' sigħat. Peress li dawn id-disposizzjonijiet jiggarantixxu mistrieħ adegwat, u tenut kont ukoll ta' l-esperjenza fil-prattiċi ta' infurzar fl-aħħar snin, s-sistema ta' kumpens għal perijodi mnaqqsa ta' mistrieħ ta' kuljum ma għadhiex aktar meħtieġa.

(18)

Ħafna operazzjonijiet tat-trasport bit-triq fil-Komunità jinvolvu t-trasport bil-lanċa jew bil-ferrovija għal parti mill-vjaġġ. Għandhom għaldaqstant jkunu stabbiliti disposizzjonijiet ċari u xierqa dwar il-perijodi ta' mistrieħ u ta' pawżi kuljum għal dawn l-operazzjonijiet.

(19)

Tenut kont taż-żieda fit-trasport minn pajjiż għall-ieħor ta' merkanzija u ta' passiġġieri, huwa mixtieq li, fl-interess tas-sigurtà fit-triq u ta' infurzar aħjar tal-kontrolli fit-triq u tal-kontrolli fil-fond ta' l-impriżi, il-ħinijiet tas-sewqan, il-perijodi ta' mistrieħ u ta' pawżi li jsiru fi Stati Membri oħra jew f'pajjiżi terzi jkunu koperti u li jkun determinat jekk ir-regoli relevanti ġewx osservati għal kollox u kif suppost.

(20)

Ir-responsabbiltà ta' l-impriżi tat-trasport għandha testendi mill-inqas għall-impriżi tat-trasport li huma persuni legali jew naturali, u ma għandhiex teskludi proċeduri kontra persuni fiżiċi li jwettqu, li jxewwxu jew li huma aċċessorji għall-ksur ta' dan ir-Regolament.

(21)

Hemm il-bżonn li x-xufiera li jaħdmu għal diversi impriżi tat-trasport jipprovdu lil kull waħda bl-informazzjoni adegwata sabiex din tkun tista' tissodisfa r-responsabbiltajiet tagħha skond dan ir-Regolament.

(22)

Sabiex ikun promoss il-progress soċjali u tiġi mtejba s-sigurtà fit-triq, kull Stat Membru għandu jżomm id-dritt li jadotta ċerti miżuri xierqa.

(23)

Derogi nazzjonali għandhom jirriflettu l-bidliet fis-settur tat-trasport bit-triq u għandhom ikunu ristretti għal dawk l-elementi li issa mhumiex suġġetti għal pressjonijiet ta' kompetizzjoni.

(24)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli għal vetturi li jintużaw għat-trasport ta' passiġġieri b'servizzi regolari fejn ir-rotta li jagħmlu ma taqbizx il-50 km. Dawk ir-regoli għandhom jipprovdu protezzjoni xierqa fir-rigward tal-ħinijiet tas-sewqan permessi u l-pawżi u l-perijodi ta' mistrieħ imposti.

(25)

Huwa mixtieq, fl-interessi ta' infurzar effettiv, illi s-servizzi nazzjonali u internazzjonali regolari kollha tat-trasport tal-passiġġieri jkunu kkontrollati billi jintuża mezz standard ta' reġistrazzjoni.

(26)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali li japplikaw għal ksur ta' dan ir-Regolament u jiżguraw li jkunu implimentati. Dawk il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati, dissważivi u mhux diskriminatorji. Il-possibilità li vettura tiġi immobilizzata fejn jinstab li hemm ksur serju għandha wkoll tkun inkluża fil-medda komuni ta' miżuri miftuħa għall-Istati Membri. Id-disposizzjonijiet f'dan ir-Regolament dwar penali jew proċeduri ma għandhomx jaffettwaw ir-regoli nazzjonali dwar l-obbligu tal-prova.

(27)

Huwa mixtieq fl-interessi ta' l-infurzar ċar u effettiv li jkunu żgurati disposizzjonijiet uniformi dwar ir-responsabbiltà ta' impriżi tat-trasport u tax-xufiera għal ksur ta' dan ir-Regolament. Din ir-responsabbiltà tista' twassal għal penali kriminali, ċivili jew amministrattivi skond kif ikun il-każ fl-Istati Membri.

(28)

Billi l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu stabbiliti regoli komuni u ċari dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta' mistrieħ, ma jistax jintlaħaq tajjeb mill-Istati Membri u, għalhekk jista', minħabba l-bżonn ta' azzjoni kordinata, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Komunità, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.

(29)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għas-setgħat ta' l-implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (7).

(30)

Minħabba li d-disposizzjonijiet dwar l-età minima tas-sewwieqa issa ġew stabbiliti fid-Direttiva 2003/59/KE (8) u għandhom jiġu trasposti sa l-2009, f'dan ir-Regolament huma meħtieġa biss disposizzjonijiet transitorji dwar l-età minima ta' l-ekwipagg.

(31)

Ir-Regolament (KEE) Nru 3821/85 għandu jkun emendat sabiex jiċċara l-obbligi speċifiċi ta' l-impriżi tat-trasport u tax-xufiera kif ukoll biex jippromwovi ċ-ċertezza legali u biex jiffaċilta l-infurzar tal-ħin ta' sewqan u tal-limiti tal-perijodi ta' mistrieħ fil-kontrolli fit-triq.

(32)

Ir-Regolament (KEE) Nru 3821/85 għandu wkoll ikun emendat sabiex jiżgura ċ-ċertezza legali fir-rigward tad-dati għall-introduzzjoni tat-takografu diġitali u għad-disponibbiltà tal-card tax-xufier.

(33)

L-introduzzjoni ta' tagħmir ta' reġistrazzjoni skond ir-Regolament (KE) Nru 2135/98, li jippermetti r-reġistrazzjoni elettronika ta' l-attivitajiet ta' sewwieq għal perijodu ta' 28 ġurnata fuq il-karta tiegħu ta' sewwieq u reġistrazzjonijiet elettroniċi tat-tħaddim tal-vettura għal perijodu ta' 365 jum, se jirrendu kontrolli fit-toroq iżjed rapidi u komprensivi fil-futur.

(34)

Taħt id-Direttiva 88/599/KEE (9) l-kontrolli fit-toroq isiru fil-ħin tas-sewqan ta' kuljum, perijodi ta' mistrieħ ta' kuljum, u pawżi. Meta jkun introdott tagħmir ta' reġistrazzjoni diġitali d-data dwar is-sewwieq u l-vettura tiddaħħal b'mod elettroniku u d-data tkun tista' tiġi evalwata b'mod elettroniku fil-post. Dan għandu jippermetti li jsiru kontrolli sempliċi fir-rigward tal-perijodi ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa u tal-perijodi ta' mistrieħ li jikkumpensaw għall-perijodi ridotti ta' mistrieħ ta' kuljum u ta' kull ġimgħa u mistrieħ kumpensat.

(35)

L-esperjenza tindika li konformità mad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari l-ħin massimu speċifikat tas-sewqan fuq perijodu ta' ġimagħtejn, ma jistax jiġi infurzat sakemm ma ssirx superviżjoni tajba u effettiva waqt il-kontrolli fit-triq fir-rigward ta' dak il-perijodu sħiħ.

(36)

L-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet legali fir-rigward tat-takografi diġitali għandha tkun f'konformità ma' dan ir-Regolament sabiex tinkiseb l-aħjar effettività fil-kontroll u fl-infurzar ta' ċerti disposizzjonijiet soċjali fir-rigward tat-trasport bit-triq.

(37)

Għal raġunijiet ta' ċarezza u razzjonalizzazzjoni, ir-Regolament (KEE) Nru 3820/85 għandu jiġi mħassar u mibdul b'dan ir-Regolament,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOSIZZJONIJIET TA' INTRODUZZJONI

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar il-ħinijiet ta' sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta' mistrieħ għax-xufiera li jaħdmu fit-trasport ta' merkanzija u passiġġieri bit-triq sabiex ikunu armonizzati l-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni bejn il-modi ta' trasport fuq l-art, speċjalment fir-rigward tas-settur tat-triq, u sabiex jittejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol u s-sigurtà fit-triq. Dan ir-Regolament għandu l-għan ukoll li jippromwovi t-titjib fil-prattika ta' monitoraġġ u ta' infurzar mill-Istati Membri u t-tijib fil-prattiċi ta' xogħol fl-industrija tat-trasport bit-triq.

Artikolu 2

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għat-trasport bit-triq:

(a)

ta' merkanzija fejn il-massa massima permessa tal-vetturi, inkluż kwalunkwe karru, jew nofs-karru, taqbeż it-3,5 tunnellati, jew

(b)

ta' passiġġieri b'vetturi li huma magħmula jew addattati b'mod permanenti sabiex iġorru aktar minn disa' persuni nkluż ix-xufier, u li huma ntiżi għal dak l-iskop.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika, irrispettivament mill-pajjiż tar-reġistrazzjoni tal-vetturi, għat-trasport bit-triq li jsir:

(a)

esklużivament fil-Komunità; jew

(b)

bejn il-Komunità, l-Isvizzera u l-pajjiżi li huma partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

3.   L-AETR għandu japplika, minflok dan ir-Regolament, għal operazzjonijiet tat-trasport internazzjonali bit-triq li parti minnhom issir barra ż-żoni msemmija fil-paragrafu 2, għal:

(a)

vetturi reġistrati fil-Komunità jew f'pajjiżi li huma partijiet kontraenti għall-AETR, għall-vjaġġ kollu;

(b)

vetturi rreġistrati f'pajjiż terz li ma hux parti kontraenti għall-AETR, għal dik il-parti biss tal-vjaġġ fit-territorju tal-Komunità jew ta' pajjiżi li huma partijiet kontraenti għall-AETR.

Id-disposizzjonijiet ta' l-AETR għandhom isiru konformi ma' dawk ta' dan ir-Regolament, sabiex id-disposizzjonijiet prinċipali f'dan ir-Regolament japplikaw, permezz ta' l-AETR, għal tali vetturi għal kwalunkwe parti tal-vjaġġ li jsir fil-Komunità.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament ma japplikax għat-trasport bit-triq permezz ta':

(a)

vetturi wżati għat-trasport tal-passiġġieri b'servizzi regolari fejn ir-rotta koperta minn dan is-servizz ma taqbiżx il-50 kilometru;

(b)

vetturi b'velocità massima awtorizzata li ma taqbiżx l-40 kilometru fis-siegħa;

(ċ)

vetturi li jkunu proprjetà ta', jew mikrija mingħajr xufier, mis-servizzi armati, is-servizzi tad-difiża ċivili, s-servizzi għat-tifi tan-nar u l-forzi responsabbli għaż-żamma ta' l-ordni pubblika fejn it-trasport isir bħala konsegwenza ta' l-obbligi mogħtija lil dawn is-servizzi u jkun taħt il-kontroll tagħhom;

(d)

vetturi inklużi vetturi użati f'operazzjonijiet ta' trasport mhux kummerċjali għat-trasport ta' għajnuna umanitarja wżati f'emerġenzi jew f'operazzjonijiet ta' salvataġġ;

(e)

vetturi speċjalizzati wżati għal skopijiet mediċi;

(f)

vetturi speċjalizzati ta' assistenza f'każ ta' ħsara li joperaw f'raġġ ta' 100 km mill-bażi tagħhom;

(g)

vetturi li jkunu qed isirulhom testijiet fit-triq għal żvilupp tekniku, għal tiswija jew għal skop ta' manutenzjoni, u vetturi ġodda jew li ġew mibnija mill-ġdid li ma jkunux għadhom tqiegħdu fis-servizz;

(h)

vetturi jew kombinazzjoni ta' vetturi b'massa massima permissibbli li ma jaqbiżx is-7,5 tunnellati wżati għat-trasport mhux kummerċjali ta' merkanzija;

(i)

vetturi kummerċjali, li għandhom stat storiku skond il-liġi ta' l-Istat Membru li fih ikunu misjuqa, u li jintużaw għat-trasport mhux kummerċjali ta' passiġġieri jew ta' merkanzija.

Artikolu 4

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“trasport bit-triq” tfisser kull vjaġġ li jsir kollu jew parti minnu f'toroq miftuħa għall-pubbliku minn vettura, kemm jekk ikollha tagħbija jew le, wżata għat-trasport ta' passiġġieri jew ta' merkanzija;

(b)

“vettura” tfisser vettura bil-mutur, tractor, karru jew nofs-karru jew kombinazzjoni ta' dawn il-vetturi, definiti kif ġej:

“vettura bil-mutur”: kull vettura li titmexxa bil-magni tagħha stess fit-triq, minbarra vettura li timxi b'mod permanenti fuq il-binarji, u li normalment tintuża għat-trasport ta' passiġġieri jew ta' merkanzija;

tractor”: kull vettura li titmexxa bil-magni tagħha stess fit-triq, minbarra vettura li timxi b'mod permanenti fuq il-binarji, u maħsuba speċjalment biex tiġbed, timbotta jew iċċaqlaq karrijet, nofs-karrijiet, għodod jew magni;

“karru”: kull vettura ddisinjata sabiex tingħaqad ma' vettura bil-mutur jew tractor;

“nofs-karru”: karru mingħajr fus tar-rota ta' quddiem ikkombinat b'tali mod li parti sostanzjali mill-piż tiegħu u l-piż tat-tagħbija tiegħu jinġarru miit-tractor jew il-vettura bil-mutur;

(ċ)

“xufier” tfisser kull persuna li ssuq il-vettura anki jekk għal perijodu qasir, jew li tkun qed tinġarr fil-vettura bħala parti mid-doveri tagħha, sabiex tkun disponibbli għas-sewqan jekk ikun hekk meħtieġ;

(d)

“pawżi” tfisser kull perijodu li fih ix-xufier ma jistax iwettaq sewqan jew xogħol ieħor u li jintuża esklużivament għall-irkupru;

(e)

“xogħol ieħor” tfisser l-attivitajiet kollha li huma definiti bħala ħin ta' xogħol fl-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2002/15/KE ħlief “sewqan”, inkluż kull xogħol għall-istess persuna li tħaddem jew għal xi persuna oħra li tħaddem, kemm fis-settur kif ukoll barra s-settur tat-trasport;

(f)

“perijodu ta' mistrieħ” tfisser kwalunkwe perijodu bla interruzzjoni li fih ix-xufier jista' jagħmel li jrid bil-ħin tiegħu;

(g)

“perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum” tfisser il-perijodu ta' kuljum li fih xufier jista' jagħmel li jrid bil-ħin tiegħu u jkopri “perijodu regolari ta' mistrieħ ta' kuljum” u “perijodu mnaqqas ta' mistrieħ ta' kuljum”:

“perijodu regolari ta' mistrieħ ta' kuljum” tfisser kull perijodu bla interruzzjoni ta' mistrieħ ta' mill-inqas 11-il siegħa. Bħala alternattiva, dan il-perijodu regolari ta' mistrieħ ta' kuljum jista' jittieħed f'żewġ perijodi, l-ewwel wieħed għandu jkun perijodu bla interruzzjoni ta' mill-inqas 3 sigħat u t-tieni wieħed ikun perijodu bla interruzzjoni ta' mill-inqas 9 sigħat;

“perijodu mnaqqas ta' mistrieħ ta' kuljum” tfisser kull perijodu ta' mistrieħ ta' mill-inqas 9 sigħat imma anqas minn 11-il siegħa;

(h)

“perijodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa” tfisser perijodu ta' kull ġimgħa li matulu xufier jista' juża l-ħin tiegħu kif irid u jkopri “perijodu regolari ta' mistrieħ fil-ġimgħa” u “perijodu mnaqqas ta' mistrieħ fil-ġimgħa”.

“perijodu regolari ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa” tfisser kwalunkwe perijodu ta' mistrieħ mill-inqas ta' 45 siegħa;

“perijodu mnaqqas ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa” tfisser kull perijodu ta' mistrieħ ta' anqas minn 45 siegħa, li jista', bla ħsara għall-kondizzjonijiet fl-Artikolu 8(6), jitqassar għal minimu ta' 24 siegħa konsekuttivi;

(i)

“ġimgħa” tfisser il-perijodu ta' ħin bejn 00.00 tat-Tnejn u 24.00 tal-Ħadd;

(j)

“ħin tas-sewqan” tfisser it-tul ta' attività tas-sewqan irreġistrata:

awtomatikament jew semi-awtomatikament permezz tat-tagħmir ta' reġistrazzjoni kif definit fl-Anness I u l-Anness IB tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85; jew

manwalment kif mitlub fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KEE) Nru 3281/85

(k)

“ħin ta' sewqan ta' kuljum” tfisser it-total tal-ħin akkumulat ta' sewqan bejn it-tmiem ta' perijodu ta' mistrieħ wieħed ta' kuljum u l-bidu tal-perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum ta' wara jew bejn perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum u perijodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa;

(l)

“ħin ta' sewqan ta' kull ġimgħa” tfisser it-total tal-ħin akkumulat ta'sewqan f'ġimgħa;

(m)

“massa massima permissibbli” tfisser il-massa massima awtorizzata li tista' topera biha l-vettura li jkolha tagħbija sħiħa;

(n)

“servizzi regolari tal-passiġġieri” tfisser is-servizzi nazzjonali u internazzjonali kif definiti fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 684/92 tas-16 ta' Marzu 1992 dwar ir-regoli komuni għat-trasport internazzjonali ta' passiġġieri b'coach u b'xarabank (10);

(o)

“multi-manning” tfisser is-sitwazzjoni fejn, matul kull perijodu ta' sewqan bejn kwalunkwe żewġ perijodu konsekuttivi ta' mistrieħ ta' kuljum, jew bejn perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum u perijodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa, hemm mill-inqas żewġ sewwieqa fil-vettura biex jagħmlu s-sewqan. Għall-ewwel siegħa ta' multi-manning il-preżenza ta' sewwieq ieħor jew sewwieqa oħra mhijiex obbligatorja iżda għall-bqija tal-perijodu hija obbligatorja;

(p)

“impriża tat-trasport” tfisser kull persuna naturali, kull persuna fiżika, kull assoċjazzjoni jew grupp ta' persuni mingħajr personalità legali, kemm jekk jagħmlu profitt u kemm jekk le, jew kull korp uffiċjali, kemm jekk għandu personalità ġuridika u kemm jekk jiddependi fuq awtorità li għandha din il-personalità, li jwettqu trasport bit-triq, kemm jekk b'kiri jew b'kumpens jew b'akkont tal-persuna nnifisha;

(q)

“Perijodu ta' sewqan” ifisser il-ħin ta' sewqan akkumulat minn meta xufier jibda jsuq wara perijodu ta' mistrieħ jew pawża sakemm hu jieħu perijodu ta' mistrieħ jew pawża. Il-perijodu ta' sewqan jista' jkun kontinwu jew imqassam.

KAPITOLU II

EKWIPAĠĠ, ĦINIJIET TAS-SEWQAN, PAWŻI U PERIJODI TA' MISTRIEĦ

Artikolu 5

1.   L-età minima għal kundutturi għandha tkun ta' 18-il sena.

2.   L-età minima għal assistenti tax-xufiera għandha tkun ta' 18-il sena. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jnaqqsu l-età minima għal assistenti tax-xufiera għal 16-il sena kemm-il darba:

(a)

it-trasport bit-triq isir fi Stat Membru f'raġġ ta' 50 kilometru mill-post fejn il-vettura hija bbażata, inklużi żoni amministrattivi lokali li għandhom iċ-ċentru tagħhom f'dak ir-raġġ,

(b)

it-tnaqqis huwa għal skopijiet ta' taħriġ vokazzjonali; u

(ċ)

ikun hemm konformità mal-limiti imposti mir-regoli nazzjonali ta' l-Istat Membru dwar kwistjonijiet ta' impjieg.

Artikolu 6

1.   Il-ħin ta' sewqan ta' kuljum ma għandux jeċċedi d-disa' sigħat.

Madankollu, il-ħin ta' sewqan ta' kuljum jista jiġi estiż għal massimu ta' 10 sigħat mhux aktar minn darbtejn f'ġimgħa.

2.   Il-ħin ta' sewqan ta' kull ġimgħa ma għandux jeċċedi is-56 siegħa u ma għandux jeċċedi l-ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa kif stabbilit fid-Direttiva 2002/15/KE.

3.   It-total tal-ħin akkumulat tas-sewqan matul kull ġimagħtejn konsekuttivi ma għandux jeċċedi 90 siegħa.

4.   Il-ħinijiet tas-sewqan ta' kuljum u ta' kull ġimgħa għandhom jinkludu l-ħin kollu ta' sewqan fit-territorju tal-Komunità jew ta' pajjiz terz.

5.   Ix-xufier għandu jirreġistra bħala xogħol ieħor kull ħin li jagħmel kif deskritt fl-Artikolu 4(e) kif ukoll kull ħin li jagħmel isuq il-vettura wżata għal operazzjonijiet kummerċjali li ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, u għandu jirreġistra kull perijodu ta' “disponibbiltà”, kif definiti fl-Artikolu 15(3)(ċ) tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85, mill-aħħar perijodu tiegħu ta' mistrieħ ta' kuljum jew ta' kull ġimgħa. Dan ir-rekord għandu jitniżżel manwalment fuq folja li fiha jiddaħħlu r-rekords, fuq karta stampata jew bl-użu ta' faċilitajiet oħra ta' reġistrazzjoni manwali fuq it-tagħmir ta' reġistrazzjoni.

Artikolu 7

Wara perijodu ta' sewqan ta' erba' sigħat u nofs, xufier għandu jieħu pawża bla interruzzjoni ta' mhux anqas minn ħamsa u erbgħin minuta, sakemm ma jieħux perijodu ta' mistrieħ.

Din il-pawża tista' tiġi mibdula minn pawża ta' mill-inqas 15-il minuta li tiġi segwita minn pawża ta' mill-inqas 30 minuta kull waħda mqassma fuq il-perijodu b'tali mod li tikkonforma mad-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1.

Artikolu 8

1.   Ix-xufier għandu jieħu perijodi ta' mistrieħ ta' kuljum u ta' kull ġimgħa.

2.   F'kull perijodu ta' 24 siegħa wara t-tmiem tal-perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum ta' qabel jew il-perijodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa ta' qabel ix-xufier għandu jkun ħa perijodu ġdid ta' mistrieħ ta' kuljum.

Jekk il-porzjon tal-perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum li taqa' f'dak il-perijodu ta' 24 siegħa huwa mhux inqas minn 9 sigħat imma inqas minn 11-il siegħa, il-perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum għandu jitqies bħala perijodu mnaqqas ta' mistrieħ ta' kuljum.

3.   Perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum jista' jkun estiż biex jagħmel perijodu regolari ta' mistrieħ fil-ġimgħa jew perijodu mnaqqas ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa.

4.   Xufier jista' jkollu ta' l-aktar tliet perijodi mnaqqsa ta' mistrieħ ta' kuljum bejn kull żewġ perijodi ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa.

5.   B'deroga mill-paragrafu 2, fi żmien 30 siegħa minn tmiem ta' perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum jew ta' kull ġimgħa, xufier li jkun għamel “multi-manning” għandu jkun ħa perijodu ġdid ta' mistrieħ ta' kuljum ta' mhux inqas minn 9 sigħat.

6.   F'kull ġimagħtejn konsekuttivi, xufier għandu jieħu mill-inqas:

żewġ perijodi regolari ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa, jew

perijodu wieħed regolari ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa u perijodu wieħed mnaqqas ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa ta' mhux inqas minn 24 siegħa. Madankollu, it-tnaqqis għandu jkun ikkumpensat minn mistrieħ ekwivalenti meħud en bloc qabel tmiem it-tielet ġimgħa wara l-ġimgħa in kwistjoni.

Perijodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa għandu jibda mhux aktar tard mit-tmiem ta' sitt perijodi ta' 24 siegħa il-wieħed mit-tmiem tal-perijodu ta' qabel ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa.

7.   Kwlaunkwe mistrieħ meħud bħala kumpens għal perijodu mnaqqas ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa għandu jittieħed flimkien ma' perijodu ieħor ta' mistrieħ ta' mill-inqas disa' sigħat.

8.   Fejn xufier jagħżel li jagħmel dan, perijodi ta' mistrieħ ta' kuljum u perijodi imnaqqsa ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa 'il bogħod mill-bażi jistgħu jittieħdu f'vettura, kemm-il darba din ikollha faċilitajiet għall-irqad xierqa għal kull xufier u l-vettura tkun wieqfa.

9.   Perijodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa li jiġi f'ġimagħtejn jista' jitqies f'xi waħda minn dawk il-ġimagħt, iżda mhux fit-tnejn.

Artikolu 9

1.   B'deroga mill-Artikolu 8, fejn ix-xufier jakkumpanja vettura li tkun qed tinġarr b'lanċa jew b'ferrovija, u jieħu perijodu regolari ta' mistrieħ ta' kuljum, dak il-perijodu jista' jkun interott mhux aktar minn darbtejn minn attivitajiet oħra li fit-total tagħhom ma jeċċedux siegħa. Matul il-perijodu regolari ta' mistrieħ ta' kuljum imsemmi fil-paragrafu 1, ix-xufier għandu jkollu aċċess għal sodda jew couchette.

2.   Kwalunkwe ħin li s-sewwieq jieħu biex jivvjaġġja lejn il-vettura u lura u li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, li mhix fid-dar tas-sewwieq jew fiċ-ċentru ta' operazzjonijiet ta' min iħaddem fejn is-sewwieq hu normalment ibbażat, m'għandux jitqies bħala perijodu ta' mistrieħ jew pawża sakemm ix-xufier mhuwiex fuq vapur jew trejn u għandu aċċess għal couchette.

3.   Kwalunkwe ħin li s-sewwieq jieħu bħala sewwieq ta' vettura li ma jaqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament minn jew lejn il-vettura li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, li mhix fid-dar tas-sewwieq jew fiċ-ċentru ta' operazzjonijiet ta' min iħaddem fejn is-sewwieq hu normalment ibbażat, għandu jitqies bħala “xogħol ieħor”.

KAPITOLU III

RESPONSABBILTÀ TA' L-IMPRIŻA TAT-TRASPORT

Artikolu 10

1.   Impriża tat-trasport ma għandhiex tagħti lix-xufiera li timpjega jew li jkunu għad-disposizzjoni tagħha xi ħlas, anke jekk ikun fil-forma ta' bonus jew żieda mal-paga, li jkun relatat mad-distanza tal-vjaġġ li jkun sar u/jew l-ammont ta' merkanzija li nġarret jekk dak il-ħlas ikun tali li jista' jipperikola s-sigurtà fit-triq u/jew jinkoraġġixxi ksur ta' dan ir-Regolament.

2.   Impriża tat-trasport għandha torganizza x-xogħol tax-xufiera msemmija fil-paragrafu 1 b'tali mod illi x-xufiera jkunu jistgħu jikkonformaw mar-Regolament (KEE) Nru 3821/85 u l-Kapitolu II ta' dan ir-Regolament. L-impriża tat-trasport għandha tagħti struzzjonijiet kif jixraq lix-xufier u għandha tagħmel kontrolli regolari sabiex tiżgura l-konformità mar-Regolament (KEE) Nru 3821/85 u l-Kapitolu II ta' dan ir-Regolament.

3.   Impriża tat-trasport hija responsabbli għal ksur li jsir mix-xufiera ta' l-impriża, anki jekk il-ksur ikun sar fit-territorju ta' Stat Membru ieħor jew pajjiż terz.

Bla ħsara għad-dritt ta' l-Istati Membri li jżommu impriżi tat-trasport kompletament responsabbli, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu din ir-responsabbiltà kondizzjonali fuq il-ksur mill-impriża tal-paragrafi 1 u 2. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw kull prova li l-impriża tat-trasport ma tistax b'mod raġonevoli tinżamm responsabbli għall-ksur li jkun sar.

4.   Impriżi, kunsinjatarji, burdnara, operaturi ta' ġiti, kuntratturi prinċipali, sub-kuntratturi u l-aġenziji għall-impjieg tax-xufiera għandhom jiżguraw illi l-iskedi tal-ħin tat-trasport miftiehma f'kuntratt iħarsu d-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

5.

(a)

Impriża tat-trasport li tuża vetturi li jkunu mgħammra b'tagħmir ta' reġistrazzjoni li jikkonforma ma' l-Anness IB tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85 u li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandha:

(i)

tiżgura illi d-data kollha tkun trasferita mit-tagħmir fil-vettura u mill-card tax-xufier b'mod regolari kif stipulat mill-Istat Membru u li d-data relevanti tkun trasferita aktar ta' spiss sabiex tiżgura li tkun trasferita d-data kollha dwar attivitajiet li jkunu saru minn jew għal dik l-impriża;

(ii)

tiżgura li d-data kollha trasferita kemm mil-tagħmir fil-vettura kif ukoll mill-card tax-xufier tinżamm mill-inqas għal tnax-il xahar wara li tkun ġiet irrekordjata u jekk tintalab minn uffiċjal awtorizzat li jispezzjona, din id-data hija, jew direttament jew mill-bogħod, mill-fond ta' l-impriża;

(b)

“trasferiment” f'dan il-paragrafu għandu jkun interpretat skond id-definizzjoni mniżżla fil-Anness I B, Kapitolu I punt (s) tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85;

(ċ)

Il-perijodu massimu li fih d-data relevanti għandha tkun trasferita skond (a)(i) għandu jkun deċiż mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2).

KAPITOLU IV

EĊĊEZZJONIJIET

Artikolu 11

Stat Membru jista' japplika minimi itwal ta' pawżi u perijodi ta' mistrieħ jew massimi iqsar ta' ħin ta' sewqan minn dawk imniżżla fl-Artikoli 6 sa 9 fil-każ ta' trasport fit-triq li jsir kollu kemm hu fit-territorju tiegħu. Permezz ta' dan, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont ta' ftehim rilevanti kollettivi jew ftehim ieħor bejn l-imsieħba soċjali. Madankollu, r-Regolament għandu jibqa' japplika għal xufiera li jwettqu operazzjonijiet internazzjonali ta' trasport.

Artikolu 12

Sakemm ma tiġix preġudikata s-sigurtà fit-triq u sabiex il-vetturi jkunu jistgħu jaslu sa post ta' waqfien addatt, ix-xufier jista' jitbiegħed mill-Artikoli 6 sa 9 sal-livell meħtieġ biex jiżgura s-sigurtà tal-persuni, tal-vettura jew tat-tagħbija tagħha. Ix-xufier għandu jindika r-raġuni għaliex ikun hekk tbiegħed b'mod manwali fuq il-folja ta' reġistrazzjoni tat-tagħmir ta' reġistrazzjoni jew fuq karta stampata mit-tagħmir tar-reġistrazzjoni jew fir-roster tax-xogħol, mhux aktar tard minn meta jasal f'post adatt għal waqfien.

Artikolu 13

1.   Sakemm ma jkunux preġudikati l-għanijiet ta' l-Artikolu 1, kull Stat Membru jista' jagħti eċċezzjonijiet għall-Artikoli 5 sa 9 u jagħmel tali eċċezzjonijiet soġġetti għal kondizzjonijiet individwali fit-territorju tiegħu stess jew, bi ftehim ma' l-Istati kkonċernati, fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, li jkunu applikabbli għat-trasport b' dawn li ġejjin:

(a)

vetturi li huma proprjetà ta', jew li jkunu mikrija mingħajr xufier minn awtoritajiet pubbliċi biex jagħmlu trasport fit-triq li ma jikkompetix ma' impriżi privati tat-trasport;

(b)

vetturi wżati jew mikrija mingħajr ix-xufier minn impriżi ta' agrikoltura, ortikultura, forestrija, biedja jew sajd għat-trasport ta' merkanzija bħala parti mill-attività intraprenditorjali tagħhom stess f'raġġ li ma jaqbiżx il-100 km mill-bażi ta' l-impriża;

(ċ)

tractors għall-agrikoltura u tractors għall-forestrija wżati għal attivitajiet agrikoli jew ta' forestrija, f'raġġ li ma jaqbiżx il-100 km mill-bażi ta' l-impriża li tkun il-proprjetarja tal-vettura, jew tikriha jew twelliha;

(d)

vetturi jew kombinazzjoni ta' vetturi b'massa massima permissibbli li ma taqbiżx is-7,5 tunnellati

wżati minn fornituri ta' servizzi universali kif imfisser f'Artikolu 2(13) tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewroprew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern ta' servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (11) biex iwasslu oġġetti bħala parti mis-servizz universali; jew

sabiex iġorru materjal, tagħmir jew makkinarju għall-użu tax-xufier matul ix-xogħol tiegħu.

Dawn il-vetturi għandhom jintużaw biss f'raġġ ta' 50 kilometru mill-bażi ta' l-impriża, u bil-kondizzjoni illi s-sewqan tal-vetturi ma jkunx l-attività prinċipali tax-xufier;

(e)

vetturi li joperaw b'mod esklużiv fuq gzejjer li ma jaqbżux l-2 300 kilometru kwadru f'żona li ma tkunx magħquda mal-bqija tat-territorju nazzjonali permezz ta' pont, baxxfond jew mina miftuħa għall-użu minn vetturi bil-mutur;

(f)

vetturi wżati għat-trasport tal-merkanzija f'raġġ ta' 50 km mill-bażi ta' l-impriża u li jaħdmu bil-gass naturali jew likwifikat jew bl-elettriku b'massa massima permissibbli li, meta jkun inkluż il-piż ta' karru jew nofs-karru, ma jaqbiżx is-7,5 tunnellati;

(g)

vetturi wżati għat-tagħlim u l-eżaminazzjoni bl-iskop li tinkiseb liċenzja tas-sewqan jew ċertifikat ta' kompetenza professjonali, sakemm dawn ma jkunux qegħdin jintużaw għat-trasport kummerċjali ta' merkanzija jew ta' passiġġieri;

(h)

vetturi wżati b'konnessjoni ma' servizzi ta' dranaġġ, ta' protezzjoni mill-għargħar, manutenzjoni ta' l-ilma, gass u elettriku mal-manutenzjoni u l-kontroll tat-toroq, ma' servizzi ta' ġbir ta' skart bieb b'bieb u ta' rimi, servizzi tat-telegraf u telefon, xandir tar-radju u televixin u l-iskoperta ta' trasmettituri u riċevituri tar-radju jew tat-televixin;

(i)

vetturi b'10 sa 17-il sedil użati esklużivament għat-trasport mhux kummerċjali tal-passiġġieri;

(j)

vetturi speċjalizzati li jġorru tagħmir taċ-ċirku u ta' fun-fairs;

(k)

vetturi mgħammra partikolarment għal proġetti mobbli, li l-iskop primarju tagħhom huwa li jintużaw bħala faċilità edukattiva meta jkunu wieqfa;

(l)

vetturi wżati għall-ġbir tal-ħalib minn irziezet u t-twassil lura fl-irziezet ta' kontenituri tal-ħalib jew ta' prodotti tal-ħalib intiżi bħala għalf għall-annimali;

(m)

vetturi speċjalizzati li jġorru flus u/jew oġġetti ta' valur;

(n)

vetturi wżati sabiex iġorru skart jew karkassi ta' annimali li ma jkunux intiżi għall-konsum mill-bniedem;

(o)

vetturi wżati esklużivament f'toroq li jinsabu f'faċilitajiet ċentrali ta' attività bħal portijiet, interportijet u termini tal-ferrovija;

(p)

vetturi wżati għat-trasport ta' annimali ħajjin mill-irziezet lejn is-swieq lokali u viċi-versa jew mis-swieq lejn il-biċċeriji lokali f'distanza ta' mhux aktar minn 50 km.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-eċċezzjonijiet mogħtija taħt il-paragrafu 1 u l-Kummissjoni għandha tavża lill-Istati Membri l-oħra dwar dan.

3.   Sakemm ma jiġux preġudikati l-għanijiet imniżżla fl-Artikolu 1 u tingħata protezzjoni xierqa lix-xufiera, Stat Membru jista', wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni, jagħti eżenzjonijiet żgħar minn dan ir-Regolament fit-territorju tiegħu għal vetturi li jintużaw f'żoni li jiġu stabbiliti minn qabel b'densità tal-popolazzjoni ta' anqas minn 5 persuni għal kull kilometru kwadru, fil-każijiet li ġejjin:

servizzi domestiċi regolari tal-passiġġieri, fejn l-iskeda tagħhom tkun konfermata mill-awtoritajiet (u f'dan il-każ eżenzjonjiet rigward pawżi biss huma permessi), u

operazzjonijiet domestiċi ta' trasport ta' merkanzija bit-triq fuq akkont ta' persuna nnifisha jew b'kiri jew b'kumpens, li ma għandhomx impatt fuq is-suq intern u li huma bżonnjużi sabiex imantnu ċerti setturi ta' l-industrija fit-territorju konċernat u fejn id-disposizzjonijiet ta' eżenzjoni ta' dan ir-Regolament jimponu raġġ limitat sa 100 km.

It-trasport bit-triq taħt din l-eżenzjoni jista' jinkludi vjaġġ għal żona b'densità ta' popolazzjoni ta' 5 persuni jew aktar għal kull kilometru kwadru biss sabiex jintemm jew jinbeda l-vjaġġ. Kull miżura bħal din għandha tkun proporzjonata fin-natura u l-firxa ta' applikazzjoni tagħha.

Artikolu 14

1.   Sakemm ma jiġux preġudikati l-għanijiet mniżżla fl-Artikolu 1, l-Istati Membri jistgħu, awtorizzati mill-Kummissjoni, jagħtu eċċezzjonijiet mill-applikazzjoni ta' l-Artikoli 6 sa 9 ta' dan ir-Regolament għal operazzjonijiet tat-trasport li jsiru f'ċirkostanzi eċċezzjonali.

2.   F'każijiet urġenti l-Istati Membri jistgħu jagħtu eċċezzjoni temporanja għal perijodu li ma jaqbiżx it-tletin jum, u din għandha tkun notifikata minnufih lill-Kummissjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra b'kull eċċezzjoni mogħtija skond dan l-Artikolu.

Artikolu 15

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi x-xufiera tal-vetturi li għalihom issir referenza fl-Artikolu 3(a) huma ggvernati mir-regoli nazzjonali li jipprovdu protezzjoni xierqa fir-rigward tal-ħinijiet permessi tas-sewqan u l-pawżi u l-perijodi ta' mistrieħ imposti.

KAPITOLU V

PROĊEDURI TA' KONTROLL U SANZJONIJIET

Artikolu 16

1.   Meta ma jkun installat fil-vettura l-ebda tagħmir ta' reġistrazzjoni skond ir-Regolament (KEE) Nru 3821/85, il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw għal:

(a)

servizzi regolari nazzjonali ta' passiġġieri, u

(b)

servizzi regolari internazzjonali ta' passiġġieri li l-vened tar-rotta tagħhom jinsabu f'distanza massima ta' 50 km f'linja dritta minn fruntiera bejn żewġ Stati Membri u li t-tul tar-rotta tagħhom ma teċċedix il-100 km.

2.   L-impriża tat-trasport għandha tagħmel skeda tas-servizz u roster tax-xogħol li għandhom juru, fir-rigward ta' kull xufier, l-isem, il-post fejn huwa bbażat u l-iskeda bil-quddiem għal diversi perijodi ta' sewqan, xogħol ieħor, pawżi u disponibbiltà.

Kull xufier li jingħata jaħdem servizz imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jġorr miegħu estratt mir-roster tax-xogħol u kopja ta' l-iskeda tas-servizz.

3.   Ir-roster tax-xogħol għandu:

(a)

jinkludi l-dettalji kollha mniżżla fil-paragrafu 2 għal perijodu minimu li jkopri it-28 jum ta' qabel; dawn il-partikolaritajiet għandhom ikunu aġġornati f'intervalli regolari, u ma jistax ikun hemm dewmien ta' aktar minn xahar bejniethom;

(b)

ikun iffirmat mill-kap ta' l-impriża tat-trasport jew minn persuna awtorizzata li tirrapreżentah;

(ċ)

jinżamm mill-impriża tat-trasport għal sena wara l-għeluq tal-perijodu kopert minnha. L-impriża tat-trasport għandha, meta tintalab, tagħti estratt mir-roster lix-xufiera kkonċernati; u

(d)

jiġi ppreżentat u jingħata fuq talba ta' l-uffiċjal awtorizzat li jispezzjona.

Artikolu 17

1.   L-Istati Membri għandhom, bil-mod standard stabbilit fid-Deċiżjoni 93/173/KEE (12), jibagħtu l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni sabiex tkun tista', ta' kull sentejn, tagħmel rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u r-Regolament (KEE) Nru 3821/85 u żviluppi fl-oqsma in kwistjoni.

2.   Din l-informazzjoni għandha tkun komunikata lill-Kummissjoni mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru tas-sena li tiġi wara t-tmiem tal-perijodu ta' sentejn ikkonċernat.

3.   Ir-rapport għandu jiddikjara x'użu jkun sar mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 13.

4.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien 13-il xahar mit-tmiem tal-perijodu ta' sentejn ikkonċernat.

Artikolu 18

L-Istati Membri għandhom jadottaw dawk il-miżuri li jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 19

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali li japplikaw għal ksur ta' dan ir-Regolament u r-Regolament (KEE) Nru 3821/85 u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw illi jkunu implimentati. Dawk il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati, dissważivi u b'mod li ma jiddiskriminawx. L-ebda ksur ta' dan ir-Regolament u r-Regolament (KEE) Nru 3821/85 ma għandu jkun suġġett għal aktar minn penali jew proċedura waħda. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawn il-miżuri sad-data imsemmija fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 29. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar dan.

2.   Stat Membru għandu jagħti l-kapaċità lill-awtoritajiet kompetenti li jimponu penali fuq impriża u/jew xufier għal ksur ta' dan ir-Regolament li jinqabad fit-territorju tiegħu u li għalih tkun għadha ma ġietx imposta penali, anki meta dak il-ksur ikun sar fit-territorju ta' Stat Membru ieħor jew ta' pajjiz terz.

Bħala eċċezzjoni, fejn jinstab ksur:

li ma jkunx sar fit-territorju ta' l-Istat Membru kkonċernat, u

li jkun sar minn impriża stabbilita, jew minn xufier li għandu l-post ta' l-impjieg tiegħu, fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz:

Stat Membru jista', sa l-1 ta' Jannar 2009, minflok ma jimponi penali, jinnotifika bil-fatti tal-ksur lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru jew fil-pajjiż terz fejn l-impriża hija stabbilita jew fejn ix-xufier għandu l-post ta' l-impjieg tiegħu.

3.   Kull meta Stat Membru jibda proċeduri jew jimponi penali għal ksur partikolari għandu jagħti lix-xufier prova xierqa ta' dan bil-miktub.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi sistema ta' penali proporzjonati, li jistgħu jinkludu penali finanzjarji, tkun fis-seħħ għal ksur ta' dan ir-Regolament jew ir-Regolament (KEE) Nru 3821/85 minn impriżi, jew kunsinjatarji, burdnara, operaturi tal-ġiti, kuntratturi prinċipali, sub-kuntratturi u aġenziji għall-impjieg ta' xufiera li jkunu assoċjati ma' impriżi.

Artikolu 20

1.   Ix-xufier għandu jżomm kull prova li tingħata minn Stat Membru dwar penali imposti jew il-bidu ta' proċeduri sakemm l-istess ksur ta' dan ir-Regolament ma jkunx jista' jwassal aktar għal tieni proċedura jew penali skond id-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

2.   Ix-xufier għandu jagħti, meta jintalab, l-evidenza msemmija fil-paragrafu 1.

3.   Xufier li jkun impjegat jew li jkun qiegħed għad-disposizzjoni ta' aktar minn impriża waħda tat-trasport għandu jagħti informazzjoni biżżejjed lil kull impriża biex tkun tista' tikkonforma mal-Kapitolu II.

Artikolu 21

Sabiex jiġu ndirizzati każijiet fejn Stat Membru jikkunsidra li kien hemm ksur ta' dan ir-Regolament, liema ksur ikun tali li ċertament ser jikkawża periklu fis-sigurtà tat-triq, huwa għandu jawtorizza l-awtorità kompetenti rilevanti sabiex twaqqaf il-vettura konċernata sakemm il-kawża tal-ksur tkun rettifikata. L-Istati Membri jistgħu jġiegħlu lis-sewwieq jieħu perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum. L-Istati Membri jistgħu wkoll fejn xieraq, jirtiraw, jissospendu jew jirrestrinġu l-liċenzja ta' impriża, jekk l-impriża tkun stabbilita f'dak l-Istat Membru, jew jirtiraw, jissospendu jew jirrestrinġu l-liċenzja tas-sewqan ta' sewieq. Il-Kummissjoni li taġixxi bi qbil mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 24 (2) għandha tiżviluppa linji gwida bil-għan li jippromwovu applikazzjoni armonizzata ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 22

1.   L-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u biex jikkontrollaw li hemm konformità miegħu.

2.   L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jiskambjaw b'mod regolari l-informazzjoni kollha disponibbli dwar:

(a)

il-ksur tar-regoli mniżżla fil-Kapitolu II minn persuni li mhumiex residenti u kull penali imposta għal dan il-ksur;

(b)

il-penali imposti minn Stat Membru fuq ir-residenti tiegħu għal ksur bħal dan li jitwettaq fi Stati Membri oħra.

3.   L-Istati Membri għandhom jibgħatu regolarment l-informazzjoni relevanti dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni nazzjonali ta' dan ir-Regolament lill-Kummissjoni, li għandha tagħmel din l-informazzjoni disponibbli fil-forma elettronika lill-Istati Membri l-oħra.

4.   Il-Kummissjoni għandha tappoġġa d-djalogu ta' bejn l-Istati Membri dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni nazzjonali ta' dan ir-Regolament permezz tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 24 (1).

Artikolu 23

Il-Komunità għandha tidħol f'kull negozjati ma' pajjiżi terzi li jistgħu jkunu meħtieġa sabiex ikun implimentat dan ir-Regolament.

Artikolu 24

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat imwaqqaf taħt l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 25

1.   B'talba ta' Stat Membru, jew b'inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni għandha:

(a)

teżamina każijiet fejn iqumu differenzi fl-applikazzjoni u l-infurzar ta' kull disposizzjoni ta' dan ir-Regolament u b'mod partikolari dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il- pawżi u l-perijodi ta' mistrieħ;

(b)

tiċċara d-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, bl-iskop li tippromovi approċċ komuni.

2.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar approċċ rakkommandat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2). Il-Kummissjoni għandha tikkomunika d-deċiżjoni tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Istati Membri.

KAPITOLU VI

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 26

Ir-Regolament (KEE) Nru 3821/85 għandu jinbidel b'li ġej:

1.

L-Artikolu 2 għandu jiġi emendat kif ġej:

“Artikolu 2

Għall-fini ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw it-tifsiriet li hemm fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 (*).

(*)  ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1”;"

2.

L-Artikolu 3(1), (2) u (3) għandhom jinbidlu b'dan li ġej:

“1.   It-tagħmir ta' reġistrazzjoni għandu jkun stallat u wżat fil-vetturi reġistrati fi Stat Membru li jintużaw għat-trasport ta' passiġġieri jew ta' merkanzija bit-triq, ħlief il-vetturi msemmija fl-Artikoli 3 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006. Vetturi msemmija fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 u vetturi, li kienu eżentati mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85, iżda li ma għadhomx eżentati taħt ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 għandu jkollhom sa l-31 ta' Diċembru 2007 biex jikkonformaw ma' dan ir-rekwiżit.

2.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw il-vetturi msemmija fl-Artikolu 13(1) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

3.   L-Istati Membri jistgħu, wara awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni, jeżentaw mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament il-vetturi wżati għall-operazzjonijiet tat-trasport imsemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006.”;

3.

L-Artikolu 14(2) għandu jinbidel kif ġej:

“2.   L-impriża għandha żżomm il-folji tar-rekords u l-karti stampati, kull meta jkunu nħarġu dawn il-karti stampati biex ikun hemm konformità ma' l-Artikolu 15(1), f'ordni kronoloġika u f'forma li tista' tinqara għal mill-inqas minn sena wara l-użu tagħhom u għandha tagħti kopji lix-xufiera kkonċernati li jitolbu għalihom. L-impriża għandha wkoll tagħti kopja tad-data mniżżla mill-cards tax-xufier, ix-xufiera kkonċernati li jitolbuhom u l-karti stampati ta' dawn il-kopji. Il-folji ta' reġistrazzjoni, il-karti stampati u l-informazzjoni mniżżla għandhom jintwerew jew jingħataw meta mitluba minn kull uffiċjal awtorizzat li jispezzjona.”;

4.

L-Artikolu 15 għandu jiġi emendat kif ġej:

Fil-paragrafu 1, għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fejn il-card tax-xufier titħassar, ma tibqax taħdem tajjeb jew ma tkunx fil-pussess tax-xufier, ix-xufier għandu:

(a)

fil-bidu tal-vjaġġ tiegħu, jistampa d-dettalji tal-vettura li jkun qiegħed isuq ix-xufier, u għandu jdaħħal f'dik il-karta stampata:

(i)

id-dettalji li bihom ix-xufier jista' jiġi identifikat (l-isem, il-card tax-xufier jew in-numru tal-liċenzja tax-xufier), inkluża l-firma tiegħu;

(ii)

il-perijodi tal-ħin imsemmija fil-paragrafu 3, it-tieni inċiż (b), (ċ) u (d).

(b)

fl-aħħar tal-vjaġġ, jistampa l-informazzjoni dwar il-perijodi ta' ħin irreġistrati mit-tagħmir tar-reġistrazzjoni, jirreġistra kull perijodu ta' xogħol ieħor, disponibbiltà u mistrieħ li jkun ħa mill-ħin mindu kienet stampata il-folja fil-bidu tal-vjaġġ, meta ma jkunx reġistrat mit-takografu, u jimmarka fuq dak id-dokument id-dettalji li bihom ix-xufier jista' jiġi identifikat (l-isem, il-card tax-xufier jew in-numru tal-liċenzja tax-xufier), inkluża l-firma tiegħu.”;

Il-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Meta x-xufier ma jkunx jista' juża t-tagħmir stallat fil-vettura minħabba li x-xufier kien 'il bogħod mill-vettura, il-perijodi tal-ħin imsemmija fil-paragrafu 3, it-tieni inċiż (b), (ċ) u (d) għandhom:

(a)

jekk il-vettura tkun stallata b'tagħmir ta' reġistrazzjoni skond l-Anness I, jiddaħħlu fil-folja tar-rekords, jew manwalment, jew b'reġistrazzjoni awtomatika jew b'mezzi oħra, b'mod li jistgħu jinqraw u mingħajr ma titħammeġ il-folja; jew

(b)

jekk il-vettura tkun attrezzata b'tagħmir tar-reġistrazzjoni skond l-Anness IB, jiddaħħlu fil-card tax-xufier permezz tal-faċilità ta' dħul manwali li hemm fit-tagħmir tar-reġistrazzjoni.

Fejn ikun hemm aktar minn xufier wieħed fuq il-vettura attrezzata bit-tagħmir ta' reġistrazzjoni skond l-Anness IB, kull xufier għandu jiżgura illi l-card tax-xufiera tiegħu tidħol fl-islott it-tajjeb fit-takografu.”;

Il-paragrafi (3)(b) u (ċ) għandhom jinbidlu b'dan li ġej:

“(b)

‘xogħol ieħor’ tfisser kull attività minbarra s-sewqan, kif imfisser fl-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta' persuni li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport bit-triq (**), kif ukoll kull xogħol għall-istess persuna li tħaddem jew għal xi persuna oħra li tħaddem kemm fis-settur tat-trasport jew barra minnu, u għandha tkun irreġistrata taħt dan is-sinjal

Image

.

(ċ)

‘disponibbiltà’ definita fl-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2002/15/KE għandha tkun irreġistrata taħt dan is-sinjal

Image

.

Il-paragrafu 4 għandu jitħassar;

Il-paragrafu 7 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“7.

(a)

Fejn ix-xufier isuq vettura li tkun attrezzata b'tagħmir ta' reġistrazzjoni skond l-Anness I, ix-xufier għandu jkun kapaċi juri, kull meta jintalab minn uffiċjali li jispezzjona:

(i)

il-folji tar-rekords għall-ġimgħa kurrenti u dawk użati mix-xufier fil-15-il jum ta' qabel;

(ii)

il-card tax-xufier jekk dan ikollu waħda, u

(iii)

kull rekord manwali u karti stampati li jkunu saru matul il-ġimgħa kurrenti u l-15-il jum ta' qabel kif meħtieġ taħt dan ir-Regolament u r-Regolament (KE) Nru 561/2006.

Madankollu, wara l-1 ta' Jannar 2008, il-perijodi ta' ħin imsemmija f'(i) u (iii) għandhom ikopru l-jum kurrenti u t-28 jum ta' qabel.

(b)

Meta x-xufier isuq vettura attrezzata b'tagħmir ta' reġistrazzjoni skond l-Anness IB, ix-xufier għandu jkun kapaċi juri, kull meta jintalab minn uffiċjali li jispezzjona:

(i)

il-card tax-xufier tiegħu;

(ii)

kull rekord manwali u karta stampata li tkun saret matul il-ġimgħa kurrenti u l-15-il jum ta' qabel kif mitlub taħt dan ir-Regolament u Regolament (KE) Nru 561/2006, u

(iii)

il-folji tar-rekords li jaqblu ma' l-istess perijodu bħal dak imsemmi fis-subparagrafu ta' qabel li matulu huwa saq vettura attrezzata b'tagħmir ta' reġistrazzjoni skond l-Anness 1.

Madankollu, wara l-1 ta' Jannar 2008, il-perijodi ta' ħin imsemmija taħt (ii) għandhom ikopru il-jum kurrenti u t-28 jum ta' qabel.

(ċ)

Uffiċjali awtorizzat li jispezzjona jista' jiċċekkja l-konformità mar-Regolament (KE) Nru 561/2006 billi janalizza l-folji tar-rekords, tad-data murija jew stampata li tkun ġiet irreġistrata mit-tagħmir ta' reġistrazzjoni jew mill-card tax-xufier jew, fin-nuqqas ta' dan, billi janalizza kwalunkwe dokument ieħor ta' appoġġ illi jiġġustifika n-nuqqas ta' osservanza ta' xi disposizzjoni, bħal dawk imniżżla fl-Artikoli 16 (2) u (3).”

Artikolu 27

Ir-Regolament (KEE) Nru 2135/98 qiegħed jiġi emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 2(1)(a) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“1.

(a)

Mill-għoxrin jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' ... dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġislazzjoni soċjali relatata mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 (***) vetturi mressqa għas-servizz għall-ewwel darba għandhom jitwaħħlilhom tagħmir ta' reġistrazzjoni skond il-ħtiġiet ta' l-Anness IB għar-Regolament (KEE) Nru 3821/85.

(***)  ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1”."

2.

L-Artikolu 2(2) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li huma qegħdin f'pożizzjoni li joħorġu karti tas-sewqan mhux aktar tard mill-għoxrin jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006”.

Artikolu 28

Ir-Regolament (KEE) Nru 3820/85 qiegħed b'dan jiġi mħassar u mibdul b'dan ir-Regolament.

Madankollu, il-paragrafi 1, 2 u 4 ta' Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85 għandhom jibqgħu japplikaw sad-dati mniżżla fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2003/59/KE.

Artikolu 29

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-11 ta' April 2007, minbarra l-Artikoli 10(5), 26(3) u (4) u 27, li għandhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2006.

Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-15 ta' Marzu 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

H. WINKLER


(1)  ĠU C 51 E, 26.2.2002, p. 234.

(2)  ĠU C 221, 17.9.2002, p. 19.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Jannar 2003 (ĠU C 38 E, 12.2.2004, p. 152), Posizzjoni Komuni tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2004 (ĠU C 63 E, 15.3.2005, p. 11), u Posizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' April 2005 (ĠU C 33 E, 9.2.2006, p. 425). Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2006 u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Frar 2006.

(4)  ĠU L 370, 31.12.1985, p. 1. Regolament kif emendat bid-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 226, 10.9.2003, p. 4).

(5)  ĠU L 80, 23.3.2002, p. 35.

(6)  ĠU L 370, 31.12.1985, p. 8. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 432/2004 (ĠU L 71, 10.3.2004, p. 3).

(7)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(8)  Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2003 dwar il-kwalifika inizjali u t-taħriġ perjodiku tas-sewwieqa ta' ċerti vetturi tat-triq għat-trasport ta' merkanzija jew ta' passiġġieri, li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 u d-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE u li tħassar id–Direttiva tal-Kunsill 76/914/KEE (ĠU L 226, 10.9.2003, p. 4). Direttiva kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2004/66/KE (ĠU L 168, 1.5.2004, p. 35).

(9)  Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE tat-23 ta' Novembru 1988 dwar il-proċeduri standard ta' kontroll għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u r-Regolament (KEE) Nru 3821/85 dwar it-tagħmir ta' reġistrazzjoni fit-trasport bit-triq (ĠU L 325, 29.11.1988, p. 55).

(10)  ĠU L 74, 20.3.1992, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.

(11)  ĠU L 15, 21.1.1998, p. 14. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(12)  ĠU L 72, 25.3.1993, p. 33.


DIKJARAZZJONIJIET

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li, fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolamemt, id-disposizzjonijiet ta' l-AETR isiru konformi mad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. Jekk tali konformità ma tkunx intlaħqet f'dak il-perijodu l-Kummissjoni għandha tipproponi azzjoni adatta sabiex tirranġa s-sitwazzjoni.


Top