EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0420

Deċiżjoni (UE) 2019/420 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Marzu 2019 li temenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili

PE/90/2018/REV/1

OJ L 77I, 20.3.2019, p. 1–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/420/oj

20.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 77/1


DEĊIŻJONI (UE) 2019/420 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Marzu 2019

li temenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 196 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (“il-Mekkaniżmu tal-Unjoni”), regolat mid-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u jiffaċilita l-koordinazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni ċivili sabiex itejjeb ir-reazzjoni tal-Unjoni għal diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem.

(2)

Filwaqt li jirrikonoxxi r-responsabbiltà ewlenija tal-Istati Membri li jipprevjenu, jħejju u jirrispondu għal diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni jippromwovi s-solidarjetà bejn l-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

(3)

Id-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem jistgħu jolqtu kwalunkwe post fid-dinja, spiss mingħajr twissija. Kemm jekk ikunu naturali kif ukoll jekk ikkawżati mill-bniedem, dawn qed isiru dejjem aktar frekwenti, estremi u kumplessi, huma aggravati mill-impatt tat-tibdil fil-klima, u dan irrispettivament mill-fruntieri nazzjonali. Il-konsegwenzi umani, ambjentali, soċjali u ekonomiċi li jirriżultaw minn dawn id-diżastri jistgħu jkunu ta' daqs li s'issa mhuwiex magħruf.

(4)

Eperjenza reċenti wriet li d-dipendenza fuq l-offerti volontarji ta' assistenza reċiproka, ikkoordinata u ffaċilitata mill-Mekkaniżmu tal-Unjoni, mhux dejjem tiżgura li jkun hemm biżżejjed kapaċitajiet disponibbli biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet bażiċi tan-nies affettwati mid-diżastri b'mod sodisfaċenti, jew li l-ambjent u l-proprjetà jkunu ssalvagwardjati kif xieraq. Dan ikun partikolarment il-każ meta l-Istati Membri jiġu affettwati simultanjament minn diżastri li jkunu kemm rikorrenti kif ukoll mhux mistennija, kemm jekk naturali kif ukoll jekk ikkawżati mill-bniedem, u fejn il-kapaċità kollettiva ma tkunx suffiċjenti. Sabiex jingħelbu dawk l-insuffiċjenzi u jiġu indirizzati l-perikli li jirriżultaw, jenħtieġ li l-istrumenti kollha tal-Unjoni jintużaw b'mod kompletament flessibbli, inkluż permezz tal-promozzjoni ta' parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili.

(5)

Huwa essenzjali li l-Istati Membri jwettqu azzjonijiet ta' prevenzjoni u tħejjija adegwati, inkluż li jiżguraw id-disponibbiltà ta' numru suffiċjenti ta' kapaċitajiet biex jiffaċċjaw id-diżastri, b'mod partikolari dawk ta' nirien fil-foresti. Meta jitqies li l-Unjoni kienet ikkonfrontata fis-snin reċenti b'nirien fil-foresti partikolarment intensi u mifruxa, li nkixfu lakuni operattivi sinifikanti f'diversi Stati Membri u fil-Kapaċità Ewropea ta' Reazzjoni f'każ ta' Emerġenza (EERC, European Emergency Response Capacity), stabbilita fil-forma ta' konsorzju volontarju ta' kapaċitajiet ta' reazzjoni impenjati minn qabel mill-Istati Membri taħt id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE, jenħtieġ li jittieħdu wkoll miżuri addizzjonali fil-livell tal-Unjoni. Il-prevenzjoni tan-nirien tal-foresti hija wkoll fundamentali fil-kuntest tal-impenn globali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2.

(6)

Il-prevenzjoni hija ta' importanza ewlenija għall-protezzjoni kontra d-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem u teħtieġ azzjoni ulterjuri. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkondividu mal-Kummissjoni, fuq bażi regolari, sommarji tal-valutazzjonijiet tar-riskju u tal-valutazzjoni tal-kapaċità tagħhom ta' ġestjoni tar-riskju, b'enfasi fuq ir-riskji prinċipali. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkondividu informazzjoni dwar miżuri ta' prevenzjoni u tħejjija, b'mod partikolari dawk meħtieġa biex jiġu indirizzati r-riskji ewlenin li jkollhom impatti transkonfinali u, fejn xieraq, riskji bi probabbiltà baxxa b'impatt qawwi.

(7)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri jiżviluppaw aktar il-linji gwida biex tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar il-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri. Tali linji gwida għandhom jgħinu biex tiġi promossa l-komparabilità ta' tali informazzjoni, b'mod partikolari fejn l-Istati Membri jaffaċċjaw riskji simili jew riskji transkonfinali.

(8)

Il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri jimplikaw il-ħtieġa li jitfasslu u jiġu implimentati miżuri ta' ġestjoni tar-riskju li jinvolvu l-koordinament ta' firxa wiesgħa ta' atturi. Huwa importanti li jitqiesu l-varjabbiltà fil-klima attwali u t-trajjettorji projettati tat-tibdil fil-klima meta jitħejjew il-valutazzjonijiet tar-riskju u l-miżuri tal-ġestjoni tar-riskju. It-tħejjija ta' mapep tar-riskju hija aspett kruċjali tat-tisħiħ tal-azzjonijiet ta' prevenzjoni u l-kapaċità ta' reazzjoni. L-azzjonijiet biex titnaqqas il-vulnerabilità tal-popolazzjoni, l-attivitajiet ekonomiċi, inkluża l-infrastruttura kritika, it-trattament xieraq tal-annimali u l-organiżmi selvaġġi, ir-riżorsi ambjentali u kulturali bħall-bijodiversità, is-servizzi tal-ekosistemi tal-foresti u r-riżorsi tal-ilma, huma ta' importanza kbira.

(9)

Sabiex jitjiebu l-ippjanar u l-koordinazzjoni tal-prevenzjoni u t-tħejjija fost l-Istati Membri, jenħtieġ li l-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tkun tista' tistabbilixxi mekkaniżmi speċifiċi ta' konsultazzjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista' titlob informazzjoni dwar miżuri ta' prevenzjoni u ta' tħejjija relatati ma' riskji speċifiċi meta Stat Membru jitlob assistenza b'mod frekwenti. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta tali informazzjoni bil-għan li timmassimizza l-appoġġ ġenerali tal-Unjoni għall-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri u li jissaħħu l-livelli tal-prevenzjoni u t-tħejjija tal-Istati Membri. Jenħtieġ li jitnaqqas il-piż amministrattiv u jenħtieġ li jissaħħu r-rabtiet ma' politiki u strumenti ewlenin oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari mal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej imsemmija fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(10)

L-għargħar jikkostitwixxi riskju li qed jikber għaċ-ċittadini tal-Unjoni. Għall-finijiet tat-tisħiħ tal-azzjonijiet ta' prevenzjoni u tħejjija fil-qasam tal-protezzjoni ċivili u t-tnaqqis tal-vulnerabbiltà tal-popolazzjonijiet rispettivi tagħhom fir-rigward tar-riskji ta' għargħar, jenħtieġ li l-Istati Membri, meta jwettqu l-valutazzjonijiet tar-riskju tagħhom taħt din id-Deċiżjoni, jagħmlu użu sħiħ ta', fost l-oħrajn, il-valutazzjonijiet tar-riskju mwettqa taħt id-Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) sabiex jiġi ddeterminat jekk il-mogħdijiet tal-ilma u x-xtut tagħhom humiex f'riskju ta' għargħar, u jieħdu miżuri adegwati u koordinati sabiex jitnaqqsu tali riskji.

(11)

Hemm bżonn li tiġi rinforzata l-abbiltà kollettiva għat-tħejjija u r-reazzjoni għal diżastri, b'mod partikolari permezz tal-appoġġ reċiproku fl-Ewropa. Sabiex ikun rifless il-qafas legali ġdid taħt din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li l-isem Kapaċità Ewropea ta' Reazzjoni f'każ ta' Emerġenza (EERC) jew riżerva volontarja jinbidel għal Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili.

(12)

Ir-rinfurzar tar-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili jeħtieġ titjib fil-finanzjament tal-Unjoni f'termini ta' adattament u tiswija tal-kapaċitajiet, kif ukoll ta' spejjeż operazzjonali.

(13)

Minbarra li ssaħħaħ il-kapaċitajiet eżistenti b'mod ġenerali, jenħtieġ li r-riżerva “rescEU” tkun stabbilita biex tirrispondi għal sitwazzjonijiet devastanti bħala l-aħħar istanza fejn il-kapaċitajiet eżistenti fil-livell nazzjonali u dawk impenjati minn qabel mill-Istati Membri fir-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili ma jkunux, fiċ-ċirkustanzi, kapaċi jiżguraw reazzjoni effettiva għal tipi varji ta' diżastri.

(14)

Ir-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-prevenzjoni u l-ġestjoni tad-diżastri huwa ta' importanza kbira, u l-kapaċitajiet ta' reazzjoni tagħhom jenħtieġ li jkunu involuti b'mod xieraq fi kwalunkwe attività ta' koordinazzjoni u mobilizzazzjoni li ssir taħt din id-Deċiżjoni, f'konformità mal-oqfsa istituzzjonali u legali tal-Istati Membri, bil-għan li jiġu mminimizzati s-sovrapożizzjonijiet u titrawwem l-interoperabbiltà. Tali awtoritajiet jistgħu jaqdu rwol preventiv importanti u huma wkoll l-ewwel li jirreaġixxu wara diżastru, flimkien mal-kapaċitajiet tal-voluntiera tagħhom. Għaldaqstant, teżisti ħtieġa għal kooperazzjoni kontinwa fil-livell lokali, reġjonali u transkonfinali bil-għan li jiġu stabbiliti sistemi ta' twissija komuni biex isir intervent rapidu qabel il-mobilizzazzjoni tar-rescEU, kif ukoll kampanji ta' informazzjoni regolari għall-pubbliku dwar il-miżuri ta' reazzjoni inizjali.

(15)

Jenħtieġ li n-natura tal-kapaċitajiet tar-rescEU tibqa' flessibbli u tkun tista' tevolvi sabiex tindirizza żviluppi ġodda u sfidi futuri, bħall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima.

(16)

Minħabba li r-riskji identifikati, il-kapaċitajiet globali u l-lakuni jvarjaw maż-żmien, hemm il-ħtieġa ta' flessibbiltà fl-istabbiliment tar-rescEU. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti ta' implimentazzjoni li jiddefinixxu kapaċitajiet tar-rescEU, filwaqt li jikkunsidraw ir-riskji identifikati, il-kapaċitajiet globali u l-lakuni.

(17)

Sabiex il-kapaċitajiet tar-rescEU jkunu jiffunzjonaw, jenħtieġ li jsiru disponibbli approprjazzjonijiet finanzjarji addizzjonali għall-finanzjament ta' azzjonijiet taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni.

(18)

Jenħtieġ li l-Unjoni tkun tista' tappoġġa lill-Istati Membri billi tikkofinanzja l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tar-rescEU, inklużi l-kiri, il-leasing jew l-akkwist tagħhom. Dan iżid sostanzjalment l-effettività tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni, billi jiżgura d-disponibbiltà tal-kapaċitajiet f'każijiet fejn diversament ma tkunx garantita reazzjoni effettiva għad-diżastri, b'mod partikolari għal diżastri b'impatt wiesa' li jaffettwaw għadd sinifikanti ta' Stati Membri. Jenħtieġ li l-akkwist konġunt ta' kapaċitajiet jippermetti ekonomiji ta' skala u koordinazzjoni aħjar fir-reazzjoni għal diżastri.

(19)

Jenħtieġ li l-ammont ta' assistenza finanzjarja mill-Unjoni żborżat għall-iżvilupp ta' kapaċitajiet tar-rescEU ikun determinat billi jittieħed kont tal-lista tal-kategoriji ta' spiża eliġibbli stabbilita f'din id-Deċiżjoni. Jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja sħiħa mill-Unjoni għal kapaċitajiet li huma meħtieġa sabiex jirrispondu għal riskji ta' probabbiltà baxxa b'impatt qawwi li jistgħu jirriżultaw f'impatti transkonfinali sinifikanti u li għalihom il-livelli ta' tħejjija fl-Unjoni mhumiex meqjusa adegwati abbażi ta' analiżijiet tal-lakuna fil-kapaċità mwettqa mill-awtoritajiet tal-protezzjoni ċivili nazzjonali u l-Kummissjoni. Jenħtieġ li jiġi previst ukoll kofinanzjament sostanzjali għal kapaċitajiet li għalihom l-akkwist u l-ispejjeż rikorrenti huma l-ogħla, bħal kapaċitajiet għat-tifi tan-nirien fil-foresti mill-ajru. Jenħtieġ li jiġu determinati rati ta' kofinanzjament eżatti fil-programmi ta' ħidma annwali.

(20)

Sabiex jintlaħaq bilanċ bejn ir-responsabbiltà nazzjonali u s-solidarjetà fost l-Istati Membri, jenħtieġ li parti mill-ispejjeż operattivi biex jiġu skjerati l-kapaċitajiet tar-rescEU tkun eliġibbli għal assistenza finanzjarja mill-Unjoni.

(21)

L-Istati Membri jew iċ-ċittadini tagħhom jistgħu jiġu affettwati b'mod sinifikanti minn diżastri li jseħħu f'pajjiżi terzi. Jenħtieġ li f'tali sitwazzjonijiet, il-kapaċitajiet tar-rescEU ikunu disponibbli wkoll għal skjeramenti barra mill-Unjoni. Għal raġunijiet relatati mas-solidarjetà fost l-Istati Membri, fil-każ ta' skjeramenti tal-kapaċitajiet tar-rescEU barra l-Unjoni, l-ispejjeż operattivi jenħtieġ li jiġġarrbu mill-baġit tal-Unjoni.

(22)

Sabiex tiġi żgurata reazzjoni li tkun kemm koordinata kif ukoll rapida, id-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni u d-demobilizzazzjoni, u kwalunkwe deċiżjoni fil-każ ta' talbiet konfliġġenti, jenħtieġ li jittieħdu mill-Kummissjoni f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Istat Membru li jagħmel it-talba u l-Istat Membru li jkun is-sid ta', jew jikri jew ikollu b'lease, il-kapaċitajiet tar-rescEU inkwistjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istat Membru li jkun is-sid ta', jew li jkun qed jikri jew ikollu b'lease, l-kapaċitajiet tar-rescEU jikkonkludu kuntratti operazzjonali li jispeċifikaw it-termini u l-kondizzjonijiet tal-iskjerament tal-kapaċitajiet tar-rescEU.

(23)

It-taħriġ, ir-riċerka u l-innovazzjoni huma aspetti essenzjali tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni ċivili. Sabiex jissaħħu l-effiċjenza u l-effettività tat-taħriġ u l-eżerċizzji fil-qasam tal-protezzjoni ċivili, issir promozzjoni tal-innovazzjoni u d-djalogu, u tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u s-servizzi nazzjonali tal-protezzjoni ċivili tal-Istati Membri, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit Netwerk tal-Unjoni ta' Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili. Jenħtieġ li dak in-Netwerk ikun ibbażat fuq strutturi eżistenti inklużi ċentri ta' eċċellenza, universitajiet, riċerkaturi u esperti oħrajn, professjonisti żgħażagħ u voluntiera bl-esperjenza fil-qasam tal-ġestjoni tal-emerġenzi. Jenħtieġ li tiġi msaħħa wkoll aktar kooperazzjoni dwar it-taħriġ, ir-riċerka u l-innovazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, u, fejn possibbli, tiġi estiża biex ikunu involuti pajjiżi terzi, b'mod partikolari pajjiżi ġirien.

(24)

L-operaturi tal-protezzjoni ċivili jiddedikaw ħajjithom biex jgħinu lill-oħrajn, u jinvestu ħin u sforzi sabiex jgħinu lil dawk fil-bżonn. Jenħtieġ li tali kuraġġ u impenn għall-Protezzjoni ċivili tal-Unjoni jiġi rikonoxxut mill-Unjoni.

(25)

Filwaqt li t-tisħiħ tal-protezzjoni ċivili fid-dawl tax-xejriet ta' diżastri, tali dawk relatati mat-temp kif ukoll dawk relatati mas-sigurtà interna, huwa wieħed mill-aktar prijoritajiet importanti fl-Unjoni, huwa essenzjali li tiġi żgurata dimensjoni b'saħħitha, kemm territorjali kif ukoll immexxija mill-komunità, peress li l-azzjoni tal-komunità lokali hija l-aktar mod rapidu u effettiv biex tiġi limitata l-ħsara kkawżata minn diżastru.

(26)

Hemm bżonn li l-proċeduri tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni jiġu ssimplifikati, sistemati u li tiżdied il-flessibbiltà tagħhom, sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jaċċessaw malajr l-assistenza u l-kapaċitajiet meħtieġa sabiex jirrispondu għal diżastri naturali jew dawk ikkawżati mill-bniedem malajr kemm jista' jkun u bl-aktar mod effiċjenti possibbli.

(27)

Sabiex jiġi massimizzat l-użu ta' strumenti eżistenti ta' finanzjament u jiġu appoġġati l-Istati Membri fl-għoti ta' assistenza, inkluż f'reazzjoni għal diżastri barra l-Unjoni, il-finanzjament jingħata skont l-Artikoli 21, 22 u 23 tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE f'konformità mal-Artikolu 191(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Madankollu, il-finanzjament għal attivitajiet ta' protezzjoni ċivili u għajnuna umanitarja, b'mod partikolari, jenħtieġ li jibqa' separat b'mod ċar u jkun konformi b'mod sħiħ mal-għanijiet u r-rekwiżiti legali rispettivi tagħhom.

(28)

Huwa importanti li jiġi żgurat li l-Istati Membri jieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jipprevjenu b'mod effettiv id-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem u sabiex jimmitigaw l-effetti tagħhom. Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni jirrinforzaw ir-rabtiet bejn l-azzjonijiet ta' prevenzjoni, tħejjija u reazzjoni taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni. Jenħtieġ ukoll li tiġi żgurata l-koerenza mal-leġislazzjoni l-oħra rilevanti tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri, anke għall-azzjoni ta' prevenzjoni transkonfinali u r-reazzjoni għal theddid bħal theddid transkonfinali serju għas-saħħa, kif stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Il-programmi ta' kooperazzjoni territorjali taħt il-politika ta' koeżjoni jipprovdu għal azzjonijiet speċifiċi bil-għan li tiġi kkunsidrata r-reżiljenza għad-diżastri, il-prevenzjoni tar-riskji u l-ġestjoni tar-riskju, u jenħtieġ li jsiru sforzi ulterjuri għal integrazzjoni aktar b'saħħitha u sinerġiji akbar. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-azzjonijiet kollha jkunu koerenti ma', u jikkontribwixxu b'mod attiv sabiex jiġu onorati, impenji internazzjonali bħall-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri 2015 – 2030, il-Ftehim ta' Pariġi taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar Tibdil fil-Klima u l-Aġenda tan-NU 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli.

(29)

Sabiex jiġi żgurat skambju komprensiv u bla xkiel ta' informazzjoni dwar il-kapaċitajiet u moduli għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri, huwa meħtieġ li l-informazzjoni mtella' fuq is-Sistema Komuni ta' Komunikazzjoni u Informazzjoni f'każ ta' Emerġenza (CECIS) tkun aġġornata kostantement. Fir-rigward ta' informazzjoni pprovduta permezz tas-CECIS, huwa xieraq ukoll li l-Istati Membri jirreġistraw fiha kapaċitajiet li mhumiex impenjati minn qabel fir-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili u li jkunu għad-dispożizzjoni tagħhom għall-finijiet tal-iskjerament ta' dawk il-kapaċitajiet permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni.

(30)

Huwa daqstant importanti li jinħolqu sinerġiji u li jitjiebu l-komplementarjetà u l-koordinazzjoni bejn il-Mekkaniżmu tal-Unjoni u strumenti oħra tal-Unjoni, anke ma' dawk li jistgħu jikkontribwixxu għat-tiswija jew il-mitigazzjoni tad-dannu kkawżat minn diżastri.

(31)

Sabiex jiġu emendati l-kategoriji ta' spejjeż eliġibbli li jintużaw għad-determinazzjoni tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet tar-rescEU, is-setgħa li tadotta atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (9). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom b'mod sistematiku jkollhom aċċess għal-laqgħat tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(32)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, fir-rigward ta': id-definizzjoni tat-tipi u l-għadd ta' kapaċitajiet ta' reazzjoni ewlenin meħtieġa għar-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili; id-definizzjoni tal-kapaċitajiet li minnhom tikkonsisti r-rescEU, b'kont meħud tar-riskji identifikati, il-kapaċitajiet globali u l-lakuni; l-istabbiliment, il-ġestjoni u l-manutenzjoni tar-rescEU; l-istabbiliment u l-organizzazzjoni tan-Netwerk tal-Unjoni ta' Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili; il-kategoriji ta' riskji ta' probabbiltà baxxa b'impatt qawwi u l-kapaċitajiet korrispondenti biex dawn ikunu ġestiti; u kriterji u proċeduri sabiex jiġi rikonoxxut l-impenn fuq perijodu twil u l-kontributi straordinarji għall-Protezzjoni ċivili tal-Unjoni, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(33)

Ladarba l-objettiv ta' din id-Deċiżjoni, jiġifieri li tiżdied il-kapaċità kollettiva tal-prevenzjoni ta', it-tħejjija u r-reazzjoni għal, diżastri, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost jista', minħabba l-iskala jew l-effetti tiegħu, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv.

(34)

Sabiex tiġi żgurata transizzjoni bla xkiel lejn l-implimentazzjoni sħiħa tar-rescEU, jenħtieġ li l-Kummissjoni, għal perijodu tranżizzjonali, tkun tista' tipprovdi finanzjament biex tiġi żgurata d-disponibbiltà rapida ta' kapaċitajiet nazzjonali rilevanti. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jistinkaw biex jiksbu kapaċitajiet addizzjonali, inklużi ħelikopters għat-tifi tan-nar, sabiex jirrispondu, mhux aktar tard mis-sajf tal-2019, għar-riskju ta' nirien tal-foresti.

(35)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tiġi emendata kif meħtieġ.

(36)

Sabiex tippermetti l-applikazzjoni pronta ta' dawn il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE hija b'dan emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (c) jinbidel b'dan li ġej:

“(c)

li tiġi ffaċilitata reazzjoni rapida u effiċjenti f'każ ta' diżastri jew diżastri imminenti, inkluż billi jittieħdu miżuri biex jittaffew il-konsegwenzi immedjati ta' id-diżastri;”;

(ii)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(e)

li jiżdiedu d-disponibbiltà u l-użu tal-għarfien xjentifiku dwar id-diżastri; u

(f)

li jiżdiedu l-attivitajiet ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni fil-livell transkonfinali u fost l-Istati Membri suxxettibbli għall-istess tipi ta' diżastri.”;

(b)

il-punt (a) tal-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

il-progress fl-implimentazzjoni tal-qafas tal-prevenzjoni ta' diżastri: li jitkejjel mill-għadd ta' Stati Membri li jkunu qiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-informazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 6(1);”;

(2)

fl-Artikolu 4, jiżdied il-punt li ġej:

“(12)

‘Stat Parteċipanti’ tfisser pajjiż terz li jipparteċipa fil-Mekkaniżmu tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 28(1).”;

(3)

l-Artikolu 5(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

tieħu azzjoni biex ittejjeb il-bażi ta' għarfien dwar riskji ta' diżastri, u biex tiffaċilita u tippromwovi aħjar il-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni ta' għarfien, ir-riżultati tar-riċerka xjentifika u l-innovazzjoni, l-aħjar prattiki u l-informazzjoni, inkluż fost l-Istati Membri li jikkondividu riskji komuni;”;

(b)

il-punt (f) jinbidel b'dan li ġej:

“(f)

tiġbor u xxerred l-informazzjoni li ssir disponibbli mill-Istati Membri; torganizza skambju ta' esperjenzi dwar il-valutazzjoni tal-kapaċità ta' ġestjoni tar-riskju; u tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fl-ippjanar tal-prevenzjoni u tal-istat ta' tħejjija, inkluż permezz ta' evalwazzjonijiet volontarji bejn il-pari;”;

(c)

il-punt (i) jinbidel b'dan li ġej:

“(i)

tenfasizza l-importanza tal-prevenzjoni tar-riskji, tappoġġa lill-Istati Membri fis-sensibilizzazzjoni, l-informazzjoni u l-edukazzjoni tal-pubbliku, u tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri fl-għoti ta' informazzjoni pubblika dwar sistemi ta' allert, billi tipprovdi gwida dwar tali sistemi, inkluż fuq livell transkonfinali;”;

(4)

l-Artikolu 6 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 6

Ġestjoni tar-riskju

1.   Sabiex jippromwovu approċċ effikaċi u koerenti għall-prevenzjoni tad-diżastri u t-tħejjija għalihom billi jikkondividu informazzjoni mhux sensittiva, jiġifieri informazzjoni li l-iżvelar tagħha ma jmurx kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Istati Membri, u sabiex jippromwovu l-iskambju tal-aħjar prattiki fi ħdan il-Mekkaniżmu tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jiżviluppaw aktar il-valutazzjonijiet tar-riskju fil-livell nazzjonali jew il-livell subnazzjonali adatt;

(b)

jiżviluppaw aktar il-valutazzjoni tal-kapaċità ta' ġestjoni tar-riskju fil-livell nazzjonali jew fil-livell subnazzjonali adatt;

(c)

jiżviluppaw u jirfinaw aktar l-ippjanar tal-ġestjoni tar-riskju ta' diżastru fil-livell nazzjonali jew fil-livell subnazzjonali adatt;

(d)

iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni sommarju tal-elementi rilevanti tal-valutazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b), b'enfasi fuq ir-riskji ewlenin. Għal riskji ewlenin li għandhom impatti transkonfinali kif ukoll, fejn xieraq, għal riskji ta' probabbiltà baxxa b'impatt qawwi, l-Istati Membri għandhom jiddeskrivu miżuri prijoritarji ta' prevenzjoni u tħejjija. Is-sommarju għandu jiġi pprovdut lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2020 u kull tliet snin minn dik id-data 'l quddiem u kull meta jkun hemm bidliet importanti;

(e)

jipparteċipaw, fuq bażi volontarja, f'evalwazzjonijiet bejn il-pari dwar il-valutazzjoni tal-kapaċità ta' ġestjoni tar-riskju.

2.   Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tista' tistabbilixxi wkoll mekkaniżmi ta' konsultazzjoni speċifiċi biex jittejbu l-ippjanar u l-koordinazzjoni adatti tal-prevenzjoni u t-tħejjija fost l-Istati Membri li huma suxxettibbli għal tipi simili ta' diżastri, inkluż għal riskji transkonfinali u riskji bi probabbiltà baxxa b'impatt qawwi identifikati taħt il-punt (d) tal-paragrafu 1.

3.   Sat-22 ta' Diċembru 2019, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa aktar, flimkien mal-Istati Membri, linji gwida dwar il-preżentazzjoni tas-sommarju imsemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 1.

4.   Fejn Stat Membru jitlob b'mod frekwenti l-istess tip ta' assistenza permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-istess tip ta' diżastru, il-Kummissjoni, wara analiżi bir-reqqa tar-raġunijiet u ċ-ċirkostanzi tal-attivazzjoni, u bil-għan li tappoġġa lill-Istat Membru kkonċernat biex isaħħaħ il-livell ta' prevenzjoni u tal-istat ta' tħejjija tiegħu, tista':

(a)

titlob lil dak l-Istat Membru jipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar miżuri speċifiċi ta' prevenzjoni u tħejjija relatati mar-riskju li jikkorrispondi għal dak it-tip ta' diżastru; u

(b)

fejn adatt, abbażi tal-informazzjoni pprovduta:

(i)

tipproponi l-istazzjonar ta' tim ta' esperti fuq il-post biex jipprovdi konsulenza dwar miżuri ta' prevenzjoni u tħejjija; jew

(ii)

tagħmel rakkomandazzjonijiet biex jissaħħaħ il-livell ta' prevenzjoni u tal-istat ta' tħejjija fl-Istat Membru kkonċernat. Il-Kummissjoni u dak l-Istat Membru għandhom iżommu lil xulxin informati dwar kwalunkwe miżura meħuda b'segwitu għal tali rakkomandazzjonijiet.

F'każ li Stat Membru jitlob l-istess tip ta' assistenza permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-istess tip ta' diżastru tliet darbiet fi żmien tliet snin konsekuttivi, il-punti (a) u (b) għandhom japplikaw sakemm analiżi bir-reqqa tar-raġunijiet u ċ-ċirkostanzi tal-attivazzjonijiet frekwenti ma turix li din mhijiex meħtieġa.”;

(5)

fl-Artikolu 10, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien biex itejbu l-ippjanar ta' operazzjonijiet ta' reazzjoni għad-diżastri, kemm għal diżastri naturali kif ukoll dawk ikkawżati mill-bniedem, taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni, inkluż permezz tat-tfassil ta' xenarji għal reazzjoni għal diżastri bbażati fuq il-valutazzjonijiet tar-riskju msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(1) u l-perspettiva ġenerali tar-riskji msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 5(1), l-immappjar tal-assi u l-iżvilupp ta' pjanijiet għall-istazzjonar tal-kapaċitajiet ta' reazzjoni.”;

(6)

l-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu jinbidel b'dan li ġej:

“Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili”;

(b)

il-paragrafi 1 u 2 jinbidlu b'dan li ġej:

“1.   B'dan hija stabbilita Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili. Din għandha tikkonsisti minn riżerva ta' kapaċitajiet ta' reazzjoni impenjati minn qabel b'mod volontarju mill-Istati Membri u għandha tinkludi moduli, kapaċitajiet oħra ta' reazzjoni u kategoriji ta' esperti.

1a.   L-assistenza pprovduta minn Stat Membru permezz tar-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili għandha tikkomplementa l-kapaċitajiet eżistenti fl-Istat Membru li jagħmel it-talba, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà primarja tal-Istati Membri għall-prevenzjoni u r-reazzjoni fir-rigward ta' diżastri fit-territorju tagħhom.

2.   Abbażi tar-riskji, tal-kapaċitajiet globali u tal-lakuni identifikati, il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni adottati taħt il-punt (f) tal-Artikolu 32(1), it-tipi u l-għadd ta' kapaċitajiet ewlenin ta' reazzjoni meħtieġa għar-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili (“miri tal-kapaċità”).

Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tagħmel monitoraġġ tal-progress lejn il-miri tal-kapaċità stabbiliti fl-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, u tidentifika lakuni potenzjalment sinifikanti fil-kapaċità ta' reazzjoni fir-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili. Fejn ikunu ġew identifikati tali lakuni, il-Kummissjoni għandha teżamina jekk il-kapaċitajiet meħtieġa humiex disponibbli għall-Istati Membri barra r-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili. Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jindirizzaw lakuni sinifikanti fil-kapaċità ta' reazzjoni fir-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili, u tista' tappoġġa lill-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 20, il-punt (i) tal-Artikolu 21(1) u l-Artikolu 21(2).”;

(7)

l-Artikolu 12 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 12

rescEU

1.   B'dan hija stabbilita r-rescEU biex tipprovdi assistenza f'sitwazzjonijiet qliel fejn il-kapaċitajiet globali eżistenti fil-livell nazzjonali u dawk impenjati minn qabel mill-Istati Membri fir-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili ma jkunux, fiċ-ċirkostanzi, kapaċi jiżguraw reazzjoni effettiva għat-tipi varji ta' diżastri msemmija fl-Artikolu 1(2).

Sabiex tkun garantita reazzjoni effettiva għal diżastri, fejn xieraq, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw distribuzzjoni ġeografika adegwata tal-kapaċitajiet tar-rescEU.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni adottati taħt il-punt (g) tal-Artikolu 32(1), il-kapaċitajiet li minnhom għandha tinkonsisti r-rescEU, b'kont meħud tar-riskji identifikati u dawk emerġenti, il-kapaċitajiet globali u l-lakuni fil-livell tal-UE, b'mod partikolari fl-oqsma tat-tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru, inċidenti kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari, u r-rispons mediku ta' emerġenza. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiżguraw konsistenza ma' liġijiet applikabbli oħra tal-Unjoni. L-ewwel tali att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat sat-22 ta' Ġunju 2019.

3.   Il-kapaċitajiet tar-rescEU għandhom jiġu akkwistati, mikrija jew meħuda b'lease mill-Istati Membri. Għal dak il-fini, il-Kummissjoni tista' tagħti għotjiet diretti lill-Istati Membri mingħajr sejħa għal proposti. Fejn il-Kummissjoni takkwista kapaċitajiet tar-rescEU f'isem l-Istati Membri, il-proċedura tal-akkwist konġunt għandha tapplika. L-assistenza finanzjarja mill-Unjoni għandha tingħata skont ir-regoli finanzjarji tal-Unjoni.

Il-kapaċitajiet tar-rescEU għandhom jiġu ospitati mill-Istati Membri li jakkwistaw, jikru jew jieħdu b'lease dawk il-kapaċitajiet. Fil-każ ta' akkwist konġunt, il-kapaċitajiet tar-rescEU għandhom jiġu ospitati mill-Istati Membri li f'isimhom huma jiġu akkwistati.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi rekwiżiti ta' kwalità għall-kapaċitajiet ta' reazzjoni li jifformaw parti minn rescEU, f'konsultazzjoni mal-Istati Membri. Ir-rekwiżiti ta' kwalità għandhom ikunu bbażati fuq standards internazzjonali stabbiliti, fejn tali standards ikunu diġà jeżistu.

5.   Stat Membru li huwa sid ta', li jikri jew li jkollu b'lease, kapaċitajiet tar-rescEU għandu jiżgura r-reġistrazzjoni ta' dawk il-kapaċitajiet fis-CECIS, u d-disponibbiltà u l-istazzjonabbiltà tagħhom għal operazzjonijiet tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni.

Il-kapaċitajiet tar-rescEU jistgħu jintużaw biss għal finijiet nazzjonali, kif imsemmi fl-Artikolu 23(4a), meta ma jkunux użati jew meħtieġa għall-operazzjonijiet ta' reazzjoni taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni.

Il-kapaċitajiet tar-rescEU għandhom jintużaw f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni adottati taħt il-punt (g) tal-Artikolu 32(1) u mal-kuntratti operazzjonali bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru li jkun is-sid ta', jew li jkun qed jikri jew ikollu b'lease, tali kapaċitajiet, li jispeċifikaw aktar it-termini u l-kondizzjonijiet tal-istazzjonar ta' kapaċitajiet tar-rescEU, inkluż il-persunal parteċipanti.

6.   Il-kapaċitajiet tar-rescEU għandhom ikunu disponibbli għal operazzjonijiet ta' reazzjoni taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni fuq talba għal assistenza permezz tal-ERCC f'konformità mal-Artikolu 15 jew l-Artikolu 16(1) sa (9) u (11), (12) u (13). Id-deċiżjoni dwar l-istazzjonar u d-demobilizzazzjoni tagħhom, u kwalunkwe deċiżjoni fil-każ ta' talbiet konfliġġenti, għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Istat Membru li jagħmel it-talba u l-Istat Membru li jkun is-sid ta', li jikri jew li jkollu b'lease, il-kapaċità, f'konformità mal-kuntratti operazzjonali kif definiti fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu.

L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkunu ġew stazzjonati l-kapaċitajiet tar-rescEU għandu jkun responsabbli li jidderieġi l-operazzjonijiet ta' reazzjoni. Fil-każ ta' stazzjonar barra mill-Unjoni, l-Istati Membri li jospitaw kapaċitajiet tar-rescEU għandhom ikunu responsabbli biex jiżguraw li l-kapaċitajiet tar-rescEU jiġu integrati bis-sħiħ fir-reazzjoni globali.

7.   F'każ ta' stazzjonar, il-Kummissjoni permezz tal-ERCC għandha tiftiehem mal-Istat Membru li jagħmel it-talba dwar l-istazzjonar operazzjonali tal-kapaċitajiet tar-rescEU. L-Istat Membru li jagħmel it-talba għandu jiffaċilita l-koordinazzjoni operazzjonali tal-kapaċitajiet tiegħu u tal-attivitajiet tar-rescEU matul l-operazzjonijiet.

8.   Il-koordinazzjoni tal-kapaċitajiet ta' reazzjoni differenti għandha tiġi ffaċilitata, fejn adatt, mill-Kummissjoni permezz tal-ERCC f'konformità mal-Artikoli 15 u 16.

9.   L-Istati Membri għandhom jiġu informati dwar l-istatus operazzjonali tal-kapaċitajiet tar-rescEU permezz tas-CECIS.

10.   Jekk diżastru barra l-Unjoni jkun jista' jaffettwa konsiderevolment wieħed jew aktar mill-Istati Membri jew iċ-ċittadini tagħhom, il-kapaċitajiet tar-rescEU jistgħu jiġu stazzjonati f'konformità mal-paragrafi 6 sa 9 ta' dan l-Artikolu.

Meta l-kapaċitajiet tar-rescEU jiġu stazzjonati f'pajjiżi terzi, f'każijiet speċifiċi, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jistazzjonaw il-persunal tagħhom stess, f'konformità mal-att ta' implimentazzjoni adottat taħt il-punt (g) tal-Artikolu 32(1), u kif definiti aktar fil-kuntratti operazzjonali msemmiija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu.”;

(8)

l-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titlu jinbidel b'dan li ġej:

“Netwerk tal-Unjoni ta' Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili”;

(b)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-kliem introduttorju jinbidlu b'dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi netwerk ta' atturi u istituzzjonijiet rilevanti tal-protezzjoni ċivili u tal-ġestjoni ta' diżastri, inklużi ċentri ta' eċċellenza, universitajiet u riċerkaturi, li flimkien mal-Kummissjoni, jifformaw, Netwerk tal-Unjoni ta' Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili. Il-Kummissjoni għandha tqis b'mod dovut l-għarfien espert disponibbli fl-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet attivi fuq il-post.

Filwaqt li jimmira għal kompożizzjoni bbilanċjata bejn is-sessi, in-Netwerk għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin fl-oqsma ta' taħriġ, eżerċizzji, tagħlimiet meħuda u tixrid tal-għarfien, f'koordinazzjoni mill-qrib ma' ċentri ta' għarfien rilevanti, fejn adatt:”;

(ii)

il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

tistabbilixxi u tmexxi programm ta' taħriġ għall-persunal tal-protezzjoni ċivili u tal-ġestjoni tal-emerġenzi dwar il-prevenzjoni tad-diżastri, u t-tħejjija u r-reazzjoni għalihom. Il-programm għandu jkun tali li jiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-protezzjoni ċivili, u għandu jinkludi korsijiet konġunti u sistema ta' skambju ta' kompetenza esperta fil-qasam tal-ġestjoni tal-emerġenzi, inkluż l-iskambju ta' professjonisti żgħażagħ u voluntiera ta' esperjenza, u l-issekondar ta' esperti tal-Istati Membri.

Il-programm ta' taħriġ għandu jkollu l-għan li jsaħħaħ il-koordinazzjoni, il-kompatibbiltà u l-komplementarjetà tal-kapaċitajiet imsemmija fl-Artikoli 9, 11 u 12, u li jtejjeb il-kompetenza tal-esperti kif imsemmi fil-punti (d) u (f) tal-Artikolu 8.”;

(iii)

il-punt (f) jinbidel b'dan li ġej:

“(f)

tistimola r-riċerka u l-innovazzjoni, u tinkoraġġixxi l-introduzzjoni u l-użu ta' teknoloġiji ġodda rilevanti għall-fini tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni.”;

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Il-Kummissjoni għandha ssaħħaħ il-kooperazzjoni dwar it-taħriġ, u żżid il-kondiviżjoni ta' għarfien u esperjenza, bejn in-Netwerk tal-Unjoni ta' Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili u l-organizzazzjonijiet internazzjonali u pajjiżi terzi, biex tikkontribwixxi għall-adempiment tal-impenji internazzjonali fir-rigward tat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, b'mod partikolari dawk fi ħdan il-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri 2015-2030 adottat fit-18 ta' Marzu 2015 fit-Tielet Konferenza Dinjija tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri f'Sendai, il-Ġappun.”;

(9)

fl-Artikolu 15, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Meta jseħħ diżastru fl-Unjoni, jew dan ikun imminenti, l-Istat Membru affettwat jista' jitlob għall-assistenza permezz tal-ERCC. It-talba għandha tkun speċifika kemm jista' jkun. Talba għall-assistenza għandha tiskadi wara perijodu massimu ta' 90 jum, sakemm elementi ġodda li jiġġustifikaw il-bżonn għal assistenza kontinwa jew addizzjonali ma jiġux ipprovduti lill-ERCC.”;

(10)

fl-Artikolu 16, il-paragrafi 1 u 2 jinbidlu b'dan li ġej:

“1.   Meta jseħħ diżastru barra l-Unjoni, jew dan ikun imminenti, il-pajjiż affettwat jista' jitlob għall-assistenza permezz tal-ERCC. L-assistenza tista' tintalab ukoll permezz tan-Nazzjonijiet Uniti u l-aġenziji tagħha jew minnhom, jew minn organizzazzjoni internazzjonali rilevanti. Talba għall-assistenza għandha tiskadi wara perijodu massimu ta' 90 jum, sakemm elementi ġodda li jiġġustifikaw il-bżonn għal assistenza kontinwata jew addizzjonali ma jiġux ipprovduti lill-ERCC.

2.   L-interventi taħt dan l-Artikolu jistgħu jitmexxew jew bħala intervent awtonomu ta' assistenza jew bħala kontribut għal intervent immexxi minn organizzazzjoni internazzjonali. Il-koordinazzjoni mill-Unjoni għandha tkun integrata b'mod sħiħ mal-koordinazzjoni globali pprovduta mill-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti (OCHA), u għandha tirrispetta r-rwol ta' tmexxija ta' dan tal-aħħar. Fil-każ ta' diżastri kkawżati mill-bniedem jew emerġenzi kumplessi, il-Kummissjoni għandha tiżgura konsistenza mal-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja (*1), u tirrispetta l-prinċipji umanitarji.

(*1)  ĠU C 25, 30.1.2008, p. 1.”;"

(11)

fl-Artikolu 19, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-perijodu mill-2014 sal-2020 għandu jkun ta' EUR 574 028 000 fi prezzijiet attwali.

EUR 425 172 000 fi prezzijiet attwali għandhom jittieħdu mill-Intestatura 3 “Sigurtà u Ċittadinanza” tal-qafas finanzjarju pluriennali u EUR 148 856 000 fi prezzijiet attwali mill-Intestatura 4 “Ewropa Globali”.”;

(12)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 20a

Viżibbiltà u għotjiet

1.   Kwalunkwe assistenza jew finanzjament li jingħataw taħt din id-Deċiżjoni għandhom jagħtu viżibbiltà xierqa lill-Unjoni, inkluża prominenza lill-emblema tal-Unjoni għal dawk il-kapaċitajiet imsemmija taħt l-Artikoli 11 u 12 u l-punt (c) tal-Artikolu 21(2). Għandha tiġi żviluppata strateġija ta' komunikazzjoni mill-Kummissjoni sabiex trendi viżibbli għaċ-ċittadini r-riżultati tanġibbli tal-azzjonijiet meħuda taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħti medalji sabiex tirrikonoxxi u tonora impenn fit-tul u kontributi straordinarji lill-Protezzjoni ċivili tal-Unjoni.”;

(13)

l-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (j) tal-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“(j)

l-istabbiliment, il-ġestjoni u l-manutenzjoni tal-kapaċitajiet tar-rescEU f'konformità mal-Artikolu 12;”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

fl-ewwel subparagrafu, il-punt (c) jinbidel b'dan li ġej:

“(c)

l-ispejjeż meħtieġa biex il-kapaċitajiet ta' reazzjoni jiġu aġġornati jew imsewwija għal stat ta' tħejjija u disponibbiltà li jagħmilhom stazzjonabbli bħala parti mir-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili, f'konformità mar-rekwiżiti tal-kwalità tar-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili u, fejn rilevanti, mar-rakkomandazzjonijiet ifformulati fil-proċess ta' ċertifikazzjoni (“spejjeż ta' adattament”). Dawk l-ispejjeż jistgħu jinkludu spejjeż relatati mal-operabbiltà, interoperabbiltà ta' moduli u kapaċitajiet oħra ta' reazzjoni, awtonomija, awtosuffiċjenza, trasportabbiltà, imballaġġ, u spejjeż neċessarji oħra, dment li huma jkunu relatati speċifikament mal-parteċipazzjoni tal-kapaċitajiet fir-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili.

L-ispejjeż ta' adattament jistgħu jkopru:

(i)

75 % tal-ispejjeż eliġibbli f'każ ta' aġġornament, dment li dak l-ammont ma jaqbiżx il-50 % tal-ispiża medja tal-iżvilupp tal-kapaċità; u

(ii)

75 % tal-ispejjeż eliġibbli f'każ ta' tiswija.

Il-kapaċitajiet ta' reazzjoni li jibbenefikaw minn finanzjament taħt il-punti (i) u (ii) għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni bħala parti mir-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili għal perijodu minimu li huwa marbut mal-finanzjament riċevut u jvarja bejn 3 u 10 snin li jibda mid-disponibbiltà effettiva tagħhom bħala parti mir-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili, ħlief fejn it-tul tal-ħajja ekonomika tagħhom ikun iqsar.

L-ispejjeż ta' adattament jistgħu jikkonsistu fi spejjeż għal kull unità jew somom f'daqqa stabbiliti għal kull tip ta' kapaċità.”;

(ii)

jitħassru kemm il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu kif ukoll it-tieni subparagrafu;

(c)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“3.   L-assistenza finanzjarja għall-azzjoni msemmija fil-punt (j) tal-paragrafu 1 għandha tkopri l-ispejjeż meħtieġa biex ikunu żgurati d-disponibbiltà u l-istazzjonabbiltà tal-kapaċitajiet tar-rescEU taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni f'konformità mat-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

Il- Kummissjoni għandha tiżgura li l-assistenza finanzjarja msemmija f'dan il-paragrafu tikkorrispondi għal mill-anqas 80 % u mhux aktar minn 90 % tal-ispiża stmata totali meħtieġa biex jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-istazzjonabbiltà tal-kapaċitajiet tar-rescEU taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni. L-ammont li jifdal għandu jiġġarrab mill-Istati Membri li jospitaw il-kapaċitajiet tar-rescEU. L-ispiża stmata totali għal kull tip ta' kapaċità tar-rescEU għandha tiġi definita permezz ta' atti ta' implimentazzjoni adottati taħt il-punt (g) tal-Artikolu 32(1). L-ispejjeż stmati totali għandhom jiġu kkalkolati b'kont meħud tal-kategoriji tal-ispejjeż eliġibbli stabbiliti fl-Anness Ia.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 30 biex jiġi emendat l-Anness Ia fir-rigward tal-kategoriji ta' spejjeż eliġibbli.

L-assistenza finanzjarja msemmija f'dan il-paragrafu tista' tiġi implimentata permezz ta' programmi ta' ħidma pluriennali. Għal azzjonijiet li jestendu lil hinn minn sena waħda, l-impenji baġitarji jistgħu jinqasmu f'pagamenti annwali.

4.   Għall-kapaċitajiet stabbiliti biex iwieġbu għal riskji ta' probabbiltà baxxa b'impatt qawwi, kif definiti permezz ta' atti ta' implimentazzjoni adottati taħt il-punt (ha) tal-Artikolu 32(1), l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha tkopri l-ispejjeż kollha meħtieġa biex jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-istazzjonabbiltà.

5.   L-ispejjeż imsemmija fil- paragrafu 3 jistgħu jikkonsistu fi spejjeż għal kull unità, somom f'daqqa jew rati fissi, stabbiliti għal kull kategorija jew tip ta' kapaċità, kif xieraq.”;

(14)

l-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titlu jinbidel b'dan li ġej:

“Azzjonijiet eliġibbli marbuta mat-tagħmir u l-operazzjonijiet”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   L-ammont ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni għat-trasport tal-kapaċitajiet li mhumiex impenjati minn qabel fir-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili u stazzjonati fil-każ ta' diżastru jew ta' diżastru imminenti fl-Unjoni jew barra minnha ma għandux jaqbeż 75 % tal-ispiża eliġibbli totali.”;

(c)

il-paragrafi 2, 3 u 4 jinbidlu b'dan li ġej:

“2.   L-ammont ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni għal kapaċitajiet impenjati minn qabel fir-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili ma għandux jaqbeż 75 % tal-ispejjeż tal-operat tal-kapaċitajiet, inkluż it-trasport, f'każ ta' diżastru jew ta' diżastru imminenti fl-Unjoni jew fi Stat parteċipanti.

3.   L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għat-trasport ma għandhiex taqbeż 75 % tal-ispiża eliġibbli totali relatata mat-trasport ta' kapaċitajiet impenjati minn qabel fir-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili, meta jiġu stazzjonati f'każ ta' diżastru jew ta' diżastru imminenti barra l-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 16.

4.   Barra minn hekk, l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għar-riżorsi tat-trasport tista' tkopri massimu ta' 100 % tal-ispejjeż eliġibbli totali deskritti taħt il-punti (a), (b), (c) u (d), jekk dan ikun meħtieġ biex ir-riżerva ta' assistenza tal-Istati Membri tkun effettiva fil-livell operazzjonali u jekk l-ispejjeż jirrigwardaw waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

il-kiri għal perijodu qasir ta' kapaċità ta' magazzinaġġ biex tinħażen temporanjament l-assistenza mill-Istati Membri bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat it-trasport koordinat tagħha;

(b)

it-trasport mill-Istat Membru li jkun qed joffri l-assistenza lill-Istat Membru li jkun qed jiffaċilita t-trasport koordinat tiegħu;

(c)

l-imballaġġ mill-ġdid tal-assistenza tal-Istati Membri biex isir użu massimu mill-kapaċitajiet ta' trasport disponibbli jew biex jiġu sodisfatti rekwiżiti operazzjonali speċifiċi; jew

(d)

it-trasport lokali, it-transitu u l-magazzinaġġ ta' assistenza akkomunata bil-ħsieb li titwassal b'mod koordinat fid-destinazzjoni finali tal-pajjiż li jagħmel it-talba.

4a.   Meta l-kapaċitajiet tar-rescEU jintużaw għal finijiet nazzjonali f'konformità mal-Artikolu 12(5), l-ispejjeż kollha, inklużi l-ispejjeż ta' manutenzjoni u ta' tiswija, għandhom ikunu koperti mill-Istat Membru li juża l-kapaċitajiet.

4b.   Fil-każ ta' stazzjonar tal-kapaċitajiet tar-rescEU taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni, l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha tkopri 75 % tal-ispejjeż operazzjonali.

Permezz ta' deroga mill-ewwel subparagrafu, l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha tkopri 100 % tal-ispejjeż operazzjonali tal-kapaċitajiet tar-rescEU meħtieġa għal diżastri ta' probabbiltà baxxa b'impatt qawwi, meta dawk il-kapaċitajiet ikunu stazzjonati taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni.

4c.   Għall-istazzjonar barra l-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 12(10), l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha tkopri 100 % tal-ispejjeż operazzjonali.

4d.   Meta l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni msemmija f'dan l-Artikolu ma tkoprix 100 % tal-ispejjeż, l-ammont li jifdal għandu jiġġarrab minn min jitlob l-assistenza, sakemm ma jkunx intlaħaq qbil mod ieħor mal-Istat Membru li jkun offra l-assistenza jew l-Istat Membru li jospita l-kapaċitajiet tar-rescEU.”;

(d)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“8.   L-ispejjeż tat-trasport jistgħu jikkonsistu fi spejjeż għal kull unità, somom f'daqqa jew rati fissi stabbiliti għal kull kategorija ta' spiża.”;

(15)

fl-Artikolu 26, il-paragrafi 1 u 2 jinbidlu b'dan li ġej:

“1.   L-azzjonijiet li jirċievu assistenza finanzjarja taħt din id-Deċiżjoni ma għandhomx jirċievu assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni. Madankollu, f'konformità mal-Artikolu 191(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), l-assistenza finanzjarja mogħtija skont l-Artikoli 21, 22 u 23 ta' din id-Deċiżjoni ma għandhiex timpedixxi l-finanzjament minn strumenti oħra tal-Unjoni f'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fihom.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-applikanti għall-assistenza finanzjarja taħt din id-Deċiżjoni, u l-benefiċjarji ta' tali assistenza, jipprovduha b'informazzjoni dwar l-assistenza finanzjarja li jirċievu minn sorsi oħra, inkluż il-baġit ġenerali tal-Unjoni, u dwar applikazzjonijiet pendenti għal tali assistenza.

2.   Għandhom jiġi żviluppati sinerġiji, komplementarjetà u aktar koordinazzjoni ma' strumenti oħra tal-Unjoni bħal dawk li jappoġġaw politiki dwar il-koeżjoni, l-iżvilupp rurali, ir-riċerka, is-saħħa, il-migrazzjoni u s-sigurtà, kif ukoll il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni. Fil-każ ta' reazzjoni għal kriżijiet umanitarji f'pajjiżi terzi, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-komplementarjetà u l-koerenza ta' azzjonijiet iffinanzjati taħt din id-Deċiżjoni ma' azzjonijiet iffinanzjati taħt ir-Regolament (KE) Nru 1257/96, u li dawk l-azzjonijiet ikunu implimentati f'konformità mal-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja.

(*2)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).”;"

(16)

l-Artikolu 28 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta':

(a)

pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), f'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim taż-ŻEE, u pajjiżi Ewropej oħra meta jkun ipprovdut hekk minn ftehimiet u proċeduri;

(b)

pajjiżi li jkunu qed jaċċedu għall-Unjoni, pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, f'konformità mal-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-Ftehimiet Qafas rispettivi u d-Deċiżjonijiet rispettivi ta' Kunsilli ta' Assoċjazzjoni, jew ftehimiet simili.

1a.   Il-parteċipazzjoni fil-Mekkaniżmu tal-Unjoni għandha tinkludi parteċipazzjoni fl-attivitajiet tiegħu f'konformità mal-objettivi, ir-rekwiżiti, il-kriterji, il-proċeduri u l-iskadenzi previsti f'din id-Deċiżjoni, u għandha tkun f'konformità mal-kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-ftehimiet bejn l-Unjoni u l-Istat parteċipanti.”;

(b)

il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:

“3.   Organizzazzjonijiet internazzjonali jew reġjonali, jew pajjiżi li jifformaw parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat jistgħu jikkooperaw f'attivitajiet taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni fejn ftehimiet bilaterali jew multilaterali rilevanti bejn dawk l-organizzazzjonijiet jew pajjiżi u l-Unjoni jippermettu dan.”;

(17)

l-Artikolu 30 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 30

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall- kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 19(5) u (6) hija mogħtija lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2020.

3.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 21(3) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta' żmien indeterminat mill-21 ta' Marzu 2019.

4.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 19(5) u (6) u fl-Artikolu 21(3) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

5.   Qabel ma' tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

6.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

7.   Att delegat adottat f'konformità mal-Artikolu 19(5) u (6) u l-Artikolu 21(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;

(18)

fl-Artikolu 32, il-punti (g) u (h) tal-paragrafu 1 jinbidlu b'dan li ġej:

“(g)

l-istabbiliment, il-ġestjoni u l-manutenzjoni tar-rescEU, kif previst fl-Artikolu 12, inklużi kriterji għal deċiżjonijiet ta' stazzjonar, proċeduri operattivi kif ukoll l-ispejjeż kif imsemmija fl-Artikolu 21(3);

(h)

l-istabbiliment u l-organizzazzjoni tan-Netwerk tal-Unjoni ta' Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili, kif previst fl-Artikolu 13;

(ha)

il-kategoriji ta' riskji ta' probabbiltà baxxa b'impatt qawwi u l-kapaċitajiet korrispondenti biex dawn ikunu ġestiti, kif imsemmi fl-Artikolu 21(4);

(hb)

il-kriterji u l-proċeduri għar-rikonoxximent ta' impenn fit-tul u kontributi straordinarji għall-Protezzjoni ċivili tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 20(a).”;

(19)

l-Artikolu 34 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 34

Evalwazzjoni

1.   L-azzjonijiet li jirċievu assistenza finanzjarja għandhom ikunu monitorjati b'mod regolari sabiex tiġi segwita l-implimentazzjoni tagħhom.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operazzjonijiet u l-progress li jkun sar taħt l-Artikoli 11 u 12 kull sentejn. Ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar progress li jkun sar lejn il-miri tal-kapaċità u l-lakuni li jkun fadal kif imsemmi fl-Artikolu 11(2), b'kont meħud tal-istabbiliment tal-kapaċitajiet tar-rescEU f'konformità mal-Artikolu 12. Ir-rapport għandu jipprovdi wkoll ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi baġitarji u dawk tal-ispejjeż relatati ma' kapaċitajiet ta' reazzjoni, u valutazzjoni tal-ħtieġa ta' żvilupp ulterjuri ta' dawk il-kapaċitajiet.

3.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, sal-31 ta' Diċembru 2023 u kull ħames snin wara dan, komunikazzjoni dwar l-effettività, il-kosteffiċjenza u l-implimentazzjoni kontinwata ta' din id-Deċiżjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 6(4), u tal-kapaċitajiet tar-rescEU. Dik il-komunikazzjoni għandha tkun akkumpanjata, fejn adatt, minn proposti għall-emendar ta' din id-Deċiżjoni.”;

(20)

l-Artikolu 35 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 35

Dispożizzjonijiet transizzjonali

Sal-1 ta' Jannar 2025, tista' tiġi pprovduta assistenza finanzjarja mill-Unjoni biex tkopri 75 % tal-ispejjeż neċessarji biex ikun żgurat aċċess rapidu għall-kapaċitajiet nazzjonali li jikkorrispondu għal dawk definiti f'konformità mal-Artikolu 12(2). Għal dak il-għan, jistgħu jingħataw għotjiet diretti mill-Kummissjoni lill-Istati Membri mingħajr sejħa għal proposti.

Il-kapaċitajiet imsemmija fl-ewwel paragrafu għandhom ikunu ddeżinjati bħala kapaċitajiet tar-rescEU sat-tmiem ta' dan il-perijodu tranżizzjonali.

B'deroga mill-Artikolu 12(6), id-deċiżjoni dwar l-istazzjonar tal-kapaċitajiet imsemmijin fl-ewwel paragrafu għandha tittieħed mill-Istat Membru li jkun għamilhom disponibbli bħala kapaċitajiet tar-rescEU. Meta minħabba emerġenzi domestiċi, force majeure jew, f'każijiet eċċezzjonali, raġunijiet serji, Stat Membru ma jkunx jista' jagħmel dawk il-kapaċitajiet disponibbli għal diżastru speċifiku, dak l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni mill-aktar fis possibbli billi jirreferi għal dan l-Artikolu.”;

(21)

l-Artikolu 38 jitħassar;

(22)

ir-referenzi għall-“Kapaċità Ewropea ta' Reazzjoni f'każ ta' Emerġenza”, “EERC” u r-“konsorzju volontarju” fit-test kollu tad-Deċiżjoni għandhom ikunu sostitwiti minn referenza għar-“Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili”;

(23)

għandu jiddaħħal l-Anness Ia kif jidher fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-arranġamenti eżistenti li jaqgħu taħt l-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE għandhom ikomplu japplikaw sa meta jiġu sostitwiti kif adatt.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta' Marzu 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  L-Opinjoni tat-18 ta' Ottubru 2018 (għadha mhijiex ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 361, 5.10.2018, p. 37.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2019 (għadha mhijiex ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2019.

(4)  Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il- Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(6)  Id-Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar (ĠU L 288, 6.11.2007, p. 27).

(7)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(8)  Id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE (ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1).

(9)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


ANNESS

“ANNESS IA

KATEGORIJI TA' SPEJJEŻ LI JISTGĦU JKUNU ELIĠIBBLI RELATTIVAMENT GĦALL-KALKOLU TAL-ISPEJJEŻ STMATI TOTALI F'KONFORMITÀ MAL-ARTIKOLU 21(3)

1.

Spejjeż tat-tagħmir

2.

Spejjeż tal-manutenzjoni, inklużi spejjeż tat-tiswija

3.

Spejjeż tal-assigurazzjoni

4.

Spejjeż tat-taħriġ

5.

Spejjeż tal-magazzinaġġ

6.

Spejjeż tar-reġistrazzjoni u taċ-ċertifikazzjoni

7.

Spejjeż ta' oġġetti għall-konsum

8.

Spejjeż tal-persunal meħtieġ biex jiżgura d-disponibbiltà u l-istazzjonabbiltà tal-kapaċitajiet tar-rescEU.


Top