EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0364

Kawża T-364/20: Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Ġunju 2020 – Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni

OJ C 287, 31.8.2020, p. 33–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 287/33


Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Ġunju 2020 – Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-364/20)

(2020/C 287/53)

Lingwa tal-kawża: id-Daniż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju tad-Danimarka (rappreżentanti: J. Nymann-Lindegren u M. Wolff, bħala aġenti, assistiti minn R. Holdgaard u J. Pinborg, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-20 ta’ Marzu 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat S.A.39078 – 2019/C (ex 2014/N) implimentata mid-Danimarka favur Femern A/S sa fejn dan jistabbilixxi li “l-miżuri li jikkonsistu f’injezzjonijiet ta’ kapital u f’kombinazzjoni ta’ self mill-Istat u ta’ garanziji mill-Istat favur Femern A/S, parzjalment implimentati b’mod irregolari mid-Danimarka, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea” [traduzzjoni mhux uffiċjali];

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni b’mod żbaljat ikkonstatat li l-finanzjament ta’ Femern A/S jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

L-ewwel motiv huwa maqsum f’erba’ partijiet.

Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi sa fejn fil-premessi 190 sa 194 tagħha l-Kummissjoni tikkonstata li l-attivitajiet ta’ Femern A/S ma jaqgħux taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni:

li l-metodu adottat mill-Kummissjoni fil-premessi 190 sa 194 sabiex jiġi ddeterminat jekk l-attivitajiet ta’ Femern A/S jaqgħux taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, imur kontra l-Artikolu 107(1) TFUE;

li fl-evalwazzjoni tagħha dwar jekk l-attivitajiet ta’ Femern A/S jaqgħux taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, liema evalwazzjoni ma taqax fil-portata tar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat u dwar il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta tat importanza lill-kwistjoni tal-eżistenza ta’ operaturi privati li l-attivitajiet tagħhom jistgħu jitqiesu bħala alternattivi għal dawk ta’ Femern A/S u li jqisu lilhom infushom li jikkompetu ma’ din tal-aħħar;

li billi kkonstatat b’mod konkret li l-attivitajiet ta’ Femern A/S jikkonċernaw l-ippjanar, il-kostruzzjoni u l-operat tal-konnessjoni li tgħaqqad iż-żewġ kosti ma jaqgħux taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi.

Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi sa fejn fil-premessa 193 tagħha l-Kummissjoni tikkonstata li Femern A/S toffri servizzi ta’ trasport f’suq f’kompetizzjoni ma’ terzi.

Fit-tielet lok, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi sa fejn fil-premessi 192 sa 194 u 196 tagħha l-Kummissjoni tikkonstata li Femern A/S hija “operatur ekonomiku” suġġett għal “loġika ekonomika” li “topera b’mod kummerċjali” il-konnessjoni fissa.

Fir-raba’ lok, ir-rikorrent jallega li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi sa fejn fil-premessi 233 sa 240 tagħha l-Kummissjoni tikkonstata li l-finanzjament ta’ Femern A/S jista’ jwettaq distorsjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-iżball ta’ liġi tal-Kummissjoni sa fejn hija tikkonstata li Femern A/S teżerċita attività ekonomika f’kompetizzjoni ma’ terzi qabel il-bidu tal-operat tal-konnessjoni fissa.

Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi sa fejn fil-premessa 198 tagħha l-Kummissjoni tikkonstata li l-finanzjament ta’ Femern A/S kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li taqa’ taħt l-Artikolu 107(1) TFUE saħansitra mal-bidu tax-xogħol ta’ kostruzzjoni.


Top