EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019IR2727

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-Pakkett tat-Tkabbir 2019

OJ C 141, 29.4.2020, p. 20–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/20


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-Pakkett tat-Tkabbir 2019

(2020/C 141/05)

Relatur:

Jaroslav HLINKA (SK/PSE), Sindku ta’ Košice tan-Nofsinhar

Dokumenti ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Komunikazzjoni dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE 2019

COM(2019) 260 final; SWD(2019) 215 final; SWD(2019) 216 final; SWD(2019) 217 final; SWD(2019) 218 final; SWD(2019) 219 final; SWD(2019) 220 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jinnota b’interess kbir il-Komunikazzjoni tal-2019 tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Politika ta’ Tkabbir tal-UE, ir-rapporti tagħha għal kull pajjiż dwar il-pajjiżi kandidati tal-Albanija, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja u t-Turkija, ir-rapport dwar il-Kosovo (*1), kif ukoll l-Opinjoni parallela dwar l-applikazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea;

2.

jappoġġja bis-sħiħ ir-rikonoxximent mill-Kummissjoni Ewropea li t-tkabbir huwa fl-interess politiku, tas-sigurtà u ekonomiku tal-UE stess, bħala investiment ġeostrateġiku fil-paċi, l-istabbiltà, is-sigurtà u t-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa kollha;

3.

jilqa’ l-fatt li l-mexxejja tal-UE affermaw mill-ġdid l-appoġġ ċar tagħhom għall-perspettiva Ewropea dwar il-Balkani tal-Punent, u li l-imsieħba tal-Balkani tal-Punent iddikjaraw l-impenn mill-ġdid tagħhom għal din il-perspettiva bħala l-għażla strateġika soda tagħhom, fis-summit tal-UE u l-Balkani tal-Punent li sar f’Sofija f’Mejju 2018;

4.

jilqa’ l-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għall-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III) taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 tantiċipa użu strateġiku u dinamiku akbar tal-assistenza, b’enfasi fuq il-prijoritajiet ewlenin;

5.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea, f’dan il-kuntest, biex tkompli taħdem mal-gvernijiet nazzjonali f’pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali sabiex tiżviluppa strumenti speċifiċi biex tibni l-kapaċitajiet tal-gvernijiet lokali u reġjonali fil-Balkani tal-Punent biex jassorbu b’mod effettiv il-finanzjament allokat, kif ukoll biex tindirizza d-distakk strutturali fil-kapaċità tagħhom li jikkofinanzjaw u jiffinanzjaw minn qabel il-preparazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ proġetti appoġġjati mill-UE;

6.

itenni li r-riformi effettivi tal-amministrazzjoni pubblika fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, inkluża d-deċentralizzazzjoni fiskali, huma essenzjali għat-titjib tal-governanza lokali, għar-responsabilizzazzjoni tal-gvernijiet lokali u reġjonali biex jiżviluppaw u joffru servizzi ta’ kwalità flimkien maċ-ċittadini tagħhom u għalihom, għall-involviment tagħhom f’kooperazzjoni reġjonali u għal relazzjonijiet tajba mal-pajjiżi tal-viċinat, u għall-kisba ta’ aġendi ambizzjużi Ewropej u globali dwar l-iżvilupp sostenibbli u t-tibdil fil-klima.

Kummenti speċifiċi għall-pajjiż

7.

jilqa’ l-ftehim storiku ta’ Prespa milħuq mill-Maċedonja ta’ Fuq u l-Greċja f’Ġunju 2018 li solva tilwima dwar l-isem li damet għaddejja 27 sena;

8.

jilqa’ l-fatt li l-Kunsill qabel li jwieġeb għall-progress li sar mill-Albanija u l-Maċedonja ta’ Fuq fl-oqsma maqbula b’mod unanimu fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Ġunju 2018, u li fetaħ it-triq biex jinbdew in-negozjati dwar l-adeżjoni ma’ dawn iż-żewġ pajjiżi;

9.

jinnota b’dispjaċir li l-elezzjonijiet lokali ta’ Ġunju 2019 fl-Albanija kienu kkaratterizzati minn bojkott tal-oppożizzjoni u parteċipazzjoni baxxa tal-votanti, u jtenni li l-proċess ta’ tkabbir huwa bbażat fuq il-mertu u jiddependi fuq ir-rispett għall-prinċipji tad-demokrazija, u kriterji oħra ta’ Copenhagen;

10.

jesprimi tħassib serju li aktar deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-Albanija u l-Maċedonja ta’ Fuq kienu inizjalment posposti minn Ġunju għal Ottubru 2019, u jinsab diżappuntat ħafna bid-deċiżjoni li ħa l-Kunsill Ewropew f’Ottubru 2019 li jipposponi aktar il-ftuħ tan-negozjati tal-adeżjoni mal-Albanija u l-Maċedonja ta’ Fuq, li t-tnejn urew kontinwità fl-impenn tagħhom lejn it-triq Ewropea; jinnota b’dispjaċir ukoll li din id-deċiżjoni ma kinitx ibbażata fuq valutazzjonijiet individwali tal-progress ta’ kull pajjiż kandidat, u jwissi li n-nuqqas ta’ sinjal pożittiv liż-żewġ pajjiżi kandidati jista’ jkollu wkoll riperkussjonijiet negattivi fil-livell lokali u reġjonali; barra dan jirrakkomanda lill-Kunsill li din il-kwistjoni tiġi solvuta b’mod pożittiv qabel is-summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent f’Zagreb f’Mejju 2020;

11.

jappoġġja bis-sħiħ ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Ottubru 2019 (1) dwar il-ftuħ tan-negozjati tal-adeżjoni mal-Maċedonja ta’ Fuq u l-Albanija u jħeġġeġ bil-qawwa lill-Kunsill biex jikkunsidra l-fatt li strateġija ta’ tkabbir tal-UE kredibbli jeħtieġ li timmotiva u tibni fuq ir-riżultati miksuba u miftiehma minn qabel mill-partijiet kollha, u tipprovdi perspettiva soda u kredibbli għall-pajjiżi kollha kkonċernati;

12.

jinsab imħasseb li n-nuqqas ta’ progress fit-tkabbir jista’ jaffettwa direttament ukoll is-sigurtà u l-benesseri tal-UE, peress li gradwalment jista’ jimbotta lill-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent lejn partijiet terzi li diġà qed jippruvaw iżidu l-influwenza tagħhom fir-reġjun, inklużi — iżda mhux biss — ir-Russja u ċ-Ċina;

13.

jinnota bi tħassib li s-Serbja u l-Montenegro għad iridu jaġixxu b’determinazzjoni akbar f’oqsma kruċjali, b’mod partikolari lejn id-depolarizzazzjoni tax-xena politika, inkluż fil-livell lokali;

14.

iħeġġeġ lill-atturi politiċi u ‘l-livelli kollha tal-gvern fis-Serbja, il-Montenegro u l-Bożnija-Ħerzegovina biex jaħdmu mill-qrib fi sħubija lejn l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-OSCE/ODIHR dwar it-titjib tal-qafas elettorali lokali, u jimpenjaw ruħhom fil-ħolqien ta’ ambjent politiku lokali trasparenti u inklużiv, ibbażat fuq dibattitu bejn il-partiti u mingħajr pressjoni politika jew intimidazzjoni mill-avversarji politiċi;

15.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex, fin-negozjati ta’ adeżjoni mas-Serbja, tindirizza l-allegazzjonijiet ta’ intimidazzjoni ta’ uffiċjali eletti demokratikament li jagħmlu parti mill-partiti tal-oppożizzjoni, l-aktar fil-muniċipalitajiet ta’ Paraćin, Šabac u Čajetina;

16.

jinnota li l-Bożnija-Ħerzegovina għadha ma tissodisfax biżżejjed il-kriterji ta’ Copenhagen, u jaqbel li n-negozjati għall-adeżjoni għandhom jinfetħu ladarba l-pajjiż ikun kiseb biżżejjed konformità magħhom;

17.

itenni t-tħassib qawwi u l-biża’ tiegħu dwar il-fatt li Mostar hija l-uniku muniċipalità fil-Bożnija-Ħerzegovina li fiha ma saru l-ebda elezzjonijiet għall-kunsilli lokali sa mill-2008;

18.

fid-dawl tal-applikazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina għas-sħubija fl-UE, jistieden b’mod partikolari lill-mexxejja politiċi lokali f’Mostar u fil-livell tal-Federazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina biex itemmu dan il-ksur mingħajr preċedent tal-prinċipji minquxa fl-Artikolu 3 tal-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali, li torbot lill-istati membri kollha tal-Kunsill tal-Ewropa, inkluża l-Bożnija-Ħerzegovina;

19.

jirrimarka li jekk l-imblokk dwar l-elezzjonijiet f’Mostar jibqa’ mhux solvut, effettivament dan se jipprevjeni l-adeżjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina fl-UE peress li, wara l-adeżjoni, dan ikun qed jikser l-Artikolu 40 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, billi jċaħħad liċ-ċittadini tal-UE li jirrisjedu fil-pajjiż mid-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali;

20.

ifakkar li f’Lulju 2018 il-Kummissjoni Ewropea kkonfermat li l-Kosovo ssodisfa l-livelli kollha ta’ liberalizzazzjoni tal-viża approvati mill-Kunsill;

21.

jilqa’ l-appoġġ tal-Parlament Ewropew għall-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal-liberalizzazzjoni tal-viża għad-detenturi ta’ passaport tal-Kosovo, espress f’Settembru 2018 u f’Marzu 2019, u mtenni taħt il-mandat il-ġdid mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili f’Settembru 2019;

22.

jistieden lill-Kunsill jindirizza b’mod urġenti l-liberalizzazzjoni tal-viża mal-Kosovo, li jibqa’ l-uniku pajjiż fil-Balkani tal-Punent li ċ-ċittadini tiegħu għad għandhom bżonn viża biex jivvjaġġaw lejn pajjiżi tal-UE;

23.

jinnota b’dispjaċir li fit-Turkija kien hemm deterjorament qawwi kontinwu fid-drittijiet ewlenin tal-bniedem, b’deterjorament serju fl-oqsma tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali; barra dan jinnota b’dispjaċir id-dgħufija tal-kontrolli u l-bilanċi effettivi fis-sistema politika li rriżultat mid-dħul fis-seħħ tal-emendi kostituzzjonali;

24.

jinnota li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali ta’ Ġunju 2018 li jiddikjaraw li n-negozjati tal-adeżjoni tat-Turkija effettivament waqfu, li l-ebda kapitolu ieħor ma jista’ jiġi kkunsidrat għall-ftuħ jew l-għeluq, u li l-ebda ħidma ulterjuri lejn l-immodernizzar tal-Unjoni Doganali ma tista’ tkun attwalment prevista; għandu dispjaċir li t-Turkija għadha tirrifjuta li tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’Assoċjazzjoni mal-UE u li tirrikonoxxi r-Repubblika ta’ Ċipru; barra dan, f’dan il-kuntest itenni t-tħassib u r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu fir-rigward ta’ Ċipru, espressi fid-dettall fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Pakkett tat-Tkabbir tal-2018; jinnota b’dispjaċir ukoll, li minkejja li l-Unjoni Ewropea ripetutament appellat lit-Turkija biex twaqqaf l-attivitajiet illegali tagħha fil-Mediterran tal-Lvant, it-Turkija għadha għaddejja bl-operazzjonijiet ta’ tħaffir tagħha fl-ilmijiet territorjali Ċiprijotti, u jafferma mill-ġdid is-solidarjetà sħiħa tiegħu ma’ Ċipru fir-rigward tar-rikonoxximent internazzjonali, is-sovranità u d-drittijiet tiegħu skont id-dritt internazzjonali;

25.

ifakkar fl-importanza tal-istat ta’ Varosha kif stabbilit fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, inklużi r-Riżoluzzjoni 550 (1984) u r-Riżoluzzjoni 789 (1992), u jtenni li m’għandha titwettaq l-ebda azzjoni li ma tkunx konformi ma’ dawk ir-riżoluzzjonijiet;

26.

jinsab imħasseb serjament dwar il-legalità u l-integrità tal-proċess elettorali Tork, b’mod partikolari d-deċiżjoni tal-2019 tal-Kunsill Elettorali Suprem tat-Turkija biex jerġgħu jiġu organizzati l-elezzjonijiet lokali f’İstanbul, kif ukoll id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Torok li jissostitwixxu lis-sindki metropolitani eletti b’mod demokratiku ta’ Diyarbakır, Mardin u Van bi gvernaturi provinċjali maħtura bħala aġenti sindki metropolitani u jikkundanna bil-qawwa atti ulterjuri ta’ ripressjoni kontra l-membri tal-kunsill muniċipali u l-impjegati, li huma atti inkompatibbli mal-ispirtu u l-prinċipji tal-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali;

27.

jirrikonoxxi li t-Turkija għadha sieħeb ewlieni għall-UE fil-qasam tal-migrazzjoni u r-refuġjati, u jtenni l-konvinzjoni tiegħu li proporzjon tal-fondi allokati mill-UE għandhom jiġu allokati għall-gvernijiet lokali u reġjonali involuti direttament fil-ġestjoni tal-flussi migratorji ta’ persuni spostati u refuġjati; il-Ftehim ta’ Riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija għandu jiġi implimentat bis-sħiħ u b’mod effettiv fir-rigward tal-Istati Membri kollha, filwaqt li jiġi nnutat li l-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni mal-Istati Membri kollha tal-UE għadha essenzjali;

28.

jistieden lill-gvernijiet lokali u reġjonali fl-UE biex isaħħu aktar il-kooperazzjoni ma’ sħabhom f’pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, jakkumpanjawhom fil-proċess tagħhom lejn integrazzjoni Ewropea aktar profonda, u jsaħħu l-kapaċitajiet istituzzjonali u amministrattivi tagħhom fil-livelli reġjonali u lokali, kif ukoll il-kapaċitajiet tagħhom li jippromovu u jirrispettaw il-valuri u l-prinċipji Ewropej;

29.

ifakkar, f’dan ir-rigward, ir-rwol insostitwibbli ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali ta’ gvernijiet lokali u reġjonali, kif ukoll dak tan-Netwerk tal-Assoċjazzjonijiet tal-Awtoritajiet Lokali fix-Xlokk tal-Ewropa (NALAS), li jista’ jappoġġja lil gvernijiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tar-riformi tal-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll fil-bini tal-kapaċitajiet tagħhom lejn titjib fit-twettiq tal-kompetenzi u l-forniment ta’ servizzi pubbliċi lokali.

Ir-rwol tal-gvernijiet lokali u reġjonali fil-proċess tat-tkabbir

30.

jenfasizza li l-prinċipji Ewropej ta’ sussidjarjetà, proporzjonalità, u governanza f’diversi livelli għandhom japplikaw b’mod ugwali għall-proċess ta’ tkabbir tal-Unjoni Ewropea;

31.

jirrimarka li biex il-proċess ta’ tkabbir ikun inklużiv u sostenibbli, il-parteċipazzjoni tal-gvernijiet sottonazzjonali hija essenzjali. Is-suċċess tat-tkabbir tal-UE għall-Balkani tal-Punent se jiddependi mill-appoġġ kontinwu taċ-ċittadini u mill-impenn tal-gvernijiet lokali u reġjonali sabiex jiġġeneraw l-impatt sostenibbli mixtieq fil-livell lokali, fi sħubija konġunta bejn il-gvernijiet lokali, reġjonali u ċentrali, kif ukoll mal-Unjoni Ewropea;

32.

ifakkar li aktar minn 60 % tal-acquis tal-UE jiġi implimentat fil-livell lokali, filwaqt li — skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali — kważi terz tal-baġit totali tal-UE huwa allokat għall-politika ta’ koeżjoni, immirata lejn ir-reġjuni u l-bliet kollha fl-Unjoni Ewropea;

33.

jenfasizza li l-gvernijiet lokali u reġjonali għandhom rwol importanti fil-proċess tat-tkabbir, mhux biss fir-rigward tal-kriterji politiċi, iżda wkoll bħala muturi ta’ tkabbir ekonomiku u żvilupp sostenibbli fit-territorju tagħhom, u bħala fornituri ta’ servizzi pubbliċi ta’ kwalità għaċ-ċittadini tagħhom;

34.

isostni, f’dan il-kuntest, li r-responsabbilizzazzjoni tal-gvernijiet sottonazzjonali biex iwettqu dan ir-rwol hija element kruċjali tal-implimentazzjoni sostenibbli tal-Istrateġija ta’ Tkabbir tal-UE għall-Balkani tal-Punent, u għall-integrazzjoni Ewropea b’suċċess fil-futur;

35.

jilqa’ r-rikonoxximent mill-Kummissjoni Ewropea li r-rwol tal-gvern lokali u reġjonali jeħtieġ li jitqies, u li jeħtieġ li jinstab bilanċ xieraq bejn il-gvern ċentrali, reġjonali u dak lokali li jappoġġja l-aħjar l-implimentazzjoni tar-riformi u l-għoti tas-servizzi liċ-ċittadini;

36.

ifakkar id-dispjaċir tiegħu dwar in-nuqqas ta’ proposti ta’ politika speċifiċi rigward il-gvernijiet lokali u reġjonali, kif indikat fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Pakkett tat-Tkabbir 2018;

37.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi politiki, għodod u strumenti konkreti biex il-gvernijiet lokali u reġjonali fil-Balkani tal-Punent jinvolvu ruħhom sabiex isaħħu r-rwol tagħhom bħala l-isfera ta’ governanza l-eqreb għaċ-ċittadini;

38.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa għodda prattika biex tappoġġja l-bini ta’ kapaċità effettiva għall-gvernijiet lokali u reġjonali fil-Balkani tal-Punent fid-dawl tal-armonizzazzjoni tal-politiki pubbliċi lokali u reġjonali tagħhom mal-acquis permezz ta’ taħriġ dedikat, tagħlim bejn il-pari u skambju tal-aħjar prattiki madwar ir-reġjun, u mal-pari tagħhom fl-UE, skont il-Faċilità tal-Amministrazzjoni Lokali, il-Programm Reġjonali ta’ Taħriġ, jew l-Erasmus għal rappreżentanti lokali u reġjonali;

39.

għal darb’oħra jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex testendi l-inizjattiva tal-Appoġġ għal Titjib fil-Governanza u l-Ġestjoni (SIGMA) għal-livelli sottonazzjonali ta’ amministrazzjoni f’pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali, sabiex jiġu definiti mudelli deċentralizzati għar-riformi tal-amministrazzjoni pubblika, u biex jiġi appoġġjat it-titjib tal-governanza lokali u l-ġestjoni pubblika lokali, bil-ħsieb li jiġi applikat l-acquis;

40.

jistieden għal darb’oħra lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tistabbilixxi metodi operattivi ad hoc li jippermettu l-użu tal-istrumenti tat-TAIEX u tal-Ġemellaġġ għall-kooperazzjoni bejn il-gvernijiet lokali u reġjonali tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali;

41.

jesprimi li huwa lest li jaħdem mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida, u b’mod partikolari mal-Kummissarju għall-Viċinat u t-Tkabbir, dwar l-implimentazzjoni prattika u l-użu ta’ dawn l-istrumenti fil-livelli lokali u reġjonali.

L-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali

42.

itenni li l-konformità mal-kriterji ta’ Copenhagen għandha tkompli tkun il-fattur ewlieni għall-evalwazzjoni tat-tħejjija tal-pajjiżi kandidati biex isiru Stati Membri tal-UE, u jappoġġja bis-sħiħ il-prinċipji ta’ kundizzjonalità ġusta u rigoruża, u ta’ “elementi fundamentali l-ewwel”;

43.

jinnota bi tħassib kbir li l-funzjonament tajjeb tal-istituzzjonijiet demokratiċi, kif ukoll progress kredibbli fil-qasam tal-istat tad-dritt, għadhom sfida ewlenija fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali;

44.

huwa mħasseb bl-istess mod, f’dan il-kuntest, dwar l-ambjent dejjem aktar ostili għas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi, kif ukoll dwar l-iżviluppi negattivi fil-qasam tal-libertà tal-espressjoni u l-indipendenza tal-midja;

45.

jenfasizza li l-gvernijiet lokali u reġjonali, minħabba l-prossimità tagħhom maċ-ċittadini, għandhom rwol kruċjali fil-promozzjoni u r-rispett tal-valuri Ewropej, u li huma fuq quddiem nett biex jindirizzaw ir-razziżmu u d-diskors ta’ mibegħda, jipproteġu lil gruppi vulnerabbli u minoranzi, kif ukoll irawmu l-koeżjoni soċjali;

46.

huwa konvint li l-gvernijiet lokali u reġjonali nnifishom jista’ jkollhom rwol aktar b’saħħtu biex jistabbilixxu x-xena politika lokali u l-ispazju politiku pubbliku, u jistgħu jassumu s-sehem tagħhom tar-responsabbiltà fl-indirizzar ta’ wħud min-nuqqasijiet fil-qasam tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, kif enfasizzat mill-Kummissjoni Ewropea;

47.

jistieden lill-gvernijiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jagħtu riżultati tanġibbli rigward:

47.1.

il-ħolqien ta’ ambjent pożittiv u li jippermetti l-funzjonament tas-soċjetà ċivili fil-livell lokali, u rigward l-inklużjoni ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tfassil ta’ politika parteċipattiva lokali,

47.2.

il-ġlieda kontra kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi ta’ kwalunkwe raġuni, fl-ispirtu tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari kontra persuni b’diżabilità, gruppi vulnerabbli, u minoranzi etniċi, b’mod partikolari r-Rom,

47.3.

il-ġlieda kontra l-esklużjoni, il-marġinalizzazzjoni u d-diskriminazzjoni ta’ persuni lesbjani, omosesswali, bisesswali, transġeneru u intersesswali, kif ukoll rigward il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda u l-vjolenza kontra dawn il-gruppi,

47.4.

it-titjib tar-rappreżentanza tan-nisa fl-isferi kollha tal-governanza pubblika lokali u reġjonali, u b’mod ġenerali l-iżgurar tal-ugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll rigward il-prevenzjoni u l-indirizzar tad-diskriminazzjoni u ta’ kull forma ta’ vjolenza fuq in-nisa;

48.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tirrikonoxxi r-rwol tal-gvernijiet lokali u reġjonali fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet fundamentali fil-livell lokali, biex tiffaċilita l-bini tal-kapaċitajiet u l-ħiliet tagħhom fil-qasam tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, u biex tappoġġjahom billi tipprovdi għodod u strumenti konkreti biex iwettqu dan ir-rwol;

Ir-rwol tal-gvernijiet lokali u reġjonali fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli

49.

ifakkar fl-Opinjoni reċenti tiegħu dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) bħala bażi għal strateġija fit-tul tal-UE għal Ewropa sostenibbli sal-2030, li tissottolinja li 65 % tal-169 mira tas-17-il SDG jirrikjedu l-impenn sod tar-reġjuni u l-bliet fl-implimentazzjoni tal-SDGs, sabiex jinkisbu dawn tal-aħħar;

50.

ifakkar li l-objettiv li “ħadd ma jitħalla jaqa’ lura” jitlob li l-livelli kollha tal-gvern jiżguraw integrazzjoni fuq skala trasversali, u t-tfassil ta’ politiki ta’ appoġġ u koeżjoni reċiproċi bbażati fuq il-post;

51.

ifakkar ukoll li l-gvernijiet lokali u reġjonali għandhom rwol ewlieni biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mill-Ftehim ta’ Pariġi tan-NU dwar it-tibdil fil-klima, u li l-azzjoni klimatika fil-livell lokali hija ta’ importanza kruċjali għall-mitigazzjoni u l-adattament tat-tibdil fil-klima, kif ukoll għall-ħolqien ta’ opportunitajiet lokali għal investiment u tkabbir sostenibbli;

52.

huwa konvint, għalhekk, li l-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija, bħala moviment minn isfel għal fuq, jista’ jkun il-mutur li jippermetti li l-bliet u l-muniċipalitajiet tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-Ftehim ta’ Pariġi, l-Aġenda 2030 u l-SDGs billi jiġu lokalizzati;

53.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tinkludi aħjar lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, u speċjalment lill-gvernijiet lokali u reġjonali tagħhom, fl-iżvilupp futur tal-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija, jew inizjattivi nazzjonali u reġjonali ekwivalenti li jinvolvu l-livell lokali u reġjonali, u biex tuża l-potenzjal ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali ta’ gvernijiet lokali u reġjonali u n-Netwerk tal-Assoċjazzjonijiet tal-Awtoritajiet Lokali fix-Xlokk tal-Ewropa (NALAS) biex tiffaċilita d-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ pjani lokali dwar l-azzjoni klimatika u l-effiċjenza fl-enerġija, pjani dwar il-mobbiltà urbana sostenibbli, u strumenti oħra ta’ politika lokali u reġjonali favur il-kisba tal-Aġenda 2030.

Brussell, it-12 ta’ Frar 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(*1)  Din l-indikazzjoni hija mingħajr preġudizzju għal pożizzjonijiet dwar l-istatus, u konformi mal-UNSCR 1244/1999, u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(1)  Riżoluzzjoni tal-PE 2019/2883(RSP).


Top