EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2019P0010

Talba għal Opinjoni Konsultattiva mill-Qorti tal-EFTA mill-Qorti tal-Appell tal-Prinċipat datata t-3 ta’ Diċembru 2019 fil-każ Bergbahn Aktiengesellschaft Kitzbühel v Meleda Anstalt (Il-Każ E-10/19) 2020/C 110/08

OJ C 110, 2.4.2020, p. 9–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/9


Talba għal Opinjoni Konsultattiva mill-Qorti tal-EFTA mill-Qorti tal-Appell tal-Prinċipat datata t-3 ta’ Diċembru 2019 fil-każ Bergbahn Aktiengesellschaft Kitzbühel v Meleda Anstalt

(Il-Każ E-10/19)

(2020/C 110/08)

Saret talba lill-Qorti tal-EFTA datata t-3 ta’ Diċembru 2019 mill-Qorti tal-Appell tal-Prinċipat (Fürstliches Obergericht), li waslet fir-Reġistru tal-Qorti fil-5 ta’ Diċembru 2019, għal Opinjoni Konsultattiva fil-każ Bergbahn Aktiengesellschaft Kitzbühel v Meleda Anstalt dwar il-mistoqsijiet li ġejjin:

Kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849?

I.   

 

1.

Kif għandha tiġi interpretata d-dispożizzjoni li entitajiet inkorporati u ġuridiċi oħrajn huma meħtieġa jiksbu informazzjoni adegwata dwar is-sjieda benefiċjarja tagħhom? Bħala regola ġenerali, huwa biżżejjed li l-entità obbligata tkun innotifikata b’min huwa s-sid benefiċjarju jew għandha, barra minn hekk, tipproduċi wkoll id-dokumenti sottostanti b’valur probatorju (artikoli ta’ assoċjazzjoni, eċċ.)?

2.

Fil-każ li s-sempliċi provvista ta’ informazzjoni ma tkunx biżżejjed iżda, bħala regola, id-dokumenti sottostanti (artikoli ta’ assoċjazzjoni, eċċ.) iridu jiġu prodotti: Din is-sitwazzjoni tinbidel b’xi mod meta s-sid benefiċjarju jkun persuna ġuridika b’uffiċċju rreġistrat fi Stat taż-ŻEE u, għalhekk, ikun ukoll suġġett għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2015/849? Is-sempliċi provvista ta’ informazzjoni hija biżżejjed f’dan il-każ?

3.

Jekk tingħata risposta negattiva għall-Mistoqsija 2: Tinbidel is-sitwazzjoni b’xi mod meta l-bord tas-sid benefiċjarju jkun avukat, nutar jew fiduċjarju (ta’ negozju), li skont il-liġi nazzjonali, huwa obbligat, soġġett għat-theddida ta’ piena ħarxa jew, potenzjalment, l-irtirar tal-awtorità li jipprattika f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità, li jipprovdi informazzjoni kompleta u preċiża u li l-ordni legali nazzjonali tagħtih fiduċja partikolari?

4.

Jekk il-mistoqsija 3 titwieġeb ukoll fin-negattiv u għalhekk jeżisti obbligu li jiġu prodotti d-dokumenti sottostanti (artikoli ta’ assoċjazzjoni, eċċ.) f’kull każ:

(a)

X’inhu l-estent minimu ta’ dokumenti li għandhom jiġu prodotti wara li jiġi kkunsidrat il-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data speċifikat fl-Artikolu 5(1)(c) tar-Regolament (UE) 2016/679 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)?

(b)

Kif għandu jiġi pprovat in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ sjieda indiretta jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ kontroll finali minn persuna fiżika fis-sens tal-Artikolu 3(6)(b)(v) u tal-Artikolu 3(6)(c) tad-Direttiva (UE) 2015/849 (fid-dawl tal-prinċipju li m’hemm l-ebda obbligu li jiġu ppruvati ċirkustanzi negattivi - “negativa non sunt probanda”)?

II.   

Irrispettivament mit-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet stipulati fit-taqsima I:

1.

Kif għandha tipproċedi l-entità marbuta b’obbligu li tikseb informazzjoni xierqa skont l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2015/849, meta s-sid benefiċjarju jirrifjuta li jipprovdi informazzjoni u/jew — skont it-tweġibiet mogħtija lill-mistoqsijiet magħmula fit-Taqsima I — li jipproduċi d-dokumenti sottostanti jew ma jipprovdix informazzjoni preċiża u attwali: Imbagħad, l-entità marbuta b’obbligu hija obbligata, b’riskju u bi spejjeż tagħha, li tieħu azzjoni legali kontra s-sid benefiċjarju għall-provvista ta’ informazzjoni jew, jekk disponibbli, li tieħu azzjoni legali simili prevista taħt il-liġi nazzjonali jew tista’ tkun sodisfatta bl-informazzjoni pprovduta lilha mis-sid benefiċjarju jew ir-rifjut li tiġi żvelata informazzjoni? F’dan il-każ, jekk ikun hemm bżonn, għandu jiġi applikat, mutatis mutandis, l-Artikolu 3(6)(a)(ii) tad-Direttiva (UE) 2015/849, li jirreferi għall-“eżawriment tal-possibbiltajiet kollha”, fi kliem ieħor, l-eżawriment tal-possibbiltajiet kollha għandu jinftiehem bħala li jinkludi t-teħid ta’ azzjoni legali għar-riskju u l-ispejjeż ta’ dak li jkun?

2.

Jekk il-mistoqsija preċedenti hija mwieġba fl-affermattiv (jiġifieri li jeżisti obbligu li tittieħed azzjoni legali): Imbagħad, jekk ikun hemm bżonn, għandu jiġi applikat, mutatis mutandis, l-Artikolu 3(6)(a)(ii) ta’ din id-Direttiva, b’tali mod li jkun jeżisti obbligu li tittieħed azzjoni legali b’riskju u spejjeż ta’ dak li jkun meta jkun hemm raġunijiet għal suspett jew fejn ikun hemm xi dubju (anki jekk l-iċken wieħed biss) fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta?


Top