EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019AE1578

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri”(COM(2019) 151 final)

EESC 2019/01578

OJ C 282, 20.8.2019, p. 32–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 282/32


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri”

(COM(2019) 151 final)

(2019/C 282/06)

Relatur: Ana BONTEA

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 12.3.2019

Bażi legali

Artikolu 148(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

5.6.2019

Adottata fil-plenarja

20.6.2019

Sessjoni plenarja Nru

544

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

211/3/10

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jtenni u jkompli jibni fuq il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (1).

1.2.

Il-KESE jilqa’ l-miżuri Ewropej u nazzjonali, li wasslu għal progress fil-qasam tal-impjiegi, u jirrakkomanda li dawn jinżammu u jiġu żviluppati sabiex jiġu promossi s-sostenibbiltà ekonomika u soċjali, forza tax-xogħol kwalifikata, imħarrġa u għaldaqstant imħejjija aħjar għall-iżviluppi ġodda, partikolarment dawk teknoloġiċi, swieq tax-xogħol li jistgħu jwieġbu għall-bidliet ekonomiċi, il-ksib tal-objettivi ta’ livell massimu ta’ impjiegi u ta’ progress soċjali, it-tnaqqis tad-disparitajiet, il-promozzjoni tal-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, tal-inklużjoni soċjali u tal-ġlieda kontra l-faqar, bil-għan li jitneħħew id-disparitajiet reġjonali fil-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol u jissaħħu l-funzjonament tas-suq tax-xogħol u l-effettività tad-djalogu soċjali.

1.3.

Il-KESE jtenni l-ħtieġa li, waqt li jitfasslu l-politiki sabiex jiġu rregolati s-suq tax-xogħol u d-drittijiet soċjali, ikun hemm taħlita bla xkiel tad-dimensjonijiet interkonnessi tal-kompetittività, il-produttività u s-sostenibbiltà soċjali/id-drittijiet tal-ħaddiema. Il-politiki kollha implimentati mill-istituzzjonijiet Ewropej, nazzjonali u lokali għandhom jipprevedu bilanċ xieraq bejn is-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali.

1.4.

Huma meħtieġa politiki u riformi strutturali li jiffaċilitaw il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, u jrawmu l-intraprenditorija responsabbli u t-tkabbir tal-SMEs u l-intrapriżi soċjali.

1.5.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata edukazzjoni inklużiva, ekwitabbli u ta’ kwalità għolja, teknika, vokazzjonali u terzjarja, inkluża l-edukazzjoni għolja, li jiġi żgurat livell għoli ta’ għarfien u ħiliet rilevanti, għall-impjiegi, postijiet tax-xogħol deċenti u intraprenditorija, u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd.

1.6.

Il-funzjonament tajjeb tad-djalogu soċjali huwa essenzjali sabiex jitjiebu t-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi, kif ukoll il-monitoraġġ tagħhom (2).

1.7.

Il-KESE jżomm ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu li jitkomplew l-isforzi biex jiġu eliminati d-disparitajiet, peress li l-konverġenza ’l fuq hija prinċipju trasversali li jrid jiġi kkunsidrat u integrat fil-politiki kollha tal-Unjoni.

1.8.

Il-KESE jtenni l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (3).

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill tipprevedi li fl-2019 jinżammu l-erba’ linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi stipulati fl-Anness għad-Deċiżjoni 2018/1215/UE (4).

2.2.

F’Opinjonijiet preċedenti tiegħu (5), il-KESE esprima konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi, u jixtieq itennihom f’din l-Opinjoni bil-għan li jittieħed vantaġġ minnhom.

2.3.

Il-KESE jilqa’ l-miżuri Ewropej u nazzjonali, li ppermettew li jsir progress (6), u jirrakkomanda li dawn jinżammu u jiġu żviluppati filwaqt li jiġu żgurati titjib kontinwu fil-kwalità tal-impjiegi u t-tnaqqis tal-prekarjetà u tal-inugwaljanzi (għaliex għad hemm differenzi bejn l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-gruppi ta’ persuni fis-suq tax-xogħol, u t-tkabbir ma jibbenefikax lill-pajjiżi, lir-reġjuni u liċ-ċittadini kollha bl-istess mod, filwaqt li xi pajjiżi għadhom jiffaċċjaw livelli għolja ta’ qgħad, dħul reali tal-unitajiet domestiċi taħt il-livelli ta’ qabel il-kriżi u rati għoljin ta’ faqar).

2.4.

Sal-2020, l-Istati Membri u l-Unjoni, f’konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, għandhom jaħdmu biex ifasslu strateġija koordinata ġdida għall-impjiegi, li tiggarantixxi b’mod partikolari l-promozzjoni tas-sostenibbiltà ekonomika u soċjali, forza tax-xogħol kwalifikata, imħarrġa u għaldaqstant imħejjija aħjar għall-iżviluppi ġodda, partikolarment dawk teknoloġiċi, swieq tax-xogħol li jwieġbu għall-bidliet ekonomiċi, il-ksib tal-objettivi ta’ livell massimu ta’ impjiegi u ta’ progress soċjali, it-tnaqqis tad-disparitajiet kif ukoll it-tisħiħ tal-funzjonament tas-suq tax-xogħol u l-effettività tad-djalogu soċjali.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.   Nagħtu spinta lid-domanda għall-ħaddiema u l-investiment

3.1.1.

“Kif enfasizzat fir-Rapporti tal-Pajjiżi tal-2019, l-Istati Membri kollha jiffaċċjaw ostakli għall-investiment f’oqsma ta’ politika differenti”. “Pereżempju, il-piż amministrattiv u regolatorju għoli, in-nuqqas ta’ prevedibbiltà fl-oqfsa regolatorji, l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji u amministrazzjoni pubblika ineffiċjenti” (7) (ir-riformi u l-investimenti jeħtieġu biżżejjed kapaċità amministrattiva u teknika biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiksbu r-riżultati mistennija), proċeduri ta’ approvazzjoni twal u kumplessi, kif ukoll in-nuqqas ta’ kompetenzi minħabba n-nuqqas fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ. In-nuqqas ta’ ħiliet jissemma f’diversi rapporti tal-pajjiżi bħala fattur li jfixkel jew idewwem l-investiment. Minkejja l-isforzi u l-progress reċenti (8) fir-rigward ta’ xi nuqqasijiet fis-sistema finanzjarja, għandhom jissemmew ukoll id-diffikultajiet li fadal li n-negozji – speċjalment l-SMEs – jiffaċċjaw biex ikollhom aċċess għal finanzjament għall-invesiment (9). Dawn il-vulnerabbiltajiet, li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali sinifikanti, jeħtieġu azzjoni xierqa fil-livell Ewropew u f’dak nazzjonali sabiex l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jirritornaw għal-livelli ta’ investiment ta’ qabel il-kriżi, u sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti mill-Istrateġija UE 2020 dwar ir-riċerka u l-iżvilupp u t-taħriġ tal-persunal għan-negozji.

3.1.2.

Għandhom jiġu adottati politiki ta’ investiment aktar immirati flimkien ma’ sett ta’ riformi strutturali mfassla tajjeb, biex jiġu ffaċilitati l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, il-promozzjoni tal-intraprenditorija responsabbli u impjieg indipendenti ġenwin, kif ukoll biex jiġi appoġġjat il-ħolqien u t-tkabbir tal-SMEs u l-intrapriżi soċjali.

3.1.3.

Hemm bżonn li tiġi adottata politika Ewropea orizzontali inklużiva, koerenti u favur l-SMEs, u jeħtieġ li nimxu mill-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” għall-approċċ “Aġixxi l-Ewwel għaż-Żgħir”. Il-KESE jtenni r-rakkomandazzjonijiet (10) preċedenti tiegħu, inkluż li jinħoloq indikatur li jkejjel il-kundizzjonijiet li jippromovu l-intraprenditorija.

3.1.4.

Fl-isfond tax-xejriet demografiċi, it-tkabbir fil-produttività huwa essenzjali biex niżguraw tkabbir ekonomiku sostenibbli fl-Istati Membri kollha. L-isfida ewlenija għal dawk li jfasslu l-politika u għall-imsieħba soċjali hija li jistimulaw it-tkabbir tal-produttività fl-Ewropa (11) permezz ta’ investimenti aktar immirati fil-kapital fiżiku u uman u l-isfruttament ta’ avvanzi teknoloġiċi fis-setturi industrijali u tas-servizzi, billi jsaħħu l-investimenti produttivi fl-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, fil-proġetti li jiżguraw it-tkabbir, kif ukoll fl-infrastruttura fiżika u soċjali bħan-netwerks tal-ICT u l-faċilitajiet ta’ kura. Hemm bżonn ta’ sforzi addizzjonali biex isir investiment fil-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u biex jiġi indirizzat ix-xogħol prekarju peress li dan jirrestrinġi wkoll il-produttività.

3.2.   Intejbu l-aċċess għall-impjiegi, il-ħiliet u l-kompetenzi (12)

3.2.1.

Tħassib partikolari fl-2019 huwa l-konferma ta’ spariġġ bejn il-kompetenzi strutturali u r-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol, peress li l-intrapriżi tal-UE jsibuha dejjem aktar diffiċli biex jirreklutaw il-ħaddiema. Dan huwa minħabba n-nuqqas ta’ ħiliet rilevanti fi ħdan l-UE, fattur li jżid il-pressjoni fuq il-kapaċità ta’ produzzjoni. In-nuqqas ta’ ħiliet ma jeżistix biss fil-pajjiżi li r-rata ta’ impjieg tagħhom hija għolja iżda wkoll f’dawk li għandhom rati għolja ta’ qgħad, u huwa partikolarment akut f’xi setturi, bħall-kostruzzjoni, is-servizzi tal-ICT, l-inġinerija u s-servizzi finanzjarji (13). Huma meħtieġa miżuri aktar b’saħħithom biex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni, b’riforma b’mod partikolari tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-maġġoranza tal-pajjiżi u billi jiġi promoss approċċ ibbażat fuq ir-riżultat fl-edukazzjoni għolja.

3.2.2.

Il-prijoritajiet huma dawn li ġejjin: l-iżgurar tal-ekwità u tal-opportunitajiet indaqs, aċċess ugwali għal edukazzjoni ta’ kwalità u għal livell għoli ta’ ħiliet u għarfien, kif ukoll id-distribuzzjoni ekwa tal-eżiti tat-tagħlim.

3.2.3.

L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u l-għalliema għandhom jingħataw l-appoġġ, l-ispazju u l-għodod meħtieġa biex jintegraw il-valuri tad-demokrazija, iċ-ċittadinanza attiva, il-ħsieb kritiku, it-tolleranza u l-paċi, fil-kuntest tad-diffikultajiet ta’ integrazzjoni tal-migranti u r-refuġjati, l-estremiżmu tal-lemin u n-nazzjonaliżmu populista.

3.2.4.

Sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali li jaħdmu sew u li huma bbażati fuq it-taħriġ b’alternanza jikkontribwixxu biex jiżdiedu l-impjiegi fost iż-żgħażagħ.

3.2.5.

Sabiex jinkiseb litteriżmu diġitali sħiħ għall-għalliema u l-istudenti kollha, kif ukoll għaċ-ċittadini, inklużi dawk f’żoni marġinalizzati, hemm bżonn fondi pubbliċi adegwati, tagħmir avvanzat u persunal tekniku kwalifikat.

3.2.6.

L-indirizzar ta’ dan in-nuqqas ta’ ħiliet huwa kompitu multidimensjonali li għandu bżonn sforzi konsiderevoli. Il-kreattività, l-intraprenditorija u l-mobbiltà fl-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll it-tagħlim tul il-ħajja u rabtiet aktar b’saħħithom bejn l-intrapriżi u l-fornituri tal-edukazzjoni għandhom jitħeġġu fil-livelli kollha. L-imsieħba soċjali għandhom ukoll rwol importanti x’jaqdu f’dan ir-rigward.

3.2.7.

Minbarra l-aċċess għal edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali ta’ kwalità, il-persuni b’diżabilità, u gruppi oħrajn li qed jiffaċċjaw żvantaġġi, jeħtieġu miżuri mmirati u appoġġ biex jittejjeb l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol.

3.3.   Insaħħu l-effettività tad-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali u Ewropew (14)

3.3.1.

Djalogu soċjali li jaħdem tajjeb huwa essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi msemmija hawn fuq ta’ konverġenza soċjali ’l fuq, aċċess għal impjieg ta’ kwalità, ħiliet u kompetenzi, u biex jittejbu t-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi li jirriżultaw minn dawn l-objettivi, biex jiżdied is-sens ta’ sjieda.

3.3.2.

L-involviment f’waqtu u sinifikanti tal-imsieħba soċjali huwa meħtieġ matul il-proċess kollu tas-Semestru Ewropew sabiex jittejjeb l-impenn fil-politiki, li għandu jiffaċilita l-implimentazzjoni b’suċċess tagħhom b’mod li jibbilanċja l-interessi tal-ħaddiema u tal-impjegaturi. Il-kollaborazzjoni bejn l-imsieħba soċjali tista’ tkun xprun biex il-politika ekonomika, dik tal-impjiegi u dik tal-inklużjoni soċjali jkunu ta’ suċċess, sostenibbli u inklużivi.

3.3.3.

L-imsieħba soċjali jistgħu jsibu soluzzjonijiet innovattivi biex jindirizzaw it-trasformazzjoni tas-soċjetà u tas-suq tax-xogħol, it-tibdil demografiku, id-diġitalizzazzjoni u l-effetti tal-globalizzazzjoni. Il-qafas leġislattiv kemm nazzjonali kif ukoll Ewropew għandu jiżgura li jkun jeżisti spazju riservat għall-innovazzjoni fil-livell tal-intrapriżi, is-setturi u l-Istati Membri, sabiex jiġi stimulat l-iżvilupp tal-imsieħba soċjali. Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) għandu rwol importanti x’jaqdi biex jappoġġja t-tisħiħ tal-kapaċità tal-imsieħba soċjali, kif rikonoxxut mid-Dikjarazzjoni ta’ Erba’ Partijiet intitolata “Bidu Ġdid għad-Djalogu Soċjali” (2016) u l-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li r-rakkomandazzjonijiet tal-imsieħba soċjali jiġu implimentati (15).

3.3.4.

L-involviment tal-imsieħba soċjali fis-Semestru Ewropew jirrikjedi wkoll appoġġ addizzjonali għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, sabiex ikunu jistgħu jikkontribwixxu għall-fażijiet differenti tal-proċess, inkluża l-implimentazzjoni tar-riformi. Bl-istess mod, it-tisħiħ tal-kapaċità tal-imsieħba soċjali huwa importanti f’xi pajjiżi sabiex tinkiseb it-traspożizzjoni tar-riżultati tad-djalogu soċjali Ewropew.

3.3.5.

Kif indikat fir-Rapporti tal-Pajjiżi tal-2019, l-iżviluppi pożittivi f’xi Stati Membri jikkuntrastaw mal-passi lura f’xi oħrajn. F’xi Stati Membri, l-involviment tal-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali huwa fil-fatt limitat. Il-konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali għandha tkun obbligatorja.

3.3.6.

Id-djalogu soċjali għandu jkollu rwol aktar importanti fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tar-riformi. Għandhom jitqiesu l-ftehimiet bejn l-imsieħba soċjali li jidentifikaw l-isfidi urġenti u l-fatturi politiċi għat-titjib tas-swieq tax-xogħol, kif ukoll ir-rapporti tal-pajjiżi u t-tabella ta’ valutazzjoni soċjali.

3.4.   Nippromovu l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, inrawmu l-inklużjoni soċjali u niġġieldu l-faqar (16)

3.4.1.

Il-KESE jtenni l-ħtieġa li, waqt li jitfasslu l-politiki sabiex jiġu rregolati s-suq tax-xogħol u d-drittijiet soċjali, ikun hemm taħlita bla xkiel tad-dimensjonijiet interkonnessi tal-kompetittività, il-produttività u s-sostenibbiltà soċjali/id-drittijiet tal-ħaddiema. L-atturi kollha jridu jimpenjaw ruħhom biex jippromovu tkabbir inklużiv u, fl-istess ħin, joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għad-dinja tan-negozju, sabiex jinħolqu aktar impjiegi u impjiegi aħjar. L-uniku mod biex jinbnew soċjetajiet aktar ugwali huwa li jiġu ġġenerati tkabbir u impjiegi aktar inklużivi u sostenibbli, bil-għan li liċ-ċittadini jiggarantixxulhom kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, remunerazzjoni u pensjonijiet adegwati kif ukoll il-kapaċità li jiġu eżerċitati d-drittijiet tagħhom.

3.4.2.

Minkejja li fl-Ewropa s-sitwazzjoni qiegħda titjieb, xorta waħda għad hemm differenzi bejn l-Istati Membri, bejn ir-reġjuni u bejn gruppi differenti ta’ nies fis-suq tax-xogħol. It-tkabbir fl-Ewropa mhuwiex qed jibbenefika lill-pajjiżi, lir-reġjuni u liċ-ċittadini kollha bl-istess mod. Xi Stati Membri għadhom qegħdin jesperjenzaw rati għoljin ta’ qgħad, dħul nett tal-familji taħt il-livelli ta’ qabel il-kriżi, u rati għoljin ta’ faqar. Għad fadal differenzi reġjonali kbar u f’xi Stati Membri dawn id-differenzi qegħdin jiżdiedu.

3.4.3.

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (17) jista’ jkollhom rwol ewlieni biex titjieb l-effettività tal-linji gwida għall-politika dwar l-impjiegi u tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u jipprovdu opportunità kbira biex il-politiki nazzjonali jitfasslu skont il-linji gwida u l-prinċipji tal-Pilastru, bil-għan li jinkisbu riżultati komuni. Dawn għandhom jippruvaw inaqqsu dawn id-differenzi u jżidu u jorjentaw ir-riżorsi relatati biex jinkiseb dan l-objettiv.

3.4.4.

F’xi Stati Membri, ir-rata tal-qgħad għadha ma rkupratx għalkollox u għadha aktar minn 10 %. Is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ għadha sfida f’diversi pajjiżi: proporzjonijiet kbar ta’ żgħażagħ li la huma f’impjieg, la fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ iqajmu tħassib għall-impjegabbiltà preżenti u futura tagħhom (18). F’oħrajn, in-nuqqas dejjem jikber ta’ ħaddiema qed ixekkel milli jkun hemm aktar tkabbir.

3.4.5.

Kollox ma’ kollox, minkejja r-rati tal-impjieg li qed jiżdiedu fost in-nisa, id-distakk bejn il-ġeneri fir-rati tal-impjiegi għadhom hemm u qed iwasslu għal diskrepanzi fil-pagi (19). Nies bi ftit kwalifiki u persuni li ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni, b’mod partikolari, jaffaċċjaw diffikultajiet biex isibu impjieg (20). In-nies b’diżabilità wkoll għadhom fi żvantaġġ (21). Barra minn hekk, għad hemm diskrepanzi reġjonali kbar fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol f’bosta Stati Membri. It-tibdil demografiku u l-iżviluppi teknoloġiċi qed jagħtu sura ġdida lis-swieq tax-xogħol Ewropej. Dawn il-problemi jeħtieġ li jiġu solvuti billi jiġu adottati miżuri leġislattivi u amministrattivi u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet rilevanti u l-imsieħba soċjali.

3.5.   Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

3.5.1.

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jaqdi rwol ewlieni fit-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-pagi kif ukoll tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali fl-Ewropa. Barra minn hekk, huwa essenzjali biex jiġi garantit il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u jitjiebu l-istandards soċjali u l-konverġenza bejn l-Istati Membri tal-UE – b’mod partikolari n-negozjar kollettiv u l-aċċess għas-servizzi soċjali. Fir-rigward tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-KESE jtenni l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li għamel f’Opinjonijiet preċedenti (22).

3.5.2.

Ir-rapporti tal-pajjiżi tal-2019 jagħtu attenzjoni partikolari lir-riżultati miksuba mill-Istati Membri b’rabta mad-dimensjonijiet tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. L-implimentazzjoni tal-Pilastru hija l-boxxla biex jinkiseb it-tkabbir inklużiv, ġust u sostenibbli.

3.5.3.

Il-futur tas-suq tax-xogħol għandu jkun suġġett ewlieni fid-dibattiti dwar il-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali, li għandu jindirizza t-trasformazzjoni kbira li għaddejja minnu, u għandha tiġi adottata strateġija Ewropea koerenti dwar l-impjiegi li tkopri t-temi li ġejjin:

l-investimenti u l-innovazzjoni;

l-impjieg u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità,

kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għal kulħadd;

tranżizzjonijiet ġusti u bla xkiel appoġġjati minn politiki attivi tas-suq tax-xogħol;

l-involviment tal-partijiet interessati kollha, b’mod partikolari l-imsieħba soċjali.

3.5.4.

Il-partijiet interessati kollha għandhom jaħdmu flimkien biex jiżguraw li, fil-futur, id-dinja tax-xogħol tkun ġusta u inklużiva, toffri opportunitajiet ta’ impjieg lil kulħadd u tippromovi l-progress soċjali, forza tax-xogħol kwalifikata u motivati li jkollha dħul deċenti u aċċess għal impjiegi ta’ kwalità.

3.5.5.

Dan it-titjib irid jiġi ffinanzjat: l-implimentazzjoni effettiva tal-Pilastru fl-Istati Membri ser tkun possibbli biss jekk ikun hemm biżżejjed riżorsi finanzjarji għall-investiment f’politiki soċjali li għandhom l-għan li jimplimentaw id-drittijiet u l-prinċipji permezz ta’ inizjattivi ta’ politika speċifiċi. Għal dan il-għan għandhom jaqdu rwol importanti mekkaniżmi bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi.

3.6.   Il-fondi tal-Unjoni Ewropea (23)

3.6.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni fl-abbozz ta’ Regolament dwar l-FSE+ biex tissaħħaħ ir-rabta bejn l-FSE u l-proċess tas-Semestru Ewropew, b’mod partikolari l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

3.6.2.

Għal xi Stati Membri, il-fondi tal-UE jirrappreżentaw saħansitra parti kritika mill-investiment pubbliku tagħhom. L-allinjament aħjar tal-fondi tal-UE mal-analiżi u r-rakkomandazzjonijiet tas-Semestru Ewropew għandu jtejjeb ir-riżultati u jsaħħaħ l-impatt tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni.

3.6.3.

Il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi u l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għandhom ikunu maħsuba biex jaqdu rwol kruċjali fil-ħolqien tat-tkabbir u l-impjiegi u fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u territorjali. Il-KESE huwa tal-fehma li użu aktar effettiv u effiċjenti ta’ dawn il-fondi huwa meħtieġ u li l-investiment fit-tul f’infrastruttura soċjali u servizzi soċjali ta’ kwalità għolja, inkluż permezz tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi u l-Bank Ewropew tal-Investiment, għandu jingħata prijorità u jiġi akkoppjat mal-implimentazzjoni tal-Pilastru.

3.7.   Id-diġitalizzazzjoni

3.7.1.

F’bosta Opinjonijiet, il-KESE analizza l-fenomenu tad-diġitalizzazzjoni u l-impatt tagħha fuq l-organizzazzjoni tax-xogħol u tal-impjieg (24).

3.7.2.

Ir-raba’ rivoluzzjoni industrijali ser iġġib magħha bidliet kbar minħabba l-iżviluppi f’oqsma bħall-ġenetika, l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika, in-nanoteknoloġija, l-istampar 3D u l-bijoteknoloġija. Dawn il-bidliet ser jaffettwaw it-tendenzi tal-konsum, il-produzzjoni u l-impjiegi u jġibu sfidi kbar li jeħtieġu li n-negozji, l-awtoritajiet u l-individwi jadattaw b’mod proattiv. B’mod parallel għar-rivoluzzjoni teknoloġika, firxa ta’ fatturi soċjoekonomiċi, ġeopolitiċi u demografiċi marbuta ma’ dawn il-bidliet għandhom effetti miżjuda peress li jinteraġixxu f’direzzjonijiet multipli u jsaħħu lil xulxin. Hekk kif l-industrija kollha qed tadatta, il-maġġoranza tal-impjiegi għaddejjin minn bidliet radikali.

3.7.3.

Filwaqt li xi impjiegi aktarx li jsiru superfluwi u oħrajn qed jiffjorixxu, l-impjiegi eżistenti jeħtieġu li jiġu akkwistati l-ħiliet neċessarji. Huma meħtieġa miżuri speċifiċi biex jiġu indirizzati n-nuqqas ta’ ħiliet, il-qgħad tal-massa u l-inugwaljanzi dejjem jikbru; għal dan hemm bżonn taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet, approċċ proattiv għat-tagħlim tul il-ħajja, inċentivi u tagħmir xierqa, kif ukoll sħubijiet multisettorjali.

3.7.4.

Għarfien aħjar dwar in-natura li tinbidel tax-xogħol u tar-relazzjonijiet ta’ impjieg fl-era diġitali għandu jwassal għal politika tal-UE dwar l-impjiegi aktar effettiva.

3.7.5.

Għandha tingħata prijorità lit-tagħlim tul il-ħajja, lit-taħriġ mill-ġdid u lill-iżvilupp tal-ħiliet, sabiex kulħadd ikollu l-opportunità li jsib impjieg f’post tax-xogħol globalizzat b’teknoloġija avvanzata u li jkollu aċċess għall-informazzjoni u s-servizzi, li wħud minnhom huma essenzjali.

3.7.6.

Fl-era diġitali, huwa essenzjali li dawk li huma esposti għar-riskju jkunu garantiti l-aċċess għall-Internet u għal taħriġ biex jiksbu l-kompetenzi diġitali, jingħataw l-opportunità biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jkollhom aċċess għas-servizzi soċjali, b’mod partikolari dawk fundamentali.

3.7.7.

L-inugwaljanzi u r-riskji soċjali ġodda assoċjati mar-rivoluzzjoni diġitali jistgħu parzjalment jirriżultaw ukoll mill-fenomenu tal-esklużjoni diġitali, peress li xi partijiet tal-popolazzjoni m’għandhomx ħiliet tal-informatika u għarfien bażiku f’dan ir-rigward, meħtieġa biex ikunu jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni u s-servizzi, li xi wħud minnhom huma essenzjali.

Brussell, 20 ta’ Ġunju 2019

Luca JAHIER

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 237, 6.7.2018, p. 57.

(2)  ĠU C 159, 10.5.2019, p. 1, ĠU C 434, 15.12.2017, p. 30.

(3)  ĠU C 262, 25.7.2018, p. 1; ĠU C 81, 2.3.2018, p. 145; ĠU C 125, 21.4.2017, p. 10 .

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1215 tas-16 ta’ Lulju 2018 dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (ĠU L 224, 5.9.2018, p. 4).

Nagħtu spinta lid-domanda għax-xogħol,

Insaħħu l-provvista ta’ ħaddiema u ntejbu l-aċċess għall-impjiegi, il-ħiliet u l-kompetenzi

Insaħħu l-funzjonament tas-swieq tax-xogħol u l-effettività tad-djalogu soċjali

Nippromovu l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, inrawmu l-inklużjoni soċjali u niġġieldu kontra l-faqar

(5)  ĠU C 332, 8.10.2015, p. 68; ĠU C 237, 6.7.2018, p. 57 .

(6)  Komunikazzjoni COM (2019) 150 final – L-Unjoni Ewropea tgawdi s-seba’ sena tagħha ta’ tkabbir ekonomiku. L-irkupru ekonomiku qiegħed ikompli u qiegħed iħalli impatt pożittiv fuq is-swieq tax-xogħol u l-progress soċjali. Is-sitwazzjoni tal-impjiegi tkompli titjieb, bl-għadd ta’ persuni impjegati fir-raba’ kwart tal-2018 ikun 240 miljun, waqt li r-rata tal-qgħad (6,6 %) laħqet il-livell tas-sena 2000. Fl-2017 biss, aktar minn ħames miljun ruħ inħarġu mill-faqar u l-esklużjoni soċjali.

(7)  Komunikazzjoni COM(2019) 150 final – (Appendiċi 4); Ara wkoll Komunikazzjoni COM(2019) 500 final.

(8)  L-aċċess tal-SMEs u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja (midcaps) għall-finanzjament matul il-perjodu 2014-2020: opportunitajiet u sfidi (Rapport ta’ informazzjoni); ĠU C 345, 13.10.2017, p. 15; ĠU C 197, 8.6.2018, p. 1.

(9)  Ara n-nota 8 f’qiegħ il-paġna.

(10)  COM(2019) 150 final.

(11)  Ara n-nota 10 f’qiegħ il-paġna.

(12)  SOC/622 (għadha qed titfassal),ĠU C 62, 15.2.2019, p. 136, ĠU C 228, 5.7.2019, p. 16, ĠU C 237, 6.7.2018, p. 8, ĠU C 81, 2.3.2018, p. 167; ĠU C 13, 15.1.2016, p. 57; ĠU C 161, 6.6.2013, p. 67.

(13)  Ara l-istudju kkummissjonat mill-KESE “Skills Mismatches – An Impediment to the Competitiveness of EU Businesses” (L-ispariġġ tal-ħiliet - Impediment għall-kompetittività tan-negozji tal-UE), 2018.

(14)  ĠU C 159, 10.5.2019, p. 1; ĠU C 434, 15.12.2017, p. 30.

(15)  Dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea u l-Imsieħba Soċjali Ewropej dwar “Bidu ġdid għad-djalogu soċjali”, 2016.

(16)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 15; ĠU C 237, 6.7.2018, p. 1; ĠU C 440, 6.12.2018, p. 135; SOC/620 (qed titfassal bħalissa); ĠU C 228, 5.7.2019, p. 7.

(17)  Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż.

(18)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 142 .

(19)  SOC/610(ĠU C 240, 16.7.2019, p. 3); ĠU C 110, 22.3.2018, p. 26; ĠU C 440, 6.12.2018, p. 37; ĠU C 262, 25.7.2018, p. 101; ĠU C 110, 22.3.2019, p. 20.

(20)  L-ispejjeż tan-nuqqas ta’ immigrazzjoni u tan-nuqqas ta’ integrazzjoni (Rapport ta’ informazzjoni); ĠU C 264, 20.7.2016, p. 19; ĠU C 71, 24.2.2016, p. 46 .

(21)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 15; ĠU C 367, 10.10.2018, p. 20; SOC/616 (qed titfassal bħalissa).

(22)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 10; ĠU C 81, 2.3.2018, p. 145; SOC/614 (qed titfassal bħalissa).

(23)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 165.

(24)  ĠU C 237, 6.7.2018, p. 8; ĠU C 129, 11.4.2018, p. 7; ĠU C 237, 6.7.2018, p. 1; ĠU C 434, 15.12.2017, p. 36; ĠU C 434, 15.12.2017, p. 30; ĠU C 173, 31.5.2017, p. 45; ĠU C 303, 19.8.2016, p. 54; ĠU C 13, 15.1.2016, p. 161; ĠU C 128, 18.5.2010, p. 74; SOC/622 (qed titfassal bħalissa).


APPENDIĊI

Dawn il-punti li ġejjin tal-Opinjoni tas-sezzjoni ġew modifikati biex jirriflettu l-emenda adottata mill-assemblea, iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 59(4) tar-Regoli ta’ Proċedura):

1.4.

Hemm bżonn politiki u riformi strutturali li jiffaċilitaw il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, il-promozzjoni ta’ intraprenditorija responsabbli, l-iżvilupp ta’ SMEs u ta’ intrapriżi soċjali, kif ukoll l-abbandun tal-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” favur l-approċċ “Aġixxi l-Ewwel għaż-Żgħir”.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

:

117

Kontra

:

86

Astensjonijiet

:

15


Top