EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019IE0346

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew “Lejn qafas legali Ewropew adatt għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

EESC 2019/00346

OJ C 282, 20.8.2019, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 282/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew “Lejn qafas legali Ewropew adatt għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2019/C 282/01)

Relatur: Alain COHEUR

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

12.7.2018

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

28.5.2019

Adottata fis-sessjoni plenarja

19.6.2019

Sessjoni plenarja Nru

544

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

159/0/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Fi żmien meta l-integrazzjoni Ewropea qed tfittex nifs ġdid, il-promozzjoni tad-diversità tal-forom ta’ intrapriżi hija fattur fil-ħolqien tal-impjiegi, l-innovazzjoni u l-koeżjoni soċjali, kif ukoll il-kompetittività fl-Ewropa. Id-dritt tal-UE huwa bbażat fuq kunċett simplifikat tal-forom eżistenti ta’ intrapriżi fis-suq uniku, b’tali mod li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali (IES) mhumiex inklużi peress li mhumiex intrapriżi kapitalistiċi bi skop ta’ qligħ u lanqas organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ (ekonomikament altruistiċi).

1.2.

L-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali huma ġestiti skont karatteristiċi, valuri u prinċipji komuni bħall-preċedenza tal-individwu u l-għan soċjali fuq il-kapital, is-sħubija volontarja u miftuħa u l-governanza demokratika. Huma ma jfittxux li jimmassimizzaw il-profitti fuq perjodu qasir ta’ żmien iżda li jiżguraw il-vijabbiltà fit-tul tagħhom. Il-profitti jiġu investiti mill-ġdid fil-ħolqien jew iż-żamma ta’ impjiegi jew fl-iżvilupp ta’ attivitajiet li jindirizzaw l-għan soċjali, jew saħansitra jiġu distribwiti kollettivament skont il-kontribuzzjoni personali tal-membri.

1.3.

Id-dritt tal-UE ma jikkunsidrax l-ekonomija soċjali fil-karatteristiċi intrinsiċi tagħha, b’mod partikolari dik ta’ rabta differenti fir-rigward tal-profitti. L-Artikolu 54 tat-TFUE ġie interpretat li jopponi l-entitajiet ekonomikament altruistiċi (mingħajr skop ta’ qligħ) għal kumpaniji li jwettqu attività ekonomika għal rimunerazzjoni. Għalhekk, din it-tieni kategorija tinkludi l-intrapriżi kollha li jagħmlu profitt, kemm jekk iqassmuh kif ukoll jekk le, mingħajr ma tagħmel distinzjoni bejniethom u irrispettivament mill-forma legali tagħhom.

1.4.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) u l-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni Ewropea (KE) ma jurux biżżejjed interess fl-intrapriżi msejħa “mingħajr skop ta’ qligħ” fil-liġi nazzjonali tagħhom jew li, irrispettivament minn dik il-kwalifika, huma bbażati fuq kriterji ta’ sjieda, governanza u użu tal-profitti, li jiddistingwuhom b’mod qawwi minn intrapriżi kapitalisti bi skop ta’ qligħ, b’mod partikolari fil-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-finanzjament. Barra minn hekk, il-ħtieġa li jiġi sfruttat il-potenzjal tal-forom kollha ta’ intrapriżi, kif ukoll il-prinċipju tan-newtralità tad-dritt tal-UE fir-rigward tal-forom differenti ta’ organizzazzjoni ta’ intrapriżi, għandhom jipprevjenu l-iżvilupp ta’ mudell uniku ta’ intrapriża.

1.5.

Għalhekk, il-KESE:

jipproponi l-introduzzjoni fid-dritt tal-UE ta’ qafas legali adattat għal rikonoxximent aħjar tal-IES. Dan il-qafas ikun ibbażat fuq kunċett ġdid, il-qligħ limitat, li jiddefinixxi l-intrapriżi kollha li jistgħu jagħmlu profitt, imma li ma għandhomx l-għan li jqassmuh lis-sidien tagħhom minħabba li l-iskop tagħhom huwa ta’ solidarjetà jew ta’ interess ġenerali;

jistieden lill-KE tniedi studju dwar il-kunċett ta’ qligħ limitat u dwar il-mudelli ta’ intrapriżi li joperaw b’dan il-mod. Dan l-istudju jkun jagħmilha possibbli li jiġu identifikati aħjar il-ħtiġijiet ta’ oqfsa legali, finanzjarji u marbuta mat-taxxa adattati għall-preservazzjoni tal-kapaċitajiet kompetittivi tal-intrapriżi kkonċernati u, fejn meħtieġ, iwassal għall-istabbiliment ta’ prattiki tajbin;

jistieden lill-KE tkompli l-isforzi li saru fil-komunikazzjoni dwar il-klassifikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat għas-soċjetajiet kooperattivi billi testendi d-dispożizzjonijiet rilevanti għall-IES kollha;

jistieden ukoll lill-KE tfassal komunikazzjoni interpretattiva tal-Artikolu 54 tat-TFUE u tal-artikoli tat-Trattat dwar il-liġi tal-kompetizzjoni, sabiex jiġi ċċarat il-kunċett ta’ “mingħajr skop ta’ qligħ” fid-dritt tal-UE;

jemmen, finalment, li mat-TFUE għandu jiġi anness protokoll dwar id-diversità tal-forom tal-intrapriżi, skont il-Protokoll Nru 26 dwar is-SIĠ, u jistieden lill-Istati Membri jinkludu din ir-reviżjoni fl-aġenda ta’ riformi li jmiss.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.   Rikonoxximent politiku tal-ekonomija soċjali

2.1.1.

L-ekonomija soċjali hija realtà li qed tiżviluppa fl-ekonomija u fit-territorji tal-UE. Hemm 2,8 miljun intrapriża u organizzazzjoni ta’ forom varji — kooperattivi, intrapriżi mutwi, intrapriżi soċjali, assoċjazzjonijiet, fondazzjonijiet, fost l-oħrajn — li jwettqu attività ekonomika, u jirrappreżentaw 8 % tal-PDG tal-UE u 13,6 miljun ħaddiem, jiġifieri 6 % tal-impjegati fl-Ewropa. Mill-intrapriżi żgħar ħafna u l-SMEs sa gruppi kbar tal-ekonomija soċjali, huma joperaw fis-setturi kollha ta’ attività. Minħabba l-importanza tagħha u l-varjetà tal-azzjonijiet tagħha, l-ekonomija soċjali tirrappreżenta xprun ewlieni għat-tkabbir ekonomiku Ewropew sostenibbli, innovattiv, soċjalment inklużiv u ekoloġiku.

2.1.2.

L-ekonomija soċjali għad għandha bżonn rikonoxximent politiku. Madankollu, sar xi progress, kif jixhdu d-Dikjarazzjoni ta’ Lussemburgu għal ekonomija soċjali fl-Ewropa — “A roadmap towards a more comprehensive ecosystem for social economy enterprises” (“Pjan Direzzjonali lejn ekosistema aktar komprensiva tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali”), il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE (EPSCO) dwar “il-promozzjoni tal-ekonomija soċjali bħala mutur ewlieni ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali fl-Ewropa” li ġew approvati għall-ewwel darba b’unanimità mit-28 Stat Membru, it-tiġdid fl-2018 tal-grupp ta’ esperti tal-KE dwar l-ekonomija soċjali u l-intrapriżi soċjali (GECES) u l-appell tal-PE lill-KE biex tiżgura li l-karatteristiċi tal-ekonomija soċjali jiġu kkunsidrati fit-tfassil tal-politiki Ewropej.

2.1.3.

F’diversi okkażjonijiet, il-KESE kkummenta dwar l-interess ta’ rikonoxximent tal-ekonomija soċjali, dwar il-ħtieġa li tiġi kkunsidrata b’mod effettiv id-diversità tal-forom tal-intrapriżi fir-regolamentazzjoni tal-UE u dwar l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni speċifiku għall-ekonomija soċjali.

2.1.4.

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ma jistax isir effettiv mingħajr il-parteċipazzjoni tal-IES. Għalhekk huwa importanti li tiġi żgurata b’mod konkret il-parteċipazzjoni tagħhom fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-UE. Għalkemm, fi żminijiet ta’ kriżi, l-IES juru reżiljenza akbar u jkollhom rwol ta’ ammortizzaturi soċjali, fil-ħajja ta’ kuljum iżommu u jippromovu l-koeżjoni soċjali u huma sorsi ta’ innovazzjoni soċjali. Barra minn hekk, għadd minnhom jissodisfaw l-għanijiet tal-Pilastru, l-ewwel nett permezz tal-prinċipji operattivi tagħhom, u mbagħad, bl-attivitajiet tagħhom: min-natura tagħhom, dawn huma maħsuba sabiex jissodisfaw għanijiet bħall-promozzjoni ta’ impjieg siguri u adattabbli, id-djalogu soċjali u l-involviment tal-ħaddiema, ambjent tax-xogħol sigur, tajjeb għas-saħħa u adattat sew jew li joffru soluzzjonijiet innovattivi għall-ċerti ħtiġijiet soċjali fundamentali.

2.2.   Nuqqas ta’ rikonoxximent legali — kunċett ta’ dikotomija u simplifikazzjoni tal-forom tal-intrapriżi

2.2.1.

L-IES ftit li xejn huma rikonoxxuti fid-dritt tal-Unjoni. Fil-passat, ittieħdu inizjattivi biex jippermettu l-emerġenza ta’ kooperattivi, impriżi mutwi, assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet Ewropej. L-uniku abbozz ta’ regolament żviluppat kien dak dwar il-kooperattivi Ewropej.

2.2.2.

Bħalissa, l-approċċ statutorju, elenkat kategorija kategorija, jidher li ġie abbandunat favur żewġ approċċi oħra.

minn naħa waħda, il-promozzjoni tal-kunċett ta’ intrapriżi soċjali fil-livell Ewropew, u l-implimentazzjoni ta’ diversi strumenti finanzjarji biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ finanzjament tagħhom;

min-naħa l-oħra, ir-rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti tal-KE biex iħeġġu lill-Istati jippromovu l-IES huma stess fi ħdanhom, speċjalment dawk li għad m’għandhomx oqfsa leġislattivi nazzjonali.

2.2.3.

Għalkemm il-Parlament Ewropew (PE), il-Kunsill u l-KE ħabbru li jridu jenfasizzaw l-iżvilupp tal-ekonomija soċjali kollha kemm hi, dawn id-diversi forom ta’ azzjoni huma adattati għall-intrapriżi soċjali u ma japplikawx għall-IES kollha; bl-istess mod, dawn l-azzjonijiet jistgħu joffru viżjoni dejqa tal-ekonomija soċjali, limitata għall-attivitajiet soċjetali.

2.2.4.

Fuq kollox, it-testi fis-seħħ u l-proposti reċenti jaħbu punt essenzjali: id-dritt kollu tal-UE huwa mibni fuq kunċett ta’ dikotomija u b’hekk simplifikat tal-atturi tal-ekonomija.

2.2.5.

Stabbilita fit-Trattat ta’ Ruma, din id-dikotomija toħroġ fid-dieher illum fl-Artikolu 54 attwali tat-TFUE dwar il-libertà tal-istabbiliment, li skontha d-dritt tal-UE jirrikonoxxi żewġ tipi ta’ entitajiet: minn naħa waħda, dawk mingħajr skop ta’ qligħ, li jkopru esklużivament l-organizzazzjonijiet b’attività altruistika; min-naħa l-oħra, l-intrapriżi, u fosthom, prinċipalment, il-kumpaniji kummerċjali u ċivili, li jinkludu wkoll il-kooperattivi.

2.2.6.

Kemm jekk huma kooperattivi, intrapriżi mutwi, intrapriżi soċjali jew assoċjazzjonijiet, l-intrapriżi kollha li jwettqu attività ekonomika vijabbli u jippermettu wkoll, jekk meħtieġ, li jinkiseb surplus, huma assimilati mal-intrapriżi tat-tip kapitalisti bi skop ta’ qligħ. Madankollu, l-għan tal-IES mhuwiex wieħed ta’ massimizzazzjoni jew redditu fuq il-kapital, iżda għan soċjali.

2.2.7.

In-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni adatta tal-ispeċifiċitajiet tal-IES huwa tradott ukoll fil-liġi tal-kompetizzjoni permezz ta’ assimilazzjoni tal-IES mal-intrapriżi l-oħra, mifhuma bħala entitajiet li jwettqu attività ekonomika f’suq, irrispettivament mill-istatus legali tal-entità u l-mod ta’ finanzjament tagħha. Din l-indifferenza għan-natura legali, l-għanijiet tal-IES u, konsegwentement, ir-restrizzjonijiet speċifiċi fuqhom mil-lat ekonomiku u finanzjarju huma kultant imsaħħa minn interpretazzjonijiet ġurisprudenzjali u dottrinali li jwasslu regolarment l-idea li n-norma tal-attur fis-suq hija l-intrapriża li jkollha skop ta’ qligħ, sabiex jiġu massimizzati l-profitti jew ir-redditu fuq il-kapital investit.

2.2.8.

Il-mudell tal-intrapriża kapitalista bi skop ta’qligħ huwa mifrux fost ir-regolamenti Ewropej kollha. Għaldaqstant, minkejja l-benefiċċji ta’ interess ġenerali derivati mill-preżenza ta’ tali strutturi fit-territorju tal-Istati Membri tal-UE, u ħlief l-identifikazzjoni eventwali tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, la l-liġi dwar ir-raggruppamenti jew il-liġi dwar il-kumpaniji, la l-liġi dwar l-akkwist pubbliku, u lanqas il-liġi fiskali ma jiddistingwu bejn l-IES u l-forom l-oħra ta’ intrapriża.

2.2.9.

Għalhekk, ma jistax ikun hemm rikonoxximent politiku sinċier mingħajr rikonoxximent legali, minqux fit-TFUE, li neċessarjament jinvolvi t-tneħħija tal-konfużjoni fundamentali oriġinali.

2.2.10.

Id-dritt tal-UE juri prinċipju ta’ newtralità fir-rigward tas-sistemi ta’ sjieda fl-Istati Membri.

Dan jimplika li s-sjieda tal-intrapriżi mhijiex fil-kompetenza tal-UE u li r-regoli tal-UE m’għandhomx jiddettaw is-sistemi ta’ sjieda.

2.2.11.

Bl-istess mod, id-dritt tal-UE ma jinterferixxix mad-deċiżjoni ta’ intrapriża li tadotta jew struttura kapitalista bi skop ta’ qligħ, fejn il-poter jiddependi min-numru ta’ ishma jew assi miżmuma, jew struttura ta’ ekonomija soċjali li twassal għal distribuzzjoni tal-poter ibbażata fuq in-nies u mhux fuq il-kapital u li fiha r-ridistribuzzjoni tal-bilanċi żejda hija strettament limitata, jew saħansitra ineżistenti, meta dawn jiġu investiti kompletament mill-ġdid fl-għan soċjali.

2.2.12.

Madankollu, meta n-newtralità twassal għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ setturi sħaħ tal-ekonomija u tippermetti li ċertu tip ta’ intrapriża jsir mudell jew norma ta’ referenza għall-kostruzzjoni tad-dritt, il-prinċipju jiġi applikat ħażin.

2.2.13.

F’Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar id-diversità tal-forom ta’ intrapriżi ppubblikata fl-2009, il-KESE kien diġà osserva l-ħtieġa li tiġi rikonoxxuta d-diversità ekonomika fl-UE.

2.2.14.

Jeħtieġ li l-ordni ġuridiku kollu tal-UE jiġi rivedut sabiex ikun hemm fehim aħjar tar-rwol u l-modalitajiet ta’ funzjonament speċifiċi tal-intrapriżi b’funzjoni ta’ interess ġenerali u li l-użu tad-dħul iġġenerat mill-attivitajiet tagħhom ikun jikkoinċidi strettament mal-kisba tal-għanijiet soċjali.

2.2.15.

Għalhekk, mod kif isir żvilupp ikun billi jiġu rikonoxxuti l-IES, apparti l-intrapriżi bi skop ta’ qligħ u l-entitajiet b’għanijiet altruistiċi, bħala t-tielet kategorija ta’ atturi ekonomiċi li l-qligħ tagħhom ikun deliberatament limitat minħabba l-prijorità mogħtija lil skopijiet oħra.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.   Il-qligħ limitat: karatteristika komuni għall-IES

3.1.1.

L-introduzzjoni tal-kunċett ta’ qligħ limitat tagħmilha possibbli li tiġi enfasizzata d-differenza essenzjali bejn l-IES u l-intrapriżi kapitalisti. Li jingħad li entità hija waħda bi qligħ limitat ifisser li l-qligħ huwa mezz u mhux skop tal-attività.

3.1.2.

L-ewwel nett, huwa rikonoxxut li l-attività għandha tkun ekonomikament vijabbli, jiġifieri, ma tiddependix minn għotjiet jew donazzjonijiet biex tkun bilanċjata finanzjarjament.

3.1.3.

It-tieni, jekk l-attività tiġġenera surplus, dan għandu, skont l-istruttura, jitwarrab bħala riżerva jew jerġa’ jintuża għall-attività, sabiex jiġu żgurati s-sostenibilità u l-iżvilupp tal-attività tal-intrapriża permezz tal-investiment. Il-kooperattivi, pereżempju, jistgħu jqassmu parti mis-surplus lill-membri tagħhom fil-forma ta’ rimborż jew interessi, iżda parti limitata biss tas-surplus tista’ tiġi restitwita u teoretikament tiddependi mit-tranżazzjonijiet tal-membri u mhux mill-ishma tagħhom fil-kapital.

3.1.4.

It-tielet, il-qligħ ma jistax ikun l-uniku skop tal-attività. Fl-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, l-iskop tal-attività jilħaq għanijiet oħra għajr il-profittabilità ta’ kapital investit jew il-massimizzazzjoni tal-profitti. Dawn l-għanijiet iservu biex jissodisfaw l-interessi tal-membri tagħhom jew biex jissodisfaw l-interess ġenerali, filwaqt li ta’ spiss jintegraw għanijiet oħra ta’ koeżjoni soċjali, territorjali jew ambjentali.

3.1.5.

Ir-restrizzjonijiet fuq l-operat u l-ġestjoni intrinsikament marbuta mal-iskopijiet tal-intrapriża huma formalizzati fl-istatuti tagħha. Madankollu, id-dritt tal-UE għandu jirrikonoxxi wkoll l-eżistenza tal-atturi li jadottaw dawn il-forom speċifiċi ta’ intrapriżi u jippermetti l-iżvilupp tagħhom fis-suq intern.

3.1.6.

L-użu tal-kunċett ta’ qligħ limitat jippermetti:

(a)

li jiġi evitat li r-rikonoxximent tal-ekonomija soċjali jkun limitat għall-intrapriżi soċjali biss, jiġifieri dawk li jwettqu attivitajiet soċjali magħżula, meta l-IES, irrispettivament mis-settur tagħhom, jissodisfaw bżonnijiet ekonomiċi, soċjali u territorjali. Is-surplus jibbenefikaw minnu b’mod prijoritarju l-membri tal-kooperattivi, il-membri tal-intrapriżi mutwi, u l-utenti lokali ta’ assoċjazzjonijiet ta’ forniment ta’ servizzi. Dan qatt ma jiffinanzja “hedge funds” jew investituri fi kwalunkwe post tad-dinja;

(b)

li jiġi żgurat ir-rispett tad-differenzi nazzjonali f’dak li jirrigwarda forom ta’ intrapriżi, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

3.2.   Applikazzjonijiet trasversali

Il-kunċett ta’ qligħ limitat huwa maħsub biex ikun stabbilit f’politiki differenti tal-UE:

3.2.1.   Il-libertà tal-istabbiliment

3.2.1.1.

Fir-rigward tal-libertà tal-istabbiliment, sempliċi tibdil fil-formulazzjoni jippermetti li tiġi rikonoxxuta uffiċjalment l-eżistenza ta’ kumpaniji bi qligħ limitat.

3.2.1.2.

L-Artikolu 54 tat-TFUE u l-libertà tal-istabbiliment jistgħu għalhekk jinkludu lill-kumpaniji tal-liġi ċivili jew kummerċjali, inklużi l-kumpaniji kooperattivi u l-persuni ġuridiċi l-oħra rregolati mil-liġi pubblika jew privata, kemm jekk għandhom skop ta’ qligħ kif ukoll jekk għandhom qligħ limitat.

3.2.1.3.

Il-libertà tal-istabbiliment hija verament sfida għal xi forom ta’ IES. Billi l-istatus legali jvarja ħafna minn Stat għal ieħor, l-eżerċitar ta’ din il-libertà ġeneralment jobbliga lill-intrapriżi meta jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru, jadottaw statuti li ma jikkorrispondux mar-regoli operattivi definiti fl-Istat Membru ta’ oriġini. Fil-fatt, fil-każ tal-IES, m’hemm l-ebda ekwivalenti għall-kumpanija Ewropea. Ir-rikonoxximent minimu tal-IES, permezz ta’ komunikazzjoni interpretattiva dwar l-Artikolu 54 tat-TFUE b’mod partikolari, fl-istess ħin jippermetti li jiġu kkunsidrati aktar il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom fid-dritt tal-UE, iżda wkoll li ssir riflessjoni dwar ir-reazzjonijiet differenti li jista’ jkun hemm għall-problema tal-istabbiliment, pereżempju permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa.

3.2.1.4.

Dan ikun l-ewwel pass fi proċess aktar globali ta’ sensibilizzazzjoni u appoġġ fil-livell Ewropew għall-promozzjoni tal-ekonomija soċjali. Dan il-proċess għandu jinvolvi kemm lill-UE kif ukoll lill-Istati Membri, li għandhom jitħeġġu joħolqu oqfsa nazzjonali tal-ekonomija soċjali proprji tagħhom biex jakkomodaw strutturi flessibbli ta’ intrapriżi bi qligħ limitat.

3.2.2.   Il-liġi tal-kompetizzjoni

3.2.2.1.

Il-kunċett ta’ intrapriża bi qligħ limitat għandu jkun applikabbli wkoll fil-liġi tal-kompetizzjoni, mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali skont l-Artikolu 106(2) tat-TFUE u t-testi li jikkompletawh jew li jinterpretawh.

3.2.2.2.

Anke jekk l-uniku kriterju biex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni jkun l-eżerċitar ta’ attività ekonomika f’suq, jistgħu jsiru aġġustamenti fl-istadju tal-applikazzjoni tar-regoli, sabiex jittieħed kont ta’ ċerti speċifiċitajiet tal-IES.

3.2.2.3.

Għalhekk, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-QĠUE rrikonoxxiet is-sitwazzjoni partikolari li fiha jsibu ruħhom il-kooperattivi meta mqabbla mal-intrapriżi bi skop ta’ qligħ, fid-dawl tal-limitazzjonijiet li għandhom għall-aċċess għall-finanzjament tal-attività tagħhom. F’deċiżjoni tal-qorti, ġie speċifikat li l-benefiċċji fuq it-taxxa għall-kooperattivi ma setgħux jitqiesu li jagħtuhom vantaġġ selettiv minħabba li s-sitwazzjonijiet rispettivi tal-kooperattivi u tal-kumpaniji kapitali ma setgħux jitqabblu.

Il-Qorti tiġġustifika r-raġunament tagħha bil-karatteristiċi proprji tal-kooperattivi mill-perspettiva tal-kontroll, mir-relazzjoni mhux purament kummerċjali mal-membri tagħhom u, fuq kollox, mill-aċċess limitat tagħhom għas-swieq kapitali u mill-ħtieġa assoluta li jiddependu mill-fondi tagħhom u l-kreditu biex jiżguraw l-iżvilupp tagħhom.

3.2.2.4.

Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, il-KE ħadet nota tal-pożizzjoni tal-QĠUE dwar il-kooperattivi. Tindika li sistema ta’ taxxi aktar favorevoli għall-kooperattivi ma tistax tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat.

3.2.3.   Libertà li jiġu pprovduti servizzi u akkwist pubbliku

3.2.3.1.

L-aċċess tal-IES għall-akkwist pubbliku ġie identifikat bħala punt li jistħoqqlu attenzjoni mill-KE, li tenfasizza d-diffikultà għal xi wħud biex jipparteċipaw fis-sejħiet għall-offerti.

3.2.3.2.

Dawn l-intrapriżi, huma, a priori, esklużi mill-kuntratti riservati. Madankollu, hemm eċċezzjoni ġenerali għall-operaturi ekonomiċi li l-għan ewlieni tagħhom huwa l-integrazzjoni soċjali u professjonali ta’ persuni b’diżabilità jew żvantaġġati. Barra minn hekk, id-Direttiva 2014/24/UE tagħti wkoll lill-Istati Membri l-possibbiltà li jirriżervaw kuntratti ta’ servizzi tas-saħħa, soċjali u kulturali għall-intrapriżi bi qligħ limitat li jissodisfaw ċerti kriterji ta’ operat oħra.

3.2.3.3.

Għandu jiġi nnutat, madankollu, li l-proċess tas-sejħa għall-offerti, jiġifieri l-kompetizzjoni bejn intrapriżi ispirati mill-mudell liberali u privat, mhux dejjem tpoġġi lill-intrapriżi bi qligħ limitat f’pożizzjoni kompetittiva komda. Anke hawnhekk, id-daqs sikwit modest tagħhom jew l-aċċess aktar delikat għal sorsi ta’ finanzjament għall-investimenti jistgħu jirrappreżentaw żvantaġġ kompetittiv, ikun xi jkun it-tip ta’ attività kkonċernata. Il-qsim tal-kuntratti f’lottijiet u l-kriterji għall-għoti tal-kuntratt relatati mal-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża għandhom għalhekk iqisu din id-differenza fis-sitwazzjoni.

3.2.4.   Tassazzjoni

3.2.4.1.

Mil-lat ta’ tassazzjoni, il-KE xorta rrikonoxxiet fl-2013 li qafas favorevoli tat-taxxa jippremja l-impatt soċjali tal-intrapriżi soċjali. Għandhom isiru diskussjonijiet dwar qafas favorevoli tat-taxxa li jippremja b’mod usa’ l-impatt soċjali tal-intrapriżi kollha, fir-rigward tal-koeżjoni soċjali, ambjentali u territorjali.

Brussel, id-19 ta’ Ġunju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


Top