EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017IP0497

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar il-Kambodja: b'mod partikolari x-xoljiment tal-Partit tas-Salvataġġ Nazzjonali tal-Kambodja (CNRP) (2017/3002(RSP))

OJ C 369, 11.10.2018, p. 76–78 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 369/76


P8_TA(2017)0497

Il-Kambodja: il-projbizzjoni tal-oppożizzjoni

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar il-Kambodja: b'mod partikolari x-xoljiment tal-Partit tas-Salvataġġ Nazzjonali tal-Kambodja (CNRP) (2017/3002(RSP))

(2018/C 369/09)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kambodja, b'mod partikolari dik tal-14 ta' Settembru 2017 (1),

wara li kkunsidra ż-żjara tad-delegazzjoni tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) tal-Parlament Ewropew tat-30 u l-31 ta' Ottubru 2017,

wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE tal-2008 dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tas-16 ta' Novembru 2017 dwar ix-xoljiment tal-Partit tas-Salvataġġ Nazzjonali tal-Kambodja,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni tal-1997 bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Kambodja,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE tat-22 ta' Frar 2017 dwar is-sitwazzjoni politika fil-Kambodja, u d-dikjarazzjonijiet mill-kelliem tad-Delegazzjoni tal-UE tat-3 ta' Settembru 2017 u tal-25 ta' Awwissu 2017 dwar restrizzjonijiet ta' spazju politiku fil-Kambodja,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni (A/RES/53/144) adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-8 ta' Marzu 1999 dwar id-Dritt u r-Responsabilità ta' Individwi, Gruppi u Organi tas-Soċjetà li Jippromwovu u Jħarsu d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali Universalment Rikonoxxuti,

wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Paċi ta' Pariġi tal-1991, li fl-Artikolu 15 tagħhom jistabbilixxu impenn dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-Kambodja, inkluż min-naħa tal-firmatarji internazzjonali,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni,

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Kambodjana, b'mod partikolari l-Artikolu 41 tagħha, li fih huma minquxa d-drittijiet u l-libertajiet ta' espressjoni u tal-assemblea, l-Artikolu 35 dwar id-dritt ta' parteċipazzjoni politika u l-Artikolu 80 dwar l-immunità parlamentari,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi fl-2017, is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja kompliet tmur għall-agħar, billi f'dan il-pajjiż twettqu għadd dejjem jikber ta' arresti ta' membri tal-oppożizzjoni politika, ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u ta' rappreżentanti tas-soċjetà ċivili;

B.

billi l-parlament tal-Kambodja għadda żewġ settijiet ta' emendi ripressivi għal-“Liġi dwar il-Partiti Politiċi” fl-2017, li fihom bosta restrizzjonijiet mfassla biex joħolqu ostakli għal partiti tal-oppożizzjoni;

C.

billi, fis-6 ta' Ottubru 2017, il-Ministeru tal-Intern ippreżenta talba lill-Qorti Suprema biex jiġi xolt il-Partit tas-Salvataġġ Nazzjonali tal-Kambodja (CNRP) taħt “tal-Liġi dwar il-Partiti Politiċi”;

D.

billi, fis-16 ta' Novembru 2017, il-Qorti Suprema ħabbret ix-xoljiment tas-CNRP, fi tmiem seduta ta' ġurnata waħda; billi l-Qorti Suprema ppprojbixxiet ukoll 118 politiku tas-CNRP milli jkunu attivi politikament għal ħames snin; billi din id-deċiżjoni, li kienet ibbażata fuq żewġ sensiliet ta' emendi kontroversjali għal-“Liġi dwar il-Partiti Politiċi”, tħalli lill-gvern mingħajr ebda oppożizzjoni qabel l-elezzjonijiet ġenerali tas-sena d-dieħla, skedati għal Lulju 2018;

E.

billi membri tal-partiti tal-oppożizzjoni ġew imħarrka u ffastidjati mill-awtoritajiet tal-Kambodja għal snin sħaħ; billi anqas minn 40 % tal-membri tas-CNRP fil-Parlament baqgħu fil-Kambodja wara li l-membri l-oħra kienu sfurzati jaħarbu mill-pajjiż, billi ġew mhedda b'arresti;

F.

billi l-Ministeru tal-Intern għandu setgħat wiesgħa biex jissospendi partiti politiċi abbażi ta' kriterji li huma definiti biss b'mod vag; billi, fit-2 ta' Ottubru 2017, il-Ministeru tal-Intern xolja 20 partit politiku skont l-Artikoli 19 u 20 tal-“Liġi dwar il-Partiti Politiċi”;

G.

billi fit-3 ta' Settembru 2017, Kem Sokha, president tas-CNRP, ġie arrestat u akkużat bi tradiment taħt l-Artikolu 443 tal-Kodiċi Kriminali tal-Kambodja, minkejja li kellu l-immunità parlamentari; billi t-talba ta' Kem Sokha għall-ħelsien fuq pleġġ ġiet miċħuda fis-26 ta' Settembru 2017, meta huwa ma setax jattendi s-seduta ta' smigħ, wara li d-dipartiment tal-ħabsijiet qal li ma setax jiżgura s-sikurezza tiegħu; billi skont l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, huwa kien interrogat fl-24 ta' Novembru 2017, minkejja li ma kienx ingħata aċċess xieraq għal parir legali jew għal kura medika privata; billi l-istatus legali tiegħu għandu jiġi ċċarat; billi t-talba għal pleġġ issa hija pendenti quddiem il-Qorti Suprema; billi huwa jista' jeħel sa 30 sena ħabs jekk jinstab ħati; billi l-President tal-Qorti, Dith Munty, huwa membru tal-kumitat permanenti tal-partit fit-tmexxija;

H.

billi l-kwistjoni tal-ħtif tal-art għadha ta' tħassib kbir fil-Kambodja; billi kien hemm żieda kostanti f'arresti u detenzjoni ta' membri tal-oppożizzjoni politika, kummentaturi politiċi, trejdunjonisti, attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fil-Kambodja, inkluż fl-AHGNS 5; billi d-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Tep Vanny mill-komunità Boeung Kak għadu jinsab il-ħabs, jiskonta sentenza ta' sentejn u nofs b'rabta ma' protesta paċifika fl-2013; billi fit-8 ta' Diċembru 2017 il-Qorti Suprema kkonfermat is-sentenza kontra Tep Vanny;

I.

billi l-President preċedenti tas-CNRP, Sam Rainsy, ġie mġiegħel jirriżenja wara theddid legali; billi huwa nstab ħati in absentia ta' diffamazzjoni kriminali u llum jgħix fl-eżilju; billi mix-xoljiment tal-oppożizzjoni, għadd dejjem akbar ta' membri tas-CNRP fil-parlament ħarbu mill-Kambodja; billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtaw li xi wħud qed ifittxu l-asil;

J.

billi l-influwenza taċ-Ċina qed taqdi rwol importanti fil-ħajja politika fil-Kambodja u għandha impatt fuq il-gvern tal-pajjiż;

K.

billi il-Kambodja tibbenefika mill-iktar skema favorevoli disponibbli taħt l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP), jiġifieri l-iskema Kollox Barra l-Armi (KĦA); billi l-UE allokat EUR 410 miljuni għall-Kambodja għall-perjodu finanzjarju 2014–2020, li minnhom EUR 10 miljun għal appoġġ għall-proċess ta' riforma elettorali fil-Kambodja;

L.

billi d-dritt għal parteċipazzjoni politika huwa minqux fl-Artikolu 41 tal-Kostituzzjoni tal-Kambodja; billi d-deċiżjoni li jixxolja s-CNRP huwa pass sinifikanti lilhinn mit-triq tal-pluraliżmu u d-demokrazija minquxa fil-Kostituzzjoni tal-Kambodja;

M.

billi 55 NGO ħarġu sejħa ġdida għal Konferenza ta' Pariġi ġdida dwar il-Kambodja mal-partijiet interessati kollha biex jiddiskutu l-istat tad-dritt u d-demokrazija fil-Kambodja sabiex il-Gvern tal-Kambodja jitħeġġeġ jikkunsidra mill-ġdid il-politika tiegħu dwar il-partiti tal-oppożizzjoni;

1.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu rigward ix-xoljiment tas-CNRP; jiddispjaċih ħafna dwar il-projbizzjoni tal-partit, li tikkostitwixxi evidenza ta' azzjoni awtokratika ulterjuri mill-Prim Ministru Hun Sen; iħeġġeġ lill-gvern jirrevoka d-deċiżjoni li jxolji s-CNRP, biex jerġgħu jieħdu l-pożizzjonijiet tagħhom il-membri eletti fil-parlament nazzjonali u l-kunsill, biex tiġi permessa l-parteċipazzjoni sħiħa tal-partiti tal-oppożizzjoni fil-ħajja pubblika u jiġi żgurat spazju liberu għal azzjoni għall-mezzi tax-xandir u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tintemm il-klima ta' biża' u intimidazzjoni, peress li dawn kollha huma prekundizzjonijiet għal elezzjonijiet ħielsa, inklużivi u trasparenti;

2.

Itenni t-tħassib qawwi tiegħu espress fir-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar il-klima li qed tmur għall-agħar għall-politiċi tal-oppożizzjoni, l-attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem u membri tas-soċjetà ċivili fil-Kambodja;

3.

Jappoġġa l-fehma tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem li l-akkużi kontra s-CNRP u l-membri tiegħu kienu vagi, kif kienu vagi wkoll id-dispożizzjonijiet legali li jappoġġaw l-ilment biex il-partit jixxolja;

4.

Iqis li l-Qorti Suprema fi Phnom Penh qed tindaħal b'mod inaċċettabbli fid-drittijiet tal-poplu tal-Kambodja li jagħżlu liberament ir-rappreżentanti politiċi tagħhom u jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali tal-2018; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' ġudikatura indipendenti u imparzjali fil-pajjiż;

5.

Jistieden lill-Gvern tal-Kambodja jirrevoka l-emendi reċenti kollha għal-“Liġi dwar il-Partiti Politiċi” u liġijiet elettorali li jillimitaw il-libertà tal-espressjoni u l-libertajiet politiċi;

6.

Jikkundanna bil-qawwa l-arrest ta' Kem Sokha u ta' attivisti politiċi oħra; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kambodja biex b'mod immedjat jirrevokaw il-mandat ta' arrest għall-mexxej tal-oppożizzjoni Sam Rainsy u jwaqqgħu l-akkużi kollha miġjuba kontrih, u biex minnufih u mingħajr kundizzjonijiet jeħilsu lil Kem Sokha mill-ħabs u jwaqqgħu l-akkużi kollha kontrih u kontra membri oħra tal-oppożizzjoni;

7.

Jesprimi tħassib rigward l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet kredibbli u trasparenti fil-Kambodja fl-2018, wara d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema li xxolji lis-CNRP; jisħaq li proċess elettorali li l-partit ewlieni tal-oppożizzjoni ġie arbitrarjament eskluż minnu mhuwiex proċess leġittimu, u li elezzjoni trasparenti u kompetittiva hija strument ewlieni biex jiġu żgurati l-paċi u l-istabilità fil-pajjiż u fir-reġjun kollu kemm hu;

8.

Jilqa' d-deċiżjoni tal-UE li tirtira kull assistenza elettorali sakemm il-Kambodja ma twettaqx riformi konformi mal-istandards elettorali internazzjonali sabiex tavvanza d-demokrazija u tipproteġi l-ispazju tas-soċjetà ċivili;

9.

Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, u lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, biex jużaw il-mezzi kollha disponibbli biex jipproteġu d-drittijiet fundamentali tal-poplu tal-Kambodja li jeleġġi u li jiġi elett, biex jiggarantixxu l-pluraliżmu u l-prinċipji demokratiċi f'konformità stretta mal-Kostituzzjoni tal-Kambodja;

10.

Ifakkar lill-Gvern Kambodjan li jeħtieġlu jissodisfa l-obbligi u l-impenji tiegħu rigward il-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, li huma element essenzjali tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni;

11.

Jenfasizza li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fundamentali huwa prerekwiżit biex il-Kambodja tkompli tibbenefika mill-iskema preferenzjali tal-UE “Kollox Barra l-Armi”; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kummissarju Malmström jirrevedu immedjatament l-obbligi tal-Kambodja skont il-konvenzjonijiet fl-Artikolu 19 tar-regolament tal-EBA; jenfasizza li jekk il-Kambodja qed taġixxi bi ksur tal-obbligu tagħha skont ir-regolament EBA, il-preferenzi tariffarji li tgawdi bħalissa għandhom jiġu rtirati b'mod temporanju;

12.

Jappella lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex iħejju lista ta' individwi responsabbli mix-xoljiment tal-oppożizzjoni u minn ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja, bil-ħsieb li jiġu imposti fuqhom restrizzjonijiet possibbli tal-viża u iffriżar ta' assi;

13.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u l-Assemblea Nazzjonali tal-Kambodja.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2017)0348.


Top