EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE2477

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-isem tad-Dominju tal-Ogħla Livell .eu u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 733/2002 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004” (COM(2018) 231 final — 2018/0110 (COD))

EESC 2018/02477

OJ C 367, 10.10.2018, p. 112–116 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 367/112


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-isem tad-Dominju tal-Ogħla Livell .eu u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 733/2002 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004”

(COM(2018) 231 final — 2018/0110 (COD))

(2018/C 367/22)

Relatur:

Philippe DE BUCK

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 28.5.2018

Kunsill, 5.6.2018

Bażi legali

L-Artikolu 172, l-ewwel paragrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

28.6.2018

Adottata fil-plenarja

11.7.2018

Sessjoni plenarja Nru

536

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

133/1/0

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jappoġġja l-objettivi inklużi fir-Regolament propost dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-isem tad-Dominju tal-Ogħla Livell .eu u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 733/2002 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004. Minn naħa, l-għan huwa li jiġu indirizzati dispożizzjonijiet li ma għandhomx japplikaw u, min-naħa l-oħra, li tkun tista’ ssir reazzjoni aktar malajr għall-iżviluppi li ġejjin.

1.2.

Il-KESE jixtieq jenfasizza l-fatt li minħabba l-importanza ta’ identifikatur tal-Internet għal ċittadini, kumpaniji u organizzazzjonijiet tal-UE, l-isem tad-dominju .eu għandu jitqies bħala servizz ta’ interess ġenerali. Din hija r-raġuni għalfejn għandu jiġi kkunsidrat li r-reġistru jrid ikun organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, li jittratta biss it-tmexxija operattiva tal-isem tad-dominju, u kwalunkwe bilanċ pożittiv għandu jiġi trasferit lill-baġit tal-UE.

1.3.

Il-KESE jieħu nota li r-reġistru jiġi appuntat wara proċedura ta’ sejħa għall-offerti miftuħa iżda jixtieq jenfasizza li għandu jsir dak kollu possibbli sabiex id-dominju .eu jinżamm operattiv, mingħajr interruzjonijiet. Proċedura miftuħa tal-offerti jista’ jkollha effett negattiv fuq l-istabbiltà tal-persunal involut, fuq ir-relazzjonijiet stabbli ma’ diversi reġistraturi u fuq il-fiduċja u r-reputazzjoni tal-isem tad-dominju. Għalhekk, il-kriterji kollha tal-għażla għandhom jiġu definiti b’mod ċar minn qabel. B’mod partikolari jekk ir-reġistru jista’ jew ma jistax ikun kumpanija kummerċjali. Fi kwalunkwe każ, jitlob li l-proċess kollu jkun kompletament trasparenti.

1.4.

Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi jekk ir-reġistru għandux ikun organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ jew le.

1.5.

Il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta’ Kunsill tad-Diversi Partijiet Interessati u jixtieq li jkun rappreżentat fih.

1.6.

Il-KESE japprova t-twessigħ tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-persuni fiżiċi għall-kisba ta’ isem tad-dominju .eu. Ir-residenza fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea ma għadhiex prerekwiżit. Li ċittadin ta’ Stat Membru, hu x’inhu l-pajjiż ta’ residenza tiegħu, jitħalla jikseb isem tad-dominju .eu mhux biss iżid il-profil tal-UE, iżda juri b’mod ċar ukoll affinità mal-UE.

1.7.

Brexit se jkollha konsegwenzi għall-kriterji ta’ eliġibbiltà meta u jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea, u meta kull perjodu ta’ tranżizzjoni potenzjali jintemm. Il-korpi kollha li jindirizzaw il-governanza u r-responsabbiltajiet operazzjonali tal-isem tad-dominju .eu għandhom jippreparaw għaċ-ċirkostanzi l-ġodda, u l-proprjetarji tal-ismijiet tad-dominju .eu kkonċernati għandhom ikunu infurmati fil-ħin mingħajr l-irtirar tad-drittijiet tagħhom. Għandhom jiġu stabbiliti skadenzi realistiċi.

1.8.

Il-KESE jitlob li jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni bla xkiel mal-operatur preeżistenti attwali. Minħabba li l-kuntratt tar-reġistru attwali, jiġifieri l-EURid se jintemm f’Ottubru 2019, u x’aktarx li dak iż-żmien ir-regolament u l-atti ta’ implimentazzjoni l-ġodda tal-Kummissjoni mhux se jkunu infurzabbli bis-sħiħ, se jkun hemm bżonn ta’ perjodu ta’ tranżizzjoni, li jfisser li l-kuntratt mal-EURid se jkollu jiġi estiż jew negozjat mill-ġdid. Il-KESE jqis li, minħabba li jista’ jkun hemm bżonn li l-kuntratt jiġi emendat, dawk in-negozjati għandhom jibdew malajr kemm jista’ jkun sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil fl-operazzjoni tal-isem tad-dominju .eu.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Id-dominju tal-ogħla livell (TLD) .eu huwa l-isem tad-dominju tal-Unjoni Ewropea u taċ-ċittadini tagħha. Huwa assenjat lill-UE u ġestit mill-Kummissjoni Ewropea. It-TLD .eu ġie stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 733/2002 dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonijiet tad-dominju tal-ogħla livell .eu. Barra minn hekk, huwa kkontrollat mir-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 874/2004, u emendi sussegwenti, li jistabbilixxu regoli dwar il-politika pubblika rigward l-implimentazzjoni u l-funzjonament tat-TLD .eu u l-prinċipji li jirregolaw ir-reġistrazzjoni. It-TLD .eu ġie delegat mill-ICANN (il-Korporazzjoni tal-Internet għall-Ismijiet u n-Numri Assenjati) f’Marzu 2005, u tnieda f’April 2006 wara l’hekk imsejjaħ “sunrise period” f’Diċembru 2005.

2.2.

It-TLD .eu ġie stabbilit bil-għan li jagħti spinta lill-identità tal-Internet tal-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħha, li jippromovi d-dehra tan-netwerks tal-informazzjoni globali tal-UE u li jgħolli l-profil tas-suq intern tal-UE fis-suq virtwali tal-Internet.

2.3.

F’konformità mal-objettivi tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali, it-TLD .eu jippermetti lin-negozji u liċ-ċittadini Ewropej jipparteċipaw fil-kummerċ elettroniku u jżid il-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq uniku online.

2.4.

Ir-reġistru tat-TLD .eu huwa organizzazzjoni magħżula mill-Kummissjoni Ewropea bbażata fuq offerta miftuħa u għal perjodu ta’ ħames snin. Sa mill-bidu tiegħu, ġie ġestit mill-EURid, organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, li topera fuq kuntratt għall-Kummissjoni Ewropea. Il-kuntratt attwali mal-EURid jintemm f’Ottubru 2019. Sa issa l-isem tad-dominju .eu kien ġestit tajjeb. EURid irċeviet premju tal-aħjar reġistru abbażi ta’ stħarriġ dwar is-sodisfazzjon tar-reġistraturi.

2.5.

L-ismijiet tad-dominji .eu jistgħu jiġu rreġistrati permezz ta’ netwerk ta’ “reġistraturi akkreditati”. Bħalissa, l-isem tad-dominju .eu jista’ jiġi rreġistrat biss minn persuna fiżika, kumpanija jew organizzazzjoni (“reġistrant”) li tirrisjedi jew hija stabbilita fl-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, il-Liechtenstein jew in-Norveġja (“restrizzjoni fuq ir-residenza”).

2.6.

Xi ismijiet relatati mal-kunċetti ġeografiċi huma rriżervati. Dawn ir-riżervazzjonijiet jistgħu jiġu implimentati mill-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, il-pajjiżi taż-ŻEE, u pajjiżi fil-fażi tal-adeżjoni mal-UE, kif ukoll mill-EURid. Ir-Regolament (KE) Nru 1654/2005 jistabbilixxi l-lista ta’ ismijiet riżervati (pereżempju “republicaportuguesa”, “hrvatska”) u jiddikjara li l-lista ta’ ismijiet stabbiliti fl-anness tar-Regolament għandhom jiġu rriżervati jew irreġistrati biss bħala ismijiet ta’ dominji tat-tieni livell direttament taħt it-TLD .eu.

2.7.

It-TLD .eu huwa fost wieħed mill-akbar TLDs internazzjonali. Skont id-data tal-Kummissjoni, hemm ’il fuq minn 3,8 miljun reġistrazzjoni. Wara .de, .uk u..nl huwa r-raba’ l-akbar TLD fuq livell Ewropew. Mad-dinja kollha hawn ’il fuq minn 700 reġistratur akkreditat. It-tkabbir fir-reġistrazzjonijiet ta’ .eu mit-tnedija tiegħu huwa sinifikanti, madankollu, matul l-aħħar sentejn dan it-tkabbir beda jonqos. Ir-rata medja ta’ tiġdid (80 %) hija ogħla mir-rata medja globali (bejn 70 % u 75 %). Barra minn hekk, l-użu ta’ applikazzjonijiet mobbli, magni tat-tiftix u midja soċjali għall-aċċess ta’ kontenut onlajn inaqqas il-viżibbiltà tal-ismijiet tad-dominji, filwaqt li jagħmel pressjoni fuq ismijiet ta’ dominji tradizzjonali.

2.8.

Sa mill-adozzjoni tar-regolamenti dwar l-.eu, l-ambjent online u l-kuntest politiku u leġislattiv tal-UE raw bidliet sinifikanti. Biż-żieda rapida tad-dominji tal-ogħla livell ġeneriċi ġodda (bħal.top,.trade,.club jew.xyz), il-kompetizzjoni fil-qasam tal-ismijiet tad-dominji żdiedet b’mod konsiderevoli. Dan kellu impatt fuq id-dinamika reġistri-reġistraturi. Dawn tal-aħħar issa għandhom aktar setgħa sabiex jiddeċiedu dwar liema reġistri għandhom jingħataw l-aħjar viżibbiltà meta joffru l-ismijiet tad-dominji lill-klijenti tagħhom. Fl-istess ħin, il-governanza tal-Internet u l-ekosistema dinamika tat-TLD raw bidliet tekniċi sostanzjali. L-operatur tar-reġistru tat-TLD .eu jeħtieġ li jwieġeb għal rekwiżiti ta’ kwalità dejjem aktar kumplessi.

2.8.1.

Barra minn hekk, l-introduzzjoni u ż-żieda ta’ pjattaformi ta’ midja soċjali bidlu d-domanda għall-identifikaturi uniċi onlajn. L-identifikaturi uniċi onlajn huma kwalunkwe tip ta’ sekwenzi (dominji, ismijiet tal-utenti) li jippermettu preżenza onlajn. Individwi u SMEs għandhom alternattivi rħas u konvenjenti sabiex jistabbilixxu l-preżenza onlajn tagħhom. Dan għandu impatt sinifikanti fuq is-suq tal-ismijiet tad-dominji.

2.9.

Skont il-Kummissjoni, il-problemi ewlenin fil-qafas attwali li għandhom jiġu indirizzati huma:

2.9.1.

It-TLD huwa rregolat minn qafas legali skadut u riġidu u li ma jistax jiġi aġġornat faċilment. Ir-regolamenti fihom dispożizzjonijiet dettaljati ħafna li jaf ma għadhomx rilevanti aktar, filwaqt li jaffettwaw il-ġestjoni ta’ kuljum tad-dominju .eu. Huwa ma għandux il-flessibbiltà meħtieġa biex ilaħħaq b’mod effiċjenti ma’ suq tas-Sistema tal-Ismijiet tad-Dominji (DNS) li qed jinbidel b’mod rapidu.

2.9.2.

L-istruttura attwali ma tipprovdix l-aħjar struttura ta’ governanza f’termini ta’ sorveljanza u responsabbiltà fil-konfront tal-operatur tar-reġistru; ma tqisx in-natura tad-diversi partijiet ikkonċernati tal-governanza tal-Internet u ma tipprovdix biżżejjed setgħat superviżorji lill-Kummissjoni fil-konfront tal-operatur tar-reġistru.

2.9.3.

Ir-regoli attwali ma jippermettux lir-reġistru tat-TLD .eu nnifsu jbigħ ismijiet ta’ dominji .eu direttament lill-konsumaturi. Dan jista’ jfixkel il-kapaċità tiegħu li jikkummerċjalizza s-servizzi tiegħu b’mod effettiv.

3.   Sommarju tal-proposta tal-Kummissjoni

3.1.

L-aspetti ewlenin tal-proposta huma:

3.1.1.

Qafas legali li se jinkorpora:

regolamenti bbażati fuq il-prinċipji, flessibbli u li jibqgħu validi fil-futur,

proċeduri ta’ komitoloġija ristretti għal aspetti ewlenin tal-ġestjoni tat-TLD .eu, bħall-kriterji tal-għażla għall-operatur tar-reġistru jew ismijiet ta’ dominji riżervati,

kuntratt bejn il-Kummissjoni u l-operatur tar-reġistru bil-prinċipji u l-proċeduri dettaljati rilevanti kollha. Dan jinkludi politiki u proċeduri b’rabta mal-ġestjoni tal-isem tad-dominju bħala anness. Dan ikun ifisser li kwalunkwe tibdil tekniku fil-futur se jkollu jgħaddi minn reviżjoni kuntrattwali.

3.1.2.

Titjib fir-rigward tal-governanza u l-ġestjoni tat-TLD .eu permezz ta’:

korp konsultattiv, il-Kunsill tad-Diversi Partijiet Ikkonċernati, biex jassisti u jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni korretta tar-regolazzjoni u l-operazzjoni tad-dominju .eu.

setgħat superviżorji ġodda għall-Kummissjoni fil-konfront tar-reġistru bil-għan li jkun hemm superviżjoni aħjar tal-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-operazzjonijiet tat-TLD .eu u l-verifika tal-konformità tar-reġistru mar-regolament. Ir-reġistru se jiġi awditjat kull sentejn minn awditur estern.

3.1.3.

L-espansjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà attwali għar-reġistrazzjoni ta’ ismijiet tad-dominju .eu:

Iċ-ċittadini tal-UE kollha li jirrisjedu f’pajjiżi terzi se jkunu intitolati li jirreġistraw dominju .eu, filwaqt li l-persuni fiżiċi u l-impriżi minn pajjiżi terzi bbażati fl-Unjoni Ewropea (b’residenza/stabbiliment rispettivament) huma intitolati ukoll biex jirreġistraw dominju .eu.

3.1.4.

It-tneħħija tal-projbizzjonijiet stretti fuq is-separazzjoni vertikali:

il-Kummissjoni tista’ testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tas-servizzi tar-reġistru (billi tbigħ ismijiet ta’ dominji lil utenti aħħarija ta’ ismijiet ta’ dominji fuq is-sit web tar-reġistru) mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni ġusta.

3.2.

Il-Kummissjoni se tissorvelja l-applikazzjoni tar-regolament u tissottometti rapport dwar l-evalwazzjoni tagħha mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data ta’ applikazzjoni tagħha. Barra minn hekk, il-progress tat-TLD .eu se jiġi ssorveljat b’mod regolari permezz tas-sottomissjoni ta’ rapport dwar l-implimentazzjoni, l-effettività u l-funzjonament tal-isem tad-dominju tliet snin wara s-sottomissjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni msemmi qabel u kull tliet snin wara dan.

3.3.

Il-proposta hija konsistenti mal-objettivi tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali, li tinkludi l-promozzjoni ta’ intraprenditorija u negozji ġodda Ewropej filwaqt li fl-istess ħin tirrinforza s-sigurtà u l-fiduċja fl-ambjent online. Ir-regolament għandu jiġi implimentat f’konformità mad-drittijiet fundamentali fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, il-privatezza, is-sigurtà u l-multilingwiżmu. Il-protezzjoni tad-data personali permezz tad-disinn u l-protezzjoni tad-data għandha awtomatikament tkun inkorporata fis-sistemi tal-ipproċessar tad-data u l-bażijiet tad-data żviluppati u/jew miżmuma kollha.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Il-KESE jappoġġja l-objettivi inklużi fir-Regolament propost dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-isem tad-Dominju tal-Ogħla Livell .eu u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 733/2002 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004. Minn naħa, l-għan huwa li jiġu indirizzati dispożizzjonijiet li ma għandhomx japplikaw u, min-naħa l-oħra, li tkun tista’ ssir reazzjoni aktar malajr għall-iżviluppi li ġejjin.

4.2.

Il-KESE jixtieq jenfasizza l-fatt li minħabba l-importanza ta’ identifikatur tal-Internet għal ċittadini, kumpaniji u organizzazzjonijiet tal-UE, l-isem tad-dominju .eu għandu jitqies bħala servizz ta’ interess ġenerali. Din hija r-raġuni għalfejn għandu jiġi kkunsidrat li r-reġistru jrid ikun organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, li jittratta biss it-tmexxija operattiva tal-isem tad-dominju, u kwalunkwe bilanċ pożittiv għandu jiġi trasferit lill-baġit tal-UE.

4.3.

Il-KESE jieħu nota li r-reġistru jiġi appuntat wara proċedura ta’ sejħa għall-offerti miftuħa iżda jixtieq jenfasizza li għandu jsir dak kollu possibbli sabiex id-dominju .eu jinżamm operattiv, mingħajr interruzjonijiet. Proċedura miftuħa tal-offerti jista’ jkollha effett negattiv fuq l-istabbiltà tal-persunal involut, fuq ir-relazzjonijiet stabbli ma’ diversi reġistraturi u fuq il-fiduċja u r-reputazzjoni tal-isem tad-dominju. Għalhekk, il-kriterji kollha tal-għażla għandhom jiġu definiti b’mod ċar minn qabel. B’mod partikolari jekk ir-reġistru jista’ jew ma jistax ikun kumpanija kummerċjali.

4.4.

L-ambjent u s-suq tal-ismijiet tad-dominji fil-fatt qed jevolvu minħabba partijiet ikkonċernati tal-Internet ġodda, il-multiplikazzjoni ta’ ismijiet ta’ dominji ġeneriċi u l-evoluzzjoni rapida tal-komunikazzjoni tal-Internet bħala parti min-negozji u l-utenti privati.

4.5.

Il-KESE jappoġġja l-fatt li r-regolament il-ġdid huwa bbażat fuq prinċipji, li jfisser li l-prinċipji bażiċi u ġenerali biss huma stabbiliti fir-regoli proposti. Dan ifisser li numru ta’ elementi regolatorji speċifiċi, bħall-ismijiet tad-dominji riżervati u l-kriterji għall-għażla tar-reġistru, se jiġu stabbiliti fid-dettall mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni u komitoloġija. Speċifikazzjonijiet aktar dettaljati oħra imposti fuq ir-reġistru tal-għażla se jiġu nnegozjati u stabbiliti bħala parti mill-kuntratt.

4.6.

Għalkemm il-KESE jiffavorixxi approċċ aktar flessibbli fin-negozjati dwar ir-Regolament u l-kuntratt, huwa jitlob li l-proċess kollu għall-pubblikazzjoni tas-sejħa għall-offerti u n-negozjar tal-kuntratt ikun kollu trasparenti mill-bidu u matul il-proċess. L-applikanti għandu jkollhom idea ċara tal-obbligi, tal-kundizzjonijiet u tad-drittijiet meta jippreparaw it-tweġibiet tagħhom għall-offerta kif ukoll meta jippreparaw in-negozjati tal-kuntratt.

4.6.1.

Meta mqabbel mar-regolament attwali, ir-regolament il-ġdid ma jeskludix l-integrazzjoni vertikali, li jfisser li r-reġistru magħżul jista’ jiffunzjona wkoll bħala reġistratur u joffri l-isem tad-dominju .eu lis-suq. Il-KESE jista’ jaċċetta din l-innovazzjoni, b’mod partikolari f’pajjiżi jew reġjuni fejn ir-reġistranti jkollhom għażla limitata ta’ reġistraturi lokali. Dan iħeġġeġ żieda fil-penetrazzjoni tas-suq tal-isem tad-dominju .eu, speċjalment għall-varjanti tiegħu fi scripts oħrajn.

4.6.2.

Bl-istess mod, skont il-proposta l-ġdida, mhux se jkun hemm l-obbligu li r-reġistru magħżul ikun organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ. Skont il-KESE, jekk il-Kummissjoni tikkonferma dan l-approċċ, dan se jikkostitwixxi bidla prinċipali li se jkollha konsegwenzi sinifikanti. Dan minħabba li l-entitajiet kummerċjali se jaġixxu b’mod differenti, minħabba li se jkollhom jagħmlu profitt fuq l-isem tad-dominju .eu, u l-bilanċi pożittivi ġġenerati mir-reġistru mhux se jibqgħu jiġu ttrasferiti fil-baġit tal-UE. Il-KESE jixtieq li l-Kummissjoni tikkjarifika dan malajr kemm jista’ jkun, sabiex il-proċess leġislattiv ikun jista’ jitwettaq bl-informazzjoni rilevanti kollha disponibbli.

4.6.3.

Kif miktub fil-Valutazzjoni tal-Impatt, ta’ min jenfasizza l-fatt li l-Unjoni Ewropea bbenefikat mill-istruttura tar-reġistru attwali għax ippermettiet lill-Kummissjoni tappoġġja sensiela ta’ proġetti u inizjattivi bħal-laqgħat EuroDIG u ICANN fi Brussell.

4.7.

Żieda ġdida importanti se tkun il-ħolqien ta’ Kunsill tad-Diversi Partijiet Ikkonċernati, li skont il-Premessa 20 se jkun ibbażat fuq sett ta’ prinċipji tal-Internet globali u inklużivi koerenti. L-isħubija tal-Kunsill, skont l-Artikolu 14(2), se tkun magħmula mis-sitt gruppi li ġejjin: gvernijiet tal-Istati Membri, is-settur privat, is-soċjetà ċivili, akkademiċi, organizzazzjonijiet internazzjonali u l-komunità teknika.

4.7.1.

Il-KESE jista’ jappoġġja bis-sħiħ dan l-appoġġ, minħabba li fir-rigward tal-Internet, dawn il-partijiet ikkonċernati se jkunu jistgħu jagħtu pariri lill-istituzzjonijiet tal-UE dwar il-prinċipji, in-normi, ir-regoli, il-prinċipji u l-programmi kondiviżi li jiffurmaw l-użu u l-iżvilupp tal-Internet. Minkejja dan il-KESE jissottolinja l-importanza li jiġi speċifikat aħjar li r-rwol tal-Kunsill tad-Diversi Partijiet Ikkonċernati mhux se jkun li jintervjeni fil-ġestjoni operazzjonali ta’ .eu. Il-KESE, għalhekk jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiċċara r-rwol u l-ambitu ta’ dan il-kunsill. Għandhom jiġu pprovduti mezzi finanzjarji suffiċjenti sabiex dan il-kunsill ikun jista’ jiffunzjona sew.

4.7.2.

Jidher loġiku li l-Kumitat, bħala rappreżentant tas-soċjetà ċivili organizzata, u filwaqt li jitqies ix-xogħol importanti li pproduċa (inkluż dwar suġġetti rilevanti bħad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija u l-evoluzzjoni tal-kummerċ elettroniku), għandu l-kredenzjali neċessarji li jiġi rrappreżentat fil-Kunsill.

4.8.

Il-KESE jilqa’ wkoll il-fatt li s-superviżjoni tal-konformità mal-obbligi legali tal-proċessi kollha mwettqa mir-reġistru se tiġi msaħħa bl-impożizzjoni ta’ awditu estern li għandu jitwettaq kull sentejn. Barra minn hekk, il-Kunsill tad-Diversi Partijiet Ikkonċernati se jagħti pariri dwar kif u sa fejn għandu jitwettaq awditu.

4.9.

Il-KESE japprova t-twessigħ tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-persuni fiżiċi għall-kisba ta’ isem tad-dominju .eu. Ir-residenza fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea ma għadhiex prerekwiżit. Li ċittadin ta’ Stat Membru, hu x’inhu l-pajjiż ta’ residenza tiegħu, jitħalla jikseb isem tad-dominju .eu mhux biss iżid il-profil tal-UE, iżda juri b’mod ċar ukoll affinità mal-UE.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.

Minħabba li l-kuntratt tar-reġistru attwali, jiġifieri l-EURid se jintemm f’Ottubru 2019, u x’aktarx li dak iż-żmien ir-regolament u l-atti ta’ implimentazzjoni l-ġodda tal-Kummissjoni mhux se jkunu infurzabbli bis-sħiħ, se jkun hemm bżonn ta’ perjodu ta’ tranżizzjoni, li jfisser li l-kuntratt mal-EURid se jkollu jiġi estiż jew negozjat mill-ġdid. Il-KESE jqis li, minħabba li jista’ jkun hemm bżonn li l-kuntratt jiġi emendat, dawk in-negozjati għandhom jibdew malajr kemm jista’ jkun sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil fl-operazzjoni tal-isem tad-dominju .eu.

5.2.

Il-KESE jinnota bi pjaċir li l-proċeduri tas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR) huma kkomplementati b’possibbiltajiet ta’ soluzzjoni online għat-tilwim (ODR).

5.3.

Il-Premessa 16, Artikolu 11(f) tippermetti li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom aċċess għal data tar-reġistru għall-finijiet tal-prevenzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali. L-abbozzar attwali jissuġġerixxi li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jista’ jkollhom aċċess mingħajr xkiel u indiskriminat għad-data tar-reġistrazzjoni. Kwalunkwe obbligu legali għall-kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti għandu jenfasizza wkoll il-limitazzjonijiet, il-kontrolli u l-bilanċi fuq dawn l-obbligi.

5.4.

L-Artikolu 12.1 jgħid li: “Ir-Reġistru għandu jistabbilixxi u jimmaniġġa l-faċilità tal-bażi tad-dejta WHOIS bl-iskop li tingħata informazzjoni preċiża u aġġornata dwar ir-reġistrazzjoni tal-ismijiet tad-dominju taħt it-TLD .eu.” Il-kisba tal-preċiżjoni tad-data fil-WHOIS tirrappreżenta sfida fis-sistema tal-ismijiet tad-dominji, fejn id-data tiddaħħal minn partijiet diversi u r-reġistru ma tantx għandu kontroll effettiv dwar dan. Pereżempju, ġeneralment ikun ir-reġistratur li jkollu l-kuntratt mal-utent finali (reġistrant). Filwaqt li xi reġistri jimplimentaw kontrolli suċċessivi għall-preċiżjoni tad-data, mhuwiex fattibbli għal kwalunkwe reġistru tal-ismijiet ta’ dominji li jiggarantixxi li d-data fil-WHOIS hija 100 % preċiża jew aġġornata. Hemm riskju li din id-dispożizzjoni tista’ tistabbilixxi livell ta’ preċiżjoni li ma jkunx realistiku u ma jistax jintlaħaq.

5.5.

Id-definizzjoni tat-terminu “Reġistru” (Artikolu 2(a)) tinkludi l-formulazzjoni “… u t-tqassim ta’ fajls taż-żona tat-TLD”. Il-lingwa hija ambigwa, u tista’ tiġi interpretata fis-sens li r-Reġistru huwa obbligat jippubblika l-fajls taż-żona tiegħu. Ħafna ccTLDs ma jippubblikawx il-fajls taż-żona tagħhom għal raġunijiet tal-privatezza u ċ-ċibersigurtà. L-abbozzar tad-definizzjoni għandu jiċċara li l-pubblikazzjoni tal-fajls taż-żona mhijiex meħtieġa.

5.6.

Brexit se jkollu konsegwenzi għall-kriterji ta’ eliġibbiltà meta u jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea, jew meta jintemm kwalunkwe perjodu ta’ tranżizzjoni potenzjali. Il-korpi kollha li jindirizzaw il-governanza u r-responsabbiltajiet operazzjonali tal-isem tad-dominju .eu għandhom jippreparaw għaċ-ċirkostanzi l-ġodda, u l-proprjetarji tal-ismijiet tad-dominju .eu kkonċernati għandhom ikunu infurmati fil-ħin mingħajr l-irtirar tad-drittijiet tagħhom. Għandhom jiġu stabbiliti skadenzi realistiċi.

Brussell, il-11 ta’ Lulju 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


Top