EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE2737

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ordnijiet ta’ Produzzjoni u ta’ Preservazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika f’materji kriminali [COM(2018) 225 final — 2018/0108 (COD)] u Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar il-ħatra ta’ rappreżentanti legali għall-finijiet tal-ġbir tal-evidenza fi proċeduri kriminali [COM(2018) 226 final — 2018/0107(COD)]

EESC 2018/02737

OJ C 367, 10.10.2018, p. 88–92 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 367/88


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ordnijiet ta’ Produzzjoni u ta’ Preservazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika f’materji kriminali

[COM(2018) 225 final — 2018/0108 (COD)]

u Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar il-ħatra ta’ rappreżentanti legali għall-finijiet tal-ġbir tal-evidenza fi proċeduri kriminali

[COM(2018) 226 final — 2018/0107(COD)]

(2018/C 367/17)

Relatur:

Christian BÄUMLER

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 31.5.2018

Bażi legali

L-Artikolu 82(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Deċiżjoni tal-Bureau

22.5.2018

Adottata fil-plenarja

12.7.2018

Sessjoni plenarja Nru

536

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

157/2/0

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jqis li l-użu dejjem jikber tas-servizzi ta’ informazzjoni huwa sfida għall-infurzar tal-liġi. Attwalment hemm nuqqas ta’ kooperazzjoni affidabbli mal-fornituri tas-servizzi, u ta’ trasparenza, u hemm inċertezza legali dwar il-ġurisdizzjoni għal miżuri investigattivi.

1.2.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-proposta għal Regolament dwar l-Ordnijiet ta’ Produzzjoni u ta’ Preservazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika tintroduċi strumenti Ewropej vinkolanti għall-iżgurar u l-aċċess tad-data.

1.3.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea u l-Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea huma miżuri investigattivi li jistgħu jinħarġu biss f’investigazzjonijiet kriminali jew fi proċedimenti kriminali għal reati kriminali konkreti.

1.4.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea ser tintuża biss għal reati aktar serji. Il-KESE jinnota li dan il-għan jista’ jinkiseb aħjar bl-użu ta’ piena minima ta’ tliet xhur bħala linja gwida, aktar milli piena massima ta’ tliet snin.

1.5.

Il-KESE jenfasizza l-fatt li dan ir-Regolament għandu jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri.

1.6.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ħafna drabi fil-livell nazzjonali hemm tweġibiet differenti għall-mistoqsijiet b’rabta mal-aċċess tad-data matul proċedimenti kriminali u min jiddeċiedi dwar l-aċċess tagħha. Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta’ standards uniformi mifruxin mal-Ewropa kollha fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-aċċess għad-data.

1.7.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li ż-żewġ ordnijiet għandhom jinħarġu jew jiġu kkonfermati minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru. Madankollu, il-KESE jikkunsidra bħala problematiku l-fatt li Ordni ta’ Produzzjoni għad-data dwar l-aċċess u l-abbonati jistgħu jinħarġu wkoll minn prosekutur, u huwa favur l-estensjoni ta’ skrutinju minn imħallef għall-ġbir tad-data personali kollha.

1.8.

Bħall-Kummissjoni, il-KESE jqis problematiku l-fatt li pajjiżi terzi jistgħu jimponu obbligi fuq fornituri ta’ servizzi tal-UE li ma jkunux konformi mad-drittijiet fundamentali tal-UE. Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-proposta tinkludi garanziji b’saħħithom u referenzi espliċiti għall-kundizzjonijiet u s-salvagwardji diġà inerenti fl-acquis tal-UE.

1.9.

Il-KESE jappoġġja l-possibbiltà prevista fil-proposta tal-Kummissjoni li l-legalità, in-neċessità jew il-proporzjonalità ta’ Ordni ta’ Produzzjoni tista’ tiġi kkontestata mid-destinatarju u li l-immunitajiet u l-privileġġi li jipproteġu d-data mitluba fl-Istat Membru tal-fornitur tas-servizz għandhom jiġu rrispettati mill-Istat emittenti.

1.10.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni tagħmilha obbligatorja għall-fornituri ta’ servizzi li jaħtru rappreżentant fl-Unjoni sabiex jirċievu, ikunu konformi u jinfurzaw deċiżjonijiet immirati għall-ġbir tal-evidenza.

1.11.

Il-KESE jqis li l-fornituri ta’ servizzi għandu jkollhom id-dritt għal rimborż tal-ispejjeż f’kull każ fejn dan ikun previst fil-liġi tal-Istat emittenti.

2.   Kuntest tal-proposta

2.1.

Aktar minn nofs l-investigazzjonijiet kriminali kollha llum jinkludu talba transkonfinali għal aċċess għal evidenza elettronika bħal messaġġi, e-mails jew apps tal-messaġġi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qed tipproponi regoli ġodda bil-għan li jippermettu lill-pulizija u lill-awtoritajiet ġudizzjarji jiksbu aċċess b’aktar faċilità u rapidità għall-evidenza elettronika li jqisuha meħtieġa għall-investigazzjonijiet tagħhom sabiex jarrestaw u jikkundannaw kriminali u terroristi.

2.2.

Fl-2016, il-Kunsill (1) sejjaħ għal azzjoni konkreta abbażi ta’ approċċ komuni tal-UE sabiex irendi l-assistenza legali reċiproka aktar effiċjenti; itejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-fornituri tas-servizzi bbażati f’pajjiżi mhux tal-UE; u biex jipproponi soluzzjonijiet ħalli tkun determinata l-ġurisdizzjoni għall-investigazzjonijiet fiċ-ċiberspazju, u l-kwistjoni parallela tal-ġurisdizzjoni għall-infurzar.

2.3.

Il-Parlament Ewropew (2) enfasizza bl-istess mod l-isfidi li l-qafas legali frammentat ta’ bħalissa jista’ joħloq għall-fornituri tas-servizzi li jkunu qegħdin ifittxu li jikkonformaw mat-talbiet ta’ infurzar tal-liġi. Il-Parlament sejjaħ għal qafas legali Ewropew, inklużi s-salvagwardji għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ dawk kollha kkonċernati.

2.4.

Għal sitwazzjonijiet fejn l-evidenza jew il-fornitur tas-servizzi jkunu jinsabu f’pajjiż ieħor, kienu ġew żviluppati mekkaniżmi għall-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi diversi deċennji ilu. Minkejja riformi regolari, dawn il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni jinsabu taħt pressjoni dejjem tiżdied mill-ħtieġa dejjem akbar ta’ aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika. Bi tweġiba, għadd ta’ Stati Membri u pajjiżi terzi espandew l-għodod nazzjonali tagħhom. Fil-fehma tal-KESE, il-frammentazzjoni li tirriżulta tiġġenera inċertezza tad-dritt u obbligi konfliġġenti u tqajjem mistoqsijiet fir-rigward tal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali u dwar is-salvagwardji proċedurali għall-persuni affettwati minn dawn it-talbiet.

2.5.

Il-KESE jipperċepixxi ż-żieda fl-użu tas-servizzi ta’ informazzjoni bħala sfida għall-infurzar tal-liġi, minħabba l-fatt li l-awtoritajiet rilevanti ħafna drabi ma jkunux mgħammra kif suppost sabiex jittrattaw l-evidenza online. Il-proċess fit-tul sabiex tinkiseb l-evidenza huwa wieħed mill-ostakli ewlenin. Attwalment hemm nuqqas ta’ kooperazzjoni affidabbli mal-fornituri tas-servizzi, u ta’ trasparenza, u hemm inċertezza legali dwar il-ġurisdizzjoni għal miżuri investigattivi. Il-KESE jappoġġja l-kooperazzjoni transkonfinali diretta bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-fornituri tas-servizzi diġitali fl-investigazzjonijiet kriminali.

2.6.

Il-qafas legali attwali tal-UE jikkonsisti minn strumenti ta’ kooperazzjoni tal-Unjoni f’materji kriminali, bħad-Direttiva 2014/41/UE dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (3) (id-Direttiva dwar l-OIE), il-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri fl-Unjoni Ewropea (4), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/JHA li tistabbilixxi Eurojust (5), ir-Regolament (UE) 2016/794 dwar il-Europol (6), id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/JHA dwar l-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunti (7), kif ukoll ftehimiet bilaterali bejn l-Unjoni u pajjiżi mhux tal-UE.

3.   Ordnijiet ta’ Produzzjoni u Preservazzjoni

3.1.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-proposta għal Regolament dwar l-Ordnijiet ta’ Produzzjoni u ta’ Preservazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika f’materji kriminali (COM(2018) 225) tintroduċi strumenti Ewropej vinkolanti għall-iżgurar u l-aċċess tad-data. Id-destinatarji huma fornituri ta’ servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, netwerks soċjali, swieq online, fornituri oħrajn ta’ servizzi ta’ hosting u fornituri ta’ servizzi tal-infrastruttura tal-Internet bħalma huma r-reġistri ta’ indirizzi IP u l-ismijiet ta’ dominji.

3.2.

Id-Direttiva tal-OIE tkopri kwalunkwe miżura investigattiva transkonfinali fl-UE. Dan jinkludi l-aċċess għall-evidenza elettronika, iżda d-Direttiva dwar l-OIE ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni speċifika dwar il-ġbir ta’ evidenza transkonfinali. Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni qed tipproponi regoli ġodda li jippermettu lill-pulizija u lill-awtoritajiet ġudizzjarji biex jiksbu aċċess b’aktar faċilità u rapidità għall-evidenza elettronika.

3.3.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea u l-Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea huma miżuri investigattivi li jistgħu jinħarġu biss f’investigazzjonijiet kriminali jew fi proċedimenti kriminali għal reati kriminali konkreti. Ir-rabta ma’ investigazzjoni konkreta tiddistingwihom mill-miżuri preventivi jew l-obbligi ta’ żamma tad-data stabbiliti mil-liġi u tassigura l-applikazzjoni tad-drittijiet proċedurali applikabbli għall-proċedimenti kriminali.

3.4.

Il-KESE jinnota li l-Ordnijiet sabiex tiġi prodotta data dwar l-abbonati u data ta’ aċċess għandhom jinħarġu għal kwalunkwe reat kriminali filwaqt li l-Ordni sabiex tiġi prodotta data ta’ tranżazzjonijiet jew ta’ kontenut tista’ tinħareġ biss għal reati kriminali li fl-Istat emittenti jkunu punibbli b’piena ta’ kustodja ta’ perjodu massimu ta’ minn tal-anqas 3 snin, jew għal kriminalità speċifika msemmija fil-proposta u fejn ikun hemm rabta speċifika mal-għodod elettroniċi u r-reati koperti mid-Direttiva dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu 2017/541/UE. Din il-linja gwida ta’ sentenza massima ta’ tliet snin għandha tassigura li l-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea tintuża biss għall-forom aktar serji ta’ kriminalità fir-rigward ta’ dik id-data. Il-KESE jinnota li dan il-għan, li huwa kondiviż mill-KESE, jista’ jinkiseb aħjar bl-użu ta’ piena minima ta’ tliet xhur bħala linja gwida.

3.5.

Il-bażi ġuridika sabiex tiġi appoġġjata azzjoni f’dan il-qasam ġudizzjarju hija l-Artikolu 82(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 82(1) jistipula li jistgħu jiġu adottati miżuri skont il-proċedura leġislattiva ordinarja sabiex jiġu stabbiliti regoli u proċeduri sabiex jiġi assigurat ir-rikonoxximent madwar l-Unjoni tal-forom kollha ta’ sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji.

3.6.

L-istrumenti l-ġodda jibnu fuq dawn il-prinċipji ta’ rikonoxximent reċiproku sabiex jiffaċilitaw il-ġbir transkonfinali ta’ evidenza elettronika. Awtorità fil-pajjiż fejn jinsab id-destinatarju tal-ordni m’għandhiex għalfejn tkun direttament involuta fin-notifika u l-eżekuzzjoni tal-ordni. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dan jista’ jfisser li ċittadini tal-UE jkollhom id-data tagħhom aċċessata minn awtorità ta’ Stat Membru ieħor skont ir-regoli ta’ dik l-awtorità.

3.7.

Il-KESE jenfasizza l-fatt li dan ir-Regolament għandu jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri. Dawn jinkludu d-dritt għal-libertà u s-sigurtà, ir-rispett għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja, il-protezzjoni tad-data personali, il-libertà ta’ intrapriża, id-dritt għall-proprjetà, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt tad-difiża, il-prinċipji ta’ legalità u ta’ proporzjonalità, u d-dritt li wieħed ma jiġix ipproċessat jew ikkastigat darbtejn fi proċeduri kriminali għall-istess reat kriminali. Il-KESE jirrimarka li ħafna drabi jkun hemm tweġibiet differenti fil-livell nazzjonali għal mistoqsijiet relatati mal-kundizzjonjiet għal aċċess għal data matul il-proċedimenti kriminali u min jiddeċiedi dwar dan l-aċċess.

3.8.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ħafna drabi fil-livell nazzjonali hemm tweġibiet differenti għall-mistoqsijiet b’rabta mal-aċċess tad-data matul proċedimenti kriminali u min jiddeċiedi dwar l-aċċess tagħha. Il-pulizija, il-prosekutur jew il-qorti jistgħu jkunu responsabbli mill-aċċess għad-data. Barra minn hekk, jirriżultaw differenzi fir-rigward tal-istadju tal-proċedura ta’ investigazzjoni u l-grad ta’ suspett li jagħmlu l-aċċess għad-data legalment permissibbli. Il-KESE huwa tal-fehma li għandhom jiġu żviluppati standards uniformi mal-Ewropa kollha għal meta d-data tista’ tiġi aċċessata.

3.9.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li ż-żewġ ordnijiet għandhom jinħarġu jew jiġu kkonfermati minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru. Meta tinħareġ Ordni ta’ Produzzjoni jew ta’ Preservazzjoni Ewropea, awtorità ġudizzjarja dejjem trid tkun involuta bħala awtorità emittenti jew ta’ konferma. Fil-każ tal-ordnijiet sabiex tiġi prodotta data dwar it-tranżazzjonijiet u ta’ kontenut, huma meħtieġa mħallef jew qorti. Il-proposta tal-Kummissjoni żżid il-livell ta’ protezzjoni legali fl-Ewropa b’mod ġenerali.

3.10.

Madankollu, il-KESE jqis problematiku l-fatt li Ordni ta’ Produzzjoni għal data dwar l-aċċess u l-abbonati tista’ tinħareġ ukoll minn prosekutur, għaliex id-data dwar l-aċċess u l-abbonati hija wkoll data personali, u l-protezzjoni legali retrospettiva hija diffiċli f’każijiet ta’ aċċess ta’ data minn Stati Membri oħrajn. Il-KESE huwa favur l-estensjoni tal-awtorità tal-imħallef għall-ġbir tad-data personali kollha.

3.11.

Il-KESE jappoġġja l-possibbiltà prevista fil-proposta tal-Kummissjoni li l-legalità, in-neċessità jew il-proporzjonalità ta’ Ordni ta’ Produzzjoni jistgħu jiġu kkontestati mid-destinatarju. Skont il-proposta tal-Kummissjoni, id-drittijiet skont il-liġi tal-Istat tal-infurzar huma rrispettati b’mod sħiħ billi jkun assigurat li l-immunitajiet u l-privileġġi li jipproteġu d-data mfittxija fl-Istat Membru tal-fornitur tas-servizzi jridu jiġu rrispettati mill-Istat emittenti. Dan huwa speċjalment il-każ, skont il-proposta, meta jipprovdu għal protezzjoni aktar b’saħħitha mil-liġi tal-Istat emittenti.

3.12.

Il-KESE jirrimarka li l-Ordni taffettwa wkoll id-drittijiet tal-fornituri ta’ servizz, b’mod partikolari l-libertà ta’ intrapriża. Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-proposta tinkludi d-dritt li l-fornitur tas-servizzi jqajjem ċerti talbiet fl-Istat Membru emittenti, pereżempju jekk l-Ordni ma tkunx inħarġet jew ġiet konfermata minn awtorità ġudizzjarja. Jekk l-Ordni tiġi trażmessa għall-infurzar lill-Istat tal-infurzar, l-awtorità tal-infurzar tista’ tiddeċiedi, wara li tikkonsulta mal-awtorità emittenti, li ma tirrikonoxxix jew ma tinforzax l-Ordni jekk ir-raġunijiet mogħtija għall-oppożizzjoni jkunu evidenti.

3.13.

Il-proposta tal-Kummissjoni tiġbor fiha dispożizzjoni li permezz tagħha l-fornituri tas-servizzi jistgħu jitolbu rimborż tal-ispejjeż tagħhom mingħand l-Istat emittenti, skont il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat, jekk dan ikun previst mil-liġi nazzjonali tal-Istat emittenti għal ordnijiet domestiċi f’każijiet domestiċi simili. Il-KESE jqis li l-fornituri ta’ servizzi għandu jkollhom id-dritt għal rimborż tal-ispejjeż f’kull każ fejn dan ikun previst fil-liġi tal-Istat emittenti.

4.   Kunflitti ta’ obbligi

4.1.

Il-KESE, bħall-Kummissjoni, iqis problematiku l-fatt li pajjiżi terzi jistgħu jintroduċu obbligi reċiproċi għall-fornituri tas-servizzi tal-UE li ma jkunux konsistenti mad-drittijiet fundamentali tal-UE, inkluż il-livell għoli ta’ protezzjoni tad-data assigurat mill-acquis tal-UE.

4.2.

Il-proposta tindirizza din il-kwistjoni billi tressaq miżura li tinkludi salvagwardji b’saħħithom u referenzi espliċiti għall-kundizzjonijiet u s-salvagwardji diġà inerenti fl-acquis tal-UE. Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li dan jista’ jservi ta’ mudell għal leġislazzjoni ta’ pajjiżi terzi.

4.3.

Il-KESE jappoġġja wkoll l-inklużjoni ssuġġerita tal-proposta ta’ klawżola speċifika dwar “kunflitti ta’ obbligi” li tippermetti lill-fornituri tas-servizz biex jidentifikaw u jqajmu l-obbligi konfliġġenti li jiffaċċjaw, u b’hekk jiskattaw stħarriġ ġudizzjarju. Din il-klawsola għandha tiżgura r-rispett għal dawn iż-żewġ tipi ta’ liġijiet: l-istatuti tal-imblukkar ġenerali, bħal pereżempju l-Electronic Communications Privacy Act (ECPA) tal-Istati Uniti, li tipprojbixxi l-iżvelar b’rabta ma’ data ta’ kontenut fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tagħha għajr f’ċirkostanzi limitati, u liġijiet li ġeneralment ma jipprojbixxux l-iżvelar iżda jistgħu jagħmlu dan f’każijiet individwali.

4.4.

Il-KESE, bħall-Kummissjoni, huwa tal-fehma li l-ftehimiet internazzjonali ma’ sħab ewlenin oħrajn jistgħu jnaqqsu ulterjorment is-sitwazzjonijiet ta’ kunflitti tal-liġijiet. Dan ikun l-aħjar mod biex jiġu evitati l-kunflitti.

5.   Direttiva dwar il-ħatra ta’ rappreżentanti legali

5.1.

Il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-Ordnijiet ta’ Produzzjoni u ta’ Preservazzjoni Ewropej għandha titlesta permezz ta’ Direttiva li tistabbilixxi regoli uniformi dwar il-ħatra ta’ rappreżentanti legali fil-proċedimenti kriminali (COM (2018) 226). Attwalment, jeżistu approċċi differenti fl-Istati Membri fir-rigward tal-obbligi imposti fuq il-fornituri tas-servizzi. Din il-frammentazzjoni hija partikolarment evidenti fil-każ ta’ evidenza elettronika. Din toħloq inċertezza legali għal dawk involuti u tista’ tqiegħed lill-fornituri ta’ servizzi taħt obbligi u reġimi ta’ sanzjonijiet differenti, u xi drabi kunfliġġenti f’dan ir-rigward, skont jekk jipprovdux is-servizzi tagħhom fuq livell nazzjonali, transfruntier fl-Unjoni jew minn barra l-Unjoni.

5.2.

Id-Direttiva proposta mill-Kummissjoni tagħmilha obbligatorja għall-fornituri tas-servizzi li jaħtru rappreżentant legali fl-Unjoni sabiex jirċievi, jikkonforma ma’ u jinforza deċiżjonijiet immirati lejn il-ġbir tal-evidenza mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fi proċeduri kriminali.

5.3.

Fil-fehma tal-KESE, dawn ir-regoli jiżguraw funzjonament aħjar tas-suq intern b’tali mod li jkun koerenti mal-iżvilupp ta’ żona komuni ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. L-obbligu għall-fornituri tas-servizzi kollha li qed joperaw fl-Unjoni biex jaħtru rappreżentant legali jiżgura li jkun hemm dejjem destinatarju ċar għal miżuri invesigattivi. Min-naħa tiegħu, dan jagħmilha aktar faċli għall-fornituri ta’ servizzi li jikkonformaw ma’ dawk l-ordnijiet, minħabba li r-rappreżentant legali jkun responsabbli sabiex jirċievi, jikkonforma ma’ u jinforza dawk l-ordnijiet f’isem il-fornitur ta’ servizzi.

Brussell, it-12 ta’ Lulju 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tad-9 ta’ Ġunju 2016 dwar it-titjib tal-ġustizzja kriminali fiċ-ċiberspazju, ST9579/16.

(2)  P8_TA(2017)0366.

(3)  Id-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU L 130, 1.5.2014, p. 1).

(4)  L-Att tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 2000 li jistabbilixxi skont l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea l-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri fl-Unjoni Ewropea.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/JHA tat-28 ta’ Frar 2002 li tistabbilixxi Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja.

(6)  Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol).

(7)  Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/465/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002.


Top