EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018H0910(20)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2018 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Polonja għall-2018 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-Polonja għall-2018

ST/9446/2018/INIT

OJ C 320, 10.9.2018, p. 88–91 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 320/88


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Lulju 2018

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Polonja għall-2018 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-Polonja għall-2018

(2018/C 320/20)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fit-22 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2018. Fis-17 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta' Marzu 2018. Fit-22 ta' Novembru 2017, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih hija ma identifikatx lill-Polonja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond.

(2)

Ir-rapport tal-pajjiżi tal-2018 dwar il-Polonja ġie ppubblikat fis-7 ta' Marzu 2018. Ir-rapport jivvaluta l-progress tal-Polonja biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fil-11 ta' Lulju 2017 (3), is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Polonja lejn il-miri nazzjonali tagħha tal-Ewropa 2020.

(3)

Fis-26 ta' April 2018, il-Polonja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2018 u l-Programm ta' Konverġenza tagħha tal-2018. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

(4)

Rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (“Fondi SIE”) għall-perjodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li jirrieżamina l-Ftehim ta' Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu u jipproponi emendi għalihom. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma' governanza ekonomika tajba.

(5)

Bħalissa l-Polonja qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta' Konverġenza tiegħu tal-2018, il-Gvern qed jippjana titjib gradwali fil-bilanċ nominali minn defiċit ta' 1,7 % tal-PDG fl-2017 għal 0,7 % tal-PDG fl-2021. L-objettiv baġitarju fit-terminu medju, defiċit ta' 1,0 % tal-PDG f'termini strutturali, mhux mistenni li jintlaħaq sal-2021, jiġifieri fil-Programm ta' Konverġenza. Il-bilanċ strutturali (5) kkalkulat mill-ġdid juri defiċit ta' 1,3 % tal-PDG fl-2021. Skont il-Programm ta' Konverġenza tal-2018, id-dejn pubbliku bħala proporzjon tal-PDG huwa mistenni li jonqos minn 50,6 % tal-PDG fl-2017 għal 50,4 % tal-PDG fl-2018 u għal 46,0 % sal-2021. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa kawt fl-2018 u plawżibbli minn hemm 'il quddiem.

(6)

Fil-11 ta' Lulju 2017, il-Kunsill rrakkomanda li l-Polonja tiżgura li r-rata ta' tkabbir nominali ta' nefqa primarja netta tal-gvern (6) ma taqbiżx 3,7 % fl-2018, ekwivalenti għal aġġustament annwali strutturali ta' 0,5 % tal-PDG. Fl-istess ħin, ġie ddikjarat li l-valutazzjoni tal-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-2018 u l-valutazzjoni sussegwenti tal-eżiti tal-baġit tal-2018 se jkollhom iqisu l-għan li tintlaħaq pożizzjoni fiskali li tikkontribwixxi kemm biex jissaħħaħ l-irkupru li għaddej kif ukoll li jiżgura s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni kwalitattiva tas-setgħa tal-kundizzjonijiet ekonomiċi fil-Polonja, filwaqt li qieset b'mod xieraq l-isfidi tas-sostenibbiltà tagħha. Fuq il-bażi ta' dan, ġie konkluż li ma jenħtieġx li jitqiesu elementi addizzjonali. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2018 tal-Kummissjoni, hemm ir-riskju ta' devjazzjoni sinifikanti mill-aġġustament irrakkomandat fl-2018.

(7)

Fl-2019, fid-dawl tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni ta' 1,5 % tal-PDG, ir-rata ta' tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma jenħtieġx li taqbeż l-4,2 %, f'konformità mal-aġġustament strutturali ta' 0,6 % tal-PDG li joriġina mill-matriċi ta' aġġustament miftiehma b'mod komuni tar-rekwiżiti skont il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2018 tal-Kummissjoni, hemm riskju ta' devjazzjoni sinifikanti minn dan ir-rekwiżit fl-2019. B'mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li mill-2018 jenħtieġ li jittieħdu l-miżuri meħtieġa għall-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

(8)

Fit-terminu medju u fit-tul, il-Polonja se tiffaċċja pressjonijiet fuq in-nefqa f'diversi oqsma, b'mod partikolari marbutin mat-tixjiħ tal-popolazzjoni, li jirrikjedi mekkaniżmi ġodda biex jiġu vvalutati l-effiċjenza u l-effettività tal-infiq pubbliku u biex tiġi ffaċilitata r-riallokazzjoni tar-riżorsi. Għal dan il-għan, il-Gvern beda l-ħidma fuq ir-riforma tal-proċess baġitarju, b'mod partikolari biex jissaħħaħ il-qafas baġitarju fit-terminu medju, u jiġu inkorporati l-analiżijiet tal-infiq fil-proċess baġitarju. Il-Polonja hija l-uniku Stat Membru mingħajr kunsill fiskali indipendenti żviluppat u mingħajr ebda pjanijiet biex jinħoloq wieħed, anki jekk istituzzjonijiet indipendenti eżistenti jkopru xi wħud mill-funzjonijiet tipikament issodisfati mill-kunsilli fiskali. Ir-rapport tal-pajjiż tal-2018 jidentifika li l-Polonja ma għamlet l-ebda progress biex tillimita l-użu estensiv ta' rati mnaqqsa għal taxxa fuq il-valur miżjud. Madankollu, il-Ministeru tal-Finanzi Pollakk qed jaħdem biex għas-simplifikazzjoni dwar kif ir-rati applikabbli jiġu assenjati għall-oġġetti u s-servizzi.

(9)

Il-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol Pollakk kien b'saħħtu f'dawn l-aħħar snin u r-rati tal-impjiegi komplew jiżdiedu. Madankollu, il-parteċipazzjoni ta' ċerti gruppi fis-suq tax-xogħol, speċjalment tan-nisa, tal-ħaddiema b'ħiliet baxxi u tal-anzjani, baqgħet baxxa meta mqabbla ma' Stati Membri oħra. Diversi miżuri ta' politika riċenti kellhom it-tendenza li jnaqqsu l-inċentiv għax-xogħol, speċjalment għal nisa u anzjani. Is-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Polonja ma tipprovdix biżżejjed inċentivi għall-bidu ta' xogħol. Filwaqt li l-benefiċċji tat-tfal naqqsu l-faqar u l-inugwaljanza, diġà kellhom effett negattiv fuq il-parteċipazzjoni tal-ġenituri, l-aktar in-nisa, fis-suq tax-xogħol minħabba li d-daqs u t-test tal-mezzi limitat jinnewtralizzaw l-inċentivi tax-xogħol inkorporati f'benefiċċji soċjali oħra. Il-fatt li r-rata tar-reġistrazzjoni tal-indukrar formali tat-tfal għal tfal ta' taħt l-età ta' tliet snin għadha fost l-aktar baxxa fl-Unjoni ikompli jostakola l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. L-appoġġ limitat disponibbli għall-persuni li jipprovdu l-kura fit-tul iżommhom milli jidħlu fis-suq tax-xogħol. It-tnaqqis fl-età statutorja tal-irtirar ħeġġet lil xi ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien biex joħorġu mid-dinja tax-xogħol. Il-migrazzjoni minn pajjiżi terzi qed tgħin biex tintlaħaq iż-żieda fid-domanda għal ħaddiema.

(10)

Rotta kumplimentari biex tappoġġa kemm il-parteċipazzjoni fil-forza tax-xogħol u l-kapaċità innovattiva tal-ekonomija għandha tħejji lill-istudenti u lill-adulti b'ħiliet u kompetenzi adegwati li jappoġġaw l-impjiegi f'suq tax-xogħol li qiegħed jinbidel rapidament. Ir-rata ta' parteċipazzjoni tal-adulti fl-edukazzjoni u t-taħriġ hija ħafna aktar baxxa mill-medja tal-Unjoni. Dan, flimkien ma' ċerti nuqqasijiet fil-ħiliet diġitali, kif ukoll fil-ħiliet tal-litteriżmu u l-matematika, b'mod partikolari fost l-adulti b'edukazzjoni anqas minn terzjarja, qed ifixkel l-impjegabbiltà tagħhom. Sa liema punt il-miżuri ta' politika introdotti reċentement u għadhom ippjanati, bħal bidliet fl-organizzazzjoni tal-edukazzjoni ġenerali, l-edukazzjoni vokazzjonali u l-edukazzjoni ogħla, se jkollhom impatt fuq il-livelli tal-ħiliet għadu mhuwiex magħruf.

(11)

Il-Polonja kompliet tieħu l-miżuri biex tindirizza s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol permezz ta' limitazzjoni tal-possibbiltà li l-impjiegi temporanji jiġu abbużati, żieda fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fuq kuntratti tax-xogħol mhux standard u l-introduzzjoni ta' paga minima fis-siegħa għal xi wħud minn dawn il-kuntratti. L-għadd u s-sehem ta' kuntratti permanenti ilhom jiżdiedu sa minn tmiem l-2016, madankollu is-sehem tal-kuntratti temporanji għadhom fost l-ogħla fl-Unjoni. Xi bidliet leġiżlattivi addizzjonali rilevanti għad-dualità fis-suq tax-xogħol jistgħu jiġu inklużi fil-Kodiċi tax-Xogħol riformat. Il-kopertura ta' sigurtà soċjali tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom u li għandhom ċerti kuntratti mhux standard tirrappreżenta kwistjoni potenzjali, speċjalment mill-perspettiva tal-adegwatezza tal-pensjonijiet futuri tagħhom. Fl-2015 ġew introdotti diversi miżuri biex itejbu l-kopertura tas-sigurtà soċjali ta' dawk li jaħdmu għal rashom u dawk impjegati b'kuntratti atipiċi.

(12)

L-età medja tal-irtirar żdiedet f'dawn l-aħħar snin, li jirrifletti r-riformi tal-passat, bħal tneħħija ta' għażliet ta' rtirar bikri u żieda gradwali tal-età statutorja tal-irtirar. Kontinwazzjoni ta' żieda fl-età effettiva ta' rtirar hija kruċjali għal tkabbir ekonomiku fit-terminu medju, u biex tiġi żgurata l-adegwatezza u s-sostenibbiltà fiskali tas-sistema tal-pensjonijiet. Madankollu, it-tnaqqis riċenti tal-età statutorja tal-irtirar għal 60 sena għan-nisa u 65 sena għall-irġiel imur fid-direzzjoni opposta. Għall-kuntrarju, l-età tal-irtirar tal-imħallfin nisa u l-irġiel ta' qrati ordinarji kienet stabbilita għal 65, li huwa konformi mat-talba tal-Kummissjoni. Is-sistema tas-sigurtà soċjali speċjali għall-bdiewa, li qed tiġi ssussidjata għal spiża ta' madwar 1 % tal-PDG, hija fost ir-raġunijiet għal mobbiltà baxxa fis-suq tax-xogħol u l-qgħad mistur fl-agrikoltura.

(13)

Aċċess aħjar għall-kura tas-saħħa u żieda fl-effikaċja tagħha huma meħtieġa sabiex jitjiebu r-riżultati tas-saħħa fil-Polonja. Il-ħtiġijiet awtodikjarati u mhux issodisfati għall-kura medika jikklassifikaw fost l-ogħla fl-Unjoni, u ż-żmien ta' stennija għal ċerti interventi huma partikolarment twal. In-numru ta' sodod fl-sptarijiet huwa relattivament għoli u mhuwiex imqassam bl-aħjar mod ġeografikament. Il-kura tas-saħħa out-patient u dik primarja ġeneralment mhumiex żviluppati biżżejjed, u t-tobba jkunu inċentivati biex jgħaddu l-investigazzjonijiet u t-trattamenti lil speċjalisti. L-indirizzar ta' dawn il-kwistjonijiet joħloq pjuttost sfida, minħabba li l-livell ta' finanzjament pubbliku u l-għadd ta' tobba u infermiera f'ċerti speċjalizzazzjonijiet fil-Polonja huma ferm taħt il-medja tal-Unjoni. Fl-2017, saru xi sforzi biex ir-riżorsi tal-kura tas-saħħa jitqassmu b'mod aktar effiċjenti, iżda l-effetti ta' dawn il-miżuri għad irid joħorġu.

(14)

Iż-żieda tal-kapaċità tal-ekonomija għall-innovazzjoni hija kruċjali biex il-Polonja tkun tista' tavvanza fil-katina ta' valur mondjali, biex b'hekk ikun hemm sostenn tal-potenzjal biex jittejbu l-istandards tal-għajxien. Dan jirrikjedi azzjoni ta' politika f'diversi oqsma fi proċess gradwali ta' diversi snin. L-oqsma ta' politika rilevanti prinċipali jinkludu l-bini tal-fiduċja fl-ambjent regolatorju, li jipprovdi inċentivi għan-nefqa ta' negozju fuq ir-R&Ż, tisħiħ tal-bażi xjentifika, inkluż permezz ta' riformi tal-edukazzjoni terzjarja u l-inkoraġġiment għal fluss qawwi ta' għarfien u kooperazzjoni mill-qrib bejn in-negozji u l-istituzzjonijiet ta' riċerka. Dan tal-aħħar jinvolvi wkoll l-iżgurar ta' kundizzjonijiet favorevoli għall-kummerċjalizzazzjoni ta' riċerka, żviluppati u appoġġati minn fondi pubbliċi. Diġà ġew implimentati għadd ta' miżuri ta' politika f'dawn l-oqsma, u oħrajn huma ppjanati mill-Gvern.

(15)

Il-pass mgħaġġel ta' bidla regolatorja u l-użu limitat ta' konsultazzjonijiet pubbliċi u soċjali dwar numru ta' liġijiet ewlenin qed ikollhom impatt fuq il-kwalità tal-leġiżlazzjoni u qed iżidu l-inċertezza għan-negozji. Il-garanzija tal-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura huma essenzjali wkoll f'dan il-kuntest. Huwa mfakkar li f'Diċembru 2017, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill proposta motivata biex jiġi determinat li hemm riskju ċar ta' ksur serju mill-Polonja tal-istat tad-dritt. Iċ-ċertezza legali u l-fiduċja fil-kwalità u l-prevedibbiltà tal-politiki regolatorji, tat-taxxa u politiki oħra u l-fiduċja fl-istituzzjonijiet huma fatturi importanti li jistgħu jippermettu żieda fir-rata tal-investiment. Valutazzjonijiet tal-impatt solidi ex-ante u ex-post u konsultazzjonijiet pubbliċi mfassla tajjeb u soċjali u eżerċitati jistgħu jgħinu biex titjieb il-kwalità tal-leġiżlazzjoni, tiġi limitata l-ħtieġa għal emendi sussegwenti u b'dan il-mod tiżdied il-prevedibbiltà tal-ambjent regolatorju. Dan jista' jgħin ukoll biex jiġu limitati l-effetti sekondarji negattivi possibbli ta' liġijiet ġodda fi żmien qasir, bħal pereżempju ż-żieda temporanja fil-piżijiet amministrattivi li jirriżultaw minn bidla fir-regolamenti tat-taxxa.

(16)

In-netwerk tat-toroq żviluppa b'mod mgħaġġel permezz tal-fondi tal-Unjoni, iżda r-rata ta' fatalità fit-toroq għadha fost l-ogħla fl-Unjoni. Barra minn hekk, il-bliet qed jiffaċċjaw sfidi ta' mobbiltà li dejjem qed tikber, bħall-konġestjoni u t-tniġġis tal-arja li nħolqu biż-żieda tal-flotta tal-karozzi tal-passiġġieri u s-sehem kbir ta' vetturi qodma. L-inċentivi attwali biex jintużaw mezzi ta' trasport kollettivi, b'emissjonijiet baxxi mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw dawn l-isfidi. L-implimentazzjoni ta' proġetti ferrovjarji kkofinanzjati mill-Unjoni għadha tiffaċċja ostakli ewlenin prinċipalment minħabba l-kapaċità limitata fis-settur tal-kostruzzjoni u n-nuqqasijiet istituzzjonali tal-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja. Għalkemm il-Gvern qed jippjana aġġornament tad-dokument strateġiku rilevanti, attwalment hemm nuqqas ta' informazzjoni disponibbli fuq viżjoni strateġika għall-iżvilupp fit-tul tan-netwerks tat-trasport fil-modi kollha lil hinn mill-2023. Ir-rwoli rispettivi tagħhom se jkunu identifikati b'mod ċar u attribwiti f'dan id-dokument. Barra minn hekk, minkejja l-investimenti f'dawn l-aħħar snin, għadhom jippersistu ostakli u nuqqasijiet fin-netwerks tal-enerġija u fl-infrastruttura.

(17)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2018, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Polonja u ppubblikatha fir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2018. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Konverġenza tal-2018, il-Programm ta' Riforma Nazzjonali tal-2018 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Polonja fi snin preċedenti. Il-Kummissjoni qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Polonja iżda wkoll sa fejn jikkonformaw mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(18)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Konverġenza tal-2018 u l-opinjoni tiegħu (7) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Polonja tieħu azzjoni fl-2018 u l-2019 biex:

1.

Tiżgura li r-rata tat-tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma taqbiżx l-4,2 % fl-2019, li tikkorrispondi mal-aġġustament strutturali annwali ta' 0,6 % tal-PDG. Tieħu passi biex ittejjeb l-effiċjenza tal-infiq pubbliku, inkluż billi jitjieb il-proċess baġitarju.

2.

Tieħu miżuri biex iżżid il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, inkluż billi ttejjeb l-aċċess għall-kura tat-tfal u trawwem ħiliet li huma rilevanti għas-suq tax-xogħol, speċjalment permezz ta' tagħlim għall-adulti, u tneħħi l-ostakli għal aktar tipi ta' impjiegi permanenti. Tiżgura s-sostenibbiltà u l-adegwatezza tas-sistema tal-pensjonijiet billi jittieħdu miżuri biex tiżdied l-età effettiva ta' rtirar u billi jiġu riformati l-iskemi preferenzjali tal-pensjonijiet.

3.

Issaħħaħ il-kapaċità innovattiva tal-ekonomija, inkluż l-appoġġ għal kollaborazzjoni aktar mill-qrib bejn in-negozji u l-istituzzjonijiet ta' riċerka. Ittejjeb l-ambjent regolatorju, b'mod partikolari permezz ta' konsultazzjonijiet pubbliċi u soċjali effikaċi fil-proċess leġiżlattiv.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LÖGER


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

(3)  ĠU C 261, 9.8.2017, p. 1.

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(5)  Il-bilanċ nett aġġustat ċiklikament ta' miżuri ta' darba u temporanji, ikkalkulat mill-ġdid mill-Kummissjoni b'metodoloġija miftiehma b'mod komuni.

(6)  In-nefqa primarja netta tal-gvern hija magħmula min-nefqa totali tal-gvern mingħajr in-nefqa fuq l-imgħax, in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni li huma korrisposti bis-sħiħ minn dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fuq in-nefqa tal-benefiċċji tal-qgħad. Il-formazzjoni ta' kapital gross fiss iffinanzjata nazzjonalment hija mifruxa fuq perjodu ta' erba' snin. Il-miżuri ta' dħul diskrezzjonali jew iż-żidiet tad-dħul b'mandat tal-liġi huma fatturati. Il-miżuri ta' darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-nefqa huma esklużi.

(7)  Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


Top