EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018H0910(09)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2018 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 ta' Franza u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 ta' Franza

ST/9436/2018/INIT

OJ C 320, 10.9.2018, p. 39–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 320/39


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Lulju 2018

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 ta' Franza u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 ta' Franza

(2018/C 320/09)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fit-22 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2018. Hija kkunsidrat bix-xieraq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta' Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta' Marzu 2018. Fit-22 ta' Novembru 2017, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih hija identifikat lil Franza bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta' Marzu 2018. Fl-14 ta' Mejju 2018, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro (3) (“Rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro”).

(2)

Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, jenħtieġ li Franza tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' din ir-Rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro, kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet hawn isfel, b'mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet (1) u (2).

(3)

Ir-rapport tal-pajjiż tal-2018 għal Franza ġie ppubblikat fis-7 ta' Marzu 2018. Ir-rapport ivvaluta l-progress ta' Franza biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fil-11 ta' Lulju 2017 (4), is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress ta' Franza lejn il-miri nazzjonali tagħha tal-Ewropa 2020. Ir-rapport inkluda wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tagħha ġew ippubblikati wkoll fis-7 ta' Marzu 2018. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha għall-konklużjoni li Franza għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi. B'mod partikolari, il-vulnerabbiltajiet joriġinaw minn dejn pubbliku kbir u kompetizzjoni dgħajfa fil-kuntest ta' tkabbir tal-produttività baxx. Ir-riskju ta' effett negattiv fuq l-ekonomija Franċiża, u minħabba d-daqs tagħha, ta' effetti konsegwenzjali negattivi fuq l-unjoni ekonomika u monetarja, huwa partikolarment importanti.

(4)

Fil-25 ta' April 2018, Franza ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2018 u l-Programm ta' Stabbiltà tagħha tal-2018. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

(5)

Rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (“Fondi SIE”) għall-perjodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li jirrieżamina l-Ftehim ta' Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu u jipproponi emendi għalihom. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma' governanza ekonomika tajba.

(6)

Wara l-korrezzjoni f'waqtha u durabbli tad-defiċit eċċessiv u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/xxx (6) li tabroga l-proċedura ta' defiċit eċċessiv, Franza tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u hija soġġetta għar-regola tranżizzjonali fir-rigward tad-dejn. Fil-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 tiegħu, il-Gvern qed jippjana titjib gradwali fil-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika minn -2,6 % tal-PDG fl-2017 għal +0,3 % tal-PDG fl-2022. L-objettiv baġitarju fit-terminu medju — defiċit strutturali ta' 0,4 % tal-PDG — mhuwiex ippjanat li jinkiseb fiż-żmien kopert mill-Programm ta' Stabbiltà tal-2018. Skont il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018, id-dejn pubbliku bħala proporzjon tal-PDG huwa mistenni jonqos minn 97,0 % fl-2017 għal 89,2 % fl-2022. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawsibbli. Fl-istess ħin, il-miżuri neċessarji biex jappoġġaw il-miri ppjanati tad-defiċit mill-2019 'il quddiem għadhom ma ġewx speċifikati b'mod suffiċjenti.

(7)

Fil-11 ta' Lulju 2017, il-Kunsill irrakkomanda lil Franza tiżgura li r-rata ta' tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett (7) ma taqbiżx il-1,2 % fl-2018, li jikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta' 0,6 % tal-PDG. Fl-istess ħin, ġie ddikjarat li l-valutazzjoni tal-Abbozz ta' Pjan Baġitarju 2018 u l-valutazzjoni sussegwenti tal-eżiti baġitarji tal-2018 se jkollhom bżonn li jikkunsidraw l-għan tal-kisba ta' pożizzjoni fiskali li tikkontribwixxi kemm biex issaħħaħ l-irkupru li għaddej kif ukoll biex tiżgura s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Wara l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-saħħa tal-irkupru fi Franza li tat il-konsiderazzjoni dovuta għall-isfidi ta' sostenibbiltà tagħha, imwettqa fil-kuntest tal-opinjoni tagħha dwar l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju tal-2018 ta' Franza, ma hemm bżonn li jitqies l-ebda element addizzjonali f'dak ir-rigward. Fuq il-bażi tal-previżjoni tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2018, hemm riskju ta' devjazzjoni sinifikanti mill-perkors ta' aġġustament rakkomandat lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju fl-2018.

(8)

Fl-2019, fid-dawl tal-fatt li d-dejn pubbliku bħala proporzjon tal-PDG ta' Franza huwa 'l fuq minn 60 % tal-PDG u l-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni pproġettata hija ta' 0,6 %, ir-rata ta' tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett jinħtieġ li ma taqbiżx il-1,4 %, f'konformità mal-aġġustament strutturali ta' 0,6 % tal-PDG li jirriżulta mill-matriċi ta' aġġustament miftiehma b'mod komuni tar-rekwiżiti skont il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2018 tal-Kummissjoni, mingħajr l-ebda tibdil fil-politiki, hemm riskju ta' devjazzjoni sinifikanti minn dak ir-rekwiżit fl-2019 u matul l-2018 u 2019 meħudin flimkien. Prima facie, Franza mhijiex prevista tikkonforma mar-regola tranżizzjonali fir-rigward tad-dejn fl-2018 u l-2019. B'mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-fehma li jenħtieġ li jittieħdu l-miżuri meħtieġa mill-2018 biex ikun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. L-użu ta' kwalunkwe gwadann mhux previst biex ikompli jnaqqas il-proporzjon tad-dejn pubbliku jkun prudenti.

(9)

Il-livell ta' nfiq pubbliku fi Franza huwa l-ogħla fl-Unjoni. Il-proporzjon tal-infiq għandu jilħaq 56,0 % tal-PDG fl-2018, 10,6 punti perċentwali ogħla mill-medja tal-Unjoni. Filwaqt li l-istrateġija ta' konsolidament fis-snin riċenti bbenefikat prinċipalment minn rati tal-imgħax li kienu qed jonqsu u minn tnaqqis fl-investiment pubbliku, huwa improbabbli li l-ambjent ta' rati baxxi ta' imgħax se jipprevali fit-terminu medju, u t-tnaqqis fl-investiment produttiv jista' jagħmel ħsara lill-potenzjal ekonomiku fil-futur. Ir-rieżamijiet tal-infiq mill-2014 'il quddiem ma rendewx iffrankar sinifikanti u l-kisbiet fl-effiċjenza kienu limitati minħabba nuqqas ta' segwitu xieraq u livell baxx ta' sjieda politika. L-iktar strateġija riċenti tar-rieżami tal-infiq ġiet abbandunata u se tiġi sostitwita minn Azzjoni Pubblika 2022 (Action Publique 2022), li l-prinċipji tagħha huma stabbiliti fil-mandat mogħti mill-Gvern f'Ottubru 2017. Huwa previst li l-Kumitat tal-Azzjoni Pubblika 2022 )(Comité Action Publique 2022) għandu jipproduċi rapport qabel is-sajf tal-2018 u janalizza l-miżuri possibbli li hemm bżonn li jittieħdu. Madankollu, għadhom ma ġewx proposti miżuri speċifikati b'mod ċar u ffrankar ġdid f'dan il-qafas se jasal biss mill-2020 'il quddiem. L-isforzi biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet tal-konsolidazzjoni fiskali fit-terminu qasir sa medju jistgħu jibbenefikaw mill-implimentazzjoni rapida tal-miżuri ta' ffrankar fuq in-nefqa.

(10)

Fil-preżent, fi Franza jeżistu flimkien 37 skema tal-pensjoni differenti. Dawn jikkonċernaw gruppi differenti ta' ħaddiema u jiffunzjonaw skont settijiet ta' regoli differenti. L-unifikazzjoni progressiva tar-regoli ttejjeb it-trasparenza tas-sistema, iżżid il-ġustizzja interġenerazzjonali, u tiffaċilita l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol. L-armonizzazzjoni tar-regoli tal-kalkoli tikkontribwixxi wkoll biex tiġi kkontrollata aħjar in-nefqa pubblika. Filwaqt li r-riformi tal-pensjonijiet diġà adottati huma mistennija li jnaqqsu l-livell tal-proporzjon tan-nefqa pubblika għall-pensjonijiet fit-tul, sistema ta' pensjonijiet iktar sempliċi u iktar effiċjenti tista' tiġġenera iktar tfaddil u tgħin biex tnaqqas ir-riskji tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fit-terminu medju. Skont studju reċenti mingħand La Fondation pour la recherche sur les administrations et les politiques publiques (iFRAP), l-allinjament tal-iskemi tal-pensjoni differenti fis-settur pubbliku u f'dak privat jistgħu iġibu iktar minn EUR 5 biljun ta' ffrankar fin-nefqa pubblika sal-2022.

(11)

Ir-rata tal-qgħad naqset minn 10,4 % fl-2015 għal 9,4 % fl-2017 u huwa mbassar li se tkompli tonqos fis-snin li ġejjin, filwaqt li r-rata tal-impjieg żdiedet għal 70,6 % fl-2017. Madankollu, il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ, għall-ħaddiema bi ftit kwalifiki u għall-persuni bi sfond ta' migrazzjoni (kemm tal-ewwel kif ukoll tat-tieni ġenerazzjoni) għadhom relattivament aktar diffiċli. Fl-2017, 55,6 % biss tal-persuni mhux imwielda fl-UE (fl-età 20–64) kienu impjegati, li hija 17,0 punti perċentwali inqas miċ-ċifra għal dawk imwielda fi Franza. L-abitanti taż-żoni l-aktar żvantaġġati (Quartiers de la politique de la ville), inklużi l-persuni bi sfond ta' migrazzjoni, qed ikomplu jiffaċċaw diffikultajiet fis-suq tax-xogħol. Minkejja l-azzjoni politika, l-impatt tal-isfond soċjoekonomiku u ta' migrazzjoni fuq il-prestazzjoni edukattiva huma relattivament kbar u jfixklu l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol. Hemm ukoll evidenza ta' prattiki diskriminatorji fis-suq tax-xogħol. L-appoġġ effettiv ta' impjieg attiv, inkluż taħriġ fil-lingwa, konsulenza intensiva u appoġġ għar-reklutaġġ, u azzjoni iktar soda rigward prattiki diskriminatorji, huwa importanti ħafna sabiex jitrawmu opportunitajiet indaqs fis-suq tax-xogħol.

(12)

Il-liġi tax-xogħol tal-2016, li timmodernizza d-djalogu soċjali u tiżgura l-perkorsi professjonali, għandha l-għan li ttejjeb il-kapaċità tad-ditti li jaġġustaw għaċ-ċikli ekonomiċi u li tnaqqas il-proporzjoni ta' ħaddiema b'kuntratti temporanji. Filwaqt li iktar nies qed jiġu reklutati b'kuntratti indefiniti, is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol għadha sfida u jenħtieġ li titrawwem it-tranżizzjoni lejn forom iktar indefiniti ta' impjieg. F'dan il-kuntest, huwa importanti li tiġi finalizzata l-implimentazzjoni tal-programm ta' riforma ambizzjuża li għaddejja bħalissa, li jinkludi r-riforma tal-liġi tax-xogħol li ġiet adottata riċentement, ir-reviżjoni ppjanata tas-sistema tal-benefiċċji tal-qgħad, u r-riforma tas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, inklużi l-apprendistati.

(13)

L-implimentazzjoni gradwali tal-miżuri biex jitnaqqas il-porzjon ta' taxxa fuq ix-xogħol tejbu l-kostkompetittività ta' Franza mill-2013 'il quddiem, iżda t-telf akkumulat tal-passat għadu ma ġiex irkuprat kompletament. Abbażi tal-paga medja, fl-2016 Franza kien għad kellha waħda mill-ogħla rati ta' kontribuzzjonijiet soċjali bħala proporzjon tal-ispejjeż lavorattivi totali fl-Unjoni. Il-miżuri politiċi eżistenti biex inaqqsu l-ispejjeż lavorattivi huma mistennija li jkomplu jiġu kkonsolidati u msaħħa mill-2019 'il quddiem, bil-konverżjoni, li ġiet imħabbra, tal-kreditu tat-taxxa għall-kompetittività u l-impjiegi (CICE) fi tnaqqis ġeneralizzat tal-kontribuzzjonijiet soċjali għal min iħaddem u l-introduzzjoni ta' ribassi ulterjuri għal pagi iktar baxxi biex jitrawwem l-impjieg ta' dawk bi ftit kwalifiki.

(14)

Il-paga minima Franċiża ilha ssegwi r-regola ta' indiċjar tagħha, mingħajr ebda żieda ad hoc, mill-2013. Riżultat ta' dan, kibret iktar bil-mod mill-pagi ta' referenza (1,23 % fl-2017, meta mqabbla ma' 1,31 % għall-paga medja), f'kuntest ta' inflazzjoni dgħajfa u żidiet dgħajfa fil-pagi. Filwaqt li l-paga minima, meta mqabbla mal-paga medja, hija għolja f'termini internazzjonali, il-kost lavorattiv bil-paga minima tbaxxa b'mod sinifikanti permezz tat-tnaqqis mill-kontribuzzjonijiet soċjali. Dan it-tnaqqis se jkun intensifikat u jsir permanenti mill-2019. Filwaqt l-indiċjar tal-paga minima huwa importanti biex jippreserva l-kapaċità tal-akkwist tal-ħaddiema, il-mekkaniżmu attwali (uniku fl-Unjoni) jista' jillimita l-aġġustamenti fil-pagi għal kundizzjonijiet li jinbidlu, b'konsegwenzi negattivi potenzjali fuq il-kompetittività. Grupp ta' esperti indipendenti jevalwa l-paga minima kull sena u jipprovdi opinjonijiet mhux vinkolanti dwar l-iżvilupp tagħha. Fl-2017, il-grupp irrakkomanda li r-regola tal-indiċjar tiġi riveduta, pereżempju billi jiġi limitat għal indiċjar tal-inflazzjoni biss.

(15)

Is-sistema attwali ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali inizjali ma tappoġġax biżżejjed l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari għax proporzjon sinifikanti ta' studenti huma orjentati lejn perkorsi bi prospetti ta' impjieg limitati. Barra minn hekk, l-istudenti Franċiżi fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jiksbu riżultati edukattivi ferm iktar baxxi mill-medja tal-Unjoni, filwaqt li dawk fl-edukazzjoni ġenerali jagħtu prestazzjoni ferm aħjar. F'dan il-kuntest, il-miżuri biex jitrawmu l-apprendistati, li huma assoċjati ma' prospetti ta' impjieg aħjar, flimkien ma' miżuri biex itejbu r-riżultati bbażati fuq l-iskejjel, huma essenzjali biex jappoġġaw l-impjieg taż-żgħażagħ u jippromwovu l-ugwaljanza tal-opportunitajiet. Fl-istess ħin, it-titjib fl-aċċess għal taħriġ kontinwu għal persuni li qed ifittxu x-xogħol u dawk bi ftit kwalifiki u biex tiġi promossa l-kisba ta' kwalifiki iktar għoljin, appoġġati minn gwida xierqa tat-taħriġ, huma wkoll importanti. Ir-riflessjoni ta' dawn l-isfidi u b'mod partikolari l-ħtieġa li tittejjeb il-governanza tas-sistema, jiġu żgurati r-rilevanza għas-suq tax-xogħol, il-kwalità u l-aċċess għal taħriġ u tranżizzjonijiet sikuri fis-suq tax-xogħol, fis-27 ta' April 2018 il-Gvern ippreżenta abbozz ta' liġi li tirriforma l-apprendistat u s-sistema ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali. Barra minn hekk, il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 jikkonferma l-intenzjoni biex jiġi implimentat pjan ta' investiment ta' EUR 14 -il biljun għall-ħiliet u jwitti t-triq għal riforma komplimentari tal-edukazzjoni vokazzjonali inizjali bbażata fuq l-iskejjel.

(16)

B'mod ġenerali, is-sistema ta' protezzjoni soċjali tagħti riżultati tajbin. L-inugwaljanzi fl-introjtu huma inqas mill-medja tal-Unjoni u l-għadd ta' persuni f'riskju ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali, minkejja żieda riċenti, għadu f'livell relattivament baxx. Madankollu, xi gruppi, b'mod partikolari familji b'ġenitur wieħed, persuni mhux imwielda fl-Unjoni u persuni li jgħixu f'żoni urbani deprivati, jiffaċċaw riskju ogħla ta' faqar. L-aċċess għal akkomodazzjoni adegwata għal persuni li jgħixu fil-faqar għadu kwistjoni ta' tħassib. Minkejja titjib riċenti, in-nuqqas ta' akkomodazzjoni soċjali tibqa' f'xi żoni.

(17)

Minkejja r-riformi li għaddejjin bħalissa biex jitnaqqas il-piż tat-taxxa fuq il-kumpaniji u jiġi appoġġat l-investiment produttiv, is-sistema tat-taxxa Franċiża għadha kkaratterizzata b'livell ta' kumplessità għoli, fejn in-nefqiet tat-taxxa, it-taxxi ineffiċjenti u t-taxxi fuq il-produzzjoni qed jikkostitwixxu ostakli għal ambjent tan-negozju li jiffunzjona tajjeb. L-għadd kbir ta' nefqiet tat-taxxa (il-kreditu tat-taxxa, l-eżenzjonijiet, it-tnaqqis tat-taxxa) ipoġġi piż addizzjonali fuq in-negozji, u fuq l-SMEs b'mod partikolari, fil-forma ta' spejjeż tal-konformità aktar għoljin u aktar inċertezzi. Joħloq ukoll spejjeż ta' kontroll addizzjonali għall-amministrazzjoni tat-taxxa. In-nefqiet tat-taxxa se jkomplu jiżdiedu fl-għadd u fil-valur taħt il-Liġi tal-Baġit 2018 u huma mistennija jilħqu EUR 99,8 biljun fl-2018 (4,2 % tal-PDG), meta mqabbla ma' EUR 93 biljun fl-2017. Barra minn hekk, ġew identifikati madwar 192 taxxa li jrendu dħul baxx (inqas minn EUR 150 miljun fis-sena), iżda għadd limitat ħafna biss ġie eliminat mill-2014 'il quddiem (8). Fl-aħħar nett, Franza għandha livell għoli ħafna ta' taxxi fuq il-produzzjoni fl-Unjoni (9) (3,1 % tal-PDG fl-2016) li jikkonsistu prinċipalment minn taxxi fuq il-kapital u fuq ix-xogħol li l-intrapriżi huma soġġetti għalihom minħabba li huma involuti fil-produzzjoni u indipendentement mill-prestazzjoni ekonomika tagħhom.

(18)

Is-servizzi tas-suq kienu jammontaw għal iktar minn 50 % tal-valur miżjud, 40 % tal-forza tax-xogħol u 20 % tal-valur miżjud tal-industrija tal-manifattura fl-esportazzjonijiet fl-2016. Madankollu, filwaqt li l-kompetizzjoni fis-servizzi tas-suq kellha impatt fuq l-ekonomija kollha, hija għadha mxekkla minn rekwiżiti regolatorji u piż amministrattiv, li jimpedixxu wkoll l-abbiltà tad-ditti li jikbru. Jekk ikunu ambizzjużi biżżejjed u jiġu implimentati bis-sħiħ, ir-riformi fil-qasam tas-servizzi jista' jkollhom impatt ekonomiku pożittiv sinifikanti. Permezz tal-prijoritizzazzjoni tal-isforzi ta' riforma, huwa importanti li tiġi kkunsidrata l-importanza ekonomika u l-prestazzjoni tas-subsetturi tas-servizzi. Approċċ ibbażat fuq l-indikaturi li ntuża biex jidentifika r-riformi ta' prijorità fis-setturi tas-servizzi jenfasizza għadd ta' servizzi tan-negozju (attivitajiet ta' arkitettura u ta' inġinerija, attivitajiet legali u ta' kontabbiltà, servizzi amministrattivi u ta' appoġġ), negozju bl-imnut, akkomodazzjoni u servizzi tal-ikel, u s-saħħa. Fil-qasam speċifiku tas-servizzi professjonali, l-Att dwar it-Tkabbir, l-Attività u Opportunitajiet Indaqs (il-“liġi Macron”) tas-6 ta' Awwissu 2015 naqqas ir-restrizzjonijiet f'għadd limitat ta' professjonijiet legali, l-iktar professjonijiet legali. Għad hemm lok għal riformi ulterjuri fis-servizzi finanzjarji. Riformi ulterjuri jista' jkollhom fil-mira restrizzjonijiet speċifiċi ta' dħul u ta' eżerċitar (pereż. ir-riżervi ta' attività, ir-restrizzjonijiet tad-drittijiet tal-vot, ir-restrizzjonijiet tal-parteċipazzjoni azzjonarja, ir-restrizzjonijiet multidixxiplinari u r-restrizzjonijiet tan-numerus clausus), li huma kkunsidrati eċċessivi. Riformi li jindirizzaw l-impedimenti ewlenin fit-tkabbir tad-ditti jistgħu jinkludu li jitneħħew l-effetti ta' livell limitu marbuta ma' kriterji relatati mad-daqs fir-regolamenti u li jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq in-negozji. Finalment, it-titjib tal-kopertura ta' Franza bi broadband rapidu jista' jtejjeb l-abbiltà tagħha li tibbenefika mill-ekonomija diġitali.

(19)

Skont it-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea, il-prestazzjoni tal-innovazzjoni ta' Franza għadha inqas minn dik tal-mexxejja tal-innovazzjoni tal-Unjoni, minkejja l-livell relattivament għoli ta' appoġġ pubbliku. B'mod partikolari, it-titjib fl-effiċjenza tal-iskemi ta' appoġġ pubbliku inkluż il-kreditu tat-taxxa għar-riċerka u l-iżvilupp (Crédit d'Impôt Recherche) jista' jistimola output aħjar tal-innovazzjoni. F'dan ir-rigward, ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet kontinwi jeħtieġ li jiddaħħlu fit-titjib tat-tfassil tal-appoġġ pubbliku għall-innovazzjoni. It-trasferiment tal-għarfien bejn ir-riċerka pubblika u n-negozji għadu ta' sfida u dan qed jillimita l-isfruttar kummerċjali tar-riżultati tar-riċerka. Meta mqabbla ma' pajjiżi oħra tal-UE, il-prestazzjoni ta' Franza hija baxxa fil-kopubblikazzjonijiet pubbliċi privati u fir-R&Ż pubbliċi ffinanzjati min-negozji. Hemm xi potenzjal biex jiġu msaħħa l-mekkaniżmi ta' trasferiment bejn l-akkademja u l-industrija billi tiġi ssimplifikata s-sħubija fir-riċerka u tiġi inċentivata l-mobilità tar-riċerkaturi.

(20)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2018, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika ta' Franza u ppubblikatha fir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2018. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018, il-Programm ta' Riforma Nazzjonali tal-2018 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil Franza fis-snin preċedenti. Il-Kummissjoni qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fi Franza imma wkoll sa fejn jikkonformaw mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(21)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 u l-opinjoni tiegħu (10) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

(22)

Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 u l-Programm ta' Stabbiltà tal-2018. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn nru (1) sa (3) hawn taħt,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li Franza tieħu azzjoni fl-2018 u fl-2019 biex:

1.

Tiżgura li r-rata ta' tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma taqbiżx il-1,4 % fl-2019, li jikkorrispondi ma' aġġustament strutturali annwali ta' 0,6 % tal-PDG. Tuża gwadanni mhux previsti biex taċċellera t-tnaqqis fil-proporzjon tad-dejn pubbliku. Timplimenta ffrankar fuq l-infiq fl-2018 u tispeċifika bis-sħiħ l-objettivi u l-miżuri ġodda meħtieġa fil-kuntest tal-Azzjoni Pubblika 2022, biex dawn jissarrfu f'iffrankar konkret fuq l-infiq u f'miżuri ta' titjib fl-effiċjenza fil-baġit tal-2019. L-unifikazzjoni progressiva tar-regoli tar-reġimi ta' pensjonijiet differenti li jeżistu fil-preżent.

2.

Twettaq ir-riformi tas-sistema tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali, biex issaħħaħ ir-rilevanza tagħha għas-suq tax-xogħol u ttejjeb l-aċċess għat-taħriġ, b'mod partikolari għal ħaddiema bi kwalifiki baxxi u persuni li qed ifittxu impjieg. Trawwem opportunitajiet indaqs u aċċess għas-suq tax-xogħol, inkluż għal persuni bi sfond ta' migrazzjoni u persuni li jgħixu f'żoni żvantaġġati. Tiżgura li l-iżviluppi tal-paga minima jkunu konsistenti mal-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività.

3.

Tissimplifika s-sistema tat-taxxa, billi tillimita l-użu tan-nefqiet tat-taxxa, tneħħi taxxi ineffiċjenti u tnaqqas it-taxxi fuq il-produzzjoni imposti fuq il-kumpaniji. Tnaqqas il-piż regolatorju u amministrattiv biex iżżid il-kompetizzjoni fis-settur tas-servizzi u trawwem it-tkabbir tad-ditti. Iżżid l-isforzi biex tiżdied il-prestazzjoni tas-sistema tal-innovazzjoni b'mod partikolari billi ttejjeb l-effiċjenza ta' skemi ta' sostenn pubbliku u ssaħħaħ it-trasferiment tal-għarfien bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi tar-riċerka u d-ditti.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LÖGER


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(3)  ĠU C 179, 25.5.2018, p. 1.

(4)  ĠU C 261, 9.8.2017, p. 1.

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/924 tat-22 ta' Ġunju 2018 li tabroga d-Deċiżjoni 2009/414/KE dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fi Franza (ĠU L 164, 29.6.2018, p. 44).

(7)  L-infiq primarju nett tal-gvern hu magħmul mill-infiq totali tal-gvern mingħajr l-infiq marbut mal-imgħax, l-infiq marbut mal-programmi tal-Unjoni kompletament koperti mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fl-infiq marbut mal-benefiċċju tal-qgħad. Il-formazzjoni ta' kapital gross fiss iffinanzjata nazzjonalment hija mifruxa fuq perjodu ta' erba' snin. Il-miżuri ta' dħul diskrezzjonali jew iż-żidiet tad-dħul b'mandat tal-liġi huma fatturati. Il-miżuri ta' darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-nefqa huma esklużi.

(8)  Inspection Générale des Finances (2014), Les taxes à faible rendement.

(9)  It-taxxi fuq il-produzzjoni għandhom jinftiehmu bħala “taxxi oħrajn fuq il-produzzjoni” skont EUROSTAT (il-kategorija D29).

(10)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


Top