EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018H0910(07)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2018 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 tal-Irlanda u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 tal-Irlanda

ST/9439/2018/INIT

OJ C 320, 10.9.2018, p. 27–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 320/27


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Lulju 2018

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 tal-Irlanda u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 tal-Irlanda

(2018/C 320/07)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fit-22 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2018. Hija ħadet debitament inkunsiderazzjoni l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta' Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta' Marzu 2018. Fit-22 ta' Novembru 2017, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih hija identifikat lill-Irlanda bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta' Marzu 2018. Fl-14 ta' Mejju 2018, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro (3) (“Rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro”).

(2)

Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, jenħtieġ li l-Irlanda tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' din ir-Rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro, kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet hawn isfel, b'mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet (1) u (2).

(3)

Ir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2018 għall-Irlanda ġie ppubblikat fis-7 ta' Marzu 2018. Ir-rapport ivvaluta l-progress tal-Irlanda biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fil-11 ta' Lulju 2017 (4), is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Irlanda lejn il-miri nazzjonali tagħha tal-Ewropa 2020. Ir-rapport inkluda wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tagħha ġew ippubblikati wkoll fis-7 ta' Marzu 2018. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha għall-konklużjoni li l-Irlanda għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi. B'mod partikolari, stokkijiet kbar ta' dejn privat u pubbliku u ta' obbligazzjonijiet esterni netti jikkostitwixxu vulnerabbiltajiet. Madankollu, it-titjib kien sostanzjali. Tkabbir qawwi fil-produttività f'dawn l-aħħar snin wassal għal titjib fil-kompetittività u bilanċ pożittiv tal-kont kurrenti li jinvolvi tnaqqis mgħaġġel fl-istokk għoli ta' obbligi barranin netti. Tkabbir ekonomiku b'saħħtu jkompli jappoġġa t-tnaqqis fl-ingranaġġ privat. Madankollu, l-istokk ta' dejn privat jibqa' għoli, għalkemm l-influwenza qawwija tal-attivitajiet tal-kumpaniji multinazzjonali għandu jiġi kkunsidrat fl-evalwazzjoni tad-dejn korporattiv, filwaqt li d-dejn tal-unitajiet domestiċi jidher ġeneralment konformi mal-prinċipji fundamentali. Id-dejn tal-gvern huwa previst li jibqa' fuq perkors ta' tnaqqis, u d-defiċit qed jersaq aktar qrib lejn bilanċ. Il-prezzijiet tal-akkomodazzjoni qed jikbru b'pass mgħaġġel, għalkemm minn livelli x'aktarx sottovalutati, li żżid ukoll il-karti tal-bilanċ tal-familji. Il-banek huma rikapitalizzati sew u l-profittabbiltà tagħhom qed titjieb gradwalment. L-istokk ta' self improduttiv, għalkemm għadu għoli, kompla jonqos. Ittieħdet azzjoni ta' politika biex jiġu indirizzati dawn il-vulnerabbiltajiet, iżda xi miżuri se jieħdu ż-żmien biex jiġġeneraw l-effetti mistennija.

(4)

L-Irlanda ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2018 fit-18 ta' April 2018 u l-Programm ta' Stabbiltà tagħha tal-2018 fit-30 ta' April 2018. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

(5)

Rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (“Fondi SIE”) għall-perjodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li jirrieżamina l-Ftehim ta' Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu u jipproponi emendi għalihom. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma' governanza ekonomika tajba.

(6)

Bħalissa l-Irlanda qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u soġġetta għar-regola tranżitorja tad-dejn. Fil-Programm ta' Stabbiltà tiegħu tal-2018, il-Gvern qed jistenna li d-defiċit nominali se jonqos kemxejn għal 0,2 % tal-PDG fl-2018 u li minn hemm 'il quddiem se jibqa' jitjieb gradwalment u jinbidel f'żieda ta' 0,4 % ta' PDG fl-2021. L-objettiv baġitarju fit-terminu medju — defiċit strutturali ta' 0,5 % tal-PDG — huwa mistenni li jintlaħaq mill-2019 lil hemm. Skont il-Programm ta' Stabbiltà, id-dejn pubbliku bħala proporzjon tal-PDG huwa mistenni li jaqa' għal 66 % fl-2018 u li jibqa' jinżel għal 58,7 % fl-2021. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawsibbli. Fl-istess ħin, il-miżuri meħtieġa biex jiġu appoġġati l-miri ppjanati tad-defiċit mill-2019 'il quddiem ma ġewx speċifikati biżżejjed.

(7)

Fil-11 ta' Lulju 2017, il-Kunsill irrakkomanda lill-Irlanda biex tiżgura li r-rata ta' tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma teċċedix 2,4 % fl-2018, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta' 0,6 % tal-PDG. Fl-istess ħin il-Kunsill iddikjara li jenħtieġ li tingħata konsiderazzjoni lill-kisba ta' pożizzjoni fiskali li tikkontribwixxi kemm għat-tisħiħ tal-irkupru attwali, kif ukoll għall-iżgurar tas-sostenibbiltà fil-finanzi pubbliċi tal-Irlanda. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2018, hemm riskju ta' xi devjazzjoni mill-aġġustament fiskali rrakkomandat fl-2018 u matul l-2017 u l-2018 meta dawn jitqiesu flimkien.

(8)

Fl-2019, jenħtieġ li l-Irlanda tilħaq l-objettiv baġitarju fit-terminu medju tagħha. Dan huwa konsistenti mar-rata ta' tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett (6) li ma teċċedix 5,3 % (7), li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta' 0,1 % tal-PDG. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2018 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali huwa mbassar li se jilħaq defiċit ta' 0,4 % tal-PDG fl-2019, 'il fuq mill-objettiv baġitarju fit-terminu medju. L-Irlanda hija mistennija tikkonforma mar-regola tranżitorja tad-dejn fl-2018 u r-regola tad-dejn fl-2019. B'mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li l-Irlanda għandha tkun lesta biex tieħu iktar miżuri biex tiżgura l-konformità, fl-2018 u li hi proġettata li tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir fl-2019. Fid-dawl tad-differenza bejn il-kejl tal-PDG u l-produzzjoni domestika fl-Irlanda u l-impatt assoċjat fuq il-proporzjon tad-dejn mal-PDG, il-kundizzjonijiet ċikliċi attwali tal-Irlanda u r-riskji esterni iktar akuti, l-użu ta' xi gwadann mhux previst biex jitnaqqas iktar il-proporzjon ta' dejn tal-gvern ġenerali jkun rispons prudenti.

(9)

Il-finanzi pubbliċi komplew jitjiebu minħabba tkabbir robust tal-output, iżda li jġib miegħu riskji ta' volatilità tad-dħul, u għad hemm ambitu biex isir dħul iktar reżiljenti għaċ-ċaqliq ekonomiku u x-xokkijiet avversi. Il-limitazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni u n-numru ta' spejjeż tat-taxxa u t-twessigħ tal-bażi tat-taxxa se jtejbu l-istabbiltà tad-dħul f'każ ta' instabbiltà ekonomika. Madankollu, xi miżuri tat-taxxi riċenti ffokaw fuq tnaqqis u għajnuniet, u jidhru li żiedu aktar id-dipendenza fuq sorsi ta' dħul proċikliċi. Barra minn hekk, l-Irlanda għandha iktar potenzjal li ttejjeb il-mod kif is-sistema tat-taxxa tagħha jistgħu jappoġġaw l-objettivi ambjentali.

(10)

Kif indikat fir-rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro tal-2018, il-ġlieda kontra strateġiji ta' ppjanar aggressiv tal-persuna taxxabbli hija essenzjali biex timpedixxi d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni bejn id-ditti, tipprovdi trattament ġust ta' min iħallas it-taxxa u tissalvagwardja l-finanzi pubbliċi. Effetti konsegwenzjali ta' strateġiji ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa bejn l-Istati Membri jirrikjedu azzjoni koordinata ta' politiki nazzjonali biex jikkomplementaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Il-livell għoli ta' royalties u ħlasijiet ta' dividendi, bħala perċentwali tal-PDG, jissuġġerixxi li r-regoli fiskali tal-Irlanda huma użati minn kumpaniji li jinvolvu ruħhom f'ippjanar aggressiv tat-taxxa. Applikazzjoni limitata ta' taxxi minn ras il-għajn fuq royalties u ħlasijiet ta' dividendi li jħallu l-pajjiż (jiġifieri minn residenti tal-Unjoni lil residenti ta' pajjiżi terzi) minn kumpaniji bbażati fl-Irlanda jistgħu jwasslu biex dawk il-pagamenti jevadu t-taxxa kompletament, jekk huma wkoll mhux soġġetti għat-taxxa fil-ġurisdizzjoni riċeventi. Barra minn hekk, il-kumpaniji jistgħu jużaw ċerti dispożizzjonijiet fi trattati bilaterali dwar it-taxxa bejn l-Irlanda u xi pajjiżi oħra li jannullaw ir-regola dwar it-taxxa fuq ir-residenza l-ġdida stabbilita fl-Irlanda fl-2015 u tenħtieġ analiżi ulterjuri ta' din il-kwistjoni. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni meħuda mill-Irlanda wara r-Rieżami Indipendenti tal-Kodiċi tat-Taxxa Korporattiva se jkunu rilevanti għat-tfassil ta' riformi fit-taxxa mħabbra. Il-Kummissjoni tinnota l-passi pożittivi reċenti mħabbra jew adottati (jiġifieri l-passi meħuda biex tiġi indirizzata l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva fil-livell domestiku; miżuri difensivi possibbli kontra ġurisdizzjonijiet elenkati li ma jikkooperawx). Fuq il-bażi ta' skambji riċenti, il-Kummissjoni se tkompli bid-djalogu kostruttiv tagħha biex tiġġieled kontra strateġiji ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa.

(11)

Ir-riskji ta' sostenibbiltà fiskali fit-tul relatati man-nefqa tat-tixjiħ tal-popolazzjoni għadhom hemm. L-Irlanda introduċiet xi miżuri ta' effiċjenza sinifikanti, bħall-ftehim għall-iffrankar tal-ispejjeż mal-industrija farmaċewtika, sistema ta' ġestjoni finanzjarja, u finanzjament ibbażat fuq l-attività. Xi miżuri ttieħdu wkoll sabiex tiżdied id-disponibbiltà tal-kura tas-saħħa primarja. Madankollu, is-sistema tal-kura tas-saħħa Irlandiża hija għalja u qed tħabbat wiċċha ma' bosta sfidi, li huma aggravati minn popolazzjoni li qed tixjieħ malajr. Barra minn hekk, is-servizzi tal-kura primarja u fil-komunità għadhom mhumiex kapaċi jtaffu l-pressjoni li qed tiżdied fuq il-kapaċità u l-ispejjeż ta' kura fl-isptar. Il-bidla ppjanata lejn kura tas-saħħa universali trid tiġi appoġġata permezz ta' bbaġitjar pluriennali u kontroll tan-nefqa aħjar. Barra minn hekk, hija għandha tiġi infurmata bil-konklużjonijiet minn rieżami komprensiv tal-infiq tal-effettività u l-effiċjenza tas-settur tas-saħħa. Barra minn hekk, it-tisħiħ tar-rwol tal-kura primarja bħala salvagwardja għall-isptarijiet mgħobbija żżejjed tal-Irlanda jenħtieġ li jiġi kkunsidrat. Minkejja firxa wiesgħa ta' riformi biex irażżnu n-nefqa pubblika għall-pensjonijiet, id-defiċit fis-sistema tal-pensjoni ġenerali huwa mistenni li jikber b'mod sinifikanti fit-terminu twil. Implimentazzjoni f'waqtha tal-pjan direzzjonali preżentat għal riforma tal-pensjonijiet hija essenzjali sabiex tissaħħaħ is-sostenibbiltà fiskali tas-sistema tal-pensjonijiet.

(12)

Snin ta' investiment baxx wara l-falliment ekonomiku qed ikollhom impatt negattiv fuq id-disponibbiltà tal-infrastruttura xierqa fl-oqsma tat-trasport, l-enerġija nadifa, l-ilma, id-djar u s-servizzi ta' telekomunikazzjoni. L-iskarsezza persistenti ta' disponibbiltà, flimkien ma' domanda dejjem tikber, ikomplu jimbuttaw 'il fuq il-prezzijiet tad-djar. Għalkemm il-prezzijiet ma dehrux sopravvalutati fl-2016, l-affordabbiltà hija kwistjoni ta' tħassib. Jekk ma tiġix indirizzata, restrizzjonijiet li jillimitaw il-forniment ta' akkomodazzjoni jistgħu jikkontribwixxu għal żieda fl-iżbilanċi. Flimkien mal-ippjanar spazjali, l-infrastruttura mtejba hija fattur kruċjali għal rispons ta' forniment ta' akkomodazzjoni xierqa, it-tisħiħ tal-investiment privat, il-produttività, it-tkabbir tal-produttività u l-iżvilupp ekonomiku reġjonali bbilanċjat. Barra minn hekk, investiment infrastrutturali f'teknoloġiji ta' enerġija nadifa, u trasport pubbliku nadif u l-ilma, kif ukoll sforzi intensifikati fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli u l-ekonomija ċirkolari se jkun essenzjali biex l-Irlanda tikseb suċċess f'ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u ekonomija reżistenti għat-tibdil ambjentali. Il-Pjan ta' Żvilupp Nazzjonali 2018-2027 u l-Qafas ta' Ppjanar Nazzjonali, li huma parti minn “Strateġija Irlanda 2040”, se jkunu passi sodi fid-direzzjoni t-tajba ladarba tittieħed azzjoni fuqhom u jiġu implimentati f'koordinazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati.

(13)

L-isforzi ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima eżistenti mhux se jippermettu lill-Irlanda sabiex jintlaħqu l-miri klimatiċi tagħha tal-Ewropa 2020 fil-livell nazzjonali. Inkiseb biss progress limitat fid-dekarbonizzazzjoni ta' partijiet ewlenin tal-ekonomija, prinċipalment fl-agrikoltura, it-trasport bit-triq u s-settur residenzjali. Dan se jagħmel neċessarju għall-Irlanda li tuża l-flessibbiltajiet disponibbli biex tikkonforma mad-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi, bħal xiri tal-allokazzjonijiet minn Stati Membri oħra. Il-projezzjonijiet nazzjonali, ippubblikati fl-2017, jenfasizzaw l-iskala tal-isforzi addizzjonali meħtieġa: emissjonijiet skont id-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (tistabbilixxi miri annwali vinkolanti għall-emissjonijiet ta' gass serra għall-Istati Membri għall-perjodu 2013-2020) huma mistennija li jiżdiedu sal-2025, qabel ma jistabbilizzaw f'livell ftit inqas mill-emissjonijiet tal-2005, fuq il-bażi ta' politiki eżistenti. L-Irlanda reċentement adottat Pjan Nazzjonali ta' Mitigazzjoni li jistabbilixxi pjan direzzjonali lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju u qafas koerenti biex jingħelbu l-isfidi persistenti fis-settur tal-enerġija. Kif inhu bħalissa, madankollu, il-pjan joffri ftit miżuri speċifiċi ta' mitigazzjoni ġodda. Il-Qafas ta' Pjanar Nazzjonali ukoll għandu komponent dwar il-klima, b'rikonoxximent tal-fatt li pjanar spazjali adegwat se jkun fattur kritiku ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima minħabba li l-popolazzjoni hija tant mifruxa u l-Irlanda għandha biss numru żgħir ta' żoni urbani kbar, li kollha jiffaċċjaw kwistjonijiet serji ta' konġestjoni u trasport pubbliku. Fl-aħħar nett, il-Pjan ta' Żvilupp Nazzjonali 2018-2027 u l-implimentazzjoni effettiva tiegħu se jkollhom rwol kruċjali biex l-ekonomija tiġi dekarbonizzata. Il-pjan se jiddetermina sa liema punt se jiġu mobbilizzati mezzi oħra ta' dekarbonizzazzjoni għas-settur tal-enerġija, l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u t-titjib tat-trasport pubbliku u l-effiċjenza enerġetika.

(14)

L-iżgurar ta' tkabbir inklużiv jibqa' sfida fl-Irlanda. Il-qgħad naqas għal 6,7 % fl-2017, iżda ċerti gruppi għadhom fil-parti l-kbira maqtugħin mis-suq tax-xogħol u esklużi soċjalment. Is-sistema ta' protezzjoni soċjali u tat-tassazzjoni huma effettivi ferm biex irażżnu l-faqar u n-nuqqas ta' ugwaljanza u l-Irlanda ħadet miżuri għal inċentivi ta' impjieg bit-tnaqqis gradwali ta' benefiċċji u pagamenti supplementari. Ir-rata tar-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali għolja persistenti tal-Irlanda hija marbuta ma' proporzjon għoli ta' persuni li jgħixu f'unitajiet domestiċi b'intensità baxxa ħafna ta' xogħol (kważi d-doppju tal-medja tal-Unjoni u l-ogħla fl-Unjoni — 18,2 % kontra 10,5 % fl-2016). Dan huwa partikolarment prevalenti għal unitajiet domestiċi b'ġenitur wieħed. Kważi tliet kwarti tan-nies li mhumiex jaħdmu fl-Irlanda huma inattivi. Kemm ir-rati ta' tar-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali ġenerali kif ukoll tat-tfal naqsu kemxejn fl-2016 iżda għadhom ogħla mill-medja tal-Unjoni. Bħala riżultat ta' dan, l-Irlanda teħtieġ li tlesti l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tagħha għal Unitajiet Domestiċi bla Impjieg, inkluż billi jittejjeb l-appoġġ integrat tan-nies li huma l-aktar 'il bogħod mis-suq tax-xogħol. Il-provvista ta' akkomodazzjoni soċjali teħtieġ attenzjoni kontinwa sabiex tilħaq miri ambizzjużi u domanda għolja.

(15)

L-aċċess għall-indukrar tat-tfal affordabbli, full-time u ta' kwalità jibqa' sfida. Skont l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, l-ispejjeż tal-kura tat-tfal fl-Irlanda — fir-rigward tal-pagi — fl-2015 kienet l-ogħla fl-Unjoni għall-ġenitur waħdu u t-tieni l-ogħla fl-Unjoni għall-koppji. L-ispejjeż għolja għall-indukrar tat-tfal jistgħu jaġixxu bħala ostaklu għall-aċċess għal impjieg bi ħlas, b'mod partikolari fil-familji bi dħul baxx, inkluż l-unitajiet domestiċi b'ġenitur wieħed. Dan għandu effett negattiv fuq ir-rata ta' impjieg tan-nisa, li fl-2016 kienet 65,4 %, li hi qrib il-medja tal-Unjoni. Liġi dwar l-Iskema Unika ta' Indukrar tat-Tfal Affordabbli tinsab qrib il-finalizzazzjoni fil-Parlament. Dewmien fl-implimentazzjoni diġà huwa evidenti. Il-kwalità tal-forniment ta' servizzi għall-indukrar tat-tfal ġiet ukoll promossa b'mod partikolari permezz ta' inizjattivi biex jiġu żgurati kwalifiki robusti tal-persunal.

(16)

Id-differenzi bejn ir-rati ta' impjieg bejn ħaddiema b'ħiliet baxxi, medji u għolja kienu fost l-ogħla fl-Unjoni fl-2016 u r-rata ta' impjieg ta' dawk bi kwalifiki baxxi hija 10 punti perċentwali aktar baxxi minn qabel il-kriżi ekonomika. Bħala konsegwenza, u marbuta mal-bidla fl-attività ekonomika, in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u n-nuqqas ta' ħiliet qed isiru aktar evidenti f'diversi oqsma. Dan jenfasizza l-ħtieġa li jiġi aċċellerat titjib tal-ħiliet u jkun hemm politiki u miżuri ta' taħriġ mill-ġdid. L-Irlanda għandha b'mod partikolari livell baxx ta' parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja fost nies b'ħiliet baxxi fl-impjiegi, u dan jagħmilhom vulnerabbli għal bidliet fid-domanda tax-xogħol. L-Irlanda għandha wieħed mill-aktar livelli baxxi ta' ħiliet diġitali fl-Unjoni, li huwa f'kuntrast ċar mal-proporzjon għoli ta' gradwati fix-xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika li joħorġu mis-sistema edukattiva ogħla Irlandiża. L-Irlanda huwa pajjiż li għandu waħda mill-iktar rati baxxi ta' impjieg ta' persuni b'diżabbiltà fl-Unjoni.

(17)

It-tkabbir tal-produttività fl-Irlanda hija xprunata l-aktar minn kumpaniji multinazzjonali. Id-diskrepanza fil-prestazzjoni tal-produttività bejn dawn l-impriżi u kumpaniji indiġeni Irlandiż — l-iktar intrapriżi żgħar u ta' daqs medju — qed jiżdied. Il-mobbiltà internazzjonali għolja ta' xi kumpaniji multinazzjonali u l-inċertezzi attwali jistgħu jpoġġu s-sostenibbiltà u r-reżiljenza tal-ekonomija Irlandiża f'riskju fuq perjodu twil ta' żmien. Riċerka reċenti wriet li l-kumpaniji Irlandiżi għandhom effetti u benefiċċji limitati konsegwenzjali f'termini ta' tkabbir tal-produttività, l-innovazzjoni u l-prestazzjoni tal-esportazzjoni mill-attivitajiet ta' kumpaniji multinazzjonali fl-Irlanda. Madankollu, negozji Irlandiżi li jwettqu sforzi ta' R&Ż, jibbenefikaw mill-effetti konsegwenzjali ta' kumpaniji multinazzjonali. Inċentivi fis-settur pubbliċi biex jitwettqu r-R&Ż u tiżdied id-disponibbiltà ta' ħaddiema mħarrġa Irlandiżi, għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jrawmu t-tixrid ta' teknoloġiji ġodda f'dawk l-impriżi. Barra minn hekk u kif indikat ripetutament mill-Kunsill Nazzjonali Irlandiż tal-Kompetittività, l-iżgurar tal-kompetittività għan-negozji Irlandiżi jeħtieġ li jiġi limitat it-tkabbir ta' ċerti inputs u ta' spejjeż legali b'mod partikolari. L-ostakli fis-suq għas-servizzi legali għadhom jirrappreżentaw sfida, idgħajfu l-kompetizzjoni u jgħollu l-ispejjeż għal min jirċievi s-servizz. Dawn jaffettwaw l-aktar lin-negozji żgħar għax iżidu l-ispejjeż tal-litigazzjoni. L-ebda regolamenti ta' implimentazzjoni għadhom ma daħlu fis-seħħ mill-Att il-ġdid dwar ir-Regolament tas-Servizzi Legali. Konsultazzjonijiet pubbliċi, li huma prerekwiżit għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni, qed jesperjenzaw dewmien sinifikanti.

(18)

Anke jekk is-settur finanzjarju tal-Irlanda jinsab fit-triq tal-irkupru sostenibbli, kwistjonijiet ta' legat għadhom joħolqu restrizzjonijiet. Għalkemm l-Irlanda kompliet tagħmel progress fit-tnaqqis ta' self improduttiv, il-proporzjon tagħhom ta' self gross totali (11,2 % f'Settembru 2017) għadu fost l-ogħla fl-Unjoni. Il-piż żejjed tad-dejn, il-konċentrazzjoni tas-suq u aktar inċertezza f'xi setturi li jesportaw qed ikunu ta' piż fuq id-domanda għall-kreditu minn intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, li għadha baxxa. Huwa kruċjali li jitnaqqsu dawk l-arretrati fit-tul, li minnhom dawk dovuti għal aktar minn sentejn jammontaw għal madwar 60 % mit-total ta' self ipotekarju arretrati fl-2017. It-tnaqqis tal-arretrati fit-tul jista' jgħin ukoll biex tiġi indirizzata l-problema ta' dejn eċċessiv, li tnaqqas l-inċentivi tal-kumpaniji, u b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u medji, biex ipoġġu l-kreditu f'użi aktar produttivi. Għalkemm ir-Rapport tiegħu tar-Raba' Kwart tal-2017 dwar l-Arretrati ta' Mutwi Ipotekarji Residenzjali u Pussess mill-Ġdid innota li madwar 87 % tal-mutwi ipotekarji qed jissodisfaw l-arranġamenti, il-Bank Ċentrali tal-Irlanda enfasizza li r-ristrutturar li jinvolvi tnaqqis temporanju fil-ħlas huwa partikolarment suxxettibbli għar-riiandempjenza. Il-vijabbiltà ta' pussess mill-ġdid u tħassir bħala l-aħħar alternattivi possibbli tista' tittejjeb u tiġi kkomplementata minn qafas b'saħħtu għall-protezzjoni tal-konsumatur li jissalvagwardja l-iżviluppi pożittivi fil-bejgħ tas-self tas-suq sekondarju u d-durabbiltà ta' soluzzjonijiet ta' ristrutturar tas-self.

(19)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2018, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Irlanda u ppubblikatha fir-rapport għall-pajjiż tal-2018. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018, il-Programm ta' Riforma Nazzjonali tal-2018 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Irlanda fis-snin preċedenti. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Irlanda iżda wkoll sa fejn jikkonformaw mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(20)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 u l-opinjoni tiegħu (8) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

(21)

Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 u l-Programm ta' Stabbiltà tal-2018. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu li saru skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (3) hawn taħt,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Irlanda tieħu azzjoni fl-2018 u fl-2019 biex:

1.

Jintlaħaq l-objettiv baġitarju fit-terminu medju fl-2019. Tuża qligħ mhux mistenni biex iħaffef it-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali. Tillimita l-ambitu u n-numru ta' nfiq tat-taxxa u twessa' l-bażi tat-taxxa. Tindirizza ż-żieda mistennija fl-infiq marbut mal-età billi żżid il-kosteffettività tas-sistema tal-kura tas-saħħa u billi jiġu segwiti r-riformi tal-pensjonijiet previsti.

2.

Tiġi żgurata l-implimentazzjoni f'waqtha u effettiva tal-Pjan ta' Żvilupp Nazzjonali, inkluż f'termini ta' enerġija nadifa, trasport, akkomodazzjoni, servizzi tal-ilma u indukrar tat-tfal ta' kwalità bi prezz raġonevoli. Tipprijoritizza t-titjib tal-ħiliet tal-popolazzjoni adulta, b'enfasi fuq il-ħiliet diġitali.

3.

Trawwem it-tkabbir tal-produttività tal-kumpaniji Irlandiżi, l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju b'mod partikolari, billi tiġi stimulata r-riċerka u l-innovazzjoni b'politiki mmirati, forom aktar diretti ta' finanzjament u aktar kooperazzjoni strateġika ma' kumpaniji multinazzjonali barranin, ċentri tar-riċerka pubbliċi u universitajiet. Tippromwovi tnaqqis b'aktar ħeffa u permanenti tal-arretrati fit-tul bl-użu ta' swieq sekondarji, billi tibni fuq inizjattivi għal familji vulnerabbli u, fejn neċessarju, tuża t-tħassir ta' skoperturi mhux rekuperabbli.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LÖGER


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(3)  ĠU C 179, 25.5.2018, p. 1.

(4)  ĠU C 261, 9.8.2017, p. 1.

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(6)  L-infiq primarju nett tal-gvern hu magħmul mill-infiq totali tal-gvern mingħajr l-infiq marbut mal-imgħax, l-infiq marbut mal-programmi tal-Unjoni kompletament koperti mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fl-infiq marbut mal-benefiċċju tal-qgħad. Il-formazzjoni ta' kapital gross fiss iffinanzjata nazzjonalment hija mifruxa fuq perjodu ta' erba' snin. Il-miżuri ta' dħul diskrezzjonali jew iż-żidiet tad-dħul b'mandat tal-liġi huma fatturati. Il-miżuri ta' darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-nefqa huma esklużi. Il-livell referenzjarju tal-infiq għall-Irlanda jirrifletti aġġustament biex jikkoreġi distorsjoni fir-rata ta' referenza ta' 10 snin ta' tkabbir potenzjali kkawżat minn żieda eċċezzjonalment għolja fit-tkabbir reali tal-PDG fl-2015. Skont l-approċċ meħud mill-awtoritajiet Irlandiżi fil-kalkoli tal-Baġit tagħhom fl-2017, il-Kummissjoni ħadet il-medja tar-rati ta' tkabbir potenzjali fl-2014 u fl-2016.

(7)  Bħal fl-2018, il-livell referenzjarju tal-infiq jirrifletti aġġustament biex jikkoreġi distorsjoni fir-rata ta' referenza ta' 10 snin ta' tkabbir potenzjali kkawżat minn żieda eċċezzjonalment għolja fit-tkabbir reali tal-PDG fl-2015.

(8)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


Top