EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TN0352

Kawża T-352/18: Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Ġunju 2018 – Germann Avocats u XJ (*) vs Il-Kummissjoni

OJ C 301, 27.8.2018, p. 39–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 301/39


Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Ġunju 2018 – Germann Avocats u  XJ (*1) vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-352/18)

(2018/C 301/53)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Germann Avocats LLC (Genève, l-Isvizzera),  XJ (*1) (rappreżentant: N. Skandamis, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta li tinsab f’ittra riċevuta mir-rikorrenti fit-2 ta’ April 2018, li tiċħad l-offerta konġunta mitfugħa minnhom għal studju ta’ tkomplija dwar prattiċi tal-għaqdiet tal-ħaddiema dwar in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u d-diversità fuq il-post tax-xogħol (sejħa għal offerti JUST/2017/RDIS/FW/EQUA/0042)

tordna lill-konvenuta sabiex tipprovdi trasparenza legalment soddisfaċenti fil-forma ta’ informazzjoni rilevanti u analiżi kwantitattiva u kwalitattiva fir-rigward tas-sitwazzjoni relatata mal-kompetizzjoni ta’, b’mod partikolari, l-offerent li jirbaħ il-kuntratt u b’rabta ma’ kwistjonijiet relatati mad-diversità fis-swieq rilevanti għall-kuntratt inkwistjoni;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas ta’ danni tal-ammont ta’ EUR 35 000 flimkien ma’ interessi, lir-rikorrenti, għad-dannu li huma allegatament sostnew bħala riżultat tan-nuqqas li tirrispetta l-aspettattivi leġittimi tagħhom, tat-telf ta’ opportunità li jeżegwixxu l-kuntratt inkwistjoni u tal-ksur ta’ drittijiet u prinċipji oħra;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur, min-naħa tal-konvenuta, tal-obbligu ta’ motivazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha tal-offerta tagħhom fir-rigward tas-sejħa għal offerti JUST/2017/RDIS/FW/EQUA/0042.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-konvenuta fl-evalwazzjoni li hija wettqet tal-offerta tar-rikorrenti fir-rigward tal-imsemmija sejħa għal offerti.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur, min-naħa tal-konvenuta, tad-dmir tagħha li tiżgura l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti fir-rigward ta’ sitwazzjoni tas-suq kompetittiva li tiggarantixxi kundizzjonijiet ekwi bejn il-kompetituri, inkluż billi ttollerat u/jew iffavorixxiet abbużi reali jew possibbli minn pożizzjonijiet dominanti fis-suq, u li l-konvenuta kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ trasparenza u ta’ bona fide fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.


(*1)  Informazzjoni mħassra jew mibdula fil-qafas ta’ protezzjoni ta’ data personali u/jew kunfidenzjalità.


Top