EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE0201

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar (a) Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-pakkett dwar il-prodotti: Insaħħu l-fiduċja fis-Suq Uniku [COM(2017) 787 final] (b) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli u proċeduri għall-konformità mal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni fuq il-prodotti u għall-infurzar tagħha u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 305/2011, (UE) Nru 528/2012, (UE) 2016/424, (UE) 2016/425, (UE) 2016/426 u (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u d-Direttivi 2004/42/KE, 2009/48/KE, 2010/35/UE, 2013/29/UE, 2013/53/UE, 2014/28/UE, 2014/29/UE, 2014/30/UE, 2014/31/UE, 2014/32/UE, 2014/33/UE, 2014/34/UE, 2014/35/UE, 2014/53/UE, 2014/68/UE u 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [COM(2017) 795 final – 2017/0353 (COD)] (c) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ prodotti kummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor [COM(2017) 796 final – 2017/0354 (COD)]

EESC 2018/00201

OJ C 283, 10.8.2018, p. 19–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 283/19


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

(a) Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-pakkett dwar il-prodotti: Insaħħu l-fiduċja fis-Suq Uniku

[COM(2017) 787 final]

(b) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli u proċeduri għall-konformità mal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni fuq il-prodotti u għall-infurzar tagħha u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 305/2011, (UE) Nru 528/2012, (UE) 2016/424, (UE) 2016/425, (UE) 2016/426 u (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u d-Direttivi 2004/42/KE, 2009/48/KE, 2010/35/UE, 2013/29/UE, 2013/53/UE, 2014/28/UE, 2014/29/UE, 2014/30/UE, 2014/31/UE, 2014/32/UE, 2014/33/UE, 2014/34/UE, 2014/35/UE, 2014/53/UE, 2014/68/UE u 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

[COM(2017) 795 final – 2017/0353 (COD)]

(c) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ prodotti kummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor

[COM(2017) 796 final – 2017/0354 (COD)]

(2018/C 283/03)

Relatur:

Jorge PEGADO LIZ

Konsultazzjoni

(a)

Kummissjoni Ewropea, 12.2.2018

(b)

Kunsill, 31.1.2018

Parlament Ewropew, 5.2.2018

(c)

Parlament Ewropew, 5.2.2018

Kunsill, 6.2.2018

Bażi legali

(a)

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

(b)

Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

(c)

Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

27.4.2018

Adottata fil-plenarja

23.5.2018

Sessjoni plenarja Nru

535

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

184/2/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jfaħħar lill-Kummissjoni għax-xogħol monumentali, meħtieġ, ikkumplikat u meritevoli li wettqet bil-pakkett ta’ miżuri li qed jiġi eżaminat. Huwa jiddispjaċih madankollu dwar il-“flessibbiltà” żejda li jixhdu wħud mid-dispożizzjonijiet billi jħallu marġni wiesa’ żżejjed ta’ manuvrar lill-Istati Membri u jwarrbu l-possibbiltà ta’ iktar kontroll.

1.2.

Il-KESE jikkunsidra li l-bażijiet legali magħżula għall-proposti eżaminati huma validi, bħall-valutazzjoni tagħhom fir-rigward tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, u li l-istrumenti legali kkunsidrati huma l-iktar adatti fir-rigward tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu.

1.3.

Huwa konfuż rigward il-fatt li l-Kummissjoni ma tispjegax b’mod ċar x’sar mill-proposta tagħha tal-2013 għal regolament dwar is-sorveljanza tal-prodotti, li nafu sew li mhux fil-proċess li jiġi adottat, u l-proposta eżaminata tidduplika wħud mid-dispożizzjonijiet.

1.4.

Il-Kummissjoni lanqas ma tispjega għaliex il-proposti tagħha ma ġewx akkumpanjati minn regolament ġdid dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti, li jiżgura li irrispettivament mill-karatteristiċi tagħhom, il-prodotti kollha huma soġġetti għal regolamentazzjoni aġġornata u iktar effettiva.

1.5.

Il-KESE jemmen ukoll li l-proposta attwali għandha tinkludi regola li ssaħħaħ l-obbligu tal-Istati Membri li jissorveljaw is-swieq, u b’mod partikolari l-obbligu li kull tliet xhur jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar l-azzjonijiet u l-kontrolli mwettqa.

1.6.

Il-KESE jinsisti li l-prinċipji ġenerali relatati mas-sorveljanza tas-suq għandhom ikunu jinkludu l-prinċipju tal-prekawzjoni sabiex ikun element essenzjali tad-deċiżjonijiet relatati, fil-każijiet kollha fejn, anke jekk ma hemmx evidenza xjentifika ċara li prodott jista’ jkun ta’ xi periklu għall-konsumatur jew għall-ambjent, ikun hemm ħjiel li juri li jeħtieġ li jiġu protetti.

1.7.

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe referenza għall-prinċipju tal-prekawzjoni, il-KESE jenfasizza li għandu jkun iċċarat li l-oneru tal-prova dejjem jaqa’ fuq l-operaturi ekonomiċi, b’mod li ma jkunux jistgħu jargumentaw li hija r-responsabilità tal-awtoritajiet li juru li prodott mhuwiex sigur jew jippreżenta xi riskju jew ieħor.

1.8.

Il-KESE jqis li hija prijorità li mhux biss ikun previst li l-Kummissjoni Ewropea tirrapporta minn żmien għal żmien dwar il-mekkaniżmu RAPEX (Sistema ta’ Twissija Rapida għall-Prodotti tal-Ikel Perikolużi) iżda wkoll li l-konsumaturi, l-impriżi, u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom ikollhom aċċess għal iktar informazzjoni minn dik li tkun disponibbli għall-pubbliku.

1.9.

Il-KESE jikkunsidra wkoll li dan ir-regolament għandu jkun l-att legali li jiġbor flimkien id-dispożizzjonijiet kollha dwar is-sistema ta’ skambju rapidu ta’ informazzjoni tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-definizzjoni, il-punti ta’ kuntatt, l-arranġamenti u l-proċeduri rigward l-iskambju ta’ informazzjoni, l-entitajiet esterni li jistgħu jipparteċipaw fis-sistema, inklużi wkoll l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, kif ukoll ir-regoli ta’ notifika.

1.10.

Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ l-istrateġija doganali komuni Ewropea, sabiex tiġi żgurata l-ottimizzazzjoni tar-riżorsi materjali u umani, bil-ħsieb li jiġu stabbiliti l-miżuri previsti f’din il-proposta, u jirrakkomanda, f’dan is-sens, li jissaħħu l-ftehimiet ta’ għajnuna reċiproka mal-imsieħba kummerċjali kollha, fosthom id-WTO u fil-kuntest tal-ftehimiet ta’ sħubija li ġew innegozjati dan l-aħħar mal-Ġappun u mal-Kanada.

1.11.

Jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta’ politika ambizzjuża, li tippermetti kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-iskambju tal-informazzjoni b’mod li jintervjenu aktar malajr f’każ ta’ effetti serji mhux mixtieqa mill-użu ta’ xi prodott.

1.12.

Fir-rigward tal-valutazzjoni mill-Unjoni tal-prodotti li jkunu ġew ikkontrollati fit-territorju tagħha u li jaqgħu taħt il-leġislazzjoni tal-armonizzazzjoni, huwa essenzjali, fil-fehma tal-KESE, li mingħajr preġudizzju għas-setgħat speċifiċi tal-awtoritajiet nazzjonali, il-Kummissjoni Ewropea jkollha setgħat sabiex tivvaluta l-miżuri implimentati mill-Istati Membri b’rabta ma’ din il-politika ta’ armonizzazzjoni.

1.13.

Min-naħa l-oħra, il-KESE huwa tal-fehma li l-kwistjoni tas-sorveljanza tas-suq tal-bejgħ permezz ta’ pjattaformi onlajn, kif ukoll il-valutazzjoni tar-riskji ġodda għall-konsumaturi li jużaw apparat konness mal-Internet (“Internet-connected devices”) għandhom jiġu inklużi fil-proposta inkwistjoni.

1.14.

Fl-aħħar nett, il-KESE jitlob li jiġu inklużi miżuri għall-ħolqien ta’ bażi tad-data pan-Ewropea tal-korrimenti li tkopri kull tip ta’ korriment, u f’dan il-kuntest jirrakkomanda l-istabbiliment ta’ bażi legali għall-ħolqien ta’ tali bażi tad-data f’livell Ewropew, li permezz tagħha l-Kummissjoni tkun tista’ toffri sostenn għall-koordinazzjoni tal-ġbir tad-data fl-Istati Membri u għall-funzjonament effettiv ta’ din il-bażi.

1.15.

Fl-aħħar nett, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tqis is-suġġerimenti tiegħu rigward l-emendar ta’ ċerti artikoli tal-proposti tagħha, kif stabbiliti fil-kummenti speċifiċi.

2.   L-għanijiet tal-Pakkett dwar il-Prodotti

2.1.    Għanijiet ġenerali

2.1.1.

Il-Kummissjoni tiddefinixxi l-għan prinċipali ġenerali tal-Pakkett dwar il-Prodotti fil-Komunikazzjoni (1), li hija l-ewwel element ta’ din l-inizjattiva. Dan jikkonsisti fl-iżgurar li “dawk kollha involuti – il-pubbliku ġenerali, il-ħaddiema, il-konsumaturi, in-negozji u l-awtoritajiet – jeħtieġ li jiġu assigurati li jistgħu jaġixxu u jakkwistaw prodotti sikuri f’ambjent trasparenti u ġust fejn ir-regoli japplikaw b’mod ugwali għal kulħadd”.

2.1.2.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tqis li għandhom jiġu indirizzati żewġ dgħufijiet strutturali li s-suq uniku tal-prodotti għadu qed jiffaċċja sabiex jinkiseb il-potenzjal kollu tiegħu u jirbaħ il-fiduċja tal-konsumaturi, tal-impriżi u tal-awtoritajiet pubbliċi.

2.1.3.

L-ewwel dgħufija strutturali hija relatata mal-infurzar tar-regoli armonizzati tal-UE fir-rigward tas-sigurtà tal-prodotti.

2.1.4.

It-tieni dgħufija strutturali għandha x’taqsam ma’ prodotti li ma jaqgħux taħt ir-regoli armonizzati tal-UE fir-rigward tas-sigurtà tal-prodotti, jew jaqgħu biss parzjalment taħt dawn ir-regoli. Dawn il-prodotti jistgħu jiġu kkunsidrati siguri u konformi mal-interess pubbliku fi Stat Membru wieħed, iżda jistgħu jiffaċċjaw diffikultajiet fl-aċċess għas-suq fi Stat Membru ieħor.

2.1.5.

Biex tirrimedja għal dawn iż-żewġ “dgħufijiet”, il-Kummissjoni ressqet proposta li tikkonsisti f’żewġ inizjattivi leġislattivi, akkumpanjati minn diversi miżuri supplimentari.

2.1.5.1.

L-ewwel inizjattiva leġislattiva għandha l-għan li ssaħħaħ il-konformità u l-infurzar tar-regoli tal-UE dwar il-prodotti filwaqt li t-tieni waħda għandha l-għan li tirrivitalizza u tiffaċilita l-użu tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku fis-suq uniku.

2.1.5.2.

Fost il-miżuri supplimentari nsibu:

(a)

rapport dwar it-tħaddim tad-Direttiva (UE) 2015/1535 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informatika mill-2014 sal-2015 (2); u

(b)

rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 (3).

2.2.    Għanijiet speċifiċi

2.2.1.

L-għanijiet speċifiċi li għandhom dawn l-inizjattivi jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

(a)

Proposta dwar il-konformità

2.2.2.

Fir-rigward tal-ewwel inizjattiva leġislattiva, jiġifieri l-proposta għal regolament li jistabbilixxi regoli u proċeduri għall-konformità mal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni fir-rigward tal-prodotti (4), minn issa ’l quddiem magħrufa bħala l-“proposta dwar il-konformità”, l-għan ser ikun li tissaħħaħ il-fiduċja fl-infurzar effettiv tar-regoli tal-UE dwar il-prodotti u, biex dan iseħħ:

(a)

jeħtieġ li jiġi ssorveljat b’mod intelliġenti l-infurzar effettiv tar-regoli f’suq uniku mingħajr fruntieri u

(b)

li tiġi infurzata l-leġislazzjoni fil-fruntieri esterni.

2.2.3.

L-għanijiet speċifiċi prinċipali huma dawn:

(a)

il-konsolidazzjoni tal-qafas attwali għall-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq;

(b)

l-inkoraġġiment tal-azzjonijiet konġunti talawtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tad-diversi Stati Membri;

(c)

it-titjib tal-iskambju ta’ informazzjoni u t-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-programmi ta’ sorveljanza tas-suq;

(d)

il-ħolqien ta’ qafas imsaħħaħ għall-kontroll tal-prodotti li jidħlu fis-suq tal-Unjoni u għal kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq.

(b)

Proposta dwar ir-rikonoxximent

2.2.4.

Rigward it-tieni inizjattiva leġislattiva, jiġifieri l-proposta għal regolament fuq ir-rikonoxximent reċiproku tal-oġġetti kummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor (5), minn hawn ’il quddiem magħrufa bħala l-“proposta dwar ir-rikonoxximent”, din għandha l-għan li tiżgura li l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku jkun applikat b’mod effiċjenti u effettiv, permezz tal-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-iżgurar tal-funzjonament tajjeb tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku;

(b)

it-tisħiħ tal-kooperazzjoni u tal-fiduċja;

(c)

l-iżgurar tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti mhux armonizzati;

2.2.5.

L-għan speċifiku ewlieni ta’ din il-proposta jikkonsisti fit-titjib tal-funzjonament tar-rikonoxximent reċiproku bil-proposta ta’ ċertu għadd ta’ miżuri li jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet u l-obbligi eżistenti li jirriżultaw mill-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, b’mod partikolari permezz tal-miżuri li ġejjin:

(a)

il-kjarifika tal-firxa tar-rikonoxximent reċiproku, billi jiġi ċċarat meta dan ikun applikabbli;

(b)

l-introduzzjoni ta’ dikjarazzjoni fuq l-unur li tgħin biex jintwera li prodott huwa diġà kkumerċjalizzat legalment u l-istabbiliment ta’ sistema ta’ soluzzjoni ta’ problemi rigward id-deċiżjonijiet li jirrifjutaw jew li jillimitaw l-aċċess għas-suq;

(c)

it-twaqqif ta’ kooperazzjoni amministrattiva u l-istabbiliment ta’ għodda informatika li tgħin biex jittejbu l-komunikazzjoni, il-kooperazzjoni u l-fiduċja bejn l-awtoritajiet nazzjonali, u għalhekk, tiffaċilita l-funzjonament tar-rikonoxximent reċiproku.

(c)

Testi supplimentari

2.2.6.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tippreżenta ż-żewġ rapporti li ġejjin u li fuqhom hija tibbaża l-proposti leġislattivi tagħha:

2.2.7.

Rapport mill-Kummissjoni dwar it-tħaddim tad-Direttiva (UE) 2015/1535 (jew, fil-qosor, id-Direttiva dwar it-“Trasparenza”) mill-2014 sal-2015 (6), li l-konklużjonijiet prinċipali tagħha huma:

(a)

il-konferma tal-utilità tagħha fil-livell tat-trasparenza, tal-kooperazzjoni amministrattiva u tal-prevenzjoni tal-ostakli tekniċi fis-suq intern, li ntweriet mill-interess kbir li l-partijiet interessati għandhom fil-proċedura ta’ notifika, li tidentifika l-oqsma li fihom l-armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni tista’ tkun opzjoni;

(b)

ir-rikonoxximent, madankollu, tal-fatt li l-applikazzjoni tal-proċedura tista’ titjieb iktar, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-għadd ta’ notifiki ta’ ċerti Stati Membri u r-rispett tal-obbligi ta’ notifika tagħhom;

(c)

il-fehma li għadd ikbar ta’ notifiki u parteċipazzjoni iktar attiva tal-Istati Membri fil-proċedura jistgħu jiffaċilitaw il-prevenzjoni ta’ ostakli tekniċi ġodda u l-identifikazzjoni tal-problemi sistemiċi f’kull Stat Membru u fl-Unjoni Ewropea kollha;

(d)

l-importanza essenzjali li d-Direttiva tkompli tiġi promossa u li tissaħħaħ l-applikazzjoni tagħha waqt li tiġi stabbilita rabta iktar soda mal-politika ta’ monitoraġġ u l-miżuri leġislattivi, sabiex jintlaħqu b’mod sħiħ l-għanijiet tagħha.

2.2.8.

Rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 (7) li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, magħruf fil-qosor bħala r-“Regolament dwar il-Konformita” (COM(2017) 789 final), li l-osservazzjonijiet prinċipali tiegħu huma kif ġej:

(a)

jinħtieġu “korpi għall-valutazzjoni tal-konformità”, li huma affidabbli u kompetenti u li jaħdmu sew sabiex jivverifikaw il-konformità tal-prodotti ma’ ċerti standards qabel jinbiegħu;

(b)

għal din ir-raġuni, l-UE waqqfet sistema ta’ akkreditament ta’ dawn il-korpi għall-valutazzjoni tal-konformità;

(c)

il-Kummissjoni tqis li l-infrastruttura ta’ akkreditament Ewropew maħluqa mir-Regolament (KE) Nru 765/2008 (8) tipprovdi valur miżjud, mhux biss għas-suq uniku iżda wkoll għall-kummerċ internazzjonali;

(d)

il-konferma li l-akkreditament igawdi mill-appoġġ kbir tal-industrija tal-Unjoni u tal-awtoritajiet responsabbli mill-valutazzjoni tal-konformità;

(e)

l-isfida madankollu hija li jkun żgurat li s-sistema ta’ akkreditament kollha kemm hi tibqa’ aġġornata mal-aħħar żviluppi u li jkun żgurat li dejjem tiġi applikata bl-istess rigorożità.

(f)

Ir-rapport jikkonferma wkoll li l-impriżi huma iktar konxji mir-rwol importanti li għandu l-immarkar CE tal-prodotti fi ħdan is-suq uniku implimentat bejn l-2013 u l-2017.

(d)

Miżuri mhux vinkolanti

2.2.9.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirrikonoxxi, mingħajr madankollu ma tidħol fid-dettall, li għad hemm lok għal miżuri mhux vinkolanti, li jfittxu li jsaħħu l-fiduċja fis-suq uniku u li huma previsti fil-komunikazzjoni bażika nnifisha, billi, pereżempju, jintużaw il-mekkaniżmi eżistenti ta’ SOLVIT jew tiġi adottata “klawżola dwar is-suq uniku” ċara u mhux ambigwa, jiġu stabbiliti programmi ta’ taħriġ għal dawk li jħarrġu fir-rikonoxximent reċiproku, jiġu organizzati skambji ta’ uffiċjali, eċċ. (Anness għall-Komunikazzjoni msemmija).

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Ta’ min jinnota li l-Kummissjoni wettqet xogħol monumentali, meħtieġ, ikkumplikat u siewi, li jistħoqqlu kull tifħir.

3.2.

Madankollu, din ma spjegatx biżżejjed, kif kien meħtieġ, is-sitwazzjoni rigward il-proposta tagħha tal-2013 għal regolament dwar is-sorveljanza tal-prodotti. Mhuwiex magħruf jekk tlestietx, u l-proposta preżenti tidher li hija simili ħafna għaliha, ħlief għal ċerti dispożizzjonijiet, iżda xorta ma jintqalx jekk il-proposta preċedenti ġietx abbandunata.

3.2.1.

Barra minn hekk, il-KESE jqis li huwa indispensabbli li jkun hemm rabta ċara bejn id-Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti u l-proposta eżaminata hawnhekk, b’mod li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jkopri l-prodotti kollha, u mhux biss dawk elenkati fl-Anness.

3.2.2.

Fil-fehma tal-KESE, kien ikun essenzjali kieku l-proposta kienet akkumpanjata minn regolamenti ġodda dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti, li jiżguraw li, irrispettivament mill-karatteristiċi tagħhom, kollha jkunu rregolati b’mod aġġornat u iktar effettiv.

3.2.3.

Fil-fatt, il-KESE għadu jqis li d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw is-sorveljanza tas-suq huma mxerrda wisq u spiss jidħlu f’xulxin, b’mod li tinħoloq konfużjoni bejn ir-regoli ta’ sorveljanza veri u proprji u l-obbligi tal-operaturi ekonomiċi.

3.2.4.

Il-KESE jibża’ li l-fatt li l-Kummissjoni tippermetti li jsir dibattitu parallel dwar żewġ proposti li huma simili fil-kontenut iżda b’ċerti elementi differenti ma jsolvix din il-problema b’mod adegwat.

3.3.

Minħabba d-diskussjoni attwali dwar il-pakkett ta’ miżuri dwar is-sigurtà tal-prodotti u s-sorveljanza tas-suq, il-KESE jemmen li l-proposta li qed tiġi eżaminata għandha tipprevedi dispożizzjoni li ssaħħaħ l-obbligu tal-Istati Membri li jissorveljaw is-swieq, billi timponilhom li kull tliet xhur jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar l-azzjonijiet u l-kontrolli mwettqa, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-istatistika u d-deċiżjonijiet.

3.4.

Barra minn hekk, l-azzjonijiet ta’ kontroll tal-awtoritajiet għandhom ikunu ppubblikati, b’mod partikolari permezz ta’ rapporti ta’ attività jew fuq id-diversi siti tal-Internet tagħhom.

3.5.

Għall-kuntrarju, il-KESE jikkunsidra li l-bażijiet legali magħżula għall-proposti taħt eżami huma validi, bħalma hija l-valutazzjoni tagħhom fir-rigward tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, jew l-istrumenti legali kkunsidrati bħala l-iktar adatti fir-rigward tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu, bl-uniku punt li jiddispjaċih dwaru huwa l-“flessibbiltà” żejda li għadhom jixhdu wħud mid-dispożizzjonijiet tar-regolamenti wżati billi jħallu marġni wiesa’ żżejjed ta’ manuvrar lill-Istati Membri u jwarrbu l-possibbiltà ta’ iktar kontroll li kienu jagħtu lill-UE ċerti perkorsi ta’ azzjoni li ma ntgħażlux.

3.6.

Il-KESE jinsisti li l-prinċipji ġenerali relatati mas-sorveljanza tas-suq għandhom jinkludu dak tal-prekawzjoni bħala element essenzjali tad-deċiżjonijiet relatati, fil-każijiet kollha fejn, anke jekk ma hemmx evidenza xjentifika manifesta li prodott jista’ jkun ta’ xi periklu għall-konsumatur jew għall-ambjent, hemm ħjiel li juri li jeħtieġ li jiġi protett.

3.6.1.

Il-KESE ma jistax ma jerġax jagħti tort lill-Kummissjoni li ma għamlet assolutament l-ebda referenza għal dan il-prinċipju tal-prekawzjoni li, ta’ min ifakkar, jintuża kontinwament mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskju u li huwa rekwiżit fundamentali għall-awtoritajiet kollha li jkollhom jiddeċiedu dwar l-irtirar jew in-nuqqas ta’ rtirar ta’ prodott mis-suq.

3.6.2.

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe referenza għall-prinċipju tal-prekawzjoni, il-KESE huwa tal-fehma li xorta waħda għandu jkun iċċarat li l-oneru tal-prova dejjem jaqa’ fuq l-operaturi ekonomiċi, b’mod li ma jkunux jistgħu jargumentaw li hija r-responsabilità tal-awtoritajiet li juru li prodott mhuwiex sigur jew jippreżenta xi riskju jew ieħor.

3.7.

Il-KESE jirrikonoxxi l-obbligu tal-Istati Membri li, tal-inqas kull tliet snin, jiddefinixxu strateġija ġenerali ta’ sorveljanza tas-suq.

3.7.1.

Madankollu, il-KESE jqis li l-miżuri adottati mill-awtoritajiet għandhom ikunu soġġetti għal monitoraġġ regolari mill-Kummissjoni Ewropea.

3.8.

Il-KESE jagħti importanza essenzjali lill-eżistenza ta’ mekkaniżmu RAPEX (Sistema ta’ Twissija Rapida għall-Prodotti tal-Ikel Perikolużi) li jiffunzjona b’mod ikkoordinat u effettiv f’dak li jirrigwarda l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, iżda jinnota li, f’dawn l-aħħar snin, kull darba li xi wieħed minnhom informa lill-Kummissjoni Ewropea dwar ir-riskju ta’ prodott perikoluż, la l-konsumaturi u lanqas l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom ġeneralment ma ġew informati permezz ta’ din is-sistema jew mill-awtoritajiet, ħlief meta jiġu adottati miżuri indispensabbli, jiġifieri proċeduri ta’ rtirar li jeħtieġu l-intervent tal-konsumaturi. L-istess japplika fil-każijiet fejn l-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru jiftiehmu mal-operatur ekonomiku kkonċernat biex jirtiraw prodott, mingħajr ma jinfurmaw lill-pajjiżi l-oħra tal-UE, u saħansitra jixħtu dubju, kemm-il darba, fuq il-prinċipju tal-prekawzjoni.

3.8.1.

Il-KESE jenfasizza wkoll il-ħtieġa li dan il-mekkaniżmu jkun ikkoordinat ma’ sitwazzjonijiet fejn il-prodott jenħtieġ li jinqered, u b’hekk tiġi promossa integrazzjoni u informazzjoni akbar fil-konfront tal-konsumaturi fir-rigward ta’ dawn is-sitwazzjonijiet.

3.8.2.

F’dan ir-rigward, u mingħajr ħsara għar-rispett tal-prinċipju tal-kunfidenzjalità u tal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali, il-KESE jqis li hija prijorità li mhux biss ikun previst li l-Kummissjoni Ewropea tirrapporta b’mod regolari dwar il-mekkaniżmu RAPEX iżda wkoll li l-konsumaturi u l-impriżi u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom ikollhom aċċess għal iktar informazzjoni minn dik magħmula disponibbli għall-pubbliku filwaqt li titqies, b’mod partikolari, id-diffikultà li l-konsumaturi jipperċepixxu u jadottaw l-imġiba wara li jiġi identifikat prodott li mhuwiex sigur.

3.8.3.

Il-KESE jikkunsidra wkoll li dan ir-regolament għandu jkun l-att legali li jlaqqa’ flimkien b’mod obbligatorju d-dispożizzjonijiet kollha dwar is-sistema ta’ skambju rapidu ta’ informazzjoni tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari, id-definizzjoni, il-punti ta’ kuntatt, l-arranġamenti u l-proċeduri rigward l-iskambju ta’ informazzjoni, mal-entitajiet esterni li jistgħu jipparteċipaw fis-sistema, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, kif ukoll ir-regoli ta’ notifika.

3.9.

Barra minn hekk, kif għamel qabel f’Opinjonijiet oħrajn, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ l-istrateġija doganali komuni Ewropea, sabiex tiġi żgurata l-ottimizzazzjoni tar-riżorsi materjali u umani, sabiex jiġu żviluppati l-miżuri previsti fil-proposta li qed tiġi eżaminata hawnhekk, inkluż billi jiġu eżaminati l-possibbiltajiet ta’ teknoloġiji ġodda u tal-innovazzjoni, filwaqt li tiġi rispettata bis-sħiħ il-kunfidenzjalità tad-data personali taċ-ċittadini u billi tingħata attenzjoni partikolari għall-SMEs u għall-konsumaturi.

3.9.1.

F’dan il-kuntest, il-KESE jirrakkomanda li jiġu żviluppati l-ftehimiet ta’ assistenza reċiproka li l-UE tikkonkludi mal-imsieħba kummerċjali tagħha, b’mod partikolari mad-WTO jew dawk li ġew innegozjati dan l-aħħar mal-Ġappun u mal-Kanada.

3.9.2.

Il-KESE jħeġġeġ ukoll li tiġi indirizzata l-problema tal-ġlieda kontra l-frodi, il-kontrafazzjoni u l-falsifikazzjoni, li għandhom impatt konsiderevoli fuq is-sigurtà ġenerali tal-prodotti, speċjalment fil-każ tal-prodotti importati fl-UE.

3.9.3.

F’dan ir-rigward, il-KESE jinsisti fuq il-ħtieġa ta’ politika ambizzjuża li tippermetti lill-Istati Membri jikkooperaw fl-iskambju ta’ informazzjoni, sabiex ikunu jistgħu jirreaġixxu iktar malajr għall-effetti ħżiena serji marbutin mal-użu tal-prodotti, peress li ż-żieda fl-għadd ta’ prodotti frawdolenti jew foloz, flimkien mar-riżorsi limitati li għandhom l-Istati Membri biex jikkontrollawhom, iżidu r-riskji li jheddu s-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi.

3.9.4.

Fl-aħħar nett, kif kien innota f’Opinjoni preċedenti, il-KESE jikkunsidra li “il-membri jew l-impjegati tal-korpi ta’ sorveljanza u tad-dwana huma meħtieġa jippreżentaw il-garanziji kollha ta’ onestà u indipendenza u jkunu mħarsa mill-pressjonijiet jew it-tentattivi possibbli ta’ korruzzjoni waqt il-qadi ta’ dmirijiethom” (9).

3.10.

F’dak li jirrigwarda l-valutazzjoni mill-Unjoni tal-prodotti li jkunu ġew ikkontrollati fit-territorju tagħha u li jaqgħu taħt il-leġislazzjoni tal-armonizzazzjoni, huwa essenzjali, fil-fehma tal-KESE, li mingħajr preġudizzju għas-setgħat speċifiċi tal-awtoritajiet nazzjonali, il-Kummissjoni Ewropea jkollha setgħat sabiex tivvaluta l-miżuri implimentati mill-Istati Membri dwar din il-politika ta’ armonizzazzjoni, u b’hekk tevita l-inċertezza legali li tista’ tippreġudika ċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti siguri.

3.11.

Bl-istess mod, u kif jgħid f’Opinjoni preċedenti tiegħu, il-KESE jkompli jħeġġeġ l-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-ħolqien ta’ bażi tad-data pan-Ewropea dwar il-korrimenti, li tkun tinkludi l-korrimenti kollha u ssegwi dawn l-għanijiet:

(a)

tgħin lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq jieħdu deċiżjonijiet iktar informati dwar ir-riskji;

(b)

tipprovdi bażi għal azzjonijiet ta’ prevenzjoni u kampanji biex jiżdied l-għarfien pubbliku, u tippermetti lil dawk li jfasslu l-istandards jiżviluppaw standards tal-prodotti aħjar;

(c)

tgħin lill-manifatturi jintegraw l-aspetti relatati mas-sigurtà fid-disinn tal-prodotti ġodda tagħhom;

(d)

tivvaluta l-effettività tal-miżuri preventivi u tistabbilixxi l-prijoritajiet fit-tfassil tal-politiki.

3.12.

F’dan il-kuntest, il-KESE jerġa’ jissuġġerixxi li tiġi stabbilita bażi legali għall-ħolqien ta’ bażi tad-data Ewropea dwar il-korrimenti, li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea tkun responsabbli biex tgħin lill-Istati Membri jikkoordinaw il-ġbir tad-data u l-funzjonament tajjeb ta’ din il-bażi tad-data.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.    Proposta dwar il-Konformità [COM(2017) 795 final]

4.1.1.   Artikolu 1

4.1.1.1.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li minbarra l-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-persuni, il-proposta tkopri wkoll is-sigurtà tal-ambjent u l-interessi pubbliċi.

4.1.2.   Artikolu 5

4.1.2.1.

Il-KESE ma japprovax id-dikjarazzjonijiet ta’ konformità għall-biċċa l-kbira tal-prodotti għall-konsumatur, peress li, ġeneralment, dawn jikkonsistu f’dikjarazzjoni magħmula biss min-naħa tal-produttur, li tirrikonoxxi li l-prodott huwa konformi mal-leġislazzjoni Ewropea relatata dwar is-sigurtà. Din spiss toħloq konfużjoni f’moħħ id-destinatarji li ma jkunux jistgħu jiddistingwu bejn l-oriġini u l-awtorizzazzjoni tal-prodott.

4.1.2.2.

Dan l-aħħar, diversi organizzazzjonijiet tal-konsumaturi esprimew tħassib rigward dawn is-sistemi ta’ konformità, identiċi għal dawk akkumpanjati mill-marka “CE”. Fuq dan il-punt, il-KESE jargumenta li din id-dikjarazzjoni ta’ konformità għandha titqiegħed fis-sit web tal-prodott inkwistjoni, fil-paġna dwar id-dokumentazzjoni teknika tal-prodott. Għaldaqstant, din ma għandhiex toħloq konfużjoni u lanqas tqarraq bid-destinatarji.

4.1.3.   Artikoli 10 u 14

4.1.3.1.

Il-KESE jilqa’ l-proposta eżaminata peress li din tfittex li tistabbilixxi sistema konsistenti ta’ sorveljanza tas-suq f’kull Stat Membru. Madankollu, għalkemm iddaħħal regoli dwar l-obbligi, is-setgħat u l-organizzazzjoni tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq, ma ssemmix il-kompetenzi u s-setgħat ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-mezzi tekniċi, umani u finanzjarji disponibbli, u dan in-nuqqas jista’ jkun sors ta’ inkonsistenza fis-sorveljanza tal-prodotti fl-Unjoni Ewropea.

4.1.3.2.

Irrispettivament mis-setgħat mogħtija lill-awtoritajiet, il-KESE jqis li t-test ma jimponi l-ebda obbligu fuqhom, li essenzjalment isemmi l-prerogattivi tagħhom, b’mod partikolari s-sempliċi diskrezzjoni li joħorġu twissija f’waqtha għall-utenti fit-territorju tagħhom dwar prodotti li jkunu ta’ riskju.

4.1.4.   Artikolu 18

4.1.4.1.

Il-KESE ma jafx għaliex il-Kummissjoni neħħiet minn dan l-Artikolu r-regola li kienet ipproponiet fl-2013, li kienet tinkludi l-kriterji għal deċiżjoni mill-awtorità kif ukoll il-miżuri kollha sussegwenti, bħall-obbligi tal-operatur ekonomiku u l-azzjonijiet sussegwenti mill-awtorità kompetenti. Fil-fatt, mill-perspettiva tal-operaturi ekonomiċi, it-test ma jiddeterminax b’mod ċar jekk in-notifiki lil RAPEX jiġux effettivament immonitorjati u jekk dawn l-operaturi jsejħux tabilħaqq il-prodotti lura mis-suq.

4.1.4.2.

F’dak li jirrigwarda l-proċedura tas-sejħa lura mis-suq tal-prodotti, il-KESE jagħti importanza kbira lill-informazzjoni mogħtija lill-konsumatur u jinsisti għalhekk li din tkun enfasizzata b’mod speċifiku, billi l-awtoritajiet ikunu obbligati jippubblikawha. Barra minn hekk, jeħtieġ ukoll li tiġi rregolata l-proċedura tal-informazzjoni dwar is-sejħa lura mis-suq, sabiex jiġi evitat li l-konsumaturi jitfixkluha ma’ komunikazzjoni kummerċjali dwar il-prodott ikkonċernat.

4.1.5.   Artikolu 26

4.1.5.1.

Fil-fehma tal-KESE huwa kruċjali li l-proposta tkun tinkludi dispożizzjoni li tippreċiża b’mod espliċitu li l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandu jkollhom il-kompetenzi u r-riżorsi meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kontrolli fuq il-prodotti fuq il-post u fil-laboratorju.

4.1.6.   Artikolu 27

4.1.6.1.

Il-KESE jikkunsidra li, mingħajr preġudizzju għall-punti msemmija, għandu jkun hemm klawżola ġenerali li tippermetti lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq li jitolbu lil dawk li jikkontrollaw il-fruntieri esterni biex ma jħallux li prodott jiġi rilaxxat għaċ-ċirkolazzjoni libera jekk ikun jidher li huwa ta’ riskju għas-saħħa, għas-sigurtà, għall-ambjent jew għall-interess pubbliku.

4.1.7.   Artikolu 32

4.1.7.1.

Il-KESE jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fin-netwerk ikkonċernat, b’mod partikolari l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, sabiex tkun żgurata trasparenza akbar f’dak li jirrigwarda r-riżultati li l-Istati Membri kisbu fil-qasam tal-politika ta’ sorveljanza tas-suq.

4.1.8.   Artikolu 61

4.1.8.1.

Il-KESE jilqa’ l-proposta li tiġi stabbilita dispożizzjoni speċifika dwar il-multi li jiskoraġġixxu lill-atturi ekonomiċi milli jqiegħdu prodotti perikolużi fis-suq.

4.1.8.2.

Għall-istess raġuni, il-KESE jilqa’ l-Artikolu 61(3), li jgħid li l-ammont tal-multa jista’ jiżdied f’każ li r-reat jiġi ripetut.

4.2.    Proposta dwar ir-Rikonoxximent [COM(2017) 796 final]

4.2.1.   Artikolu 4

4.2.1.1.

Il-KESE jesprimi d-dubji tiegħu rigward l-effettività tal-prinċipju msemmi, b’mod partikolari meta fl-Artikolu 4(3) huwa stabbilit li l-operaturi ekonomiċi huma responsabbli għad-dikjarazzjoni kkonċernata, peress li għall-konsumatur din id-dispożizzjoni jista’ jkollha l-istess effett bħall-immarkar “CE”, li qatt ma żamm prodotti meqjusa perikolużi milli jiċċirkolaw fis-suq intern, irrispettivament mid-dikjarazzjoni relatata.

4.2.1.2.

Il-KESE jqis li jeħtieġ li, f’każ fejn l-operatur ekonomiku ma jipprovdix id-dikjarazzjoni msemmija, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(8), tiġi vverifikata l-informazzjoni dwar il-konformità.

4.2.2.   Artikolu 5

4.2.2.1.

Il-KESE huwa tal-fehma, għal darb’oħra, li jeħtieġ li, speċjalment fil-każ tal-Artikolu 5(5), il-prinċipju tal-prekawzjoni jiġi inkluż fost il-kriterji li jirrigwardaw l-analiżi tal-prodotti.

4.2.3.   Artikolu 6

4.2.3.1.

Meta wieħed iqis id-drittijiet tal-konsumaturi, fosthom id-dritt għas-saħħa u għas-sigurtà, kif ukoll il-ħarsien tal-ambjent u tal-interess pubbliku, il-KESE ma jaqbilx mal-preżunzjoni ta’ sigurtà stabbilita minn din id-dispożizzjoni, peress li, meta prodott ikun soġġett għall-analiżi msemmija fl-Artikolu 5, ma jistax jitqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni qabel ma l-awtorità tal-Istat Membru kkonċernat tkun ħadet id-deċiżjoni finali tagħha.

Brussell, it-23 ta’ Mejju 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/ALL/?uri=COM%3A2017%3A787%3AFIN

(2)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52017DC0788&qid=1519385332001

(3)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1519385589015&uri=CELEX:52017DC0789

(4)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM%3A2017%3A0795%3AFIN

(5)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM%3A2017%3A0796%3AFIN

(6)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52017DC0788&qid=1519385332001

(7)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30.

(8)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30.

(9)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 86, punt 1.6.


Top