EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018XG0608(03)

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni tal-UE permezz tal-isport

ST/9016/2018/INIT

OJ C 196, 8.6.2018, p. 23–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 196/23


Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni tal-UE permezz tal-isport

(2018/C 196/06)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI MLAQQGĦIN FI ĦDAN IL-KUNSILL

FILWAQT LI JFAKKRU LI:

1.

L-Unjoni Ewropea hija spazju komuni għall-bini ta’ żona prospera u paċifika ta’ koeżistenza u rispett għad-diversità msejsa fuq il-valuri komuni tal-UE jiġifieri r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l- ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet ta’ persuni li ġejjin minn minoranzi rikonoxxuti mill-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

2.

Skont l-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għat-tmexxija ’l quddiem tal-kwistjonijiet Ewropej tal-isports, waqt li tieħu inkunsiderazzjoni n-natura speċifika tiegħu, l-istrutturi tiegħu bbażati fuq il-volontarjat u l-funzjoni soċjali u edukattiva tiegħu.

3.

It-Tielet Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport (2017-2020) adottat f’Mejju 2017 li ddefinixxa l-Inklużjoni Soċjali bħala suġġett ewlieni fil-qafas tat-tema prijoritarja l-Isport u s-Soċjetà, ħa l-Promozzjoni tal-valuri komuni tal-UE permezz tal-Isport bħala wieħed mill-kompiti ewlenin tiegħu.

4.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni u l-edukazzjoni inklużiva li għandha tiġi adottata f’Mejju.

5.

L-isport ilu parti mill-programm Erasmus+ tal-Unjoni Ewropea mill-2011. Mill-ewwel programm li beda tletin sena ilu ‘l hawn, aktar minn disa’ miljun Ewropew kienu kapaċi jibbenefikaw mill-opportunità li jistudjaw, jitħarrġu, jgħallmu jew jidħlu voluntiera, f’pajjiż ieħor u permezz ta’ dan saru aktar konxji mill-valuri komuni li għandhom.

6.

L-inizjattiva reċenti tal-UE li tippromwovi s-solidarjetà fost iż-żgħażagħ Ewropej, il-kooperazzjoni u s-sħubija fil-qasam taż-żgħażagħ permezz ta’ attivitajiet differenti ta’ solidarjetà inkluż l-isport.

7.

L-isfond politiku kif jinsab fl-anness.

FILWAQT LI JQISU LI:

8.

Il-valuri jinsabu fil-qalba tal-Unjoni Ewropea. Dawn il-Konklużjonijiet għandhom l-għan li jsaħħu l-fehim reċiproku tal-kunċett ta’ valuri komuni bejn l-Istati Membri, li jiżviluppaw is-sens ta’ appartenenza għall-Unjoni Ewropea kif ukoll li jippromwovu, fejn ikun adatt, dawk il-valuri barra mill-UE, filwaqt li joħolqu bażi solida għal djalogu bejn il-persuni li jaqsam il-fruntieri Ewropej.

9.

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha bħalissa qed jiffaċċaw sfidi ekonomiċi, politiċi u soċjali sinifikanti li jvarjaw minn Stat Membru għal Stat Membru. L-isport jista’ jikkontribwixxi biex jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli u biex jiġu ttrattati b’mod adegwat l-isfidi globali soċjoekonomiċi u b’rabta mas-sigurtà li qed tiffaċċa l-UE.

10.

Il-White Paper dwar il-ġejjieni tal-Ewropa tenfasizza li l-valuri Ewropej li għandna għal qalbna jibqgħu l-istess. Irridu soċjetà li fiha l-paċi, il-libertà, it-tolleranza u s-solidarjetà jiġu l-ewwel u qabel kollox. Dawn il-valuri jgħaqqdu lill-Ewropej u huma ta’ min jissielet għalihom (1).

11.

Il-White Paper dwar l-Isport (2007) tal-Kummissjoni Ewropea tenfasizza l-kontribut importanti tal-isport għall-koeżjoni ekonomika u soċjali u soċjetajiet aktar integrati bl-użu tal-potenzjali tal-isport għall-inklużjoni soċjali, l-integrazzjoni u l-opportunitajiet indaqs; u tenfasizza wkoll fost l-oħrajn li r-razziżmu u l-ksenofobija u l-isfruttament tal-plejers żgħażagħ mhumiex kompatibbli mal-valuri komuni tal-UE.

12.

Is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 għandha l-għan li tqajjem kuxjenza dwar l-istorja u l-valuri komuni u li tħeġġeġ lin-nies jesploraw il-wirt kulturali Ewropew għani u divers, li l-isports u l-logħob tradizzjonali huma parti minnu.

13.

L-isport organizzat u dak mhux organizzat, bħall-edukazzjoni, il-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ u l-kultura, jista’ jaqdi r-rwol li jippromwovi l-valuri komuni tal-UE.

14.

L-organizzazzjonijiet internazzjonali ewlenin kollha li jittrattaw l-isport, bħall-Unesco, il-Kunsill tal-Ewropa, il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, il-Kumitat Paralimpiku Internazzjonali u l-Aġenzija Dinjija tal-Antidoping, jirrikonoxxu li l-isport jista’ jgħallem valuri bħall-korrettezza, it-trawwim tat-timijiet, id-demokrazija, it-tolleranza, l-ugwaljanza, id-dixxiplina, l-inklużjoni, il-perseveranza u -rispett li jistgħu jgħinu fil-promozzjoni u d-disseminazzjoni tal-valuri komuni tal-UE.

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU LI:

15.

In-nies kollha għandhom ikunu liberi li jipprattikaw l-isport u jħossuhom parti mis-soċjetà, u s-setturi differenti relatati mal-isport jistgħu jagħmlu kulma jistgħu biex irawmu l-integrazzjoni kif ukoll jipprovdu opportunitajiet indaqs għall-involviment fl-isport u jevitaw id-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali.

16.

L-isport jista’ jikkontribwixxi għall-bini u l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u s-sostenibbiltà soċjali. Hemm bżonn li jitrawwem sens komuni ta’ appartenenza fost l-Ewropej — politiku kif ukoll kulturali. Peress li l-isport huwa lingwa universali li jifhimha kulħadd, il-komunikazzjoni u l-enfasi tal-valuri komuni permezz tal-isport, bl-użu ta’ metodi innovattivi ta’ apprendiment mhux formali u informali, jistgħu jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tal-intolleranza, l-esklużjoni soċjali, inkluż l-istereotip tas-sessi u l-misoġinija, ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-marġinalizzazzjoni.

17.

L-isport jista’ jsaħħaħ il-valuri b’mod naturali u f’atmosfera pożittiva. Valuri bħar-rispett reċiproku, il-kompetizzjoni ġusta (fair play), il-ħbiberija, is-solidarjetà, it-tolleranza u l-ugwaljanza għandhom jiġu naturali għal dawk kollha involuti fl-isport fil-klabbs, fl-iskejjel, fl-isport rikreattiv u fl-isport professjonali.

18.

Il-kontribut tal-isport għall-koeżjoni soċjali u l-bini ta’ komunitajiet inklużivi u b’saħħithom, jekk iħaddan fih il-valuri tal-ugwaljanza, jista’ jikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp ta’ soċjetà effiċjenti, demokratika u ġusta. L-istrutturi u l-kowċis tal-isport jistgħu jaqdu rwol fit-tisħiħ tal-valuri komuni tal-UE permezz tal-isport.

19.

Diġà hemm inizjattivi eżistenti pożittivi fil-livell tal-UE li jikkontribwixxu biex wieħed jifhem aħjar il-valuri komuni tal-UE bħala proġetti sportivi żviluppati u appoġġati mill-Fond Strutturali Ewropew u l-Programm Erasmus+

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI:

20.

Fejn ikun adatt, jesploraw u jappoġġaw inizjattivi u azzjonijiet għall-promozzjoni tal-isport bħala mod li bih jinbnew il-kompetenzi soċjali, ċiviċi u interkulturali għan-nies ta’ kull età, sess u sfond. Dan jista’ jsir permezz tal-appoġġ u l-inkoraġġiment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’kooperazzjoni mal-klabbs tal-isport, l-iskejjel u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, inkluż l-organizzazzjonijiet mhux governattivi.

21.

Fejn ikun adatt, jippromwovu l-valuri komuni tal-UE b’konnessjoni mal-avvenimenti ewlenin tal-isport organizzati mill-moviment tal-isport, ta’ spiss f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi. L-avvenimenti ewlenin tal-isport jistgħu joffru opportunità kbira għal sensibilizzazzjoni fost l-atleti, il-voluntiera, kif ukoll is-sapporters.

22.

Meta jkun rilevanti, jippromwovu l-valuri komuni tal-UE għall-moviment tal-isports fil-livell nazzjonali bħala parti mid-djalogu strutturat.

23.

Jieħdu l-opportunità tal-kooperazzjoni internazzjonali biex jippromwovu u jikkomunikaw fil-livell internazzjonali, fejn ikun adatt, il-bżonn li jiġu rrispettati l-valuri komuni tal-UE.

24.

Jinkoraġġixxu u fejn ikun possibbli jappoġġaw l-organizzazzjonijiet tal-isport fit-tisħiħ tal-governanza tajba, fl-organizzazzjonijiet tagħhom u fejn ikun adatt jindirizzaw dawn il-valuri fil-linji gwida dwar l-etika jew id-dokumenti ekwivalenti tagħhom.

25.

Jinkoraġġixxu lill-istituzzjonijiet edukattivi biex jippromwovu attivitajiet b’rabta mal-valuri komuni fl-isport.

26.

Fejn ikun rilevanti, jippromwovu l-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija, l-istereotip tas-sessi u l-misoġinija, l-isfruttament tal-atleti żgħażagħ, il-forom kollha ta’ diskriminazzjoni u l-vjolenza fl-istadiums u l-ksur tal-integrità fl-isport. Jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet tal-isport fil-ġlieda kontra dan il-ksur pereżempju billi jiżviluppaw u jippromwovu inizjattivi li jinvolvu lis-sapporters. Dan jista’ jinvolvi programmi edukattivi jew kampanji ta’ sensibilizzazzjoni f’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-isport li jgħallmu r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-paċi u n-nondiskriminazzjoni.

JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI EWROPEA

27.

Tiżviluppa u tesplora l-inizjattivi li diġà jeżistu, bħall-Ġimgħa Ewropea tal-Isport (EWoS) għall-promozzjoni tal-valuri komuni tal-UE.

28.

Tinkludi l-isport bħala parti mir-relazzjonijiet esterni, fejn ikun adatt għall-promozzjoni tal-valuri komuni tal-UE, pereżempju billi tinkludi l-mobilità u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet jew tappoġġa l-integrità fl-isport, kif ukoll billi tintegrah fid-diskussjonijiet u d-Djalogi ta’ Livell Għoli mal-pajjiżi terzi.

29.

Tiddissemina proġetti u inizjattivi li jirnexxu bejn l-Istati Membri kif ukoll barra mill-UE bħala għodda għall-promozzjonii tal-valuri komuni tal-UE

30.

Tuża l-opportunitajiet mogħtija mill-Fond Soċjali Ewropew attwali u futur, il-Programm Erasmus+ u l-programmi futuri tal-UE biex tkun enfasizzata u promossa l-importanza tal-valuri komuni tal-UE.

31.

Tippromwovi r-rwol li l-organizzazzjonijiet tal-isport jistgħu jaqdu fl-inizjattivi ta’ solidarjetà, mobilità u ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet appoġġati mill-Kummissjoni Ewropea u ġġib lill-organizzazzjonijiet tal-isport konxji minn dawn l-opportunitajiet.

32.

Tinkoraġġixxi lill-organizzazzjonijiet tal-isport biex jippromwovu l-involviment ta’ pajjiżi terzi, inkluż il-pajjiżi kandidati, f’avvenimenti u inizjattivi tal-isport mingħajr skop ta’ qligħ.

JISTIEDNU LILL-MOVIMENT TAL-ISPORTS:

33.

Jieħu l-opportunità li jospita avvenimenti sportivi internazzjonali ewlenin u inizjattivi eżistenti mill-organizzazzjonijiet tal-isports biex jiġu promossi l-valuri komuni tal-UE.

34.

Jipparteċipa b’mod attiv f’inizjattivi ta’ djalogu strutturat sabiex jikkomunikaw aħjar il-politiki tagħhom lill-gvernijiet u l-istituzzjonijiet tal-UE.

35.

Iqis l-inklużjoni ta’ moduli dwar l-importanza u l-fehim aħjar tal-valuri komuni tal-UE permezz tal-isport fil-programmi edukattivi u l-metodoloġija tat-taħriġ għall-kowċis, il-persunal ta’ appoġġ, il-voluntiera u atturi oħra rilevanti.

36.

Jinkoraġġixxi l-kampanji ta’ informazzjoni u inizjattivi għall-ispettaturi u s-sapporters tal-isport – sabiex jippromwovu u jtennu l-valuri komuni tal-UE sabiex tiġi ttrattata l-vjolenza fl-istadiums. L-involviment tal-organizzazzjonijiet fil-livell taċ-ċittadin huwa essenzjali għal dan il-għan.

37.

Fejn ikun adatt l-użu ta’ metodi innovattivi ta’ apprendiment mhux formali u informali biex jiġu ttrasferiti l-valuri komuni tal-UE permezz tal-isport.

38.

Ikompli jiżviluppa r-relazzjonijiet li jarrikkixxu b’mod reċiproku u l-iskambji bejn l-organizzazzjonijiet tal-isport tal-massa minn pajjiżi tal-UE u minn pajjiżi terzi, jikkondividi l-valuri u l-prinċipji, u juri l-valur diplomatiku ta’ tali relazzjonijiet bejn il-persuni.

(1)  ST 6952/17


ANNESS

Sfond politiku

1.   

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport (1 ta’ Lulju 2017 - 31 ta’ Diċembru 2020) (ĠU C 189, 15.6.2017, p. 5)

2.   

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol tal-ħidma fost iż-żgħażagħ għall-appoġġ liż-żgħażagħ fl-iżvilupp ta’ ħiliet essenzjali għall-ħajja li jiffaċilitaw it-transizzjoni b’suċċess tagħhom għall-ħajja adulta, iċ-ċittadinanza attiva u l-ħajja tax-xogħol (ĠU C 189, 15.6.2017, p. 30)

3.   

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti (ĠU C 467, 15.12.2016, p. 3)

4.   

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar ir-rwol tas-settur taż-żgħażagħ f’approċċ integrat u transsettorjali biex tiġi evitata u miġġielda r-radikalizzazzjoni vjolenti taż-żgħażagħ (ĠU C 213, 14.6.2016, p. 1)

5.   

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fil-Kunsill, dwar ir-rwol tal-kowċis fis-soċjetà (ĠU C 423, 9.12.2017, p. 6)

6.   

White Paper tal-Kummissjoni dwar l-Isport tal-11 ta’ Lulju 2007 (COM(2007) 391 finali).

7.   

White Paper tal-Kummissjoni dwar il-ġejjieni tal-Ewropa (2017) (ST6952/17).

8.   

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim (ST5462/18).

9.   

Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni.

10.   

Kumitat Cult tal-PE — Studju dwar l-Identità Ewropea (2017).

11.   

Kumitat Cult tal-PE — Tagħlim tal-Valuri Komuni fl-Ewropa (2017).

12.   

Inizjattiva tal-Unesco “Edukazzjoni dwar il-Valuri permezz tal-Isport” (2017).

13.   

Karta Internazzjonali tal-Edukazzjoni Fiżika, l-Attività Fiżika u l-Isport, riveduta (Unesco), 2015.

14.   

Rakkomandazzjoni Nru R (92) 13 Rev riveduta tal-Kumitat tal-Ministri għall-Istati Membri dwar Karta Ewropea Riveduta tal-Isport (2001).

15.   

Kunsill tal-Ewropa, “Karta tal-Etika fl-Isports” (Riveduta, 2010).


Top