EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TN0805

Kawża T-805/17: Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Diċembru 2017 – BASF vs ECHA

OJ C 52, 12.2.2018, p. 36–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 52/36


Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Diċembru 2017 – BASF vs ECHA

(Kawża T-805/17)

(2018/C 052/48)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: BASF SE (Ludwigshafen am Rhein, il-Ġermanja) (rappreżentanti: R. Cana, E. Mullier u H. Widemann, avukati, u D. Abrahams, Barrister)

Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tannulla d-Deċiżjoni DSH-30-3-D-0122-2017 tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, tat-2 ta’ Ottubru 2017, li tagħti l-aċċess għas-sottomissjoni konġunta tas-sustanza disodju 4,4’-bis[(4-anilino-6-morfolino- 1,3,5- triażin-2-yl)ammino]stilbene- 2,2’-disulfonat (EC Nru 240-245-2);

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura;

tordna kull miżura oħra li tista’ tkun xierqa.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”) wettqet żball ta’ fatt fundamentali billi eskludiet ċerti fatti rilevanti mill-bażi tad-deċiżjoni kkontestata.

Ir-rikorrenti ssostni li billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-isforzi mwettqa mill-partijiet qabel l-2017, l-Aġenzija qiegħda tibbaża ruħha fuq evalwazzjoni tal-fatti żbaljata, li jmur kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tivvizzja d-deċiżjoni kkontestata, bil-konsegwenza li din tal-aħħar għandha tiġi annullata.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Aġenzija wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni billi ma evalwatx il-fatti u ċ-ċikustanzi kollha rilevanti, billi kkonkludiet li l-applikant għamel iktar sforz mir-rikorrenti u billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-Artikolu 25 tar-Regolament REACH (1).

Ir-rikorrenti ssostni li l-Aġenzija wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tas-sitwazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata hija intiża li tirregola, billi kkonkludiet li l-applikant għamel iktar sforz mir-rikorrenti u billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni t-tħassib tar-rikorrenti dwar id-duplikazzjoni ta’ testijiet fuq annimali vertebrati mill-applikant, bi ksur tal-Artikolu 25 tar-Regolament REACH.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur mill-Aġenzija tal-prinċipju ta’ ċertezza legali sa fejn hija poġġiet lir-rikorrenti f’sitwazzjoni ta’ inċertezza legali inaċċettabbli għal dak li jirrigwarda l-possibbiltà tal-applikant li jibbaża ruħu fuq l-informazzjoni tar-rikorrenti u l-kwalità u l-adegwatezza tal-informazzjoni tal-applikant.

Ir-rikorrenti tqis li billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, l-Aġenzija kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali billi ma llimitatx l-aċċess għas-sottomissjoni konġunta tar-rikorrenti minkejja li l-applikant qiegħed jirreġistra permezz ta’ nonparteċipazzjoni kompleta u billi ma eżaminatx il-kwistjonijiet relatati mal-fajl ta’ nonparteċipazzjoni kompleta (kwalità u duplikazzjoni eventwali ta’ testijiet fuq annimali vertebrati). Għaldaqstant, ir-rikorrenti tinsab f’sitwazzjoni ta’ inċertezza legali għal dak li jirrigwarda l-mod ta’ kif għandha tipproteġi id-drittijiet tagħha, peress li l-portata u l-estent tad-drittijiet mogħtija lill-applikant għadhom opaki.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur mill-Aġenzija tal-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni billi hija ma spjegatx għalfejn hija qieset li l-korrispondenza ta’ qabel l-2017 ma kinitx rilevanti.

L-Aġenzija adottat id-deċiżjoni kkontestata billi bbażat ruħha fuq parti biss tan-negozjati li seħħew bejn il-partijiet u llimitat b’mod arbitrarju l-kontroll tagħha għal ftit mill-iskambji bejn il-partijiet li seħħew minn Jannar 2017. Ir-rikorrenti ppreżentat il-korrispondenza kollha bejn l-applikant u r-rikorrenti dwar is-sustanza, u enfasizzat għalfejn tali korrispondenza hija rilevanti. Minkejja l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti dwar ir-rilevanza tal-korrispondenza, l-Aġenzija ma tat l-ebda raġuni għalfejn hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni, u fil-fatt injorat kompletament, il-komunikazzjonijiet bejn ir-rikorrenti u SSS qabel Jannar 2017.


(1)  Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).


Top