EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE0868

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali tal-UE: L-isfidi ewlenin u kif se ngħaqqdu l-isforzi biex nagħtu riżultati aħjar” [COM(2017) 63 final]

OJ C 345, 13.10.2017, p. 114–119 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 345/114


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali tal-UE: L-isfidi ewlenin u kif se ngħaqqdu l-isforzi biex nagħtu riżultati aħjar”

[COM(2017) 63 final]

(2017/C 345/19)

Relatur:

Mihai MANOLIU

Konsultazzjoni

23.3.2017

Bażi legali

L-Artikoli 33 u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

24.1.2017

 

 

Sezzjoni kompetenti

L-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

15.6.2017

Adottata fil-plenarja

5.7.2017

Sessjoni plenarja Nru

527

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

139/1/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Fil-fehma tal-KESE, l-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali tal-UE (EIR) tiżvela li l-implimentazzjoni fqira, frammentata u mhux ekwa tal-leġislazzjoni ambjentali tal-UE hija problema serja f’ħafna Stati Membri tal-UE. Wara l-kawżi prinċipali ta’ implimentazzjoni fqira identifikati fl-EIR, jidher li hemm nuqqas ta’ rieda politika min-naħa ta’ ħafna gvernijiet tal-Istati Membri biex jistabbilixxu t-titjib sostanzjali bħala prijorità politika u biex jipprovdu biżżejjed riżorsi. Ir-rapporti tal-pajjiżi fl-EIR juru kemm trid taħdem l-UE biex jinkisbu l-objettivi u l-istadji importanti stabbiliti fis-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (is-7 EAP):

li jipproteġi, jikkonserva u jsaħħaħ il-kapital naturali tal-Unjoni;

li l-Unjoni ssir ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, ekoloġika u kompetittiva, b’livelli baxxi ta’ karbonju;

li jitħarsu ċ-ċittadini tal-Unjoni minn pressjonijiet u riskji relatati mal-ambjent għas-saħħa u l-benesseri.

1.2.

Il-KESE jenfasizza li l-implimentazzjoni xierqa tal-acquis ambjentali tal-UE hija fl-interess taċ-ċittadini Ewropej u dan iħalli benefiċċji ekonomiċi u soċjali reali. Is-saħħa taċ-ċittadini teħtieġ ambjent san. Ekosistemi li jaħdmu tajjeb huma prerekwiżit għal attivitajiet agrikoli u ħafna attivitajiet ekonomiċi oħrajn. L-implimentazzjoni ekwa ta’ standards ambjentali fl-Istati Membri tiżgura kundizzjonijiet ekwi għan-negozji. Li l-ekonomija titmexxa lejn prattiki ambjentalment responsabbli ifisser potenzjal qawwi għall-immodernizzar ekonomiku u l-innovazzjoni, l-opportunitajiet tan-negozju u ta’ impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin.

1.3.

L-Istati Membri huma primarjament responsabbli għall-implimentazzjoni, filwaqt li l-Kummissjoni għandha rwol importanti biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni titwettaq b’mod xieraq u ekwu.

Rieda politika, l-integrazzjoni ta’ politiki ambjentali u politiki oħrajn, u l-involviment attiv tas-soċjetà ċivili fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-proċessi ta’ reviżjoni huma prerekwiżiti importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-leġislazzjoni ambjentali fil-livell ta’ Stat Membru.

1.4.

Iċ-ċittadini Ewropej japprezzaw l-UE għall-istandards ambjentali għoljin tagħha. L-implimentazzjoni fqira ta’ dawn l-istandards iddgħajjef il-kredibbiltà tal-UE f’termini tal-iżgurar li dawn l-istandards jiġu applikati b’mod ekwu mill-Istati Membri kollha tal-UE.

1.5.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-EIR bħala approċċ ġdid u pass importanti fi proċess li għaddej li huwa maħsub biex jistabbilixxi impenn konġunt tal-Kummissjoni u l-Istati Membri biex itejbu l-implimentazzjoni ta’ politiki u leġislazzjoni ambjentali. Dan il-proċess għandu jitkompla b’attenzjoni dovuta għal sinerġiji, approċċ komprensiv, it-trasparenza u l-inklużività.

1.6.

Il-KESE japprova l-approċċ ta’ politika integrata tal-EIR u jinnota li dan għandu japplika wkoll għall-integrazzjoni ta’ politiki ambjentali u soċjali. L-implimentazzjoni tal-għanijiet ambjentali tista’ tittejjeb biss jekk l-impatti soċjali – il-konsegwenzi għas-suq tax-xogħol u l-konsumaturi, b’mod partikolari gruppi vulnerabbli – jiġu indirizzati b’kawtela u jiġu kkunsidrati b’mod proattiv. L-istrumenti bbażati fuq is-suq, bħar-riformi fit-taxxa ambjentali, huma għodod importanti sabiex jintlaħqu l-għanijiet stipulati fil-leġislazzjoni ambjentali. F’dan il-kuntest, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għandhom jiġu implimentati l-impenji biex jiġu eliminati gradwalment is-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent.

1.7.

L-EIR għandha tkompli tiġi żviluppata fis-snin li ġejjin billi jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal oqsma ta’ leġislazzjoni oħrajn ambjentalment rilevanti, bħal-leġislazzjoni dwar il-klima u dwar il-prodotti kimiċi.

1.8.

L-implimentazzjoni ambjentali għandha tiġi kkunsidrata flimkien ma’ oqsma ta’ politika oħrajn b’mod integrat. Sabiex jiġu ffaċilitati soluzzjonijiet trasversali, għandhom jiġu stabbiliti diskussjonijiet konġunti mill-Kunsill tal-Ministri tal-Ambjent u konfigurazzjonijiet oħrajn tal-Kunsill. Ir-relazzjoni bejn is-Semestru Ewropew u l-EIR għandha tiġi ċċarata aktar sabiex jiġi żgurat li l-potenzjal ta’ diversi strumenti jiġi sfruttat bl-aħjar mod.

1.9.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi djalogi strutturati mal-gvernijiet tal-Istati Membri abbażi tas-sejbiet tar-rapporti tal-pajjiżi. Sabiex ikunu effettivi, dawn id-djalogi għandhom ikunu trasparenti u jipprovdu riżultat ċar kif ukoll segwitu. Għandhom jiġu meqjusa sensiela ta’ prerekwiżiti għal proċessi ta’ djalogu effettivi u li dawn jiġu stabbiliti għall-partijiet kollha involuti.

1.10.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-implimentazzjoni effettiva ta’ miżuri ta’ protezzjoni ambjentali, minn banda, tiddependi fuq li s-soċjetà ċivili – l-impjegaturi, il-ħaddiema u rappreżentanti oħrajn tas-soċjetà – tingħata rwol attiv, billi tippermetti lill-pubbliku ġenerali jimmonitorja l-implimentazzjoni adatta tal-leġislazzjoni ambjentali permezz ta’ aċċess ħieles għall-informazzjoni ambjentali, il-parteċipazzjoni fil-proċess tat-tfassil tal-politika ambjentali u l-aċċess għall-ġustizzja. In-nies għandu jkollhom aċċess għal rapporti preċiżi dwar l-implementazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali fil-postijiet fejn jgħixu u jaħdmu. L-iżviluppi pożittivi kollha fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali inkludew involviment sinifikanti mis-soċjetà ċivili, il-gwardjan tad-demokrazija.

1.11.

Il-KESE jiddispjaċih li r-rwol prinċipali tas-soċjetà ċivili mhuwiex rifless biżżejjed fl-EIR. L-involviment akbar tas-soċjetà ċivili jista’ jkollu l-potenzjal li jsaħħaħ il-proġett tal-EIR. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fuq livell nazzjonali għandhom jingħataw l-opportunità li jikkontribwixxu bl-għarfien espert u l-informazzjoni speċjalizzata tagħhom għar-rapporti tal-pajjiżi, kif ukoll għad-djalogi strutturati mal-pajjiżi u s-segwitu tagħhom. Il-KESE huwa lest li jiffaċilita d-djalogu tas-soċjetà ċivili fil-livell tal-UE.

2.   Introduzzjoni

2.1.

F’Mejju 2016, il-Kummissjoni nediet l-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali (EIR) (1) sabiex titjieb l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali tal-UE fl-Istati Membri tal-UE. L-EIR hija strument ta’ politika bbażat fuq l-informazzjoni u kooperazzjoni li ma jintroduċi l-ebda rekwiżiti legali jew obbligi ta’ rappurtar. Hija mfassla bħala proċess kontinwu, b’rapporti dwar il-pajjiżi biennali mill-Kummissjoni u djalogi mal-Istati Membri.

2.2.

Fi Frar 2017, il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel sensiela ta’ 28 rappoert tal-pajjiżi ta’ kull Stat Membru u komunikazzjoni dwar l-EIR b’sommarju tas-sejbiet u l-konklużjonijiet u l-miżuri li l-Kummissjoni se tieħu.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

L-UE għandha acquis komprensiva ta’ leġislazzjoni ambjentali. Madankollu, l-implimentazzjoni adatta hija problema serja. Ir-rapporti tal-pajjiżi tal-EIR juru l-implimentazzjoni frammentata u mhux ekwa tal-leġislazzjoni ambjentali fl-Istati Membri tal-UE. L-EIR b’mod korrett tiddeskrivi l-benefiċċji ta’ implimentazzjoni adatta għall-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej, għal kundizzjonijiet ekwi għan-negozji, u l-ħolqien tal-impjiegi (2). L-ispiża ta’ non-implimentazzjoni hija stmata għal madwar EUR 50 biljun fis-sena (3).

3.2.

Is-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (is-7 EAP) adottat mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fl-2013 (4) stabbilixxa implimentazzjoni leġislattiva mtejba bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin tiegħu. Il-KESE japprezza l-fatt li l-Kummissjoni qed tqiegħed dan fil-prattika bl-EIR.

3.3.

Ir-rapporti dwar il-pajjiżi jiġbru fil-qosor informazzjoni li mhijiex kompletament ġdida. Madankollu, il-valur miżjud ċar tagħhom tinsab fil-fatt li, għall-ewwel darba, il-lakuni fl-implimentazzjoni qed jiġu indirizzati b’mod komprensiv u trasversali, u jkopru oqsma ewlenin tal-leġislazzjoni ambjentali u l-Istati Membri kollha. Dan il-livell ġdid ta’ valutazzjoni komuni jagħmilha possibbli li jiġu analizzati l-kawżi ewlenin u l-ostakli strutturali sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni aħjar u jiġu żviluppati rimedji u l-għodod meħtieġa.

3.4.

L-approċċ tal-EIR jagħmilha wkoll possibbli li wieħed imur lil hinn milli jirreaġixxi għal implimentzzjoni leġislattiva dgħajfa permezz ta’ proċeduri ta’ ksur għal miżuri proattivi billi jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-implimentazzjoni ħażina. Madankollu, l-Istati Membri tal-UE huma primarjament responsabbli għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali tal-UE. Għandu jiġi rikonoxxut li f’ħafna każijiet in-nuqqas ta’ rieda politika min-naħa ta’ ħafna gvernijiet tal-Istati Membri biex jistabbilixxu bħala prijorità politika titjib sostanzjali u biex jipprovdu biżżejjed riżorsi jidher li huwa wara l-kawżi ewlenin għal implimentazzjoni dgħajfa identifikati fl-EIR (5). Għalhekk, il-KESE japprezza jekk l-EIR tista’ tgħin biex tqiegħed il-ħtieġa għal implimentazzjoni aħjar fuq l-aġenda politika fl-Istati Membri tal-UE u fil-laqgħat tal-Kunsill.

3.5.

Il-Kummissjoni għandha tindirizza l-implimentazzjoni dgħajfa tal-leġislazzjoni tal-UE mill-Istati Membri permezz ta’ miżuri xierqa u stretti, inklużi proċeduri ta’ ksur. Il-KESE jinsab inkwetat li s’issa, dawn il-miżuri ma kinux effettivi. Iċ-ċittadini Ewropej japprezzaw l-UE parzjalment għall-istandards ambjentali għoljin tagħha. Għalhekk, implimentazzjoni ħażina ta’ dawn l-istandards iddgħajjef il-kredibilità tal-UE f’għajnejn iċ-ċittadini tagħha.

3.6.

Ir-rapporti tal-pajjiżi huma bażi tajba għal djalogu strutturat bejn il-Kummissjoni u kull Stat Membru; jippermettu wkoll li l-Istati Membri jitgħallmu minn xulxin, jidentifikaw problemi komuni u jitgħallmu mill-aħjar prattika, jaġixxu fuq il-prinċipju li l-qsim huwa forma ta’ poter.

3.7.

Bħala ċittadini, il-komunitajiet u l-kumpaniji lokali huma l-atturi reali meta jiġu biex jiġu mwettqa miżuri ambjentali, u b’hekk is-soċjetà ċivili għandha taqdi rwol attiv fl-EIR. Li s-soċjetà ċivili ssir imsieħba f’dan l-isforz huwa imperattiv.

3.8.

Il-KESE japprezza l-fatt li l-Kummissjoni tikkunsidra l-involviment tas-soċjetà ċivili bħala assi importanti għas-segwitu tal-EIR. Madankollu, l-EIR għadha pjuttost vaga dwar kif is-soċjetà ċivili tista’ tkun involuta. Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili għandha tiġi żgurata madwar l-EIR, mhux biss matul is-segwitu. Dan l-aspett tal-EIR għandu jiġi żviluppat.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.    Il-kamp ta ’ applikazzjoni tal-EIR

4.1.1.

S’issa, l-EIR tkopri l-ekonomija ċirkolari u l-ġestjoni tal-iskart, in-natura u l-bijodiversità, il-kwalità tal-arja u l-istorbju kif ukoll il-kwalità u l-ġestjoni tal-ilma – strateġija komprensiva fil-qasam tal-leġislazzjoni ambjentali. Setturi oħra relatati mill-qrib ma’ dawn l-oqsma ta’ politika għandhom jiġu integrati fiċ-ċiklu li jmiss. Dan japplika b’mod partikolari għall-mitigazzjoni u l-adattament tal-klima li huma importanti għal ħafna politiki ambjentali, bħall-protezzjoni tan-natura u l-bijodiversità u l-ġestjoni tal-ilma. L-implimentazzjoni ta’ leġislazzjoni dwar il-kimiċi hija kruċjali għal ambjent san, għall-benesseri u għal ekonomija ċirkolari nadifa.

4.2.    Rapporti tal-pajjiżi

4.2.1.

Ir-rapporti tal-pajjiżi jipprovdu ħarsa ġenerali tajba ħafna tal-isfidi ambjentali li qed jiffaċċja kull Stat Membru u r-rendiment tiegħu fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali. Il-KESE japprezza wkoll il-fatt li r-rapporti tal-pajjiżi jirreferu għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli relatati ma’ dawk l-isfidi. Dan juri li t-titjib tal-prestazzjoni ambjentali huwa parti minn approċċ ta’ żvilupp sostenibbli akbar, l-insegwiment tal-progress ekonomiku, soċjali u ambjentali b’mod integrat, olistiku u bilanċjat.

4.2.2.

Ir-rapporti tal-pajjiżi jipprovdu wkoll valur miżjud għaċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi rispettivi tagħhom: mhux biss jipprovdu lill-partijiet interessati mhux governattivi b’ħarsa ġenerali tajba tas-sitwazzjoni f’pajjiżhom stess, iżda jippermettulhom ukoll iqabblu l-prestazzjoni ma’ Stati Membri oħrajn u li jidentifikaw nuqqasijiet u l-potenzjal mhux użat. Ir-rapporti tal-pajjiż għandhom jitqiesu bħala għodda siewja għas-soċjetà ċivili fl-Istati Membri Ewropej biex iżommu lill-gvernijiet tagħhom responsabbli tal-iżgurar ta’ ambjent san. Dawn jippermettu lis-soċjetà ċivili jinsistu għal implimentazzjoni aħjar tal-leġislazzjoni ambjentali.

4.2.3.

Madankollu, dan il-potenzjal jista’ jiġi msaħħaħ aktar permezz tal-involviment imsaħħaħ tas-soċjetà ċivili fit-tħejjija tar-rapporti tal-pajjiżi, djalogi strutturati u s-segwitu, kif ukoll fir-reviżjoni tar-rapporti fiċ-ċiklu biennali li jmiss. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom għarfien espert sinifikanti li jistgħu jikkontribwixxu għall-identifikazzjoni tal-isfidi ambjentali ewlenin li qed jiffaċċja pajjiżhom. Għaldaqstant għandhom jiġu kkonsultati mill-bidu nett.

4.2.4.

Sabiex l-EIR tiġi stabbilita bħala proċess kontinwu, se jkun importanti li jiġi segwit il-progress tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet taċ-ċikli preċedenti ta’ rapporti tal-pajjiżi u li jinġabru fil-qosor ir-riżultati fiċ-ċiklu tal-EIR li jmiss.

4.3.    Il-kawżi ewlenin ta’ implimentazzjoni dgħajfa u l-għodod li jagħmlu t-titjib possibbli

4.3.1.

Il-KESE japprezza l-fatt li l-Kummissjoni tara li l-EIR bħala opportunità biex jiġu analizzati l-kawżi ewlenin komuni ta’ implimentazzjoni ħażina. Il-valutazzjoni inizjali fil-komunikazzjoni għandha titkompla mal-Istati Membri, filwaqt li jitqiesu l-esperjenzi diretti u l-għarfien ta’ partijiet interessati mhux governattivi kif ukoll ir-riċerka minn akkademiċi, gruppi ta’ riflessjoni u n-Netwerk tal-UE għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali (IMPEL).

4.3.2.

Il-Kummissjoni diġà identifikat kawżi ewlenin importanti: koordinazzjoni mhux effettiva bejn l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva u finanzjament mhux suffiċjenti, nuqqas ta’ għarfien u data, mekkaniżmi tal-assigurazzjoni tal-konformità mhux suffiċjenti u n-nuqqas ta’ integrazzjoni u koerenza politika.

4.3.3.

Il-Kummissjoni ssemmi xi eżempji ta’ koordinazzjoni u integrazzjoni aħjar tal-politika, bħalma huma approċċ ikkoordinat għal arja nadifa u l-linji ta’ politika dwar il-mobilità. Il-KESE japprova dan l-approċċ ta’ politika integrata tal-EIR u jinnota li dan għandu japplika wkoll għall-integrazzjoni ta’ politiki ambjentali u soċjali. L-implimentazzjoni tal-għanijiet ambjentali tista’ tittejjeb biss jekk l-impatti soċjali – il-konsegwenzi għas-suq tax-xogħol u l-konsumaturi, b’mod partikolari gruppi vulnerabbli – jiġu indirizzati b’kawtela u jiġu kkunsidrati b’mod proattiv.

4.3.4.

Fl-aħħar nett, in-nuqqas ta’ rieda politika hija l-kawża ta’ ħafna minn dawn il-problemi (6). Għalhekk, se jkun importanti li l-EIR jirnexxielha fl-objettiv tagħha li tindirizza l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali bħala kwistjoni politika u tpoġġieha fuq l-aġenda tal-UE.

4.3.5.

Il-KESE jenfasizza wkoll li l-kompetenzi u l-għarfien tal-awtoritajiet huma prerekwiżiti għal implimentazzjoni xierqa. Barra minn hekk, is-sensibilizzazzjoni u l-komunikazzjoni huma vitali biex is-soċjetà ċivili tkun megħjuna tipparteċipa fil-proċess tal-EIR.

4.3.6.

Il-Kummissjoni ssemmi l-istrumenti u l-investimenti bbażati fuq is-suq bħala għodod għat-titjib tal-objettivi inklużi fl-oqfsa legali ambjentali. Il-KESE diġà stqarr f’opinjoni preċedenti l-potenzjal tar-riformi tat-taxxa ambjentali fejn il-piżijiet tat-taxxa jiġu trasferiti mix-xogħol għall-użu tar-riżorsi sabiex jinkisbu kemm il-ħolqien tal-impjiegi u l-innovazzjoni ekonomika, kif ukoll it-tnaqqis tal-impatti ħżiena fuq l-ambjent (7).

4.3.7.

Fl-istess opinjoni, il-KESE lmenta dwar sussidji attwali li jagħmlu ħsara lill-ambjent. Sar ftit li xejn progress. Kemm ir-riforma tat-taxxa kif ukoll it-tneħħija gradwali ta’ sussidji ta’ ħsara għall-ambjent huma msemmija mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha bħala għodod abilitanti importanti għal implimentazzjoni aħjar. Madankollu, l-ebda l-approċċ m’huwa qed jiġi ppreżentat biex jinbidel dan l-impass.

4.4.    It-triq ’il quddiem

4.4.1.

Kif tenfasizza l-Kummissjoni, ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni adatta tal-acquis ambjentali tal-UE taqa’ primarjament f’idejn l-Istati Membri. Madankollu, żgur li hemm ukoll kwistjonijiet importanti fil-livell tal-UE li jistgħu jfixklu jew jappoġġjaw implimentazzjoni adatta. L-integrazzjoni intelliġenti ta’ objettivi ambjentali u oqsma oħra ta’ politika għandha tibda fil-livell tal-UE b’regolazzjoni intelliġenti u konsistenti u l-allokazzjoni ta’ fondi. L-ekoloġizzazzjoni tal-PAK hija eżempju tajjeb ta’ dan u hemm lezzjonijiet x’jittieħdu. Aktar koerenza politika għall-iżvilupp sostenibbli fil-livell tal-UE tista’ tikkontribwixxi wkoll biex titjieb il-prestazzjoni ambjentali fl-Istati Membri tal-UE. L-EIR għandha tintuża wkoll bħala mekkaniżmu biex jinkiseb rispons dwar jekk il-politiki jew il-leġislazzjoni tal-UE li qed jiġu implimentati jridu jiġu kkoreġuti jew aġġornati.

4.4.2.

Abbażi tas-sejbiet tal-ewwel ċiklu tal-EIR, il-Kummissjoni toffri li tiffaċilita l-isforzi tal-Istati Membri billi tistabbilixxi djalogu ta’ implimentazzjoni strutturat ma’ kull Stat Membru, li jipprovdi appoġġ imfassal mill-esperti tal-Istati Membri mill-pari tagħhom fi Stati Membri oħrajn u d-diskussjoni ta’ kwistjonijiet strutturali komuni fi ħdan il-Kunsill. Il-KESE jilqa’ dawn il-miżuri – għalkemm għandna dubji dwar jekk humiex biżżejjed sabiex titjieb il-kwalità ġenerali tal-prestazzjoni ambjentali tal-Istati Membri.

4.5.    Djalogi strutturati

4.5.1.

L-introduzzjoni ta’ djalogi strutturati simili għall-approċċ fil-proċess tas-Semestru Ewropew kienet diġà prevista fis-7 EAP (8). Il-Komunikazzjoni hija nieqsa minn informazzjoni dwar l-arranġamenti prattiċi għal dawn id-djalogi, li m’għandhomx jitħallew għad-diskrezzjoni tal-gvernijiet tal-Istati Membri. Għandhom jiġu meqjusa sensiela ta’ prerekwiżiti għal proċessi ta’ djalogu effettivi u li dawn jiġu stabbiliti għall-partijiet kollha involuti.

4.5.2.

Għandha tkun assigurata l-parteċipazzjoni bilanċjata minn firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati mhux governattivi kif ukoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Huma għandhom ikunu mistiedna minn qabel sew u jingħataw l-informazzjoni adatta sabiex ikunu jistgħu jħejju l-kontribuzzjonijiet tagħhom.

4.5.3.

Sabiex ikunu effettivi, dawn id-djalogi għandhom ikunu organizzati b’mod immirat lejn ir-riżultati. Ir-riżultati u l-passi li jmiss, l-impenji tal-parteċipanti u l-iskedi għandhom ikunu stabbiliti b’mod ċar u jiġu sorveljati. Is-7 EAP ssemmi l-“ftehimiet ta’ implimentazzjoni ta’ sħubija” bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Dan l-istrument għandu jiġi kkunsidrat ukoll fl-EIR. L-impenji jistgħu jiġu wkoll minn partijiet interessati mhux governattivi, bħalma huma l-industrija, il-bejgħ bl-imnut jew l-agrikoltura.

4.6.    L-appoġġ bejn il-pari

4.6.1.

Il-KESE jilqa’ l-organizzazzjoni ta’ appoġġ bejn il-pari (“peer-to-peer”) bejn l-esperti tal-Istati Membri. Għandha tiġi kkunsidrata l-esperjenza twila u rikka tan-Netwerk tal-UE għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali (IMPEL).

4.6.2.

L-iskambju ta’ esperti uniċi għandu jiġi kkumplimentat minn programmi usa’ ta’ appoġġ reċiproku bejn l-Istati Membri, simili għal proġetti ta’ “Ġemellaġġ” tal-Phare li rnexxilhom jappoġġjaw l-adattament għall-acquis tal-UE waqt il-proċess tat-tkabbir tal-UE fl-2004-2007. L-introduzzjoni ta’ programmi ta’ evalwazzjoni bejn il-pari għandha tiġi kkunsidrata wkoll – simili għall-programm tal-OECD ta’ Analiżijiet tar-Rendiment Ambjentali (9).

4.7.    Diskussjoni dwar kwistjonijiet strutturali komuni fil-Kunsill

4.7.1.

Il-Kummissjoni beħsiebha tiddiskuti ostakoli strutturali komuni għal implimentazzjoni adatta fil-Kunsill. Dan iqiegħed il-kwistjoni tal-implimentazzjoni fuq l-aġenda politika. Hemm nuqqas ta’ informazzjoni dwar kif dan se jiġi rranġat.

4.7.2.

Permezz tal-“ekoloġizzazzjoni” tas-Semestru Ewropew, saru sforzi f’dawn l-aħħar snin biex jintuża dan il-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni ċentrali ta’ governanza bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex itejbu l-prestazzjoni ambjentali wkoll. Dan għandu jwassal biex il-problemi fil-prestazzjoni ambjentali jinġibdu direttament għall-attenzjoni tal-kapijiet ta’ gvern u għandhom jiffaċilitaw soluzzjonijiet integrati.

4.7.3.

Madankollu, l-ekoloġizzazzjoni tas-Semestru Ewropew ma kinitx xi suċċess kbir s’issa. Il-Kummissjoni ma tridx li tissostitwixxi l-ekoloġizzazzjoni tas-Semestru Ewropew mal-EIR. Madankollu, f’dan il-każ ir-relazzjoni bejn is-Semestru u l-EIR għandha tiġi ċċarata aktar sabiex jiġi żgurat li l-potenzjal ta’ kull wieħed minn dawn l-istrumenti jiġi sfruttat bl-aħjar mod.

4.7.4.

Id-diskussjonijiet matul il-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ambjent weħidhom x’aktarx mhux ser ikunu biżżejjed. Sabiex jiġu ffaċilitati soluzzjonijiet integrati u trasversali, għandhom jiġu segwiti diskussjonijiet konġunti ma’ konfigurazzjonijiet oħra tal-Kunsill, bħal diskussjonijiet konġunti mal-Ministri tat-Trasport jew għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali.

4.8.    Mezzi legali ta’ infurzar leġislattiv

4.8.1.

Il-Kummissjoni ċċarat b’mod korrett li l-EIR m’għandhiex tieħu post l-azzjoni legali biex ittejjeb l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali; dan ma jaqax fl-ambitu tal-EIR. Madankollu, l-approċċ iktar kooperattiv tal-EIR jista’ jirnexxi biss jekk il-possibbiltà ta’ konsegwenzi legali u sanzjonijiet tiġi applikata b’mod kredibbli u effettiv. Dan japplika għal proċeduri ta’ ksur mill-Kummissjoni fil-każ ta’ ksur tal-leġislazzjoni ambjentali, kif ukoll mezzi legali li permezz tagħhom iċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili jżommu responsabbli lill-gvernijiet fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE.

4.8.2.

Il-KESE jixtieq ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li ċerti miżuri li jtejbu l-infurzar tal-leġislazzjoni ambjentali ġew inklużi fis-7 EAP u għadhom ma ġewx indirizzati s’issa:

li jiġu estiżi l-kriterji vinkolanti għal spezzjonijiet u sorveljanza effettivi tal-Istati Membri għall-korp usa’ tal-liġi ambjentali tal-Unjoni,

li jiġu żgurati mekkaniżmi konsistenti u effettivi fil-livell nazzjonali biex jiġu ttrattati lmenti dwar l-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali tal-Unjoni.

4.8.3.

Il-KESE ser ikun qed jevalwa l-komunikazzjoni li jmiss tal-Kummissjoni dwar l-aċċess taċ-ċittadini għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali f’opinjoni separata.

Brussell, il-5 ta’ Lulju 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  COM(2016) 316 final.

(2)  COM(2017) 63 final, p. 2.

(3)  Il-Parlament Ewropew, Mad-Daqqa t’Għajn, L-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali.

(4)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171.

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna”, ĠU C 161, 6.6.2013, p. 77, punt 1.2.

(6)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna”, is-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, ĠU C 161, 6.6.2013, p. 77.

(7)  Opinjoni tal-KESE dwar Strumenti bbażati fuq is-suq għal ekonomija tal-UE effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju (Opinjoni fuq inizjattiva proprja) ĠU C 226, 16.7.2014, p. 1.

(8)  Is-7 EAP, punt 59.

(9)  https://www.oecd.org/site/peerreview/environmentalperformancereviews.htm


Top