EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017H0809(19)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 tal-Awstrija u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 tal-Awstrija

OJ C 261, 9.8.2017, p. 83–87 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 261/83


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Lulju 2017

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 tal-Awstrija u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 tal-Awstrija

(2017/C 261/19)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-16 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2017 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fid-9 u l-10 ta’ Marzu 2017. Fis-16 ta’ Novembru 2016, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija ma identifikatx lill-Awstrija bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fid-9 u l-10 ta’ Marzu 2017. Fil-21 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (“Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro”) (3).

(2)

Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, l-Awstrija għandha tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tar-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro kif riflessa fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

(3)

Ir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2017 għall-Awstrija ġie ppubblikat fit-22 ta’ Frar 2017. Dan ivvaluta l-progress li għamlet l-Awstrija biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-12 ta’ Lulju 2016, is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress li għamlet l-Awstrija lejn il-miri nazzjonali tagħha ta’ Ewropa 2020.

(4)

L-Awstrija ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2017 fil-21 ta’ April 2017 u l-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2017 fit-2 ta’ Mejju 2017. Biex jittieħed kont tal-interkonnessjonijiet tagħhom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(5)

Ġew indirizzati rakkomandazzjonijiet rilevanti, speċifiċi għall-pajjiżi, fil-programmazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE) għall-perjodu 2014–2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fejn ikun meħtieġ appoġġ għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru li jirrieżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta’ Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet aktar dettalji dwar kif hija ser tuża dik id-dispożizzjoni f’linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effikaċja tal-Fondi SIE ma’ governanza ekonomika tajba.

(6)

Bħalissa l-Awstrija qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u hija soġġetta għar-regola tad-dejn. Fil-programm ta’ Stabbiltà tiegħu għall-2017, il-Gvern qed jistenna li d-defiċit nominali ser jitjieb għal 1,0 % tal-PDG fl-2017 u mbagħad ser jilħaq 0,3 % tal-PDG fl-2021. L-objettiv baġitarju fuq terminu medju — defiċit strutturali ta’ 0,45 % tal-PDG sal-2016 u 0,5 % tal-PDG minn hawn ’il quddiem — huwa previst li jintlaħaq fl-2019. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà, il-proporzjon ta’ dejn tal-gvern mal-PDG hu mistenni li jonqos gradwalment għal 71,0 % fl-2021 minn 84,6 % fl-2016. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa favorevoli, jekk wieħed jassumi tkabbir qawwi ta’ investiment u fl-esportazzjonijiet fl-2017 u fl-2018.

(7)

Il-Programm ta’ Stabbiltà jindika li l-impatt baġitarju marbut mal-influss eċċezzjonali ta’ refuġjati kif ukoll mal-miżuri relatati mas-sigurtà huwa sinifikanti, u jipprovdi evidenza adegwata dwar l-ambitu u n-natura ta’ dawn l-ispejjeż baġitarji addizzjonali. Skont il-Kummissjoni, in-nefqa eliġibbli addizzjonali fl-2016 ammontat għal 0,25 % tal-PDG b’rabta mal-influss eċċezzjonali ta’ refuġjati u 0,04 % tal-PDG għall-miżuri relatati mas-sigurtà. Fl-2017, l-impatt addizzjonali tal-miżuri relatati mas-sigurtà, meta mqabbel mal-2016 huwa attwalment stmat għal 0,01 % tal-PDG. Id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5(1) u 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 ikopru din in-nefqa addizzjonali, minħabba l-fatt li l-influss ta’ refuġjati kif ukoll il-gravità tat-theddida tat-terroriżmu huma ċirkustanzi mhux tas-soltu, l-impatt tagħhom fuq il-finanzi pubbliċi tal-Awstrija huwa sinifikanti u s-sostenibbiltà ma tkunx kompromessa billi tiġi permessa devjazzjoni temporanja mil-linja ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju. Għalhekk, l-aġġustament meħtieġ lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju għall-2016 tnaqqas biex jitqiesu l-ispejjeż addizzjonali relatati mar-refuġjati u mas-sigurtà. Rigward l-2017, valutazzjoni finali, inkluż dwar l-ammonti eliġibbli, ser issir fir-rebbiegħa tal-2018 fuq il-bażi ta’ data osservata kif ipprovduta mill-awtoritajiet tal-Awstrija.

(8)

Fit-12 ta’ Lulju 2016, il-Kunsill irrakkomanda lill-Awstrija biex tiżgura li d-devjazzjoni mill-objettiv baġitarju fuq terminu medju tkun limitata għall-konċessjoni relatata mal-impatt baġitarju marbut mal-influss eċċezzjonali ta’ refuġjati (5), u li għal dan l-għan tikseb aġġustament fiskali annwali ta’ 0,3 % tal-PDG fl-2017, sakemm l-objettiv baġitarju fuq terminu medju ma jkunx jista’ jintlaħaq b’anqas sforz. Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2017 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali huwa mistenni li jibqa’ stabbli fl-2017, filwaqt li jitqiesu l-kwoti mogħtija. Il-previżjoni tal-Kummissjoni turi li jeżisti r-riskju ta’ xi devjazzjoni minn dan ir-rekwiżit fl-2017. Fl-2018, abbażi tal-previżjoni tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2017, l-Awstrija jenħtieġ li tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa primarja netta tal-gvern (6) ma taqbiżx it-2,2 %, li tikkorrispondi għal titjib fil-bilanċ strutturali ta’ 0,3 % tal-PDG (7). Jekk ma jinbidlux il-politiki, l-Awstrija tkun qiegħda f’riskju ta’ xi devjazzjoni minn dan ir-rekwiżit fl-2018. Fl-istess waqt, huwa previst li l-Awstrija tikkonforma mar-regola ta’ dejn fl-2017 u fl-2018. Kollox ma’ kollox, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li l-Awstrija jeħtiġilha tkun lesta li tieħu aktar miżuri sabiex tiżgura konformità fl-2017 u fl-2018.

(9)

L-infiq fuq il-pensjonijiet kif ukoll fuq il-kura tas-saħħa huwa ta’ riskju medju għas-sostenibbiltà fiskali fuq terminu ta’ żmien medju u twil, minħabba li l-popolazzjoni qed tixjieħ malajr. In-nefqa pubblika tal-Awstrija għall-pensjonijiet hija relattivament għolja meta mqabbla ma’ Stati Membri oħrajn, u hija mistennija tiżdied b’0,5 punti perċentwali tal-PDG sal-2060. Dan jista’ jitqabbel mal-medja tal-Unjoni li hija mistennija tonqos b’0,2 punti perċentwali tal-PDG matul l-istess perjodu. L-età effettiva tal-irtirar għadha baxxa minkejja r-riformi reċenti u hija waħda mill-ixpruni ewlenin li jgħollu n-nefqa tal-pensjonijiet. Espressa bħala l-età medja tat-tluq mis-suq tax-xogħol din hija ta’ 62 sena u 6 xhur għall-irġiel u 61 sena għan-nisa, li hija inqas mill-medja tal-Unjoni ta’ 63 snin u 7 xhur għall-irġiel u 62 sena u 7 xhur għal nisa (2014). Barra minn hekk, l-età statutorja tal-irtirar attwali għan-nisa hija ta’ 60 sena, li hija fost l-aktar baxxi fl-Unjoni, u din ser tibda tiġi armonizzata ma’ dik tal-irġiel fl-2024. Ir-rabta tal-età statutorja tal-irtirar mal-bidliet fl-istennija tal-għomor tgħin sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-pensjonijiet fil-kuntest tat-tixjiħ demografiku, anki billi tikkontribwixxi sabiex l-età effettiva tal-irtirar tiżdied.

(10)

Għall-kura tas-saħħa, in-nefqa pubblika hija mistennija li tiżdied b’mod sinifikanti fuq terminu ta’ żmien medju u twil mil-livelli li diġà huma għoljin, jiġifieri b’1,3 punti perċentwali tal-PDG sal-2060 apparagun tal-medja tal-Unjoni ta’ 0,9 punti perċentwali. L-ixprun prinċipali li qed jagħmel in-nefqa fil-kura għas-saħħa għolja huwa s-settur kbir tal-isptarijiet, filwaqt li l-kura għal pazjenti ta’ barra, li tiswa inqas, hija sottoutilizzata. Il-proporzjon tan-nefqa għall-isptarijiet tal-ispejjeż ġenerali għall-kura tas-saħħa, hija waħda mill-ogħla fl-Unjoni. Għaldaqstant, l-inizjattivi reċenti li għandhom l-għan li jsaħħu l-għoti tal-kura primarja jeħtieġ li jiġu implimentati bis-sħiħ, inkluż billi jiġu appoġġati ftehimiet finanzjarji ġodda bejn il-fornituri tal-kura tas-saħħa u l-fondi tas-sigurtà soċjali. Barra minn hekk, is-settur tal-isptarijiet tal-Awstrija ma jagħmilx biżżejjed użu mill-akkwist pubbliku effettiv, bħalma huma s-sejħiet għall-offerti miftuħa għall-Unjoni kollha (0,23 % tal-PDG apparagun tal-medja tal-Unjoni ta’ 0,62 %), l-aggregazzjoni tal-akkwist u l-kriterji mhux ibbażati fuq il-prezz.

(11)

Il-liġi tal-ekwiparazzjoni finanzjarja tal-2017 għenet biex jiġu ssimplifikati r-relazzjonijiet finanzjarji bejn is-saffi differenti tal-amministrazzjoni pubblika fl-Awstrija. Madankollu, il-qafas fiskali fl-Awstrija jibqa’ wieħed kumpless wisq f’termini ta’ kompetenzi u ta’ arranġamenti finanzjarji, u għadu jbati min-nuqqas ta’ konformità bejn is-setgħat limitati li jżidu d-dħul u r-responsabbiltajiet usa’ tal-amministrazzjonijiet lokali u tal-istati federali fuq l-infiq.

(12)

Filwaqt li r-riforma fiskali tal-2016 naqqset il-porzjon tat-taxxa minn 49,5 % għal 46,7 %, dan għadu relattivament għoli meta mqabbel mal-medja tal-Unjoni ta’ 40,6 % (iċ-ċifri jirreferu għal persuna waħidha medja li taqla’ l-għajxien mingħajr tfal). Fin-nuqqas ta’ indiċjar tal-kategoriji tat-taxxa mal-inflazzjoni, il-porzjon tat-taxxa għal darba oħra ser jiżdied gradwalment b’riżultat tal-pressjoni fiskali ta’ kull sena. B’kuntrast ma’ dan, sorsi ta’ dħul li jiffavorixxu aktar it-tkabbir, bħal taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà, mhumiex użati biżżejjed, prinċipalment minħabba li l-ammont bażiku taxxabbli għamel żmienu. Id-dħul mit-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà fl-Awstrija huwa baxx ħafna, u jammonta għal 0,2 % tal-PDG meta mqabbel mal-medja tal-Unjoni ta’ 1,6 % tal-PDG fl-2014. Bl-istess mod, ir-rata impliċita tat-taxxa fuq l-enerġija fl-Awstrija hija relattivament baxxa, u din tindika potenzjal mhux sfruttat għal taxxi ambjentali, li jinkludu wkoll inċentivi għall-imġiba pożittiva.

(13)

Filwaqt li s-suq tax-xogħol jaħdem aħjar fl-Awstrija milli fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, għad fadal xi sfidi. B’mod partikolari, il-potenzjal tas-suq tax-xogħol tan-nisa huwa sottoutilizzat, kif rifless fid-differenza kbira bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa, li tirriżulta, fost l-oħrajn, minn porzjon għoli ta’ xogħol fuq bażi part-time. Fl-2015, id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa kienet ta’ 21,7 % meta mqabbla mal-medja tal-Unjoni li kienet ta’ 16,3 %. Il-proporzjon ta’ nisa li jaħdmu part-time huwa għoli u aktar mill-medja għax ħafna drabi jkunu responsabbli mill-kura tat-tfal u tal-anzjani. L-għadd ta’ postijiet għall-indukrar bikri tat-tfal, għal tfal taħt l-età ta’ 3 snin kien ta’ 25,5 % fl-2015, li xorta kien ferm taħt il-mira ta’ Barċellona ta’ 33 %.

(14)

L-Awstrija diġà qabżet il-miri nazzjonali tagħha ta’ Ewropa 2020 fejn tidħol l-edukazzjoni. Madankollu, ir-riżultati fl-edukazzjoni jiddependu ħafna fuq l-isfond soċjoekonomiku, kif ikkonfermat mir-riżultati tal-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA) tal-OECD tal-2015. Barra minn hekk, ir-riżultati fl-edukazzjoni tal-istudenti li ġejjin minn sfond ta’ migrazzjoni huma konsiderevolment agħar minn dawk tal-istudenti li ma għandhomx dan l-isfond. Fl-2016, l-istudenti mwielda barra mill-pajjiż kienu 2,7 darbiet aktar fiċ-ċans li jitilqu mill-iskola qabel ma jtemmu edukazzjoni sekondarja għolja, milli mill-istudenti li twieldu fil-pajjiż. L-isfida tal-integrazzjoni taffettwa wkoll lit-tfal ta’ immigranti li twieldu l-Awstrija. Barra minn hekk, l-Awstrija qed tiffaċċa sfidi biex tintegra fis-sistema edukattiva tagħha għadd kbir ta’ persuni li jfittxu l-asil u ta’ refuġjati.

(15)

L-iżviluppi fis-settur bankarju jindikaw titjib kostanti, għalkemm bil-mod. Il-kapitalizzazzjoni tal-banek Awstrijaċi għadha taħt dik tal-pari tagħha fl-Unjoni, u l-kapaċità tagħhom biex jiġġeneraw profitt fis-suq domestiku kienet taħt pressjoni. Rigward l-operazzjonijiet internazzjonali, il-kwalità tal-assi u l-profittabbiltà komplew jitjiebu f’diversi swieq tal-Ewropa Ċentrali, tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Ewropa tax-Xlokk, iżda għad fadal oqsma vulnerabbli. Sadanittant, iż-żieda fil-prezzijiet tal-proprjetà immobbli u l-qawmien mill-ġdid tas-self ipotekarju juru kemm huma importanti l-miżuri makroprudenzjali.

(16)

It-tkabbir tal-investiment fl-Awstrija reġa’ seħħ fl-2016 iżda l-investiment mill-SMEs u fis-settur tas-servizzi komplew juru dgħufijiet. L-Awstrija rrikonoxxiet ir-rwol li l-ħolqien ta’ negozju u t-tkabbir sod għandhom għall-investimenti l-ġodda (jiġifieri li jmorru lil hinn mill-investimenti ta’ sostituzzjoni) u għall-ħolqien tal-impjiegi marbuta ma’ dawn. L-Awstrija għaldaqstant stabbiliet għaliha nnifisha miri ambizzjużi biex tiffaċilita t-trasformazzjoni diġitali kif ukoll biex tindirizza r-rata tradizzjonalment baxxa tagħha għall-ħolqien tan-negozju (7,4 % meta mqabbel mal-medja tal-Unjoni ta’ 10,8 %) u għat-tkabbir tal-kumpanniji (b’sehem ta’ 7,3 % għal kumpanniji b’rata għolja ta’ tkabbir meta mqabbel mal-medja tal-Unjoni ta’ 9,2 %). Diġà tħabbru xi miżuri speċifiċi li jgħaqqdu t-tnaqqis ta’ ostakli għall-investiment ma’ kundizzjonijiet ta’ qafas aħjar għall-finanzjament tal-kapital ta’ ekwità, għall-promozzjoni tal-intraprenditorija u għall-inċentivi tat-tassazzjoni.

(17)

Għad hemm ostakli regolatorji kbar fis-settur tas-servizzi kummerċjali u tal-professjonijiet irregolati, bil-livell ta’ restrizzjonijiet li huwa ogħla mill-medja tal-Unjoni, b’mod partikolari għall-periti u l-inġiniera. Barra minn hekk, għal dawn il-professjonijiet, kif ukoll għall-avukati, il-kontabilisti/il-konsulenti tat-taxxa, l-aġenti tal-privattivi, l-aġenti tal-proprjetà immobbli u l-gwidi turistiċi, ir-rata ta’ attrizzjoni kummerċjali hija ferm inqas mill-medja tal-Unjoni, li donnha tindika dinamiżmu u kompetizzjoni relattivament baxxi fis-servizzi professjonali fl-Awstrija. Dawn l-ostakli jinkludu, fost l-oħrajn (1) restrizzjonijiet fil-parteċipazzjoni azzjonarja u fil-forom korporattivi għall-periti, l-inġiniera u l-avukati tal-privattivi, (2) restrizzjonijiet multidixxiplinari għall-periti u l-inġiniera, kif ukoll (3) ambiti partikolarment wesgħin tal-attivitajiet riżervati għall-periti, l-inġiniera u l-gwidi turistiċi. It-tnaqqis ta’ dawn l-ostakli jista’ jiġġenera kompetizzjoni aktar intensa, li tirriżulta f’aktar impriżi li jidħlu fis-suq, u twassal biex il-konsumaturi jibbenefikaw permezz ta’ prezzijiet orħos. F’Jannar 2017, f’Komunikazzjoni tal-Kummissjoni saru rakkomandazzjonijiet sabiex din il-kwistjoni tiġi indirizzata, bħala parti minn pakkett ta’ miżuri sabiex jiġu indirizzati l-ostakli fis-swieq tas-servizzi.

(18)

L-Awstrija għamlet sforzi konsiderevoli sabiex tirċievi lill-persuni li jfittxu asil, u biex tintegra lir-refuġjati kif ukoll immigranti oħra. Madankollu, l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ persuni li ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni għadha sfida, b’mod partikolari għan-nisa li ma twildux fl-Unjoni u r-refuġjati li jfittxu impjieg.

(19)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2017, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Awstrija u ppubblikatha fir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2017. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017, il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2017 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Awstrija fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Awstrija imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(20)

Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 u l-opinjoni tiegħu (8) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta’ hawn taħt,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Awstrija tieħu azzjoni fl-2017 u l-2018 biex:

1.

Taħdem fuq il-politika fiskali tagħha f’konformità mar-rekwiżiti tal-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li timplika l-ilħuq tal-objettiv baġitarju fuq terminu medju tagħha fl-2018, filwaqt li jittieħed kont tal-konċessjoni marbuta mal-avvenimenti mhux tas-soltu. Tiżgura li s-sistema għall-kura tas-saħħa u s-sistema tal-pensjonijiet ikunu sostenibbli. Tirrazzjonalizza u tissimplifika l-kompetenzi bejn il-livelli differenti tal-amministrazzjoni pubblika u tallinja l-finanzjament u r-responsabbiltajiet tal-infiq tagħhom.

2.

Ittejjeb l-eżiti tas-suq tax-xogħol għan-nisa permezz ta’, fost l-oħrajn, l-għoti ta’ servizzi ta’ kura fuq bażi full-time. Ittejjeb ir-riżultati edukattivi taż-żgħażagħ żvantaġġati, b’mod partikolari dawk li ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni. Trawwem l-investiment fis-settur tas-servizzi billi tnaqqas l-ostakli amministrattivi u regolatorji, sabiex tiffaċilita d-dħul fis-suq u t-tkabbir tal-kumpanniji.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

T. TÕNISTE


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

(3)  ĠU C 92, 24.3.2017, p. 1.

(4)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(5)  Huwa permissibbli għall-Awstrija li tiddevja mill-objettiv baġitarju fuq terminu medju tagħha sal-2017 u l-2018 minħabba l-impatt baġitarju addizzjonali marbut mal-influss eċċezzjonali ta’ refuġjati u mal-miżuri relatati mas-sigurtà sostnuti fl-2015 u fl-2016 rispettivament, peress li d-devjazzjonijiet temporanji jiġu riportati f’kull każ għal perjodu totali ta’ tliet snin.

(6)  In-nefqa netta tal-gvern hija magħmula min-nefqa totali tal-gvern bl-esklużjoni tan-nefqa fuq l-imgħax, nefqa fuq programmi tal-Unjoni korrisposti b’mod sħiħ mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni u tibdil nondiskrezzjonarju fin-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad. Il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss iffinanzjata nazzjonalment hija mifruxa fuq perjodu ta’ erba’ snin. Miżuri ta’ dħul diskrezzjonali jew żidiet tad-dħul b’mandat tal-liġi huma fatturati. Miżuri ta’ darba fuq in-naħat kemm tad-dħul kif ukoll tal-infiq huma esklużi.

(7)  Għall-Awstrija, ir-rekwiżit ta’ aġġustament fl-2018 iqis il-konċessjoni relatata mal-avvenimenti mhux tas-soltu mogħtija għall-2016 billi d-devjazzjonijiet temporanji jiġu riportati fuq perjodu ta’ tliet snin.

(8)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


Top