EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017H0809(03)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 tar-Repubblika Ċeka u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2017 tar-Repubblika Ċeka

OJ C 261, 9.8.2017, p. 12–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 261/12


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Lulju 2017

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 tar-Repubblika Ċeka u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2017 tar-Repubblika Ċeka

(2017/C 261/03)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-16 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fid-9 u fl-10 ta’ Marzu 2017. Fis-16 ta’ Novembru 2016, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija ma identifikatx lir-Repubblika Ċeka bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond.

(2)

Ir-rapport tal-pajjiż tal-2017 għar-Repubblika Ċeka ġie ppubblikat fit-22 ta’ Frar 2017. Dan ir-rapport jivvaluta l-progress tar-Repubblika Ċeka biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-12 ta’ Lulju 2016, is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress tar-Repubblika Ċeka lejn il-miri Ewropa 2020 nazzjonali tagħha. L-analiżi tal-Kummissjoni twassalha biex tikkonkludi li r-Repubblika Ċeka mhux qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi.

(3)

Ir-Repubblika Ċeka ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2017 fil-25 ta’ April 2017, u l-Programm ta’ Konverġenza tagħha tal-2017 fit-28 ta’ April 2017. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

(4)

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti ġew indirizzati fil-programmazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE) għall-perijodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn lill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru li jeżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta’ Sħubija u għall-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tista’ tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma’ governanza ekonomika għaqlija.

(5)

Ir-Repubblika Ċeka bħalissa tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta’ Konverġenza tagħha tal-2017, il-Gvern qed jippjana surplus baġitarju f’termini nominali matul l-2016–2020. L-objettiv baġitarju fuq terminu medju — defiċit strutturali ta’ 1,0 % tal-PDG — ser jibqa’ jiġi ssodisfat b’marġni matul il-perijodu kollu tal-programm. Skont il-Programm ta’ Konverġenza tal-2017, il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika għall-PDG huwa mistenni jonqos gradwalment għal 32,7 % fl-2020. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawk il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawsibbli. Filwaqt li r-riskji li l-miri baġitarji ma jintlaħqux huma bilanċjati sew, il-kontrazzjoni mħabbra fl-investiment pubbliku fl-2016 – marbuta mal-bidu ta’ ċiklu ġdid ta’ fondi mill-Unjoni – jista’ jkollha riperkussjonijiet akbar mill-mistenni fuq l-investiment pubbliku fl-2017. Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2017 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali huwa mbassar li ser jinżel għal madwar 0 % tal-PDG fl-2017 u għal -0,2 % tal-PDG fl-2018 biex b’hekk jibqa’ ogħla mill-objettiv baġitarju fuq terminu medju. Komplessivament, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li fl-2017 u fl-2018 ir-Repubblika Ċeka hija mistennija li tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

(6)

Ir-Repubblika Ċeka qed tkompli turi riskji ta’ livell medju għas-sostenibbiltà fiskali fuq perjodu ta’ żmien twil. Dawn ġejjin l-iktar mill-impatt mistenni tal-infiq pubbliku marbut mal-età, b’mod partikolari fl-oqsma tal-kura tas-saħħa u l-pensjonijiet. Iż-żieda mistennija fl-infiq fit-tul fuq il-kura tas-saħħa hija kwistjoni ta’ tħassib, kemm fir-rigward tal-governanza kif ukoll fir-rigward tal-kosteffettività tas-sistema tal-kura tas-saħħa, li tiddependi ħafna fuq kura in-patient aktar għalja. Xi miżuri fil-preżent jinsabu fi stadji varji ta’ implimentazzjoni, iżda r-riżultati għadhom mhumiex tanġibbli. Il-miżuri adottati jew ippjanati dan l-aħħar, biex jemendaw is-sistema tal-pensjonijiet jistgħu, jekk jiġu implimentati, iwasslu għal deterjorazzjoni tal-finanzi pubbliċi fuq perjodu twil ta’ żmien. L-ewwel nett, il-Parlament adotta leġislazzjoni li tagħti lill-Gvern is-setgħa li jaġġusta b’mod iktar flessibbli l-mekkaniżmu tal-indiċjar tal-pensjonijiet. Il-Parlament qed jiddiskuti wkoll proposti biex l-età statutorja tal-irtirar tiġi limitata għal 65 u biex jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ rieżami regolari tal-età tal-pensjoni. Bidliet ulterjuri, bħal formula aktar ġeneruża tal-indiċjar tal-pensjonijiet u rati differenzjati tal-assigurazzjoni soċjali skont l-għadd ta’ tfal qegħdin jiġu diskussi bħalissa wkoll.

(7)

Il-liġi dwar ir-responsabbiltà fiskali li ġiet adottata mill-Parlament f’Jannar 2017, għandha l-għan li tindirizza n-nuqqasijiet ewlenin tal-qafas fiskali tar-Repubblika Ċeka, peress li dan l-aħħar ġie evalwat bħala wieħed mill-aktar dgħajfin fl-Unjoni. Madankollu, għad irid jinħatar kunsill fiskali indipendenti għas-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-regoli. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-miżuri ġodda li ġew introdotti ser tkun kruċjali biex il-qafas fiskali jsir aktar effikaċi u stabbli.

(8)

Ir-Repubblika Ċeka qed taffaċċja sfidi fir-rigward tal-prevenzjoni tal-korruzzjoni kif ukoll ineffiċjenzi fl-akkwist pubbliku. Filwaqt li għadd ta’ miżuri fil-programm tal-Gvern kontra l-korruzzjoni ġew implimentati u riformi oħra għadhom pendenti, fil-prattika l-korruzzjoni ma tiġix mħarrka sistematikament. B’mod ġenerali, il-prattika Ċeka tal-akkwist pubbliku xorta għadha mhijiex kompetittiva biżżejjed u dan huwa rifless mill-għadd kbir ta’ proċeduri ta’ offerta unika u ta’ għotjiet diretti, b’mod partikolari fis-settur tal-IT. L-ineffiċjenzi fl-appoġġ għat-taħriġ kif ukoll in-nuqqas ta’ strutturi ta’ xiri aggregat u ċentri ta’ kompetenza jfixklu l-professjonalizzazzjoni u jagħmlu aktar diffiċli biex jinkiseb valur tajjeb għall-flus fl-akkwisti pubbliċi. L-użu limitat ħafna tal-kwalità bħala kriterju tal-għoti huwa wkoll sintomatiku f’dan ir-rigward. It-transizzjoni lejn l-akkwist elettroniku għadha qed tiffaċċa sfidi kbar. Dawn jinkludu l-ħtieġa li l-pjattaforma tal-istat tal-akkwist elettroniku tal-Istat, l-Għodda Nazzjonali Elettronika, titjieb u huwa meħtieġ ukoll li jiġu ċċarati l-kondizzjonijiet għall-użu kontinwu ta pjattaformi privati li huma diġà attivi fis-suq Ċek tal-akkwist elettroniku.

(9)

L-ambjent kummerċjali fir-Repubblika Ċeka huwa mgħobbi b’piż regolatorju tqil u b’diversi ostakli amministrattivi, speċjalment il-proċeduri tal-permessi u r-regolamentazzjoni fiskali. F’Settembru 2016, il-Gvern ippreżenta emenda għall-Att tal-Kostruzzjoni u l-leġislazzjoni relatata, bl-għan li jħaffef u jissimplifika l-proċedura għall-għoti tal-permessi għall-bini billi jintegra fiha l-valutazzjoni tal-impatt ambjentali. L-emenda tinsab bħalissa taħt l-iskrutinju parlamentari. L-ispejjeż tal-konformità mar-regoli tat-taxxa għan-negozji għadhom ogħla mill-medja tal-Unjoni. In-nuqqasijiet jinkludu wkoll l-emendi frekwenti għall-Kodiċi tat-Taxxa. L-indirizzar tan-nonkonformità mat-taxxa jibqa’ prijorità għall-awtoritajiet Ċeki; madankollu ma hemmx fokus qawwi fuq is-simplifikazzjoni. Trid tiġi ppreżentata liġi dwar it-taxxa fuq l-introjtu li għandha l-għan li tissimplifika l-Kodiċi tat-Taxxa, iżda abbozz għadu mhux disponibbli.

(10)

L-użu tas-servizzi elettroniċi tal-gvern fir-Repubblika Ċeka huwa fost l-aktar baxxi fl-Unjoni, iżda żdied mill-2015. L-awtoritajiet Ċeki ħadu passi biex tittejjeb id-disponibbiltà tas-servizzi tal-gvern elettroniku iżda ħafna minnhom għadhom għaddejjin u xi miżuri individwali għadhom ma tnedewx. Ir-responsabbiltà għall-introduzzjoni tas-servizzi hija mifruxa fuq bosta ministeri u l-partijiet konċernati jħossu li l-kooperazzjoni transsettorjali hija limitata.

(11)

L-intensità tar-R&Ż żdiedet b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin, iżda dan mhux qed jiġi akkumpanjat minn titjib korrispondenti fil-kwalità tar-riżultati tar-R&Ż. Qed jiġu implimentati riformi fil-governanza tas-sistema tar-R&Ż, iżda dawn għadhom ma ġewx implimentati b’mod sħiħ. Il-Gvern approva metodoloġija ġdida ta’ evalwazzjoni (Metodika 17+) fi Frar 2017, li għandha l-għan li ssaħħaħ il-mekkaniżmi relatati mal-allokazzjoni tal-iffinanzjar għar-riċerka bażika u applikata. Serje ta’ miżuri li qed jittieħdu biex jiġu ffaċilitati rabtiet aktar sodi bejn id-dinja akkademika u n-negozju, qed tinbena fuq l-effett tal-istrutturar tal-Pjattaformi nazzjonali tal-innovazzjoni.

(12)

Ir-riżultati fl-edukazzjoni huma ġeneralment tajba, iżda l-ħiliet bażiċi marru għall-agħar. Il-prestazzjoni hija influwenzata ħafna mill-isfond soċjoekonomiku tal-istudenti. Ir-riżultati edukattivi baxxi ta’ gruppi żvantaġġati, b’mod partikolari tal-komunità Rom, jirrappreżentaw preokkupazzjoni ċara. Huwa stmat li proporzjon kbir ħafna ta’ tfal Rom jabbandunaw l-iskola kmieni. Ittieħdu għadd sinifikanti ta’ miżuri leġislattivi u amministrattivi biex jippromwovu l-edukazzjoni inklussiva u issa bdew jiġu implimentati. Dawn huma mistennija jgħinu biex jitnaqqas id-distakk fil-kisba fl-edukazzjoni bejn it-tfal Rom u dawk mhux Rom. Il-Parlament adotta emendi għall-Att dwar l-Edukazzjoni f’Marzu 2016, li jestendu l-edukazzjoni obbligatorja għall-aħħar sena tal-edukazzjoni preprimarja u li jiżguraw li t-tfal iżgħar ikunu intitolati għal post f’kindergarten. Madankollu, l-inugwaljanzi fis-sistema edukattiva jirrappreżentaw ostaklu għat-titjib tal-kwalità tal-kapital uman u jxekklu wkoll l-eżiti fis-suq tax-xogħol aktar tard fil-ħajja. Aktar rekwiżiti tal-għalliema u popolazzjoni tal-għalliema li qed tixjieħ ifissru li l-professjoni ta’ għalliem mhijiex daqstant attraenti. Dan huwa parzjalment dovut għal pagi relattivament baxxi, għalkemm is-salarji żdiedu f’dawn l-aħħar snin. Sistema ġdida ta’ karrieri għall-għalliema u għall-persunal pedagoġiku li żviluppat bil-ħsieb li tiżdied l-attrazzjoni tal-professjoni, sa fl-aħħar ġiet approvata mill-Gvern wara bosta posponimenti. Opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali kontinwu għall-għalliema qed jiġu żviluppati b’appoġġ sinifikanti fil-forma ta’ fondi tal-Unjoni, b’mod partikolari attivitajiet ta’ żvilupp professjonali marbuta mat-tagħlim ta’ gruppi mħalltin u mal-edukazzjoni inklussiva. Ir-riforma tal-edukazzjoni għolja ġiet adottata mill-Parlament f’Jannar 2016 u r-riżultati tagħha jeħtieġ li jkunu mmonitorjati. Hija ppjanata wkoll riforma tas-sistema tal-finanzjament tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja.

(13)

Ir-rata tal-qgħad fir-Repubblika Ċeka qed tkompli tonqos. L-issikkar tal-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol qegħdin jagħmluha aktar diffiċli għal min iħaddem biex jirrekluta ħaddiema. Għad hemm xi potenzjal biex jiġu paċuti l-iskarsezzi billi jiġu mobilizzati gruppi sottorappreżentati, bħal nisa bi tfal żgħar, ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet u l-membri tal-komunità Rom. Aktar attività ta’ lħiq u attivazzjoni tal-kapaċitajiet tas-servizzi tal-impjieg pubbliku, flimkien ma’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol tajbin u mmirati sew u servizzi individwalizzati, ikunu ta’ għajnuna biex tiżdied il-parteċipazzjoni ta’ gruppi mhux sfruttati. Il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tan-nisa bi tfal żgħar hi mxekkla minn nuqqas persistenti ta’ servizzi ta’ kura tat-tfal bi prezz raġonevoli u ta’ kwalità, b’mod partikolari għal tfal ta’ taħt it-tliet snin, minn intitolamenti twal ta’ liv tal-ġenituri, bl-użu limitat ta’ arranġamenti tal-ħinijiet tax-xogħol flessibbli miż-żewġ ġenituri u b’livell baxx tal-użu ta’ liv tal-ġenituri mill-missirijiet. F’dawn l-aħħar snin ittieħdu xi miżuri biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet. Madankollu, l-eżiti tas-suq tax-xogħol għall-ħaddiema b’ħiliet baxxi huma notevolment iktar dgħajfin milli għall-kumplament tal-gruppi l-oħra. Il-Parlament qiegħed bħalissa jiddiskuti l-qafas leġislattiv għall-akkomodazzjoni soċjali, li huwa mistenni jistipula l-istandards nazzjonali u l-gruppi fil-mira.

(14)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2017, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tar-Repubblika Ċeka u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2017. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Konverġenza tal-2017, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lir-Repubblika Ċeka fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fir-Repubblika Ċeka imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(15)

Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza tal-2017 u huwa tal-opinjoni (4) li r-Repubblika Ċeka mistennija li tkun konformi mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li r-Repubblika Ċeka tieħdu azzjoni fl-2017 u l-2018 biex:

1.

Tiżgura s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, fid-dawl tal-popolazzjoni li qed tixjieħ. Iżżid l-effettività tal-infiq pubbliku, b’mod partikolari billi jiġu miġġielda l-korruzzjoni u prattiki ineffiċjenti fl-akkwist pubbliku.

2.

Tneħħi l-ostakli għat-tkabbir, b’mod partikolari billi tissimplifika l-proċeduri għall-għoti tal-permessi tal-bini u tnaqqas aktar il-piż amministrattiv fuq in-negozji billi tintroduċi servizzi elettroniċi tal-gvern ewlenin, billi ttejjeb il-kwalità tar-R&Ż u billi trawwem ix-xogħol fost il-gruppi sottorappreżentati.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

T. TÕNISTE


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(4)  Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


Top