EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TN0340

Kawża T-340/17: Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Mejju 2017 – Japan Airlines vs Il-Kummissjoni

OJ C 239, 24.7.2017, p. 60–62 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 239/60


Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Mejju 2017 – Japan Airlines vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-340/17)

(2017/C 239/73)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Japan Airlines Co. Ltd (Tokjo, il-Ġappun) (rappreżentanti: J.-F. Bellis u K. Van Hove, avukati, u R. Burton, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1742 finali, tas-17 ta’ Marzu 2017, dwar proċedura għall-implementazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru (Każ AT.39258 – Trasport ta’ merkanzija bl-ajru) fl-intier tagħha sa fejn hija tikkonċerna lir-rikorrenti;

sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, u

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħdax-il motiv.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-fatt li l-Kummissjoni qiegħda tikser il-prinċipju ta’ ne bis in idem u l-Artikolu 266 TFUE billi tikkonstata li r-rikorrenti kienet responsabbli għal aspetti tal-ksur li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni kienet eskludiet ir-responsabbiltà tar-rikorrenti fid-deċiżjoni tal-2010 u, f’kull każ, il-Kummissjoni qiegħda tikser it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli billi timponi multa fuq ir-rikorrenti għal dawn l-aspetti u ma wrietx interess leġittimu sabiex tikkonstata ksur fir-rigward ta’ dawn l-aspetti.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-fatt li l-Kummissjoni qiegħda tikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-adozzjoni mill-ġdid tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn ir-rikorrenti tinsab f’pożizzjoni inqas vantaġġuża mid-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni tal-2010 li fil-konfront tagħhom din tal-aħħar saret definittiva u vinkolanti.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-fatt li l-Kummissjoni qiegħda tikser l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, teċċedi l-kompetenza tagħha u tikser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti billi żżommha responsabbli għal ksur fuq rotot fi ħdan iż-ŻEE u fuq rotot bejn l-Unjoni u l-Isvizzera f’perijodu meta l-Kummissjoni ma kellhiex is-setgħa timplementa l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fil-konfront ta’ kumpanniji tal-ajru li joperaw biss fuq rotot bejn iż-ŻEE u pajjżi terzi, b’tali mod li l-aġir tar-rikorrenti fuq ir-rotot bejn iż-ŻEE u pajjżi terzi kien legali.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-fatt li l-Kummissjoni qiegħda tikser l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi tikkonstata li r-rikorrenti pparteċipat fi ksur uniku u kontinwu li jinkludi rotot li fuqhom r-rikorrenti ma kinitx topera u li fuqhom ir-rikorrenti ma kellhiex id-drittijiet legali neċessarji sabiex topera.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq l-fatt li l-Kummissjoni qiegħda tikser l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi tiddikjara li hija għandha l-kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni ta’ servizzi inbound ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru fuq rotot bejn iż-ŻEE u pajjżi terzi peress li dawn is-servizzi jinbiegħu lil klijenti li jinsabu barra miż-ŻEE.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq l-fatt li l-Kummissjoni qiegħda tikser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u l-prinċipju ta’ proporzjonalità billi tapplika rekwiżiti ta’ prova differenti għad-diversi trasportaturi tal-ajru.

7.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq l-fatt li l-Kummissjoni qiegħda tikser il-linji gwida għall-kalkolu ta’ multi (1) u l-prinċipju ta’ proporzjonalità billi tinkludi fil-valur rilevanti tal-bejgħ, użat bħala bażi għall-kalkolu tal-multa, dħul li joriġina minn elementi tal-prezz ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru li ma għandhom l-ebda relazzjoni mal-ksur li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata.

8.

It-tmien motiv ibbażat fuq l-fatt li l-Kummissjoni qiegħda tikser il-linji gwida tal-2006 għall-kalkolu ta’ multi u l-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi billi tinkludi fil-valur rilevanti tal-bejgħ, użat bħala bażi għall-kalkolu tal-multa, dħul li joriġina minn servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru fuq rotot inbound bejn iż-ŻEE u pajjiżi terzi.

9.

Id-disa’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni qiegħda tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi tillimita għal 15 % it-tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti minħabba l-qafas regolamentari.

10.

L-għaxar motiv ibbażat fuq l-fatt li l-Kummissjoni qiegħda tikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti billi ma tagħtihiex tnaqqis ta’ 10 % tal-ammont tal-multa minħabba l-parteċipazzjoni limitata tagħha fil-ksur filwaqt li destinatarji oħra tad-deċiżjoni tal-2010 ingħataw tali tnaqqis u jinsabu f’pożizzjoni oġġettivament simili għal dik tar-rikorrenti.

11.

Il-ħdax-il motiv ibbażat fuq l-fatt li l-Qorti Ġenerali għandha tibbaża ruħha fuq il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u tnaqqas sinjifikattivament il-multa.


(1)  Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2).


Top