EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CN0055

Kawża C-55/17: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fl-1 ta’ Frar 2017 – Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato vs Vodafone Omnitel NV

OJ C 239, 24.7.2017, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 239/21


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fl-1 ta’ Frar 2017 – Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato vs Vodafone Omnitel NV

(Kawża C-55/17)

(2017/C 239/27)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato

Konvenuta: Vodafone Omnitel NV

Domandi preliminari

1)

L-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005 (1), jipprekludu interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali korrispondenti ta’ traspożizzjoni (ikkostitwiti rispettivament mill-Artikoli 24 u 25 tal-kodiċi tal-konsumatur) li tikkunsidra li l-aġir ta’ operatur tat-telefonija li jikkonsisti fin-nuqqas ta’ għoti ta’ informazzjoni dwar l-installazzjoni minn qabel fuq is-SIM kard ta’ ċerti serivizzi telefoniċi (jiġifieri, servizzi ta’ riċeviment ta’ telefonati jew ta’ użu tal-internet) jista’ jitqies bħala “influwenza mhux xierqa” u għaldaqstant bħala “prattika kummerċjali aggressiva” ta’ natura li tbiddel “konsiderevolment” il-libertà tal-għażla jew tal-aġir ta’ konsumatur medju, u dan b’mod partikolari f’sitwazzjoni li fiha l-ebda aġir materjali ieħor ma jkun ġie attribwit lil dak l-operatur tat-telefonija?

2)

Il-punt 29 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE […] jista’ jiġi interpretat fis-sens li tkun teżisti “kunsinna mhux mitluba” meta operatur tat-telefonija mobbli jitlob lill-klijent tiegħu iħallas għas-servizzi ta’ riċeviment ta’ telefonati jew ta’ użu tal-internet u dan f’sitwazzjoni kkaratterizzata mill-elementi li ġejjin:

l-operatur tat-telefonija, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt tat-telefonija mobbli, ma jkunx informa korrettement lill-konsumatur biċ-ċirkustanza li s-servizzi ta’ riċeviment ta’ telefonati u ta’ użu tal-internet huma installati minn qabel fuq is-SIM kard, bil-konsegwenza li l-imsemmija servizzi jistgħu potenzjalment jintużaw mill-konsumatur inniffsu mingħajr il-bżonn ta’ operazzjoni ta’ aġġustament għal dan l-għan (setting);

sabiex effettivament jibbenefika minn dawn is-servizzi, il-konsumatur għandu fi kwalunkwe każ iwettaq l-operazzjonijiet neċessarji għal dan l-għan (pereżempju, idaħħal in-numru tas-servizz ta’ riċeviment ta’ telefonati jew inkella jsegwi l-passi sabiex jattiva l-użu tal-internet);

ma jkun jeżisti l-ebda lment dwar il-modalitajiet tekniċi u operazzjonali li permezz tagħhom jintużaw b’mod konkret is-servizzi mill-konsumatur, u lanqas dwar l-informazzjoni marbuta ma’ dawn il-modalitajiet u mal-prezz tas-servizzi nfushom, iżda jkun biss allegat li l-operatur, kif issemma iktar ’il fuq, naqas milli jipprovdi l-informazzjoni dwar l-installazzjoni minn qabel tas-servizzi fuq is-SIM kard.

3)

L-għan tad-direttiva “ġenerali” Nru 2005/29/KE bħala “nett ta’ sigurtà” għall-protezzjoni tal-konsumaturi, kif ukoll il-premessa 10 u l-Artikolu 3(4) tal-istess Direttiva Nru 2005/29/KE jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ddaħħal l-evalwazzjoni tal-osservanza tal-obbligi speċifiċi ta’ protezzjoni tal-utent, previsti mid-Direttiva settorjali Nru 2002/22/CE (2), fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ġenerali Nru 2005/29/CE dwar il-prattiċi kummerċjali żleali, u b’hekk konsegwentement teskludi l-intervent tal-awtorità kompetenti sabiex tindirizza ksur tad-direttiva settorjali fil-każijiet kollha li fihom din tkun tista’ tikkonstata li huma ssodisfatti l-kriterji ta’ prattika kummerċjali inkorretta/żleali?

4)

Il-prinċipju ta’ speċjalità sanċit fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva Nru 2005/29/KE għandu jinftiehem bħala prinċipju li jirregola r-relazzjonijiet bejn il-leġiżlazzjonijiet (leġiżlazzjoni ġenerali u leġiżlazzjonijiet settorjali) jew anki relazzjonijiet bejn regoli (regoli ġenerali u regoli speċjali), jew anki, relazzjonijiet bejn l-awtorità responsabbli mir-regolamentazzjoni jew mis-sorveljanza tal-oqsma kkonċernati?

5)

Il-kunċett ta’ “konflitt” previst fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva Nru 2005/29/KE jista’ jitqies bħala applikabbli biss f’każ ta’ kontradizzjoni radikali bejn id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni dwar il-prattiċi kummerċjali irregolari u r-regoli l-oħra tad-dritt derivat tal-Unjoni li jirregolaw aspetti speċifiċi settorjali ta’ prattiċi kummerċjali jew inkella huwa suffiċjenti li r-regoli inkwistjoni jkunu jistabbilixxu regolamentazzjoni li ma tkunx taqbel mal-leġiżlazzjoni dwar il-prattiki kummerċjali irregolari inkonnessjoni mal-elementi speċifiċi tas-settur, b’tali mod li jirriżulta kunflitt ta’ liġijiet (Normenkollision) f’każ partikolari?

6)

Il-kunċett ta’ regoli komunitarji previsti fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva Nruo2005/29/KE jirrigwarda biss id-dispożizzjonijiet li jinsabu fir-regolamenti u fid-direttivi tal-Unjoni kif ukoll id-dispożizzjonijiet li direttament jittrasponuhom, jew jinkludu wkoll id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolatorji li jimplementaw il-prinċipji tad-dritt Ewropew?

7)

Il-prinċipju ta’ speċjalità, previst fil-premessa 10 u fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29/KE, u l-Artikoli 20 u 21 tad-Direttiva 2002/22/KE u l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2002/21/KE (3) jipprekludu interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali li tistabbilixxi li, kull darba li jiġi kkonstatat f’settur irregolat, li jinkludi regolamentazzjoni settorjali tal-konsumatur li fih l-awtorità kompetenti f’dan il-qasam tingħata setgħa regolatorja u repressiva, aġir li huwa kopert mill-kunċett ta’ “prattika agressiva” fis-sens tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2005/29/KE jew “agressivi f’kull ċirkustanza” fis-sens tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE, il-leġiżlazzjoni ġenerali dwar il-prattiki żleali għandha dejjem tiġi applikata u dan anki meta tkun teżisti leġiżlazzjoni settorjali, adottata għall-protezzjoni tal-konsumaturi u fondata fuq dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, li tirregola b’mod sħiħ l-istess “prattiki agressivi” u “agressivi f’kull ċirkostanza” jew, fi kwalnkwe każ, l-istess “prattiċi irregolari”?


(1)  Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, p. 22).

(2)  Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367).

(3)  Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349).


Top