EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE5339

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2017” [COM(2016) 725 final]

OJ C 173, 31.5.2017, p. 73–81 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 173/73


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2017”

[COM(2016) 725 final]

(2017/C 173/13)

Rapporteur:

Etele BARÁTH

Consultation

Kummissjoni Ewropea, 8.12.2016

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sottokumitat kompetenti

SC/046

Adottata fis-sottokumitat

17.1.2017

Adottata fil-plenarja

22.2.2017

Sessjoni plenarja Nru

523

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

181/5/36

Kooperazzjoni, approprjazzjoni u flessibbiltà

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jaqbel mal-prijoritajiet enfasizzati fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-Kummissjoni Ewropea għall-2017, jiġifieri s-supremazija mogħtija lill-promozzjoni tal-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir, permezz tat-tliet pilastri tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, jiġifieri riformi strutturali, l-iżgurar ta’ politiki fiskali responsabbli u t-tisħiħ tal-investiment. Dan l-istħarriġ annwali jikkostitwixxi bażi xierqa għall-ftuħ tal-proċess tas-Semestru Ewropew u l-iżvilupp ulterjuri ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż.

1.2.

Is-Semestru Ewropew jitqies bħala strument tajjeb għal aktar progress fil-politiki u r-rifoma, li jwassal għall-irkupru u l-impjieg. Is-SAT 2017 jiddeskrivi l-prijoritajiet ekonomiċi u soċjali l-aktar urġenti, flimkien ma’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi, madankollu, il-KESE jieħu b’serjetà kbira l-aspetti negattivi tar-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż li huma applikati fuq livell nazzjonali biex jistabbilixxu l-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro.

1.3.

L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jirrikonoxxi l-ħafna żviluppi pożittivi u sinjali ta’ rkupru fl-UE. L-investiment beda jiżdied, inħolqu 8 miljun impjieg ġodda mill-2013, il-mira ta’ 75 % ta’ impjieg tista’ tintlaħaq, hemm titjib strutturali fil-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol, u l-livell medju tad-defiċit pubbliku tnaqqas ftit f’uħud mill-Istati Membri.

1.4.

Il-Kumitat jappoġġja l-idea li l-garanzija għal futur ekonomiku promettenti għal kulħadd hija l-bażi tal-preżervazzjoni tal-istil ta’ ħajja Ewropew, iżda jqis li jeħtieġ li jsiru sforzi addizzjonali sabiex jintlaħaq dan l-għan. L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jgħid b’mod ċar li l-irkupru għadu fraġili. Il-qgħad għadu għoli, saħansitra żdied ir-riskju għall-faqar, il-PDG u r-rati ta’ tkabbir tal-produttività għadhom baxxi wisq, u l-investiment għadu wisq taħt il-livelli ta’ qabel il-kriżi. Għad hemm żbilanċi sinifikattivi u riskji usa’ fiż-żona tal-euro u fl-UE b’mod ġenerali.

1.5.

Il-KESE jemmen ukoll li l-globalizzazzjoni, l-iżviluppi demografiċi u teknoloġiċi, u b’mod partikolari d-diġitalizzazzjoni, huma sorsi importanti ta’ bidliet, li kollha għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minnhom. L-investiment fl-għarfien, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ICT – li jixprunaw it-tkabbir – għandu jkun fost l-isforzi ewlenin.

1.6.

Il-Kumitat jappoġġja l-għanijiet dwar l-ugwaljanza, l-ekwità u l-inklużjoni, u jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza ta’ politiki koordinati u ta’ riformi.

1.7.

Fl-istess ħin, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, sabiex jintlaħqu l-għanijiet komuni u jingħelbu l-iżvantaġġi, huwa kruċjali li tissaħħaħ l-integrazzjoni. F’dan ir-rigward, il-governanza Ewropea bbażata fuq il-kollaborazzjoni responsabbli, karatterizzata kemm mid-dixxiplina kif ukoll mill-flessibbiltà, tikkostitwixxi garanzija. Is-Semestru Ewropew juri biċ-ċar li l-istabbiliment ta’ sħubijiet ta’ livell għoli bejn l-Istati Membri huwa mod effettiv biex noħorġu mill-kriżi.

1.8.

Il-KESE japprova fil-prinċipju l-missjonijiet stabbiliti fl-Istħarriġ dwar it-Tkabbir tal-2017, kif ukoll it-tqassim tal-kompiti bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Itenni l-proposta tiegħu dwar l-arrikkiment tas-Semestru Ewropew, diġà fformulat fl-analiżi tiegħi dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016. Barra miż-żieda fl-investiment, ir-riformi strutturali u t-tisħiħ tal-ekwilibriju makroekonomiku, fost l-objettivi ewlenin huma l-progress li jrid isir fid-dawl tal-indikaturi lil hinn mill-PDG, l-għanijiet fil-qasam soċjali, ambjentali u s-sostenibbiltà.

1.9.

Fil-fehma tal-KESE, hija biss sistema ta’ indikaturi komprensiva – bħas-sistema attwali, li hija kapaċi wkoll tindirizza l-impatti soċjali u ambjentali – li verament tista’ tidentifika t-tkabbir ekonomiku reali orjentat lejn ir-riżultati (introjtu nazzjonali gross).

1.10.

Il-KESE jaħseb li rendikont ċar u komprensibbli tal-orjentamenti politiċi u strateġiċi dwar il-ġejjieni fil-qrib u fit-tul huwa indispensabbli. Jenħtieġ li l-prijoritajiet tal-Kummissjoni Juncker kif ukoll l-objettivi għall-2030 ibbażati fuq l-Istrateġija Ewropa 2020, li jinkludu wkoll l-isfidi tal-iżvilupp sostenibbli, għandhom jiddeterminaw b’mod konġunt il-proċessi ta’ żvilupp.

1.11.

L-aħħar previżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea (1) jindikaw li l-iżvilupp ekonomiku tal-Istati Membri tal-UE m’għandux jinbidel b’mod sostanzjali bejn l-2016 u l-2018 meta mqabbel mal-2015 u li s-sors ewlieni ta’ tkabbir se jkun il-konsum mhux l-investiment. Din il-perspettiva, li hija relatata ma’ tkabbir u investiment baxx, ma tantx hi promettenti, iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li t-tisħiħ tad-domanda domestika jibqa’ importanti daqs qatt qabel meta wieħed jiġi biex tingħata spinta lill-investiment.

1.12.

Fid-dawl tal-limitazzjonijiet tal-kompetenzi tal-Unjoni, għandha tissaħħaħ il-koordinazzjoni tal-istrumenti kollha tal-politika soċjali. Sistema ta’ punt ta’ riferiment imfassla tajjeb, li għandha tiġi proposta mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali futur, tista’ tistimola l-proċess ta’ riforma u tiżgura koordinazzjoni aħjar tal-politiki soċjali fis-Semestru Ewropew.

1.13.

L-analiżi tal-livell ta’ adegwatezza bejn il-politika tradizzjonali ta’ koeżjoni li attwalment qed tgħaddi minn reviżjoni ta’ nofs it-terminu u l-finanzjament tagħha (FSIE) minn naħa, u l-istrumenti l-ġodda ta’ investiment (FEIS) min-naħa l-oħra, għandha tkun wieħed mill-kompiti tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir. Fid-dawl tal-fatt li dan huwa wieħed mit-tipi ta’ kooperazzjoni l-iżjed dinamiċi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, huwa importanti wkoll li tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar f’termini tal-implimentazzjoni tiegħu. Jeħtieġ li jkunu kkoordinati l-isforzi għal titjib.

1.14.

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa wieħed mill-pilastri ewlenin tal-funzjonament tas-Semestru Ewropew. Żvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli fit-tul jista’ jkun ibbażat fuq politiki fiskali adegwati u koordinati fil-livell tal-UE u l-istabbiltà baġitarja u l-funzjonament trasparenti u prevedibbli tas-sistemi finanzjarji.

1.15.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-bidliet strutturali meħtieġa biex jinkiseb l-iżvilupp sostenibbli jeħtieġu fondi sinifikanti, li ser ikunu disponibbli biss jekk ir-riżorsi baġitarji jintużaw b’mod aktar effikaċi u jekk l-investimenti jiġu riveduti b’mod sinifikanti ‘l fuq.

1.16.

Jekk dan il-fond Ewropew ġdid, il-FEIS, jippermetti fundamentalment li jiżidiedu r-riżorsi fis-setturi produttivi u l-infrastrutturi fiżiċi, il-fatt li l-livelli ta’ investiment pubbliku u soċjali huma ferm anqas minn dak li hu meħtieġ huwa problematiku ħafna. F’dan ir-rigward jeħtieġ li tiġi żgurata flessibilità baġitarja suffiċjenti.

1.17.

Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li tingħata prijorità għal investiment f’sistemi ta’ edukazzjoni, taħriġ, saħħa u sistemi soċjali oħra, b’mod partikolari f’reġjuni inqas żviluppati mill-medja.

1.18.

Il-governanza Ewropea jrid ikollha kemm ir-responsabbiltà konġunta kif ukoll il-flessibbiltà raġonevoli. Minn naħa, il-KESE jemmen li r-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-baġit tal-Unjoni, id-definizzjoni mill-ġdid tal-għanijiet, iż-żieda sinifikanti fis-sehem tar-riżorsi u riżorsi proprji u t-titjib tal-effettività u l-effiċjenza fl-implimentazzjoni jistgħu jikkontribwixxu għat-tħejjija ta’ sistema fejn il-flessibilità tista’ titqies ukoll bħala mod biex jiġu koperti r-riskji. Min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet imtejba tas-suq u r-regolamentazzjoni intelliġenti jistgħu jħeġġu l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea f’sens wiesa’ (inkluż minn perspettiva ekonomika, soċjali u ambjentali).

2.   Kuntest

2.1.

Ħafna aktar importanti minn rieda politika komuni biex nibnu l-futur, illum il-ġurnata huma fil-fatt il-garanziji legali u l-obbligu ta’ kooperazzjoni ekonomika li jżommu l-koeżjoni tal-Unjoni Ewropea. L-Unjoni hija maqsuma u qed tiffaċċja kriżi multidimensjonali li dejjem qed tiġġedded. Il-votazzjoni marbuta mal-Brexit u l-inċertezza konsegwenti jikkostitwixxu sinjal ċar ta’ dan. Filwaqt li l-istaġnar politiku huwa ikbar minn dak ekonomiku, għad hemm disparitajiet ekonomiċi konsiderevoli minkejja l-irkupru ekonomiku li jista’ jiġi osservat f’xi Stati Membri.

2.2.

Il-kriżi tal-migrazzjoni tibgħat messaġġ traġiku ta’ impatt globali, li timponi fuq l-Ewropa minn naħa l-obbligu li tirrispetta l-impenn umanitarju tagħha li żżomm fis-seħħ is-sistemi soċjetali u soċjali Ewropej u min-naħa l-oħra li tikkonsolida r-rwol tagħha lil hinn mill-fruntieri tal-kontinent.

2.3.

Fir-rigward tal-funzjonament tal-Unjoni, kiber id-distakk bejn il-perċezzjoni tas-soċjetà u r-realtà. Ir-relazzjonijiet ta’ sħubija stabbiliti bejn is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tagħha minn naħa, u s-sistema istituzzjonali tal-Unjoni min-naħa l-oħra, għadhom ‘il bogħod li jkunu sodisfaċenti; l-Ewropej jafu sew li s-sitwazzjoni qed tiggrava. Iċ-ċittadini u l-intrapriżi, żgħar, medji u kbar, jistennew inizjattivi effettivi.

2.4.

Il-forzi politiċi li qed iqiegħdu l-esiġenzi reali jew preżunti tal-indipendenza nazzjonali f’oppożizzjoni mal-kisbiet komuni tagħna qed jissaħħu. Fil-politika tal-lum sfortunatament qed issir enfasi fuq id-differenzi aktar milli fuq l-interazzjonijiet.

2.5.

Minn meta tfasslu l-proposti fil-qafas tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Istrateġija Ewropa 2020, kien deher ċar li kien essenzjali li jissaħħu l-proċessi ta’ żvilupp (u strumenti relatati) li jaffettwaw b’mod dirett liċ-ċittadini Ewropej, sabiex tingħata espressjoni lill-valuri Ewropej u jitmexxew ‘il quddiem l-interessi tal-Unjoni.

2.6.

Il-kriżi ekonomika u t-tnaqqis fl-investiment sussegwenti dgħajfu l-unità bejn l-Istati Membri, ibbażata fuq it-tkabbir, u kkawżaw tensjonijiet dejjem aktar profondi. Minkejja l-għan fundamentali tal-Unjoni, id-differenzi fl-iżvilupp bejn l-Istati Membri, u partikularment bejn ċerti reġjuni, qed jiżdiedu.

2.6.1.

Barra minn hekk, ir-regoli dwar id-defiċits tal-baġit stabbiliti fl-2005 għandhom jiġu adattati għas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali attwali tal-UE, u għandhom iqisu li ċerti spejjeż pubbliċi, bħall-edukazzjoni, għandhom jitneħħew mill-kalkoli tad-defiċit, peress li huma importanti bħala investiment għall-futur.

2.7.

Filwaqt li l-Unjoni Ewropea tibqa’ ġeneralment attraenti, għadha ma rkupratx ir-rwol tagħha bħala attrazzjoni għall-investituri. Fir-rigward ta’ investimenti produttivi, l-UE qed taqa’ lura progressivament meta tqabbel mal-Istati Uniti. Il-pajjiżi li waqgħu lura qegħdin iżommu lura lil dawk l-iktar dinamiċi. It-tnaqqis fil-livelli ta’ produttività u d-dgħufija tal-proċessi tal-innovazzjoni jnaqqsu l-livell ta’ valur miżjud Ewropew li għandu jintuża fil-kompetizzjoni globali.

2.8.

F’xi pajjiżi l-investimenti produttivi qed jonqsu minkejja bilanċ baġitarju pożittiv sinifikanti. Dan ixekkel l-isforzi biex jerġa’ jinkiseb il-progress. Ir-reazzjoni hija kajmana u burokratika.

2.8.1.

Madankollu, il-KESE jistma li l-investiment u l-konsum huma meħtieġa ħafna sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekonomiċi favur it-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli li jindirizza t-tibdil fil-klima. Għandu jkun hemm taħriġ ġdid u ħolqien tal-impjiegi li jagħtu spinta lill-kompetittività Ewropea.

2.9.

Fl-2014, il-Kummissjoni Ewropea nediet mudell ġdid ta’ żvilupp ekonomiku. L-objettivi fformulati, jiġifieri l-ħolqien ta’ impjiegi u l-promozzjoni tat-tkabbir, it-tisħiħ tas-suq uniku Ewropew, is-semplifikazzjoni tas-sistema ta’ regolaturi ekonomiċi, il-konsolidazzjoni tal-iżviluppi komunitarji prijoritarji, is-suq tal-enerġija, l-appoġġ għall-investimenti fis-suq u s-servizzi diġitali, it-trattament prijoritarju tan-netwerks intellettwali u fiżiċi għall-interkonnessjoni tal-Ewropa, u t-tisħiħ tar-responsabbiltà ambjentali jipprovdu dinamika ġdida kruċjali għall-ekonomija.

2.10.

Il-miżuri meħuda għall-implimentazzjoni tal-programm, il-ħidma mwettqa fil-qafas tal-programm REFIT, il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi u l-qafas istituzzjonali relatat jidhru li jikkonfermaw il-validità tal-intenzjonijiet. Iżda, kif ġie indikat preċedentement, dawn il-prospetti ta’ tkabbir mhumiex biżżejjed.

2.11.

In-nuqqas ta’ politiki baġitarji orjentati lejn it-tkabbir għal pajjiżi affettwati minn livell għoli ta’ dejn pubbliku u defiċits baġitarji, li f’xi każijiet irriżultaw mill-kollass bankarju u finanzjarju, aktar milli mit-tberbiq fl-infiq tal-gvern, irriżulta li kien kontroproduċenti u kkontribwixxa biex jitwessa’ d-distakk bejn pajjiżi b’eċċess u dawk b’defiċit. Skont il-każ, jista’ jkun aktar effiċjenti li jingħata aktar żmien u li jkun permess aġġustament aktar gradwali, peress li żieda fit-tkabbir ekonomiku għandha rwol ewlieni fit-tnaqqis tal-proporzjonijiet tad-defiċit u tad-dejn.

2.12.

Hemm lok li jiġi stabbilit sett ta’ għodod ta’ żvilupp biex jiġi żgurat it-tkabbir, biex jiġi stimolat l-aġġustament simetriku madwar l-UE u biex jittaffu t-tensjonijiet soċjali. Is-Semestru Ewropew jippermetti sabiex jitfassal proċess speċifiku għal pajjiż u biex isir monitoraġġ tal-implimentazzjoni, iżda dan il-proċess għandu biss rwol koinċidentali fl-istabbiliment tal-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro, kif turi biċ-ċar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2016) 726 final dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro.

2.13.

L-għanijiet ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 għadhom validi. Iċ-ċifri tal-qgħad jibqgħu inaċċettabbli, b’aktar minn 22 miljun ruħ qiegħda fl-Unjoni u aktar minn 17-il miljun fiż-żona tal-euro. L-għadd ta’ nies li jgħixu fil-faqar jew fir-riskju jiżboq il-122 miljun. In-nuqqas ta’ perspettivi għaż-żgħażagħ jikkostitwixxi ostaklu mdaqqas għall-futur li jista’ jiġġedded tal-Ewropa. Il-mobbiltà tal-ħaddiema hija baxxa. Is-sistema ta’ tagħlim tul il-ħajja mhux dejjem tkun fil-qalba tal-politiki. It-tendenzi, li jitbiegħdu mill-objettivi, mhumiex inkoraġġanti. Diġà hemm aktar minn 70 Direttiva dwar id-drittijiet soċjali fis-seħħ. Fl-opinjoni tiegħu dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-KESE jargumenta li, bħala parti mill-preparazzjoni għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, il-konverġenza ‘l fuq trid tkun stabbilita bħala objettiv għal drittijiet soċjali fl-Ewropa. Bl-istess mod, jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati t-tkabbir u l-kompetittività madwar l-UE. F’dan il-kuntest, huwa jenfasizza l-interdipendenza neċessarja bejn il-politika ekonomika, tal-impjieg u dik soċjali (2).

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.

Investiment

3.1.1.

Il-Kummissjoni Ewropea tqiegħed il-ħarsa ġenerali tal-miżuri li għandhom l-għan li jiżviluppaw aktar is-sistema finanzjarja fil-qalba tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir. Dawn il-miżuri huma l-aktar sinifikanti f’termini tal-konsolidazzjoni ta’ kif jiffunzjona s-settur, it-titjib tal-effiċjenza tal-FEIS, it-tneħħija tal-ostakoli għall-investimenti, u l-espansjoni tar-rwol globali tal-ekonomija Ewropea.

3.1.2.

Il-KESE jaqbel mal-importanza kbira mogħtija lill-ħolqien ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali u ta’ kundizzjonijiet ta’ qafas oħrajn, sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament, jinfirex ir-riskju, u l-kreditu jsir aktar aċċessibbli – b’mod partikolari billi jitneħħew l-ostakoli li qed jiffaċċja s-settur tal-SMEs – u t-traspożizzjoni fil-prattika tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs.

3.1.3.

F’dan ir-rigward, ta’ min isemmi pereżempju r-Regolament dwar fondi ta’ kapital ta’ riskju u l-iżvilupp ulterjuri tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali, it- “tieni opportunità” għal intraprendituri li jfallu, it-titjib tal-proċeduri ta’ insolvenza jew l-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ ristrutturar preventiv. Li titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-banek u tiżdied l-effiċjenza operattiva tagħhom għandu jkun wieħed mill-pilastri tal-iżvilupp tal-attivitajiet ta’ investiment.

3.1.4.

Kollox jindika li l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi – minbarra t-tkabbir tiegħu, li diġà kien is-suġġett ta’ deċiżjoni – għandu effett ta’ inċentiv ewlieni fuq is-suq Ewropew tal-investimenti. Dan jista’ jkun ta’ importanza partikolari fil-kuntest tal-kisba tal-miri sal-2030, li jinkludu wkoll kriterji dwar l-iżvilupp sostenibbli. It-tranżizzjoni gradwali lejn ekonomija ċirkolari b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju se toħloq impjiegi ġodda, partikolarment fis-settur tas-servizzi, u l-prodotti li jissodisfaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà jistgħu jiftħu toroq ġodda għall-innovazzjoni.

3.1.5.

F’opinjonijiet preċedenti, il-Kumitat kien diġà enfasizza li l-ikkompletar tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali se jiftħu opportunitajiet ta’ għażla għall-investimenti. Id-dinamizzazzjoni ta’ dawn l-oqsma tiddependi wkoll fuq ftehimiet kummerċjali internazzjonali, li wħud minnhom jistgħu jiġu affettwati ħażin ħafna minn attitudnijiet li qed jinbidlu fil-politiki globali, u l-aċċessibbiltà tas-swieq li tirriżulta minnhom.

3.1.6.

Il-KESE huwa tal-fehma li huwa essenzjali li l-fondi strutturali jistgħu jiġu użati iktar milli qed jiġu użati llum biex jappoġġjaw l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-mobbiltà marbuta magħhom.

3.2.    Lħiq ta’ riformi strutturali

3.2.1.

Il-KESE jaqbel mal-impenn li jitwettqu riformi strutturali b’mod differenzjat, kif maqbul. Għandhom jiġu previsti fil-livell Ewropew u nazzjonali l-mezzi neċessarji għal dan il-għan.

3.2.2.

Il-KESE jaqbel mal-Parlament Ewropew li suq tax-xogħol flessibbli li jiffunzjona tajjeb jikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet għall-ħolqien ta’ ambjent ekonomiku pożittiv. Madankollu, huwa jaħseb li huwa neċessarju li tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tas-suq uniku Ewropew.

3.2.3.

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għandhom jiġu implimentati b’tali mod li jiżguraw li tingħata konsiderazzjoni dovuta għall-kapaċitajiet baġitarji tal-Istati Membri sabiex dawn ikunu jistgħu jiżviluppaw politiki biex tingħata spinta lit-tkabbir u l-inklużjoni soċjali.

3.2.4.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon it-tnedija tal-KE tal-konsultazzjoni dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali minn Marzu 2016, u jaqbel li l-iżvilupp ekonomiku għandu jwassal għal aktar progress u koeżjoni soċjali. L-Istati Membri bl-aħjar prestazzjoni f’termini ekonomiċi żviluppaw politiki soċjali aktar ambizzjużi u effiċjenti, iżda b’mod ġenerali, il-kompetittività u d-dimensjoni soċjali jeħtieġ li jiġu mtejba fl-Ewropa.

3.2.5.

Huwa importanti li r-riformi implimentati mill-Istati Membri jiggarantixxu l-aċċess għal servizzi u riżultati ta’ kwalità. Barra minn hekk, it-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni, it-taħriġ, il-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-indukrar tat-tfal huwa kundizzjoni sine qua non tal-iżvilupp ekonomiku u se jkollu impatt dirett fuq l-iżvilupp tal-istil ta’ ħajja u l-inklużjoni soċjali.

3.2.6.

Ir-rwol tal-imsieħba soċjali fit-tfassil, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali huwa partikolarment importanti. Dan ir-rwol għandu jkun ibbażat fuq bidu ġdid għad-djalogu soċjali – ispirat mill-forma attwali ta’ djalogu iżda bi strumenti parteċipattivi msaħħa. L-impenn soċjali responsabbli jiddipendi minn komunikazzjoni ċara u diretta, u l-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni mħabbra mill-KE li jiġu involuti l-imsieħba soċjali b’mod profond u sistematiku fiċ-ċiklu tas-semestru Ewropew.

3.2.7.

Approċċ u implimentazzjoni koerenti tar-riformi jippermettu wkoll konsiderazzjoni akbar tad-dimensjoni soċjali fil-proċess tas-Semestru Ewropew. Huwa xieraq li jiġu arrikkiti l-għodod u l-metodoloġija tal-politika ekonomika b’viżjoni orjentata lejn riżultati sostenibbli, u valuri soċjali li jirriflettu wkoll is-sostenibbiltà.

3.2.8.

L-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ inċentivi, li toħloq kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusti, tappoġġja aktar it-tkabbir u tillimita l-possibbiltajiet ta’ abbuż, għandha tagħmel parti integrali tal-proċess ta’ riforma.

3.3.    Politiki fiskali pożittivi

3.3.1.

L-implimentazzjoni u l-kontroll tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, u ta’ x’inhu l-impatt tagħhom fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri individwali, huma element importanti tal-proċess tas-Semestru Ewropew. Hija ħasra li l-proċess tas-semestru wera li huwa strument unilaterali li jipproskrivi dejn u defiċits għoljin taħt piena ta’ sanzjonijiet, iżda jippreskrivi biss tnaqqis sempliċi ta’ bilanċ pożittiv kbir wisq. Il-KESE huwa favur il-flessibilità, speċjalment meta din tagħmilha possibbli li l-investimenti pubbliċi jagħtu spinta lis-setturi li wkoll huma utli fuq medda ta’ żmien twila (edukazzjoni, taħriġ u saħħa).

3.3.2.

Madankollu, il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir għandu jiġi komplementat mill-introduzzjoni ta’ proċedura għall-iżbilanċi soċjali paragunabbli mal-proċedura eżistenti rigward l-iżbilanċi makroekonomiċi, li tidentifika u tanalizza l-impatt soċjali tal-attivitajiet ekonomiċi fl-Istati Membri. Kif intqal hawn fuq, għandha tingħata kunsiderazzjoni speċjali lid-defiċits tal-baġits nazzjonali meta dawn ikunu marbuta ma’ investimenti għall-futur, bħalma huma l-edukazzjoni, jew investimenti mmirati lejn il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet għal tranżizzjoni ekonomika lejn ekonomija sostenibbli li tindirizza t-tibdil fil-klima.

3.3.3.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon it-tisħiħ tar-rwol tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-isforzi tal-Kummissjoni favur approċċ baġitarju pożittiv għall-politika monetarja fiż-żona tal-euro. Il-KESE jirrikonoxxi r-rwol importanti li kellu l-BĊE biex terġa’ tinkiseb l-istabbiltà wara l-kriżi. Dan għandu jiġi kkomplementat b’miżuri aktar b’saħħithom biex titħaffef ir-rata ta’ żieda fit-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ impjiegi. F’dan il-kuntest, il-KESE huwa mħasseb u ddiżappuntat li l-Kunsill ċaħad ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal pożizzjoni fiskali pożittiva fiż-żona tal-euro.

3.3.4.

Ir-rati tal-imgħax baxxi li jikkaratterizzaw il-perjodu attwali joffri lill-Istati Membri l-possibbiltà li jiżdied l-investiment pubbliku, filwaqt li jonqos il-proporzjon tad-dejn tagħhom. Il-KESE huwa tal-fehma li, fi ħdan il-limiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-baġit tal-UE u l-preparazzjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, u l-introduzzjoni tal-“baġit tal-UE ffukat fuq ir-riżultati”, għandhom joffru opportunità li jiġu implimentati prattiki ta’ investiment oriġinali li jsostnu t-tkabbir ekonomiku u jiżguraw is-sostenibbiltà fit-tul.

3.3.5.

It-tbassir tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2017 huwa ta’ importanza partikolari meta jiġi analizzat l-iżvilupp strutturali tas-soċjetà Ewropea. L-isforzi biex jitnaqqsu l-effetti negattivi tat-tixjiħ fuq is-soċjetà jżidu dejjem iżjed il-pressjoni fuq il-baġits tal-Istati Membri. Għandha tiġi enfasizzata għal darb’ oħra l-importanza ta’ taħriġ u taħriġ mill-ġdid, ir-rwol ta’ prevenzjoni li huwa responsabbiltà tas-settur tas-saħħa u l-ħtieġa għal riforma tas-sistema ta’ protezzjoni soċjali.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Huwa essenzjali u urġenti li jiġi żviluppat fid-dettall u implimentat programm prijoritarju li jipprevedi l-konsolidament sħiħ tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro. Madankollu, dan m’għandux jirriżulta f’li jitwessa’ d-distakk bejn il-pajjiżi tal-Ewropa.

4.2.

L-ewwel perjodu ta’ żvilupp b’żewġ veloċitajiet imħabbar mill- “Ħames Presidenti” dwar l-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja Ewropea jispiċċa fl-2017. “White Paper” twitti t-triq għat-tieni stadju. Fil-kuntest stabbilit permezz tal-Brexit, it-tisħiħ tal-erba’ unjonijiet – ekonomika, fiskali, finanzjarja u politika – huwa ta’ importanza partikolari ħafna. Jidher essenzjali, għall-perjodu ta’ wara l-Brexit, li jiġu riveduti ‘l fuq il-kapaċitajiet finanzjarji.

4.2.1.

Filwaqt li s’issal-attenzjoni kienet primarjament fuq it-tisħiħ tas-sistema finanzjarja u ekonomika taż-żona tal-euro – l-istabbiliment ta’ bordijiet tal-kompetittività u l-produttività, it-tisħiħ tal-unjoni bankarja u qbil dwar it-tielet pilastru tagħha, skema ta’ garanzija tad-depożiti bankarji (EDIS), l-istabbiliment ta’ entità superviżorja biex tiġi infurzata d-dixxiplina baġitarja, u progress fit-triq lejn kooperazzjoni mill-qrib fis-swieq kapitali – ir-rieda li tiġi żviluppata kooperazzjoni politika għandha tiġi intensifikata wkoll.

4.2.2.

Jidher ċar li dan għandu jħeġġeġ lill-mexxejja tal-UE biex jistabbilixxu approċċ strateġiku ġenerali msejjes fuq politika ekonomika flessibbli. F’konformità mat-Trattat ta’ Lisbona u l-qafas regolatorju li jirregola l-implimentazzjoni tiegħu, tali approċċ għandu jieħu iktar inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet soċjetali u soċjali kif ukoll il-kapaċità ta’ reżistenza ta’ kull pajjiż, anke f’każi fejn il-ftehimiet ta’ regolamentazzjoni ekonomika u l-istrumenti tagħhom jiffunzjonaw tajjeb

(l-attitudni iktar flessibbli reċenti minn Franza, Spanja jew il-Portugall fit-tnaqqis tad-defiċit baġitarju tirrifletti dan l-iżvilupp possibbli).

4.3.

F’perjodi baġitarji u finanzjarji preċedenti, ir-rekwiżit li jiġi identifikat “valur miżjud Ewropew” ħa importanza sinifikanti fil-kuntest tad-definizzjoni tal-programmi u l-missjonijiet. Id-diversi programmi appoġġjati mill-fondi Ewropej qed jimmiraw dejjem iżjed u iżjed lejn kooperazzjoni prattika bejn l-Istati Membri tal-Unjoni, fejn l-isforzi konġunti wasslu għal riżultati aqwa milli kien possibbli fil-livell purament nazzjonali (il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, Orizzont 2020, eċċ), li rawmu l-konverġenza ta’ interessi komuni Ewropej bejn il-livell lokali u dak tal-Istati Membri (il-ġlieda kontra l-qgħad u l-faqar, l-iżvilupp tal-infrastruttura, żvilupp reġjonali u urban, eċċ.). L-iskala tar-riżorsi disponibbli madankollu mhijiex proporzjonata mal-iskala tal-kompiti li għandhom jitwettqu.

4.4.

L-approssimazzjoni tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 ingħatat ukoll attenzjoni konsiderevoli fil-kuntest tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi matul il-proċess tas-Semestru Ewropew. Minbarra r-riformi baġitarji u strutturali, il-programmi ta’ riforma tal-Istati Membri kellhom ukoll jifformulaw objettivi speċifiċi u jispeċifikaw il-modi tat-twettiq tagħhom. It-tliet pilastri tal-Istrateġija Ewropa 2020 – Ewropa intelliġenti, sostenibbli u inklużiva – u s-sistema tagħha ta’ indikaturi jistgħu jibqgħu jservu ta’ referenza għas-soluzzjonijiet li jridu jinstabu quddiem sfidi ġodda li se jinqalgħu sal-2030.

4.5.

L-għanijiet ta’ sostenibbiltà soċjoambjentali fit-tul għandhom jaqdu rwol aktar importanti fil-kuntest tal-mekkaniżmu tas-Semestru Ewropew. Dan il-proċess jista’ jħeġġeġ id-djalogu dwar kwistjonijiet ewlenin bħall-promozzjoni ta’ investimenti differenti fis-settur soċjali u s-settur pubbliku, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-investimenti b’benefiċċji netti fit-tul meta tikkalkula d-defiċit tal-baġit, jew anke l-iżvilupp ta’ struttura istituzzjonali li sservi l-benesseri taċ-ċittadini. Irid ikun hemm “regola tad-deheb” ġdida li tiddefinixxi x’inhu l-konsum u x’inhu l-investiment. Huwa possibbli li jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji għal dan l-għan billi tiġi esplorata l-possibbiltà li jiġu riveduti l-mekkaniżmi tal-baġit tal-Unjoni u jiżdiedu s-sorsi ta’ dħul tagħha.

4.6.

Sens ta’ sjieda pubblika iżjed mifruxa, mill-istadju meta jiġu definiti l-missjonijiet sakemm jiġu implimentati, kif ukoll ir-rikonoxximent tar-rwol dejjem jikber tal-benefiċjarji finali, huma ta’ importanza partikolari fil-kuntest ta’ din il-konsultazzjoni. Ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali jrid jissaħħaħ u t-tħassib tagħhom dwar is-sussidjarjetà rispettat.

4.7.

M’hemmx unità fil-viżjoni tal-futur, ir-rieda politika jew il-kapaċità ta’ governanza. L-arranġament legali huwa kumpless u l-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili hija purament formali, u dan jirrifletti n-nuqqas ta’ appoġġ pubbliku. Dan iżid l-iżbilanċ demokratiku u jdgħajjef il-fiduċja.

4.8.

Bħalissa, żewġ settijiet kbar ta’ strumenti u istituzzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji differenti ħafna, kull wieħed minnhom akkumpanjat bil-proċedura tiegħu stess, jiddeterminaw il-proċessi ta’ żvilupp. Għandha tissaħħaħ il-komplementarjetà bejn dawn l-istrumenti u l-istituzzjonijiet; mhuwiex biżżejjed li jiġu definiti linji gwida għal dan l-għan. Hija meħtieġa soluzzjoni sistemika.

4.8.1.

L-ewwel nett, dan jirrigwarda l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) tradizzjonali, li l-għan tagħhom huwa li jippromovu l-koeżjoni. Dawn jieħdu l-forma ta’ għajnuniet għall-investiment u għall-iżvilupp, li jiġu mmodernizzati b’mod kontinwu, minkejja li n-natura tagħhom ma tinbidilx. Dawn huma disponibbli permezz tat-tqassim mill-ġdid tal-baġit tal-Unjoni, li ġej mill-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri l-aktar żviluppati. F’ċertu numru ta’ każi, dawn il-fondi mhumiex stmati fil-valur ġust tagħhom mill-benefiċjarji, li jsostnu li “għandhom dritt” għalihom.

4.8.2.

Fil-kuntest tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu previst fil-proċess tal-qafas finanzjarju (QFP) ta’ seba’ snin li jispiċċa fl-2020, huwa indispensabbli, sabiex tiġi promossal-komplementarità msemmija hawn fuq, li tiġi kkompletata u ssemplifikata r-regolamentazzjoni.

4.8.3.

Huwa f’din il-perspettiva li l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għandhom l-għan li jsaħħu l-objettivi finanzjarji, jistimolaw l-investiment, jiġu indirizzati l-flussi migratorji, kif ukoll għat-tnaqqis tal-qgħad fost iż-żgħażagħ.

4.8.4.

It-tisħiħ tal-flessibilità u s-semplifikazzjoni tar-regoli dwar l-aċċess għall-finanzjament huma elementi ewlenin.

4.8.5.

It-tieni sett ta’ strumenti għall-implimentazzjoni tal-“Pjan Juncker” huwa l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS), strument finanzjarju ġdid orjentat lejn is-suq kapaċi jipprovdi appoġġ għall-kapital ta’ riskju u li jimmobilizza fondi pubbliċi, bankarji u privati. L-ammont tal-FEIS diġà laħaq il-EUR 500 biljun u l-perjodu ta’ referenza għandu jkopri l-perjodu sal-2020. Huwa jista’ jaqdi rwol importanti fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss.

4.9.

Jeħtieġ li jiġi integrat il-mekkaniżmu l-ġdid ta’ governanza maħluq fil-governanza futura mmirata lejn l-iżvilupp. L-armonizzazzjoni taż-żewġ sistemi ta’ finanzjament għandu jkollha wkoll lok fil-livell ta’ kull Stat Membru. Aktar fit-tul, ikun għaqli li jiġu kkombinati ż-żewġ mekkaniżmi ta’ governanza.

4.10.

Il-KESE jqis pożittiv il-komunikazzjoni l-ġdida tal-Kummissjoni Ewropea, li tiġbor fil-qosor, għall-perjodu sal-2030, il-ħidmiet strateġiċi ta’ gwida mwettqa s’issa u li huma kapaċi jiffaċċjaw l-isfidi tas-sostenibbiltà.

4.11.

Il-missjonijiet fil-qafas tal-proċess ġdid ta’ programmazzjoni għandhom jibbażaw fuq numru mnaqqas ta’ objettivi ċari. L-implimentazzjoni tinvolvi rikors għal strument ġdid strateġiku, fil-qafas tal-Kummissjoni Ewropea, sistema ta’ governanza bbażata fuq il-koordinazzjoni, li tqis ukoll il-kontroll soċjali.

4.12.

Abbażi tal-valutazzjoni tal-effettività u l-effiċjenza tal-istrumenti finanzjarji differenti, diġà jidher meħtieġ li titħejja proposta għall-perjodu taa’ żmien sal-2030 għal tqassim aħjar tal-kompiti bejn l-għanijiet ta’ koeżjoni tradizzjonali u l-investimenti skont il-loġika tas-suq. Il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ proġett marbut mal-FEIS jipprovdi għajnuna metodoloġika ta’ kwalità, ukoll fil-każ ta’ użu ta’ strumenti ta’ koeżjoni tradizzjonali.

4.13.

Biex tittejjeb l-effikaċja u l-effiċjenza tas-Semestru Ewropew, jeħtieġ li tissaħħaħ l-istruttura istituzzjonali tas-sħubija u dawn jiġu estiżi, skont id-dritt ta’ parteċipazzjoni pubblika, għaċ-ċittadini Ewropej kollha. Iċ-ċittadini fil-fatt għandhom jiġu garantiti l-possibbiltà li jaċċessaw informazzjoni rilevanti u li jipparteċipaw fid-deċiżjonijiet ta’ ppjanar u ta’ implimentazzjoni. Għandhom ikunu jistgħu wkoll jagħtu l-opinjoni tagħhom fir-rigward tal-proġetti dwar programmi, sejħiet għal offerti u rapporti ta’ evalwazzjoni.

Brussell, it-22 ta’ Frar 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Kummissjoni Ewropea: Previżjonijiet Ekonomiċi Xitwa 2017 – Ħarsa ġenerali, 13 ta’ Frar 2017

(2)  SOC/542 (ĠU C 125, 21.4.2017, p. 10).


APPENDIĊI

għall-OPINJONI

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Il-punti li ġejjin tal-Opinjoni tas-sotto kumitat, li ġew sostitwiti minn emendi adottati mill-Assemblea, irċevew mill-inqas kwart tal-voti mixħuta (Artikolu 54(4) tar-Regoli ta’ Proċedura):

(a)   Punt 1.9:

 

Fil-fehma tal-KESE, hija biss sistema ta’ indikaturi kumplessa, kapaċi wkoll tindirizza l-impatti soċjali u ambjentali, li verament tidentifika t-tkabbir ekonomiku reali orjentat lejn ir-riżultati (introjtu nazzjonali gross).

Riżultat tal-vot:

Favur:

111

Kontra:

109

Astensjonijiet:

13

(b)

Punt 2.13:

 

L-għanijiet ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 għadhom validi. Iċ-ċifri tal-qgħad jibqgħu inaċċettabbli, b’aktar minn 22 miljun ruħ qiegħda fl-Unjoni u aktar minn 17-il miljun fiż-żona tal-euro. L-għadd ta’ nies li jgħixu fil-faqar jew fir-riskju jiżboq il-122 miljun. In-nuqqas ta’ perspettivi għaż-żgħażagħ jikkostitwixxi ostaklu mdaqqas għall-futur li jista’ jiġġedded tal-Ewropa. Il-mobbiltà tal-ħaddiema hija baxxa. Is-sistema ta’ tagħlim tul il-ħajja mhux dejjem tkun fil-qalba tal-politiki. It-tendenzi, li jitbiegħdu mill-objettivi, mhumiex inkoraġġanti. Diġà hemm aktar minn 70 Direttiva dwar id-drittijiet soċjali fis-seħħ. “Il-KESE jenfasizza li hemm bżonn tkabbir u kompetittività fl-UE kollha. F’dan il-kuntest, il-KESE jenfasizza l-interkonnessjoni neċessarja bejn il-politika ekonomika, tal-impjieg u dik soċjali”  (3).

Riżultat tal-vot:

Favur:

145

Kontra:

62

Astensjonijiet:

14

(c)   Punt 3.2.2:

 

Il-KESE jaqbel mal-Parlament Ewropew li suq tax-xogħol flessibbli li jiffunzjona tajjeb jikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet għall-ħolqien ta’ ambjent ekonomiku pożittiv. Il-KESE jinnota li l-UE hija l-aktar reġjun żviluppat fid-dinja f’termini ta’ assistenza soċjali.

Riżultat tal-vot:

Favur:

141

Kontra:

65

Astensjonijiet:

16


(3)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali” (SOC/542) (ĠU C 125, 21.4.2017, p. 10).


Top