EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TN0084

Kawża T-84/17: Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Frar 2017 – Consorzio IB Innovation vs Il-Kummissjoni

OJ C 95, 27.3.2017, p. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 95/24


Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Frar 2017 – Consorzio IB Innovation vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-84/17)

(2017/C 095/32)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Consorzio IB Innovation (Bentivoglio, L-Italja) (rappreżentanti: A. Masutti u P. Manzini, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata, eventwalment anki parzjalment abbażi tal-motivi tar-rikors li jkunu ntlaqgħu;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż kollha tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa indirizzat kontra d-Deċiżjoni tad-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fil-Kummissjoni Ewropea tat-30 ta’ Novembru 2016 (Ares 2016 – 6711369), li permezz tagħha din tal-aħħar qablet mar-rapport definittiv ta’ Lubbock Fine Nru 14-BA259-027 tal-21 ta’ Novembru 2016 u konsegwentement iddeċidiet li IBI huwa obbligat li jħallas lura l-amont ta’ EUR 294 925,43 fir-rigward tal-kuntratt Nru 261679-CONTAIN u ta’ EUR 155 482,91 fir-rigward tal-kuntratt Nru 288383-ICARGO, kif ukoll li tivverifika l-eżistenza ta’ żbalji sistematiċi fir-rigward ta’ kuntratti sussegwenti.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljat u kontradittorja tal-kunċetti ta’ “benefiċjarju” u “partijiet terzi” bi ksur tal-General Agreement (GA) u tal-General Conditions li jinsabu fl-Annessi II tal-GA.

Ir-rikorrenti ssostni, f’dan ir-rigward li, inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi tal-konsorzju, l-assjem tal-parteċipanti għall-konsorzju jikkostitwixxi l-entità kollettiva li għandha titqies bħala l-benefiċjarja tal-GA. Għaldaqstant, il-parteċipanti għall-konsorzju ma humiex partijiet terzi fir-rigward tal-benefiċjarju, iżda parti mill-benefiċjarju nnifsu. Bħala tali, il-persunal li jitqiegħed għad-dispożizzjoni minnhom lill-konsorzju għall-attività prevista mill-GA għandu jiġi kkunsidrat bħala persunal tal-benefiċjarju u ma għandux għalfejn jissemma’ mill-Anness I, kif mitlub mid-deċiżjoni kkontestata.

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija nieqsa minn bażi legali, tinvoka motivazzjoni kontradittorja u tikser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

Ir-rikorrenti ssostni, f’dan ir-rigward, li d-deċiżjoni kkontestata għandha neċessarjament tibbaża ruħha fuq regola legali espliċita u mhux, bħal f’dan il-każ, fuq Guide on Financial issues, maħruġa mis-servizzi tal-Kummissjoni u li ma għandha ebda valur legali. Id-deċiżjoni tinjora wkoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li jipprekludi lill-Kummissjoni milli tadotta atti ta’ natura vinkolanti fir-rigward ta’ destinatarji tagħhom, billi tibbaża ruħha fuq rapport mimli lakuni u kontradizzjonijiet ta’ awditur barra mill-Kummissjoni.

3.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu II. 15. 2.c tal-Anness II tal-GA CONTAIN u ICARGO.

Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li, il-konsulenti ta’ IBI, li inċaħdilhom ir-rimbors tal-ispejjeż indiretti tagħhom, kienu professjonisti mhux impjegati ma’ xi entità oħra, jiġifieri kienu “self-employed”. Għaldaqstant, huma ma jaqgħu taħt l-ebda waħda mis-sitwazzjonijiet previsti mill-paragrafu 2c tad-dispożizzjonijiet li qed jiġu kkunsidrati, dan il-fatt jeskludi l-possibbiltà ta’ rimbors tal-ispejjeż. Jekk il-konsulenti ta’ IBI li jaħdmu mid-dar ma jaqgħux taħt ebda sitwazzjoni eċċezzjonali, huma neċessarjament suġġetti għar-regola ġenerali, jiġifieri l-ispejjeż indiretti tagħhom huma suġġetti għar-regola tal-flat rate ta’ 60 %.

4.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tar-regoli lingwistiċi applikabbli fl-Unjoni Ewropea.

Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li kemm ir-rapport tal-awditur kontabbli, kif ukoll id-deċiżjoni tal-konvenuta li tadottah, huma redatti bl-Ingliż, jiġifieri f’lingwa differenti minn dik nazzjonali ta’ IBI. L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1 li jistabbilixxi r-reġim lingwistiku tal-Komunitá Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika, ġie għalhekk miksur.

5.

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba abbażi tan-nuqqas ta’ diliġenza u attenzjoni fl-eżami tal-każ.

Ir-rikorrenti ssostni li fil-każ fejn il-Kummissjoni tiddelega lil awditur estern il-kompitu ta’ analiżi tal-korrettezza kontabbli tal-proġetti, l-obbligu ta’ diliġenza jgħaddi fuq dan l-awditur kontabbli. Barra minn hekk, malli rċiviet ir-rapport tal-awditur, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jimponi fuq il-Kummissjoni attenzjoni partikolari fl-analiżi ta’ dan u jagħtiha l-kapaċità li tintervjeni, jekk ikun il-każ, billi tbiddel il-kontenut tar-rapport. Il-Kummissjoni kisret dan l-obbligu ta’ diliġenza.


Top