EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TN0014

Kawża T-14/17: Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Jannar 2017 – Landesbank Baden-Württemberg vs SRB

OJ C 63, 27.2.2017, p. 41–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 63/41


Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Jannar 2017 – Landesbank Baden-Württemberg vs SRB

(Kawża T-14/17)

(2017/C 063/54)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Landesbank Baden Württemberg (Stuttgart, il-Ġermanja) (rappreżentanti: H. Berger u K. Rübsamen, avukati)

Konvenut: Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)

Talbiet

tannulla, sa fejn jirrigwardaw lir-rikorrent, id-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-15 ta’ April 2016, li tiffissa l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni għall-2016 (SRB/ES/SRF/2016/06) u d-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, tal-20 ta’ Mejju 2016, li tiffissa l-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni għall-2016 u li tikkompleta d-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, tal-15 ta’ April 2016, li tiffissa l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni għall-2016 (SRB/ES/SRF/2016/13);

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 296(2) TFUE u tal-Artikolu 41(1) u (2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”):

motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ taħt l-Artikolu 41(1) u (2)(a) tal-Karta:

Ir-rikorrent ma nstemax qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 103(7)(h) tad-Direttiva 2014/59/UE (1), tal-Artikolu 113(7) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (2), tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(5) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 2015/63 (3), tal-Artikoli 16 u 20 tal-Karta u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba l-applikazzjoni tal-fattur ta’ multiplikazzjoni 0.556 għall-indiċi SPI (institutional protection scheme):

F’dan it-tielet motiv, ir-rikorrent jilmenta li l-konvenut ma applikax integralment fir-rigward tiegħu l-indiċi SPI. Il-protezzjoni li toffri skema ta’ protezzjoni istituzzjonali tgħodd globalment u b’mod uniformi għall-istabbilimenti kollha li jagħmlu parti minnha. Kull differenza bejn l-istabbilimenti fl-indiċi SPI tmur kontra l-iskema u hija arbitrarja. Il-klassifikazzjoni tar-rikorrent fil-kategorija tal-istabbilimenti bil-profil tal-ogħla riskju hija manifestament mhux ġustifikata u arbitrarja.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 16 tal-Karta u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba l-applikazzjoni tal-multiplikatur ta’ aġġustament skont il-profil ta’ riskju:

Ir-rikorrent isostni, barra minn hekk, li l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni kiser il-libertà ta’ intrapriża tiegħu u l-prinċipju ta’ proporzjonalità meta kkalkola multiplikaturi skont il-profil ta’ riskju li ma humiex konformi mal-profil ta’ riskju tar-rikorrent li huwa aħjar mill-medja meta mqabbel ma’ dak ta’ stabbilimenti oħra suġġetti għall-obbligu ta’ kontribuzzjoni.


(1)  Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Mejju 2014, li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, p. 190).

(2)  Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, p. 1).

(3)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63, tal-21 ta’ Ottubru 2014. li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU L 11, p. 44).


Top