EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IR6329

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Niġġieldu r-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti: mekkaniżmi ta’ prevenzjoni fil-livell lokali u reġjonali

OJ C 17, 18.1.2017, p. 33–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 17/33


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Niġġieldu r-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti: mekkaniżmi ta’ prevenzjoni fil-livell lokali u reġjonali

(2017/C 017/07)

Relatur:

Bart SOMERS (ALDE/BE) Sindku ta’ Mechelen u President ta’ Open VLD fil-Parlament Fjamming

Il-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI,

INTRODUZZJONI

1.

jilqa’ l-abbozz ta’ riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni vjolenti u r-reklutaġġ ta’ ċittadini Ewropej minn organizzazzjonijiet terroristiċi u jilqa’ wkoll il-fehmiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni;

2.

jenfasizza li l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni vjolenti u tar-reklutaġġ ta’ ċittadini Ewropej minn organizzazzjonijiet terroristiċi tibqa’ fil-qalba tal-kompetenza tal-Istati Membri, iżda li l-kooperazzjoni lokali u internazzjonali Ewropea hija wkoll ta’ importanza essenzjali għal approċċ effettiv; jinsab ixxukkjat bl-attakki terroristiċi l-aktar reċenti mwettqa minn individwi radikalizzati u bla ħniena u jesprimi l-ikbar simpatija tiegħu lill-vittmi u l-ħbieb u l-familji tagħhom; jenfasizza li dawn l-inċidenti għal darb’oħra juru l-ħtieġa urġenti għal kooperazzjoni Ewropea u internazzjonali fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u t-terroriżmu internazzjonali; jinsab konvint li skambju aktar b’saħħtu ta’ intelligence u kooperazzjoni bejn il-livelli kollha tas-servizzi tas-sigurtà u tal-infurzar tal-liġi, iżda anke bejn l-atturi soċjali, is-soċjetà ċivili u l-livelli differenti ta’ governanza huwa meħtieġ għad-difiża tal-valuri ta’ soċjetajiet miftuħa, rispettużi, inklużivi u diversi għall-prevenzjoni tal-vjolenza;

3.

jenfasizza li kwalunkwe tip ta’ mudell ta’ soċjetà parallela, f’kontradizzjoni ma’ dawn il-valuri, ma jistax jiġi aċċettat jew tollerat;

4.

jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali biex jaqsmu l-informazzjoni kemm jista’ jkun mal-awtoritajiet lokali, mingħajr ma tiġi pperikolata s-sigurtà;

5.

iqis li hemm bżonn li jiġi indirizzat il-fenomenu tar-radikalizzazzjoni vjolenti, peress li dan jirrappreżenta theddida għaċ-ċittadini fl-Ewropa, kif ukoll għall-valuri universali tal-Ewropa bbażati fuq il-kultura u l-wirt umanistiku tagħha;

6.

f’dan ir-rigward, jenfasizza li l-għajxien flimkien jeħtieġ sforzi edukattivi biex jiġi żgurat li d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-prinċipju tad-dinjità tal-persuna umana huma kondiviżi mill-membri tal-komunitajiet fl-UE;

7.

jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll is-soċjetà ċivili u b’mod speċjali l-komunità xjentifika biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom u b’mod partikolari l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi u bejn is-setturi sabiex jinvestigaw il-kawżi primarji tar-radikalizzazzjoni vjolenti, il-proċess u d-diversi effetti u fatturi li jwasslu għar-radikalizzazzjoni vjolenti, sabiex dan ikun jista’ jwassal għall-iżvilupp ta’ għodod li permezz tagħhom l-Istati Membri u l-UE jkunu jistgħu jiżviluppaw politika bbażata fuq l-evidenza;

8.

jindika li r-radikalizzazzjoni vjolenti hija fenomenu internazzjonali u li jistgħu jinsiltu tagħlimiet mill-esperjenza miksuba f’ħafna partijiet oħra tad-dinja. Jilqa’ f’dan ir-rigward il-ħolqien ta’ netwerks multidixxiplinari, bħan-netwerk “Strong Cities”, u l-espansjoni ta’ dawk eżistenti, li għandhom l-għan li jgħaqqdu l-bliet u awtoritajiet lokali oħrajn aktar mill-viċin fuq bażi internazzjonali biex jittejbu l-approċċi f’livell lokali sabiex jiġi prevenut l-estremiżmu vjolenti. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żviluppat netwerk tal-UE sabiex jgħin fil-kisba ta’ kollaborazzjoni lokali u reġjonali aktar b’saħħitha tal-UE fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, l-estremiżmu u t-terroriżmu; iħeġġeġ aktar in-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni u n-Netwerk għall-Komunikazzjoni Strateġika fil-kontinwazzjoni tal-iżvilupp ta’ miżuri preventivi effettivi, speċjalment billi jtejbu l-individwazzjoni bikrija ta’ sinjali ta’ radikalizzazzjoni fil-livell lokali, permezz ta’ strateġiji ta’ komunikazzjoni għall-ġlieda kontra r-retorika u l-iżvilupp ta’ programmi ta’ riabilitazzjoni b’saħħithom;

9.

jinnota li fl-Ewropa diġà hemm għadd ta’ għodod biex tittieħed azzjoni kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti taċ-ċittadini Ewropej, u li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jagħmlu użu sħiħ ta’ dawn l-għodod kif ukoll itejbuhom sabiex jirreaġixxu għall-isfidi li qed jiffaċċjaw bħalissa;

10.

jenfasizza l-importanza ta’ azzjoni dwar il-kawżi sabiex tiġi indirizzata l-problema tar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ għall-benefiċċju tat-terroriżmu, it-tisħiħ tal-prevenzjoni, l-iżjed permezz tal-monitoraġġ tal-Internet u d-djalogu mal-komunitajiet u mal-mexxejja reliġjużi kif ukoll laqgħat, ġranet ta’ informazzjoni, kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u s-sensibilizzazzjoni inġenerali tas-soċjetà ċivili kollha;

11.

f’dan ir-rigward, jenfasizza r-rwol importanti tan-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN) u ċ-Ċentru ta’ Eċċellenza li għadu kemm ġie stabbilit, barra minn hekk, jilqa’ l-progress miksub mill-Presidenza Netherlandiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea;

12.

jenfasizza li r-RAN għandu jagħmel aktar sforz biex jilħaq il-bliet u l-komunitajiet iżgħar, u b’hekk jagħmilha possibbli li anke l-entitajiet żgħar ikollhom aċċess għar-RAN;

Definizzjoni tal-kunċett tar-radikalizzazzjoni

13.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tfittex qbil rapidu dwar definizzjoni komuni tal-fenomenu tar-radikalizzazzjoni vjolenti, bħala punt ta’ tluq għal approċċ aktar koordinat mid-diversi pajjiżi, u bil-kontribut tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, u tqis ukoll li l-esperjenza ta’ kull Stat Membru hija msawra b’mod profond minn elementi uniċi politiċi, kulturali u legali;

14.

fin-nuqqas ta’ definizzjoni komunement aċċettata ta “radikalizzazzjoni vjolenti”, jifhem li t-terminu “radikalizzazzjoni” jirreferi għall-fenomenu fejn in-nies jużaw jew iqisu leġittimu l-użu tal-vjolenza biex jilħqu l-għanijiet politiċi tagħhom, għanijiet li jiksru l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali li jirfduhom;

15.

iqis ir-radikalizzazzjoni vjolenti bħala ġlieda ideoloġika fejn individwi u gruppi radikalizzati jixtiequ jwaqqgħu l-mudell Ewropew, li huwa bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, l-istat tad-dritt, l-ugwaljanza bejn is-sessi u n-nondiskriminazzjoni, u minflok jimponu l-fehmiet tagħhom li huma inkompatibbli ma’ dawn il-valuri;

16.

jenfasizza li r-radikalizzazzjoni vjolenti hija fenomenu kumpless u dinamiku msejjes fuq firxa ta’ fatturi globali, soċjoloġiċi, politiċi u ġeopolitiċi iżda wkoll personali u li ma jistax jitqies b’mod indipendenti minn dawn; jinnota wkoll li tendenza reċenti inkwetanti tidher li hija li mhux biss li r-radikali ta’ persważjonijiet differenti qegħdin ifittxu biex jattiraw aktar individwi lejn il-vjolenza, iżda anke li xi gruppi qegħdin ifittxu bi skop li jirreklutaw individwi b’passat kriminali li għandhom esperjenza fl-użu ta’ vjolenza, għar-radikaliżmu;

17.

iwissi li r-reklutaġġ għal radikaliżmu vjolenti isir dejjem aktar bil-bibien magħluqa, fi ħdan komunitajiet jew fora onlajn fejn il-messaġġi konvinċenti li jintużaw għall-ideoloġiji vjolenti huma abbundanti u fejn huma jilħqu ħafna li huma vulnerabbli għal messaġġi bħal dawn;

18.

jenfasizza li radikalizzazzjoni vjolenti bħal din ma tikkorrispondix ma’ profil wieħed partikolari u tikkonċerna rġiel, nisa u b’mod speċjali żgħażagħ Ewropej minn kuntesti soċjali differenti, li għandhom inkomuni li ta’ spiss iħossuhom maqtugħin mis-soċjetà minħabba kunflitti ta’ identità, esperjenza ta’ inġustizzja, reali jew perċepita, diskriminazzjoni jew esklużjoni soċjali;

19.

jirrimarka li f’ħafna każijiet huma ċittadini Ewropej li jitwieldu u jmorru l-iskola fl-Ewropa, iżda li madankollu jagħżlu ideat radikali b’mod vjolenti.

20.

iwissi li t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni vjolenti jwasslu għal bosta deskrizzjonijiet stereotipiċi dwar reliġjonijiet, li jintużaw biex jiġġustifikaw radikalizzazzjoni min-naħa l-oħra, inklużi l-movimenti neonażi u neofaxxisti, b’riżultat ta’ diskorsi ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda minħabba r-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta’ intolleranza kontra fehmiet, twemmin jew reliġjon;

21.

jinnota li minkejja l-fatt li t-tħassib ewlieni għas-sigurtà rrappurtat mill-Istati Membri tal-UE huwa, ġustament, il-fenomenu ta’ fundamentalisti li jivvjaġġaw minn u lejn żoni fejn hemm kunflitti, r-radikalizzazzjoni vjolenti mhijiex limitata għal ideoloġija waħda jew twemmin wieħed, iżda tista’ sseħħ f’ideoloġiji differenti u f’kull twemmin, u li għalhekk il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti ma tistax tkun limitata għar-radikalizzazzjoni Iżlamika fundamentalista;

22.

jenfasizza li l-impenn politiku fil-livelli kollha ta’ governanza huwa għodda ewlenija fl-indirizzar tar-radikalizzazzjoni vjolenti; dan jimplika wkoll il-ħtieġa li wieħed jitgħallem mill-esperjenzi ħżiena kif ukoll minn dawk tajbin u li, qabel kollox, ikun miftuħ għal kooperazzjoni mal-forzi kollha tas-soċjetà li jistgħu jkunu ta’ għajnuna, u dan qabel ir-rivalità politika;

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

Id-drittijiet tal-bniedem u d-diversità bħala punt ta’ tluq

23.

huwa tal-fehma li d-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu fil-qalba tal-politika tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni vjolenti;

24.

jitlob li l-miżuri kollha li jieħdu l-Istati Membri u l-UE għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti jirrispettaw b’mod espliċitu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ċivili, jiġifieri d-dritt għall-ħajja privata, id-dritt għall-protezzjoni tad-data, il-preżunzjoni tal-innoċenza, id-dritt għal proċess onest u korrett, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tat-twemmin u l-libertà tal-assoċjazzjoni;

25.

jenfasizza li soċjetà fejn id-drittijiet tal-bniedem tal-popli kollha jkunu rispettati bis-sħiħ u f’konformità mal-istandards internazzjonali u reġjonali, inkluża l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu u forom oħra ta’ intolleranza fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti, ser ikollha rwol ċentrali;

26.

f’dan il-kuntest, iqis li l-valuri demokratiċi tal-Unjoni Ewropea huma mezz li jiggarantixxu l-libertà taċ-ċittadini Ewropej;

27.

jenfasizza l-importanza li jitneħħew il-kundizzjonijiet li jistgħu jwasslu għar-radikalizzazzjoni vjolenti, fl-ewwel post ir-razziżmu u d-diskriminazzjoni. Għalkemm ma hemm l-ebda relazzjoni individwali bejn ir-razziżmu, id-diskriminazzjoni u r-radikalizzazzjoni vjolenti u r-razziżmu u d-diskriminazzjoni ma jistgħu jkunu l-ebda skuża għar-radikalizzazzjoni vjolenti, soċjetà li fiha kulħadd jipparteċipa b’mod attiv biss tista’ tiggarantixxi politika konsistenti ta’ opportunitajiet indaqs u n-nondiskriminazzjoni;

28.

jistieden lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom jimplimentaw politika aktar proattiva kontra d-diskriminazzjoni, partikolarment fl-edukazzjoni kif ukoll fis-suq tax-xogħol u l-akkomodazzjoni, b’ispirazzjoni diġà mibdija mill-politiki introdotti mir-reġjuni li implimentaw miżuri ta’ integrazzjoni, bħal pereżempju akkoljenza mifruxa; sabiex tiġi ffaċċjata l-emerġenza tar-radikaliżmu, fil-fatt huwa punt ta’ prijorità li l-għan ikun integrazzjoni soċjali u kulturali reali, imsejsa fuq djalogu kostruttiv dwar id-diversità u l-edukazzjoni. Għal dan l-għan huwa xieraq li l-atturi kollha tas-soċjetà ċivili, li l-attivitajiet tagħhom jikkonċentraw fuq dan l-għan, ikunu appoġġjati, valutati u fil-pożizzjoni li joperaw bl-aktar mod effettiv;

29.

jenfasizza l-importanza li jiddaħħlu fis-seħħ, kemm fil-livelli differenti ta’ gvern – Ewropew, nazzjonali u reġjonali – kif ukoll fil-livell tal-komunitajiet ta’ ċittadini nazzjonali u Ewropej, kodiċijiet, pakketti ta’ miżuri jew mudelli tal-aħjar prattiki interkomunitarji, interetniċi, interreliġjużi, interpolitiċi eċċ., li jippermettu għarfien reċiproku aktar profond fost l-atturi li huma suxxettibbli li jkunu involuti f’kunflitt jew esposti għal forma ta’ radikalizzazzjoni vjolenti. Dawn kienu inizjalment purament teoretiċi, iżda jistgħu jiġu implimentati bl-appoġġ tal-awtoritajiet reġjonali, nazzjonali u Ewropej;

30.

jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-movimenti mnedija fl-Istati Membri u fl-awtoritajiet reġjonali u lokali biex iwettqu rkupru fil-qasam tad-diversità fis-suq tax-xogħol inġenerali;

31.

iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE u l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom biex jaħdmu flimkien mal-istituzzjonijiet tal-UE biex jippromovu l-mudell Ewropew bħala mudell fejn id-diversità fl-Ewropa tkun element essenzjali mill-istruttura soċjali u ass kulturali fundamentali. Id-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea li jiżguraw din id-diversità, bħal-libertà tal-espressjoni, l-istat tad-dritt u s-separazzjoni bejn ir-reliġjon u l-istat, bl-ebda mod m’għandhom jiġu ddubitati, la mill-ħsibijiet totalitarji ta’ gruppi radikali u lanqas fil-kuntest tal-miżuri li għandhom jittieħdu fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti;

32.

jitlob li jkun hemm inizjattivi tal-UE, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, biex jiġu indirizzati ż-żoni u r-reġjuni fejn jiffjorixxu bosta forom ta’ kriminalità organizzata. Dawn iż-żoni speċifiċi għandhom jiġu identifikati b’konsultazzjoni u, abbażi ta’ kriterji kwantitattivi u kwalitattivi, jiġu pprijoritizzati u jingħataw aktar appoġġ. Jeħtieġ li jkun hemm ġlieda effikaċi fil-livell politiku u ġudizzjarju kontra ċ-ċirkuwiti illeċiti fejn jistgħu jinħaslu l-flus u fejn jiġi mminat l-istat tad-dritt. B’dan il-mod jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda distrett fejn l-istat tad-dritt ma jeżistix, fejn jirrenjaw in-nuqqas ta’ moralità u l-anarkija u fejn il-pedamenti tal-istat tad-dritt demokratiku m’għadhomx evidenti fir-realtà soċjali u fil-ħajja individwali tan-nies. Dan il-vojt joffri l-opportunitajiet lin-netwerks estremisti biex jiġbru l-fondi permezz ta’ attivitajiet illegali, biex jirreklutaw u biex idgħajfu l-leġittimità tal-istat tad-dritt demokratiku;

33.

iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea biex jinfurzaw il-konformità mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u l-miri rispettivi tagħhom, b’mod partikolari l-Għanijiet 1, 4, 8, 11 u 16. Il-ksib ta’ dawn l-Għanijiet, li għalih jimpenjaw ruħhom l-Istati Membri kollha tal-UE, jista’ jelimina l-kawżi prinċipali tar-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu fl-Ewropa u fid-dinja. Għandu jitfakkar li l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli japplikaw ukoll għat-territorju tal-Komunità u li l-iżvilupp tal-bniedem taċ-ċittadini kollha tad-dinja huwa bbażat fuq id-dinjità, l-inklużjoni, ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà. Din it-triq lejn l-iżvilupp sostenibbli tal-bniedem mhijiex biss miżura preventiva kontra r-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu iżda mezz sabiex jiġu żgurati d-drittijiet tal-bniedem tal-abitanti kollha ta’ din il-pjaneta li għandha l-limiti;

34.

jenfasizza l-importanza li jiġi evitat il-ħolqien ta’ viċinati żvantaġġati mingħajr diversità u fejn tkun tiddomina komunità etnika-kulturali. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tassisti lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u l-inklużjoni bħala għodda fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni vjolenti, u tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu disponibbli l-mezzi biex jaħdmu fuq dan;

35.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tipprovdi l-mezzi finanzjarji li jippermettu lill-awtoritajiet lokali biex jidentifikaw u jgħaqqdu lin-nies u netwerks li kapaċi jipproduċu kontronarattiva;

36.

jemmen li huwa importanti li tiġi żviluppata kontronarattiva fi ħdan il-komunità Musulmana u biex jiġu mobilizzati dawk il-Musulmani li jirrifjutaw tentattivi minn estremisti biex jiddominaw ir-reliġjon tagħhom; jistieden lis-sindki sabiex jaħdmu mal-komunitajiet Musulmani tagħhom sabiex jiżviluppaw tali kontranarattiva;

37.

iħeġġeġ biex ir-refuġjati u l-migranti li għadhom jaslu fil-pajjiż jingħataw opportunitajiet ġenwini biex ikunu jistgħu jibdew fis-soċjetà tagħna, fejn huwa propost li kull Stat Membru, reġjun u awtorità lokali javżahom dwar korsijiet ta’ integrazzjoni adattati għalihom, fejn jista’ jkun hemm aktar insistenza, permezz ta’ eżempji prattiki, fejn ikun kruċjali l-għarfien tal-lingwa nazzjonali, anke bħala xprun tal-valuri, l-għarfien u l-identità komuni, fuq kwistjonijiet bħall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-separazzjoni bejn ir-reliġjon u l-istat, l-importanza tad-demokrazija u tat-tolleranza, il-prinċipji legali applikabbli għaċ-ċittadini kollha, ir-regoli ta’ mġiba fil-postijiet pubbliċi u l-effett ta’ dan għas-soċjetà;

38.

jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem bis-sħiħ kontra l-qgħad u r-rati ta’ tluq bikri mill-iskola fost il-minoranzi etniċi f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u r-reġjuni li huma partikolarment affettwati minn dawn il-kwistjonijiet, peress li dawn il-problemi u n-nuqqas ta’ prospetti għaż-żgħażagħ li jirriżultaw minnhom huma mezz importanti li jiffaċilita r-radikalizzazzjoni vjolenti;

39.

iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex ifasslu approċċ politiku li fih l-għodod tal-politika soċjali (inklużi l-impjiegi, l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-integrazzjoni u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni), l-għajnuna umanitarja u oqsma oħra ta’ azzjoni jiġu kkombinati ma’ miżuri speċifiċi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti;

Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

40.

jenfasizza li huwa kruċjali li l-protagonisti kollha fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u dak lokali jkunu konxji tar-responsabbiltà tagħhom fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti;

41.

jenfasizza r-rwol kruċjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti, peress li huma l-awtoritajiet li jintlaqtu l-ewwel u l-aktar minn din il-kwistjoni, kif ukoll huma awtorizzati biex jikkooperaw ma’ partijiet interessati oħra li għandhom rwol importanti fl-indirizzar ta’ dan il-fenomenu;

42.

jenfasizza l-importanza li jiġu allokati fondi Ewropej b’enfasi fuq il-bliet u r-reġjuni tal-Ewropa, u biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jitħeġġu jużawhom, bl-għan li jistabbilixxu proġetti jew programmi ta’ prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni vjolenti u kampanji mmirati biex jidentifikaw il-problemi sottostanti tal-kunflitti u biex jissensibilizzaw lill-poplu;

43.

huwa konxju tal-fatt li jista’ jkun hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri fil-limitu sa fejn dawn huma impenjati fil-ġlieda kontra t-theddida tar-radikalizzazzjoni vjolenti u l-prevenzjoni tar-reklutaġġ minn organizzazzjonijiet terroristiċi u li xi wħud minnhom diġà implimentaw miżuri effettivi, filwaqt li oħrajn għadhom lura;

44.

jaqbel dwar il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni operazzjonali, li jsir progress fil-qasam tal-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar u l-finanzjament tat-terroriżmu. Barra minn hekk jirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ strumenti effikaċi ta’ kontroll tad-dark web, li spiss hija mezz ta’ tifrix ta’ kontenut radikali, kif ukoll il-ħtieġa tat-tisħiħ tal-kontrolli fil-fruntieri esterni abbażi ta’ indikaturi tar-riskju;

45.

jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja lill-Istati Membri fil-koordinazzjoni tal-istrateġiji tagħhom, billi jiġu kondiviżi l-informazzjoni u l-esperjenza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom ikunu kisbu, jinġabru l-aħjar prattiki u ħiliet, jiġu evalwati l-miżuri mittieħda u billi jaħdmu flimkien fit-tfassil ta’ miżuri ġodda għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti;

46.

jappella lill-Kummissjoni biex tenfasizza r-rwol importanti ħafna ta’ ġestjoni tal-amministrazzjonijiet lokali b’rabta mal-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni vjolenti u l-estremiżmu vjolenti u biex tappoġġja dan ir-rwol kruċjali billi tagħti prijorita lill-iżvilupp ta’ qafas Ewropew għal azzjoni biex ir-radikalizzazzjoni vjolenti tiġi miġġielda fuq livell lokali, reġjonali u nazzjonali, u għal dan l-Istati Membri jkunu jridu jiġu pprovduti b’rakkomandazzjonijiet biex (ikomplu) jiżviluppaw il-politiki tagħhom f’dan ir-rigward;

47.

jistieden lill-Kummissjoni biex tikkonċentra fuq il-ġbir u d-disseminazzjoni ulterjuri tal-aħjar prattiki fi ktejjeb ta’ linji gwida tat-tip li diġà huwa disponibbli pereżempju miċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tar-RAN, bil-għan li jiġu appoġġjati l-awtoritajiet lokali li ta’ spiss ikollhom kapaċità limitata, bil-għan li jiżviluppaw l-approċċ lokali tagħhom;

48.

iqis li hu neċessarju li l-Kummissjoni tappoġġja l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp ta’ strateġiji lokali u nazzjonali ta’ prevenzjoni fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti, pereżempju permezz ta’ esperti miċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tan-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni li jkunu disponibbli bħala konsulenti għall-awtoritajiet rilevanti; jenfasizza l-importanza ta’ skambju ta’ esperjenzi bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali bħall-aqwa prattiki u t-tagħlim miksub;

49.

huwa tal-fehma li politika komprensiva dwar il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti fiha tliet livelli: il-prevenzjoni (il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni vjolenti, pereżempju billi jitneħħew il-kondizzjonijiet li jistgħu jwasslu għaliha), ir-rappurtar, intervent (taħriġ speċjalizzat għal persuni li huma f’riskju għar-radikalizzazzjoni vjolenti), u t-trażżin (rispons ġudizzjarju deċiżiv għall-fenomenu tar-radikalizzazzjoni vjolenti);

50.

iqis li huwa importanti li l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jinvestu f’miżuri speċifiċi ta’ prevenzjoni u intervent biex tiġi miġġielda r-radikalizzazzjoni vjolenti, aktar milli sempliċiment iwettqu politika reattiva ripressiva; huwa importanti wkoll li jiġu finanzjati programmi ta’ riċerka sabiex jiġu mifhuma l-oriġini u l-mod kif niġġieldu r-radikaliżmu;

51.

iqis li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-atturi lokali għandhom rwol importanti x’jaqdu fl-iżvilupp ta’ proġetti mmirati lejn il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti li jkunu adattati għall-muniċipalità jew l-organizzazzjoni tagħhom; u jenfasizza l-bżonn għal approċċ ibbażat fuq il-parteċipazzjoni u l-konsultazzjoni li jinvolvi bosta imsieħba u setturi. Ir-radikalizzazzjoni vjolenti hija problema multidixxiplinarja li teħtieġ soluzzjonijiet multidixxiplinari; għaldaqstant jinkoraġġixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn l-atturi kollha tas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha u kooperazzjoni aktar b’saħħitha bejn il-partijiet attivi f’dan il-qasam, bħall-assoċjazzjonijiet u l-NGOs;

52.

jenfasizza l-ħtieġa għal djalogu interkulturali mad-diversi komunitajiet, mexxejja u esperti sabiex fuq kollox ikollhom fehim aħjar, u b’hekk ikun hemm prevenzjoni aħjar, tar-radikalizzazzjoni vjolenti;

53.

iqis li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-atturi lokali għandhom rwol importanti x’jaqdu fl-iżvilupp ta’ proġetti mmirati lejn il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti li jkunu adattati għall-muniċipalità jew l-organizzazzjoni tagħhom;

54.

f’dan il-kuntest iqis assolutament meħtieġ li jkun hemm taħriġ speċjalizzat għall-professjonisti u l-prattikanti primarji sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw kambjamenti inkwetanti fl-imġiba, u jkunu jistgħu jaġixxu b’mod xieraq fil-mentoring taż-żgħażagħ li huma suxxettibbli għar-radikalizzazzjoni vjolenti;

55.

iqis ukoll essenzjali li dawk li jfasslu l-politika u l-politiċi li huma attivi fid-diversi livelli ta’ gvern jiġu pprovduti b’taħriġ speċjalizzat, biex ikunu konxji tal-importanza tal-azzjoni preventiva effettiva u l-bżonn għal komunikazzjoni kollaborattiva dwar is-suġġett;

56.

jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri meta jwettqu kampanji ta’ informazzjoni għaż-żgħażagħ u l-adulti żgħażagħ biex titqajjem kuxjenza dwar il-problema tar-radikalizzazzjoni vjolenti u jitħeġġu jaħsbu b’mod kritiku;

57.

iqis li huwa neċessarju li f’kull Stat Membru jitwaqqfu l-istrutturi meħtieġa biex tiġi identifikata r-radikalizzazzjoni, u li jkunu responsabbli għall-komunikazzjoni strateġika u l-fehmiet opposti, adatti għar-realtà ta’ kull pajjiż u l-poplu tiegħu; li jkunu ta’ gwida u jippermettu l-mentoring individwali tal-persuni li qegħdin fir-riskju li jiġu rradikalizzati u biex jipprovdu punt ta’ kuntatt għar-rappurtar ta’ radikalizzazzjoni possibli u jirċievu gwida dwar kif jirreaġixxu għaliha, għal familji, għalliema u persuni ta’ kuntatt oħrajn; strutturi bħal dawn għandhom jiġu żviluppati f’kooperazzjoni mill-qrib bejn il-livelli Ewropej, nazzjonali, lokali u reġjonali;

58.

iqis li huwa essenzjali li f’kull Stat Membru jkun hemm strutturi fil-livell lokali u reġjonali li jippermettu l-mentoring individwali tal-persuni radikalizzati; għal din ir-raġuni huwa essenzjali li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fit-tfassil ta’ dawn il-programmi flimkien mal-awtoritajiet soċjali li jittrattaw din il-problema fil-lokal; b’rabta ma’ dan iħoss li l-avvenimenti sportivi u kulturali jistgħu jipprovdu qafas sabiex jitkissru l-ostakli għall-integrazzjoni;

59.

jinnota li assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet f’dan il-qasam li huma ħielsa minn kull indħil tal-gvern jistgħu jiksbu riżultati tajbin ħafna fir-riintegrazzjoni soċjali ta’ ċittadini radikalizzati;

60.

iqis li għandhom jiġu promossi programmi edukattivi li jippromovu l-ħsieb kritiku, il-ftuħ intellettwali kif ukoll l-għarfien u l-prinċipji li fuqha hija bbażata l-kostituzzjoni demokratika tagħna.

61.

iqis li dawk li jispiċċaw minn proċess u jinħelsu mill-ħabs għandhom jiġu offruti miżuri ta’ akkumpanjament sabiex jintegraw mill-ġdid fis-soċjetà; għandha tiġi żviluppata wkoll strateġija effikaċi sabiex tiġi identifikata u miġġielda r-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet;

62.

jirrimarka li l-esperti fl-oqsma preventivi kontra r-radikalizzazzjoni u t-trattament tal-ħabsin radikalizzati jridu jaġixxu skont l-istandards tas-sigurtà nazzjonali ta’ kull pajjiż. F’dan il-kuntest, jisħaq fuq l-urġenza li wieħed jasal għall-ispazju tal-intervent integrat u kkoordinat fejn il-prevenzjoni, il-politiki kontra t-terroriżmu u l-persunal li jaħdem fil-ħabsijiet ilkoll jaġixxu b’mod koerenti skont prinċipji stabbiliti minn istandards u mudelli ċari ta’ sigurtà;

63.

jistieden lill-Kummissjoni biex b’mod urġenti tinvestiga kif dawn il-programmi ta’ mentoring individwali jistgħu jiġu vvalidati bħala mezz fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti, biex b’hekk ikun żgurat li l-attenzjoni tiffoka mhux biss fuq l-identifikazzjoni ta’ radikalizzazzjoni vjolenti, iżda wkoll fir-riintegrazzjoni tal-persuni fis-soċjetà;

64.

jenfasizza l-importanza li l-programmi tad-deradikalizzazzjoni individwali jiġu kkombinati ma’ miżuri bħall-ħolqien ta’ sħubijiet ma’ rappreżentanti ta’ komunitajiet, l-investiment fi proġetti soċjali u tal-lokal sabiex tiġi megħluba l-marġinalizzazzjoni ekonomika u ġeografika, kif ukoll l-iskemi ta’ mentoring għal żgħażagħ aljenati u esklużi li jinsabu f’riskju ta’ radikalizzazzjoni vjolenti;

65.

jenfasizza l-importanza li l-appoġġ mill-familja għandu fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti. Xi esperti jissuġġerixxu li spiss ikun hemm wisq enfasi fuq il-ħidma mal-individwi minflok fuq il-ħidma mal-familji. Il-familji jistgħu jgħinu fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u jgħinu sabiex dawk il-persuni li qegħdin jiġu radikalizzati, inklużi dawk li jirritornaw minn żoni ta’ kunflitt, jerġgħu jiġu integrati fis-soċjetà; jistieden għalhekk lill-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom biex jagħrfu l-importanza ta’ dan l-appoġġ u l-ħtieġa li jassistu lill-familji f’din is-sitwazzjoni billi jiżviluppaw programmi xierqa;

66.

jenfasizza li riċerka reċenti tindika li aktar u aktar nisa qegħdin jiġu radikalizzati u reklutati minn organizzazzjonijiet terroristiċi, u jemmen li fl-iżvilupp ta’ strateġiji għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni vjolenti, l-UE u l-Istati Membri għandhom għall-inqas iqisu d-dimensjoni tal-ġeneru; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, biex jimplimentaw politika iktar aggressiva fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi minħabba l-kunċett li dan huwa prinċipju fundamentali tal-mudell Ewropew tas-soċjetà tagħna; jappella, b’rabta ma’ dan, għal azzjoni preventiva u ripressiva aktar b’saħħitha kontra l-intimidazzjoni sesswali u l-vjolenza;

67.

jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja programmi ġenerali li jħeġġu lil nisa żgħażagħ fl-isforzi tagħhom lejn iktar ugwaljanza;

68.

iqis li huwa essenzjali li f’kull Stat Membru, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, tiġi stabbilita sistema ta’ twissija għal assistenza u mentoring, sabiex il-persuni qrib jew il-familja jkunu jistgħu jirċievu għajnuna jew ikunu jistgħu faċilment u malajr jagħmlu rapport meta persuna f’daqqa waħda turi mġiba li tista’ tindika radikalizzazzjoni vjolenti progressiva jew titlaq biex tissieħeb f’organizzazzjoni terroristika;

69.

jinnota, f’dan ir-rigward, li l-linji ta’ assistenza (“hotlines”) ħallew effett pożittiv, iżda għandha ssir distinzjoni bejn il-linji intiżi għar-rappurtar tar-radikalizzazzjoni vjolenti (tip lines) u l-appoġġ lill-qraba u l-ħbieb biex jindirizzaw din is-sitwazzjoni distruttiva (helplines);

70.

jistieden lill-Kummissjoni teżamina jekk huwiex possibbli li tiġi stabbilita sistema bħal din fl-Istati Membri Ewropej kollha;

71.

jenfasizza, fl-aħħar nett, il-fatt li dawn il-miżuri jistgħu jiġu implimentati biss permezz ta’ programmi fit-tul ta’ investiment soċjali u jitlob kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri biex iqisu din il-viżjoni fit-tfassil ta’ politika għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti. Huwa jitlob lill-Kummissjoni biex fl-iżvilupp ta’ miżuri għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti, tkun ferm attenta għall-impatt li dawn il-miżuri fit-tul jista’ jkollhom fuq il-futur fit-tul tas-soċjetà Ewropea inklużiva u interkulturali.

Brussell, is-16 ta’ Ġunju 2016.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


Top