EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CN0460

Kawża C-460/16 P: Appell ippreżentat fit-12 ta’ Awwissu 2016 minn Trefilerías Quijano, SA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-2 ta’ Ġunju 2016 fil-Kawżi magħquda T-426/10 sa T-429/16 u T-438/12 sa T-441/12, Moreda-Riviere Trefilerias et vs Il-Kummissjoni

OJ C 392, 24.10.2016, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 392/18


Appell ippreżentat fit-12 ta’ Awwissu 2016 minn Trefilerías Quijano, SA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-2 ta’ Ġunju 2016 fil-Kawżi magħquda T-426/10 sa T-429/16 u T-438/12 sa T-441/12, Moreda-Riviere Trefilerias et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-460/16 P)

(2016/C 392/22)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellanti: Trefilerías Quijano, S.A. (rappreżentanti: F. González Díaz, A. Tresandi Blanco, V. Romero Algarra, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Ġunju 2016 fil-Kawżi magħquda T-426/10 sa T-429/10, u b’mod partikolari, fil-Kawża T-427/10, Trefilerías Quijano vs Il-Kummissjoni Ewropea;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kemm ta’ dawn il-proċeduri kif ukoll ta’ dawk quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

1.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi li jikkonsisti fl-iżnaturament tal-fatti u tal-provi u naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda l-allegata eżistenza ta’ rabtiet strutturali bejn KT u GSW qabel l-1996, applikat b’mod żbaljat u/jew ultra vires il-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-istħarriġ ġudizzjarju u, f’kull każ, ibbażat ruħha fuq fatti manifestament irrilevanti, u/jew ikklassifikat b’mod żbaljat dawn il-fatti bħala indizji ta’ rabtiet strutturali u, f’kull każ, applikat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ min huwa responsabbli għall-ksur billi rreferiet għall-appartenenza ta’ TQ għall-grupp Celsa.

2.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta applikat il-kriterju ġuridiku korrett u żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-provi u, f’kull każ, naqset milli tosserva l-obbligi tagħha fil-qasam tal-istħarriġ ġudizzjarju meta qieset li l-appellanti kienet illimitat ruħha li tipproduċi “ċertifikati tad-diretturi ġenerali tagħha” (fir-realtà dikjarazzjonijiet ġuramentati tad-diretturi ġenerali ta’ TQ) sabiex turi li s-setgħat eżekuttivi u ta’ kontroll ta’ GSW, bħala amministratur uniku, ġew iddelegati lid-diretturi ġenerali rispettivi ta’ TQ u li TQ adottat aġir awtonomu fis-suq. Barra minn hekk, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn ma spjegatx ir-raġunijiet li għalihom id-dikjarazzjonijiet ġuramentati tad-diretturi ġenerali ta’ TQ invokati mill-appellati kienu infondati.

3.

Il-Qorti Ġenerali kklassifikat b’mod żbaljat il-fatti, jiġifieri l-impressjonijiet tal-kompetituri, meta qieset li dawn l-impressjonijiet jikkostitwixxu indizju addizzjonali, u għalhekk ġuridikament rilevanti, fil-kuntest tal-ipprovar tal-eżistenza ta’ unità ekonomika komposta minn TQ, GSW u l-impriżi miżmuma minn din tal-aħħar. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi li jikkonsisti fl-iżnaturament tal-fatti u tal-provi fir-rigward tal-perċezzjoni tal-kompetituri.

4.

Il-Qorti Ġenerali kklassifikat b’mod żbaljat il-fatti, jiġifieri s-sovrappożizzjonijiet tal-persunal bejn TQ, GSW u l-impriżi miżmuma minn din tal-aħħar, meta qieset li dawn is-sovrappożizzjonijiet jikkostitwixxu indizju addizzjonali, u għalhekk ġuridikament rilevanti, fil-kuntest tal-ipprovar li dawn l-impriżi jiffurmaw unità ekonomika, li tagħhom GSW hija l-kumpannija omm.

5.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-klassifikazzjoni ta’ ċerti fatti, jiġifieri t-tqassim ta’ attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ bejn l-erba’ impriżi, meta qieset dan it-tqassim bħala indizju addizzjonali u ġuridikament rilevanti sabiex turi l-fatti li TQ tifforma parti minn unità ekonomika komposta minn GSW u l-impriżi miżmuma minn din tal-aħħar.

6.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-kriterju ġuridiku applikabbli fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-allegat eżerċizzju ta’ influwenza determinanti u, f’kull każ, wettqet nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-allegat eżerċizzju ta’ influwenza determinanti min-naħa ta’ GSW fuq TQ.

7.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-provi u f’kull każ kisret l-obbligi tagħha fil-qasam tal-istħarriġ ġudizzjarju meta ċaħdet l-argument tal-appellanti li skontu GSW ma eżerċitatx influwenza determinanti fuq TQ.

8.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi li jikkonsisti fi ksur tad-drittijiet tad-difiża meta qieset li, sa fejn il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha tal-kapaċità kontributtiva tal-appellanti fuq fatti prodotti u magħrufa minn din tal-aħħar, il-Kummissjoni kienet irrispettat id-dritt għal smigħ tal-appellanti.

9.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-provi, u f’kull każ, ma eżerċitatx skont id-dritt il-ġurisdizzjoni tagħha fil-qasam tal-istħarriġ ġudizzjarju. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi li jikkonsisti fi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Fl-aħħar nett, u f’kull każ, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi li jikkonsisti fl-iżnaturament tal-fatti u tal-provi fir-rigward tal-possibbiltà li l-appellanti tikseb finanzjament estern.

10.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-provi, u f’kull każ, kisret l-obbilgu tagħha li twettaq stħarriġ b’ġurisdizzjoni sħiħa, meta qieset li l-appellanti ma kinitx tat lill-Kummissjoni l-informazzjoni neċessarja sabiex tevalwa d-daqs tal-assi netti tal-azzjonisti tagħha. Barra minn hekk, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn ma spjegatx ir-raġunijiet li għalihom ir-rapporti ta’ Deloitte invokati mill-appellanti ma jipprovdu ebda bidu ta’ prova..


Top