EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TN0433

Kawża T-433/16: Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Awwissu 2016 – Pometon vs Il-Kummissjoni

OJ C 371, 10.10.2016, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 371/17


Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Awwissu 2016 – Pometon vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-433/16)

(2016/C 371/20)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Pometon SpA (Martellago, l-Italja) (rappreżentanti: E. Fabrizi, V. Veneziano u A. Molinaro, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas is-sanzjoni imposta fuq Pometon;

tikkundanna lill-konvenuta tħallas lura l-ammonti eventwalment imħallsa mir-rikorrenti fil-mori tal-kawża b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll għar-rimbors ta’ kwalsiasi spiża oħra sostnuta mir-rikorrenti b’eżekuzzjoni tal-istess deċiżjoni kkontestata;

f’kull każ, tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż legali u għall kull spiża oħra tar-rikorrenti marbuta ma din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors ġie ppreżentat kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3121 finali, tal-25 ta’ Mejju 2016 (Każ AT.39792 – Barraxa tal-Azzar), li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ smiegħ xieraq, tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u tad-dittijiet tad-difiża, minħabba li l-konvenuta attribwiet lil Pometon aġiri speċifiċi fil-kuntest tad-Deċiżjoni C(2014) 2074 finali, tat-2 ta’ April 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tranżitorja”), adottata fil-konfront ta’ Ervin Industries Inc. u Ervin Amasteel, Winoa SA u WHA Holding SAS, Metalltechnik Schmidt GmbH & Co. KG u Eisenwerk Würth GmbH (iktar ’il quddiem il-“partijiet”), u minħabba li, għalhekk, adottat id-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma setgħet tevalwa b’mod seren u fl-assenza ta’ influwenzi l-pożizzjoni ta’ Pometon u l-argumenti ta’ difiża mqajjma minn din tal-aħħar.

Fid-deċiżjoni tranżitorja – jiġifieri, qabel ma Pometon ingħatat il-possibbiltà li tiddefendi ruħha – il-Kummissjoni espliċitament attribwiet lir-rikorrenti l-istess aġir imputat lill-partijiet l-oħra, li sussegwentement, dejjem fid-deċiżjoni tranżitorja, inżammew responsabbli, speċifikament minħabba dan l-aġir, għal ksur speċifiku tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Dan immina, inevitabbilment u irrimedjabbilment, il-kapaċità tal-Kummissjoni li tagħti deċiżjoni verament imparzjali fil-konfront tar-rikorrenti.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur u applikazzjoni ħażina tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, fuq motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja u fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju tal-oneru tal-prova, minħabba li l-konvenuta attribwiet lir-rikorrenti, fl-assenza ta’ provi, parteċipazzjoni f’allegat akkordju li għalih ir-rikorrenti, fil-verità, ma pparteċipatx.

Insostenn tal-argumenti tagħha l-Kummissjoni adottat elementi mhux preċiżi, kontradittorji u ta’ interpretazzjoni dubjuża, li ma kinux suffiċjenti biex tintwera l-parteċipazzjoni ta’ Pometon fl-allegat ksur.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur u applikazzjoni ħażina tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, fuq żbalji ta’ evalwazzjoni u fuq nuqqas ta’ investigazzjoni u nuqqas manifest ta’ loġika, minħabba li l-konvenuta qieset li l-għan tal-aġir attribwit lil Pometon kien restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur u applikazzjoni ħażina tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u ta’ investigazzjoni, fuq ksur tal-oneru tal-prova fir-rigward tat-tul tal-allegata parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-allegat ksur, u konsegwentement, fuq ksur tal-Artikoli 23(2), 25(1) u 25(5) tar-Regolament Nru 1/2003 (1), u fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, minħabba li l-Kummissjoni imponiet sanzjoni pekunjarja fuq ir-rikorrenti minkejja li kien hemm preskrizzjoni.

Id-data tat-tmiem tal-allegata parteċipazzjoni ta’ Pometon fl-allegat ksur imputat lilha fid-deċiżjoni kkontestata ċertament ma tistax tikkoinċidi, skont ir-rikorrenti, mad-data indikata mill-Kummissjoni, iżda, l-iktar l-iktar, ma data kunsiderevolmant preċedenti, u għaldaqstant għandu jitqies li s-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi hija preskritta.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq nuqqas assolut ta’ motivazzjoni, fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-iffissar tal-ammont tal-multa fil-kuntest tal-bdil tal-ammont bażiku skont il-Punt 37 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti b’applikazzjoni tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003.

Il-Kummissjoni allegatament użat l-Artikolu 37 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi b’mod evidentement diskriminatorju, billi applikat, fil-każ ta’ Pometon, perċentwali ta’ tnaqqis tas-sanzjoni li kienet nettament inqas minn dik applikata għall-partijiet l-oħra.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


Top