EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TN0382

Kawża T-382/15: Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Lulju 2015 – Greenpeace Energy et vs Il-Kummissjoni

OJ C 337, 12.10.2015, p. 22–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 337/22


Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Lulju 2015 – Greenpeace Energy et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-382/15)

(2015/C 337/23)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Greenpeace Energy eG (Hamburg, il-Ġermanja), oekostrom AG für Energieerzeugung und -handel (Vjenna, l-Awstrija), Stadtwerke Aalen GmbH (Aalen, il-Ġermanja), Stadtwerke Bietigheim-Bissingen GmbH (Bietigheim-Bissingen, il-Ġermanja), Stadtwerke Schwäbisch Hall GmbH (Schwäbisch Hall, il-Ġermanja), Stadtwerke Tübingen GmbH (Tübingen, il-Ġermanja), Stadtwerke Mühlacker GmbH (Mühlacker, il-Ġermanja), Energieversorgung Filstal GmbH & Co KG (Göppingen, il-Ġermanja), Stadtwerke Mainz AG (Mainz, il-Ġermanja), Stadtwerke Bochum Holding GmbH (Bochum, il-Ġermanja) (rappreżentanti: D. Fouquet u J. Nysten, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara bħala ammissibbli u fondat ir-rikors skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE flimkien mal-ewwel paragrafu tal-istess artikolu;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/658, tat-8 ta’ Ottubru 2014, dwar il-miżura ta’ għajnuna SA.34947 (2013/C) (ex 2013/N) li r-Renju Unit qed jippjana li jimplimenta bħala Appoġġ għall-Impjant tal-Enerġija Nukleari Hinkley Point C;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kollha tal-proċedura, inklużi dawk tal-avukati u tal-ivvjaġġar.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tmien motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE minħabba li ġie rrikonoxxut interess komuni

Ir-rikorrenti jsostnu li fl-eżami l-Kummissjoni fixklet il-kriterji li għandhom jiġu osservati skont l-Artikolu 107(3)(b) kif ukoll l-Artikolu 107(3)(c) TFUE u b’dan il-mod applikat b’mod żbaljat dawn id-dispożizzjonijiet. Il-Kummissjoni tistabbilixxi wkoll interess komuni fis-sostenn tal-enerġija atomika, li fil-fatt ma jeżistix. Il-Kummissjoni tippreżumi wkoll interess komuni fis-sigurtà tal-provvista, li skont l-Artikolu 194 TFUE huwa effettivament wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija iżda li madankollu l-bini u l-operat tal-impjant tal-enerġija nukleari inkwistjoni ma jippermettux li jintlaħaq.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE minħabba li ġie rrikonoxxut nuqqas tas-suq

F’dan ir-rigward jingħad li l-Kummissjoni stabbilit b’mod żbaljat nuqqas tas-suq li jirriżulta mill-allegata impossibbiltà li jiġi ffinanzjat l-impjant tal-enerġija nukleari fis-swieq fianzjarji, u, b’dan il-mod, ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li impjanti ta’ enerġija nukleari oħra, fosthom dawk li jużaw l-istess teknoloġija, ma jingħatawx għajnuna mill-Istat komparabbli. Ir-rikorrenti jsostnu li huwa wkoll b’mod żbaljat li l-Kummissjoni tafferma li deċiżjoni politika tista’ tikkostitwixxi nuqqas tas-suq.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE minħabba kategorizzazzjoni żbaljata tal-miżura nnotifikata “Contract for Difference” bħala għajnuna għall-investiment – Applikazzjoni ta’ kriterju ta’ evalwazzjoni żbaljat

Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jsostnu li kemm l-għajnuna għall-funzjonament kif ukoll l-għajnuna għall-investiment u d-differenza bejn iż-żewġ strumenti ġew iddefiniti b’mod suffiċjentement ċar mill-aspett ġuridiku. Il-Kummissjoni twettaq użu ħażin ta’ poter meta tafferma l-ekwivalenza għal għajnuna għall-investiment u billi toħloq b’dan il-mod kategorija ġdida, u tapplika għalhekk kriterju ta’ evalwazzjoni żbaljat.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE minħabba li l-Kummissjoni rrikonoxxiet in-natura xierqa u l-effett ta’ inċentiv tal-miżuri ta’ għajnuna

Ir-rikorrenti jsostnu, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni ma eżaminatx suffiċjentement l-alternattivi għall-bini u għall-operat tal-impjant tal-enerġija nukleari f’rabta mal-allegat għan ta’ sigurtà tal-provvista. Barra minn hekk, il-Kummissjoni teżamina biss b’mod negliġenti l-kwistjoni dwar kif impriża kienet taġixxi mingħajr għajnuna. Għaldaqstant il-Kummissjoni wettqet eżami żbaljat u inkomplet tan-natura adegwata.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE minħabba sottostima tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-miżuri ta’ għajnuna u soprastima tal-effetti pożittivi tal-miżuri ta’ għajnuna

Ir-rikorrenti jikkritikaw, barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni kkonstatat b’mod żbaljat li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għandhom jiġu injorati. Ir-rikorrenti jsostnu li l-istudji juru effett fuq il-prezzijiet tas-suq li huwa iktar qawwi milli qieset il-Kummissjoni, b’tali mod li l-fatt li jiġu injorati għandu jitqies li hemm nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni jew interpretazzjoni żbaljata tagħha.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/72/KE (1) jew fuq ksur tad-Direttiva 2004/17/KE (2) u tad-Direttiva 2004/18/KE (3) minħabba l-awtorizzazzjoni ta’ miżuri ta’ għajnuna mingħajr sejħa għal offerti jew proċedura ekwivalenti

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu b’mod partikolari li l-Kummissjoni żbaljat u marret kontra l-prassi deċiżjonali tagħha sal-lum meta bbażat ruħha fuq il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq għal dan il-każ. L-evalwazzjoni tagħha tal-fatti hija għaldaqstant żbaljata, ivvizjata b’użu ħażin ta’ poter, u tinjora x-xebh ma’ bosta proġetti oħra. Il-Kummissjoni twettaq ukoll użu ħażin ta’ poter meta tassimila t-talba għal manifestazzjoni ta’ interess tal-Gvern tal-Gran Brittanja ma’ proċedura ekwivalenti għal sejħa għal offerti.

7.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ osservanza tal-kodiċi ta’ kondotta amministrattiva tajba u tar-rekwiżiti miżjuda fil-qasam ta’ motivazzjoni li jirriżultaw min-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni tal-azzjoni inkoerenti tal-Kummissjoni.

F’dan il-motiv, ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-Kummissjoni tikkontradixxi diversi drabi l-prassi deċiżjonali tagħha, mingħajr ma tressaq motivi konvinċenti f’dan ir-rigward.

8.

It-tmien motiv ibbażat fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-kodiċi ta’ kondotta amministrattiva tajba minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ġenerali tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni tiddeskrivi b’mod żbaljat il-metodoloġija tal-miżuri ta’ għajnuna, pereżempju billi tibda mill-prinċipju ta’ għajnuna għall-investiment pjuttost milli għajnuna għall-funzjonament u billi tħallat ġeneralment id-diversi elementi. Il-Kummissjoni ma tiddeterminax l-ammont totali tal-miżuri ta’ għajnuna u ma tevalwax suffiċjentement eventwali kumulu. Ir-rikorrenti jqisu li l-motivazzjonijiet esposti rigward l-eżistenza ta’ interess komuni jew ta’ nuqqas tas-suq u rigward in-natura xierqa tal-għajnuna ma jissodisfawx ġeneralment ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni.


(1)  Direttiva 2009/72/KE tal-Paralment Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, p. 55).

(2)  Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti [għall-għoti ta’ kuntratti] ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19).

(3)  Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).


Top