EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CN0327

Kawża C-327/15: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (id-Danimarka) fit-2 ta’ Lulju 2015 – TDC A/S vs Teleklagenævnet, Erhvervs- og Vækstministeriet

OJ C 294, 7.9.2015, p. 40–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 294/40


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (id-Danimarka) fit-2 ta’ Lulju 2015 – TDC A/S vs Teleklagenævnet, Erhvervs- og Vækstministeriet

(Kawża C-327/15)

(2015/C 294/52)

Lingwa tal-kawża: id-Daniż

Qorti tar-rinviju

Østre Landsret

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: TDC A/S

Konvenuti: Teleklagenævnet, Erhvervs- og Vækstministeriet

Domandi preliminari

1)

Id-Direttiva 2002/22/KE, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (1), inkluż l-Artikolu 32, jipprekludu lil Stat Membru milli jistabbilixxi regoli li jipprovdu li impriża ma għandhiex dritt tressaq talba kontra l-Istat Membru għall-irkupru separat tal-ispiża netta għall-provvista ta’ servizzi obbligatorji addizzjonali li ma jaqgħux taħt il-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, fejn il-profitti tal-impriża minn servizzi oħra li huma koperti mill-obbligi ta’ servizz universali tal-impriża taħt il-Kapitolu II ta’ din id-direttiva jmorru lil hinn mit-telf assoċjat mal-provvista tas-servizzi obbligatorji addizzjonali?

2)

Id-Direttiva Servizz Universali tipprekludi lil Stat Membru milli jistabbilixxi regoli li jipprovdu li l-impriżi għandhom dritt għall-irkupru mill-Istat Membru tal-ispiża netta għall-provvista ta’ servizzi obbligatorji addizzjonali li ma jaqgħux taħt il-Kapitolu II tad-direttiva biss jekk l-ispiża netta tikkostitwixxi oneru mhux iġġustifikat għall-impriżi inkwistjoni?

3)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda, jista’ l-Istat Membru jiddeċiedi li ma hemm l-ebda oneru mhux iġġustifikat assoċjat mal-provvista tas-servizzi obbligatorji addizzjonali li ma jaqgħux taħt il-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, jekk l-impriża kisbet, globalment, profitti mill-provvista ta’ dawk is-servizzi kollha fejn din l-impriża għandha obbligu ta’ servizz universali, inkluż il-provvista ta’ servizzi li l-impriża kienet xorta tagħti anki mingħajr ma jkollha l-obbligu ta’ servizz universali?

4)

Id-Direttiva Servizz Universali tipprekludi lil Stat Membru milli jistabbilixxi regoli li jipprovdu li l-ispiża netta sostnuta minn impriża inkarigata fil-kuntest tal-obbligu tagħha ta’ servizz universali fis-sens tal-Kapitolu II tad-direttiva hija kkalkolata abbażi tad-dħul u tal-ispejjeż kollha li huma marbuta mal-provvista tas-servizz inkwistjoni, u b’mod partikolari tad-dħul u tal-ispejjeż li l-impriża kienet tagħmel xorta waħda anki mingħajr ma jkollha l-obbligu ta’ servizz universali?

5)

Fil-każ li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni (ara d-domandi 1 sa 4) hija applikata għal servizz obbligatorju addizzjonali li għandu jiġi pprovdut mhux biss fid-Danimarka iżda kemm fid-Danimarka kif ukoll fi Greenland, li skont l-Anness II tat-TFUE huwa pajjiż jew territorju extra-Ewropew, ir-risposti għad-domandi 1 sa 4 japplikaw ukoll għal dik il-parti tar-rekwiżit li tirrigwarda lil Greenland, fejn is-servizz huwa fdat mill-awtoritajiet Daniżi lil impriża stabbilita fid-Danimarka u dik l-impriża ma għandha l-ebda attività oħra fil-Greenland?

6)

X’inhuwa l-effett tal-Artikoli 107(1) TFUE u 108(3) TFUE, kif ukoll tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ Diċembru 2011, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (2) fuq ir-risposta għad-domandi 1 sa 5?

7)

X’inhuwa l-effett tal-prinċipju ta’ distorsjoni minima tal-kompetizzjoni, imsemmi b’mod partikolari fl-Artikoli 1(2) , 3(2) u fil-premessi 4, 18, 23 u 26, kif ukoll fit-Taqsima B tal-Anness IV tad-Direttiva Servizz Universali fuq ir-risposta għad-domandi 1 sa 5?

8)

Jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Servizz Universali jipprekludu s-sistemi nazzjonali msemmija fid-domandi 1, 2 u 4, dawn id-dispożizzjonijiet jew dawn ir-restrizzjonijiet għandhom effett dirett?

9)

Liema fatturi speċifiċi oħra għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġi evalwat jekk limitu ta’ żmien nazzjonali għall-applikazzjonijiet kif deskritti fil-punt 3.17, u l-applikazzjoni tiegħu, humiex konsistenti mal-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali, ta’ ekwivalenza u ta’ effettività tad-dritt tal-UE?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367.

(2)  ĠU 2012, L. 7, p. 3.


Top