EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014AE3600
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions — Taking stock of the Europe 2020 strategy for smart, sustainable and inclusive growth’ COM(2014) 130 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2014) 130 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2014) 130 final)
OJ C 12, 15.1.2015, p. 105–114
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
15.1.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 12/105 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv”
(COM(2014) 130 final)
(2015/C 012/17)
Relatur: |
is-Sur Palmieri |
Nhar is-16 ta' Mejju 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv
COM(2014) 130 final.
Is-sottokumitat Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020, inkarigat sabiex jipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adotta l-Opinjoni tiegħu nhar il-5 ta' Settembru 2014.
Matul il-502 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2014 (seduta tal-15 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'168 vot favur, 7 voti kontra u 6 astensjonijiet.
1. Introduzzjoni
1.1 |
Erba' snin mill-introduzzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 (UE 2020), il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat komunikazzjoni intitolata “Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” u nediet konsultazzjoni pubblika (1) għar-reviżjoni ta' nofs it-term tagħha. |
1.2 |
Din l-Opinjoni, tweġiba formali għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tifforma wkoll parti mill-valutazzjoni integrata tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) li tindirizza t-talba għal opinjoni esploratorja dwar il-valutazzjoni ta' nofs it-term li jmiss tal-istrateġija Ewropa 2020 mressqa mill-Presidenza Taljana tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. |
1.3 |
Il-KESE qed iħejji valutazzjoni ta' nofs it-term komprensiva tal-istrateġija Ewropa 2020, u din se tkun tinkludi d-dokumenti li ġejjin:
|
1.4 |
Il-pakkett ta' dokumenti li se jkun jinkludi l-valutazzjoni ta' nofs it-term tal-istrateġija, imħejjija mill-KESE, se jiġi ppreżentat f'konferenza ta' livell għoli organizzata fi ħdan il-qafas ta' attivitajiet tal-Presidenza Taljana tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, dwar is-suġġett tal-Lejn Ewropa 2020 aktar effikaċi: il-proposti tas-soċjetà ċivili għal inklużjoni soċjali u kompetittività imtejba fl-Ewropa. Il-konferenza se ssir f'Ruma fl-4 u l-5 ta' Diċembru 2014. |
1.5 |
Sabiex jiġu ppreżentati l-proposti għal riforma tal-istrateġija Ewropa 2020, imfassla mid-diversi korpi interni tal-KESE (2) u diskussi waqt il-laqgħat ta' “gruppi ta' ħidma”, b'mod sħiħ, “ir-rakkomandazzjonijiet” iddaħħlu fil-paragrafu 4: “Ir-rakkomandazzjonijiet tal-KESE sabiex jiġi żgurat proċess ġenwin ta' riforma tal-istrateġija Ewropa 2020”. |
2. L-istrateġija Ewropa 2020 fl-ewwel erba' snin tagħha: l-effetti tal-kriżi fit-tul
2.1 |
L-istrateġija Ewropa 2020 tirriżulta mill-intenzjoni, li għandha tiġi mfaħħra, li jiġi żgurat ir-rilanċ tal-kompetittività u l-impjiegi fl-UE – li jiġu miġġielda l-problemi strutturali – filwaqt li tiġi żgurata l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali għaċ-ċittadini tagħha. Kien f'dan il-kuntest, diġà diffiċli minnu, li nibtet kriżi mill-aktar severa fl-intensità u t-tul tagħha (fl-aħħar tmenin sena) li affettwat serjament il-proċess tal-istrateġija nnifisha. |
2.1.1 |
Il-kriżi kompliet taggrava d-differenzi ekonomiċi u soċjali fl-UE li diġa kienu ċari, u b'hekk setgħu jinħassu d-differenzi f'termini ta' kompetittività u koeżjoni soċjali, u ħraxet it-tendenza favur il-polarizzazzjoni tat-tkabbir u l-iżvilupp, b'restrizzjonijiet ċari f'termini ta' ridistribuzzjoni ġusta tad-dħul, il-ġid u l-benessri, bejn l-Istati Membri u, fi ħdanhom, fost ir-reġjuni Ewropej (3). |
2.2 |
Mill-analiżi tal-evoluzzjoni u l-konsegwenzi tal-kriżi – li jirriżultaw mill-qari tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-appendiċi tagħha (4) – joħroġ kif din affettwat b'mod negattiv l-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 fl-effikaċja, l-adegwatezza u l-leġittimità tal-mudell ta' governanza tagħha u l-għanijiet tagħha. |
2.3 |
Peress li l-istruttura tal-governanza ekonomika tal-UE hija orjentata ferm lejn il-politiki ta' awsterità, id-dixxiplina fiskali ħadet prijorità fuq il-kisba tal-għanijiet għal perjodu medju sa dak twil tal-istrateġija Ewropa 2020. |
2.3.1 |
Filwaqt li l-KESE jikkunsidra li hija meħtieġa azzjoni biex jissaħħu l-politiki mmirati lejn il-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi ta’ xi Stati Membri, min-naħa l-oħra, il-fatti juru li l-politiki ta' awsterità jistgħu joħolqu l-effetti mixtieqa jekk jiġu implimentati f'fażi ta' “tkabbir” ekonomiku, filwaqt li jekk jiġu applikati “awtomatikament” matul perjodu ta' staġnar u anke riċessjoni ekonomika, bħal dak li qed jgħaddu minnu bħalissa bosta mill-Istati Membri, iħallu effetti negattivi fuq it-tkabbir. Prova ta' dan tidher f'ħafna Stati Membri fejn dawn il-politiki ma tawx ir-riżultati mistennija f'termini ta' konsolidazzjoni fiskali (5) jew saħansitra ittardjaw l-irkupru ekonomiku u aggravaw is-sitwazzjonijiet diġà preokkupanti tad-diżintegrazzjoni soċjali. |
2.4 |
Il-ġestjoni tal-kriżi permezz ta' governanza ekonomika tal-UE affettwat ħażin il-progress biex jintlaħqu l-objettivi għat-terminu medju u twil tal-istrateġija. B'dan il-mod, f'xi Stati Membri tal-UE, inħolqu nuqqasijiet li f'xi każi jservu ta' tfixkil u limiti strutturali għall-iżvilupp ekonomiku u l-koeżjoni soċjali tal-Unjoni. |
2.5 |
Illum, għalkemm hemm riżultati inkoraġġanti miksuba fil-qasam: a) tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-enerġija sostenibbli; b) tal-edukazzjoni u l-ġlieda kontra t-tluq bikri mill-iskola; jidhru sinjali qawwija li jħassbu fir-rigward tan-nefqa għar-riċerka u l-iżvilupp, is-suq tax-xogħol, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali. |
2.5.1 |
Fir-rigward tan-nefqa għar-riċerka u l-innovazzjoni, jidher li l-kriżi żiedet id-distakk bejn l-Istati Membri tal-UE; l-Istati Membri li jinsabu taħt pressjoni għolja għall-konsolidazzjoni fiskali (li ħafna drabi huma dawk li jinsabu lura fl-innovazzjoni) naqqsu b'mod sinifikanti n-nefqa pubblika tagħhom fir-riċerka u l-innovazzjoni (6). Fl-UE, in-nefqa għar-riċerka u l-iżvilupp għadha kważi punt perċentwali wieħed taħt il-mira ta' 3,0 % u fit-tbassir għall-2020 jidher li se tkun 2,2 %, bl-effett negattiv tal-livell baxx ta' investiment privat u għanijiet inqas ambizzjużi mill-Istati Membri. |
2.5.2 |
Fir-rigward tas-suq tax-xogħol, f'sitwazzjoni ta' rata tal-impjieg staġnata f'dawn l-aħħar snin – li għadha taħt il-mira stabbilita fl-istrateġija Ewropa 2020 (68,4 % fl-2013: 74,2 % għall-irġiel u 62,5 % għan-nisa) qed joħorġu sinjali partikolarment inkwetanti:
|
Din is-sitwazzjoni diġà hija fiha nnifisha partikolarment inkwetanti u, għal ċerti Stati Membri tal-UE, hemm it-tendenza li tiddeterjora fil-każ taż-żgħażagħ, dawk li ġew esklużi mis-suq tax-xogħol f'età avvanzata u n-nisa.
2.5.3 |
Il-persuni li jinsabu f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali żdiedu minn 114 miljun fl-2009 għal 124 miljun fl-2012. Xejra li tista' tkompli tmur għall-agħar minħabba l-effetti li jirriżultaw aktar tard fil-kriżi. Il-mira tal-UE li tnaqqas in-numru ta' persuni fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali għal 96,4 miljun – sal-2020 – jidher li diffiċli tintlaħaq minħabba li fl-2012 diġà kien hemm 28 miljun aktar mill-mira stabbilita. |
2.5.4 |
Il-fatt li jaggrava s-sitwazzjoni diġà serja huwa ż-żieda fin-numru ta' persuni li jgħixu fi stat ta' privazzjoni materjali u l-persentaġġ ta' persuni ta' età li jaħdmu li jgħixu f'familji fejn ħadd ma jaħdem. |
2.5.5 |
Il-kriżi żiedet id-disparitajiet li diġà kienu konsiderevoli fost l-Istati Membri, u b'hekk ħarġu differenzi sinifikanti f'termini ta' kompetittività u koeżjoni soċjali. Dawn id-differenzi juru biċ-ċar il-ħtieġa ta' proposti għal riforma li tiżgura li l-miżuri jkunu effettivi kemm jista' jkun fejn il-problemi huma l-aktar serji. |
2.5.6 |
Dawn il-fiċ-ċifri kollha juru biċ-ċar l-importanza li ssir enfasi fuq l-investimenti għat-tkabbir biex jappoġġjaw il-kompetittività u l-kundizzjonijiet għall-kumpaniji, partikolarment l-SMEs, sabiex jinżammu u jinħolqu l-impjiegi. |
3. Analiżi tal-elementi ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020: il-governanza, l-għanijiet, il-parteċipazzjoni u l-implimentazzjoni.
3.1 |
L-analiżi tar-riżultati miksuba s'issa, turi strateġija li fil-biċċa l-kbira ma dehrietx li kienet biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet li għaliha ġiet stabbilita. Wasal iż-żmien li ngħaddu għal proċess ta' riforma tal-istrateġija Ewropa 2020 biex tkun aktar effiċjenti u effettiva, b'hekk jitneħħa l-periklu li din tista' tfalli, kif ġara fil-każ tal-istrateġija preċedenti ta' Lisbona. Huwa importanti ħafna li ssir enfasi fuq għadd ta' objettivi, sabiex tiġi żgurata koerenza bejniethom u tiġi ggarantita l-implimentazzjoni tagħhom. |
3.2 |
In-nuqqasijiet ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 jidhru fl-oqsma tal-governanza, l-għanijet stabbiliti, il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-implimentazzjoni tagħha. |
3.3 |
Is-sistema ta' governanza tal-istrateġija Ewropa 2020 hija dgħajfa u mhix tant effettiva biex torbot lill-Istati Membri biex jirrispettaw l-impenji tagħhom biex jintlaħqu l-għanijiet (u l-inizjattivi ewlenin) stipulati fl-istrateġija. |
3.3.1 |
L-istruttura ta' governanza tal-istrateġija ifformalizzat distorsjoni strutturali fejn l-aspetti ekonomiċi jieħdu preċedenza fuq il-governanza soċjali u ambjentali, u b'hekk l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 ġew subordinati għall-prijoritajiet makro-ekonomiċi tas-semestru Ewropew, u dan kien ta' theddida għall-kisba tal-għanijiet rigward il-kompetittività u l-koeżjoni soċjali tal-UE u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali. |
3.3.2 |
Hafna drabi, fis-Semestru Ewropew, li jibda bl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (AGS) u jieqaf bit-tfassil ta' “rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż”, ġew stabbiliti prijoritajiet li ma jagħtux appoġġ effettiv biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Barra minn hekk, “ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż” ma jiġux rispettati mill-Istati Membri fit-tfassil tal-istrateġiji nazzjonali annwali tagħhom (Programmi Nazzjonali ta' Riforma) u fid-deċiżjonijiet rilevanti dwar: il-baġit, ir-riformi strutturali, il-politiki tal-impjieg u l-politiki soċjali (7). |
3.4 |
Fit-tfassil tal-istrateġija Ewropa 2020, l-iffissar tal-għanijiet u l-indikaturi relatati proposti, minbarra li mhumiex vinkolanti, ma għaddewx minn proċess ta' kunsens wiesa' fost iċ-ċittadini tal-UE. Sal-lum, ħlief għall-miri dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra u dwar l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli (li għandhom qafas legali vinkolanti) kull pajjiż seta' jistabbilixxi l-objettivi tiegħu b'riżultati ta' spiss ftit li xejn ambizzjużi. |
3.4.1 |
Il-kejl kwantitattiv tal-għanijiet mhux appoġġjat b'valutazzjoni kwalitattiva: l-intelliġenza ta' sistema soċjo-ekonomika ma tistax titkejjel biss abbażi ta' indikaturi kwantitattivi bħal: nefqa għar-riċerka jew l-għadd ta' impjiegi ġodda maħluqa; iżda għandha tikkunsidra wkoll indikaturi kwalitattivi bħal: tipi ta' innovazzjonijiet introdotti fis-“suq”, u l-kwalità tal-impjiegi li nħolqu. |
3.5 |
L-istrateġija Ewropa 2020 ma tinvolvix biżżejjed lis-soċjetà ċivili organizzata, la fil-livell nazzjonali u lanqas f'dak Ewropew. Ir-raġunijiet għal dan huma kif ġej:
|
3.6 |
Minkejja l-proċeduri maqbula fil-livell tal-Kunsill Ewropew, l-għadd kbir ta' programmi ta' kooperazzjoni attivi fi ħdan l-UE u l-għarfien li l-isfidi u l-objettivi definiti fl-Ewropa 2020 ma jistgħux jiġu indirizzati b'mod effettiv biss permezz ta' miżuri tas-sistemi nazzjonali individwali, l-implimentazzjoni tal-Ewropa 2020 sofriet nuqqas ta' kooperazzjoni effettiva u ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri. |
3.7 |
L-inizjattivi ewlenin setgħu taw kontribut deċiżiv fil-koordinazzjoni tal-politiki nazzjonali u Ewropej biex jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, sabiex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi permezz ta' użu aktar effiċjenti tal-effett ta' lieva tal-iżvilupp u l-opportunitajiet mill-Fondi Strutturali (8), il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (9) u programmi taħt ġestjoni diretta. L-inizjattivi ewlenin għandhom ikunu iktar ġestibbli u intelliġibbli, b'iktar interazzjonijiet u mingħajr duplikazzjoni. |
IL-KONKLUŻJONIJIET U R-RAKKOMANDAZZJONIJIET TAL-KESE BIEX JIĠI ŻGURAT LI JKUN HEMM PROĊESS TA' RIFORMA TAL-ISTRATEĠIJA EWROPA 2020.
4. Lejn qafas kunċettwali ġdid tal-istrateġija Ewropa 2020
4.1 |
L-UE trid tiffaċċja sfida doppja: minn naħa waħda għandha toħroġ malajr kemm jista' jkun mill-kriżi li l-effetti tagħha kienu ta' tfixkil għas-sistema ekonomika u soċjali tagħha; min-naħa l-oħra jeħtieġ li ssaħħaħ il-mudell ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv skont l-istrateġija Ewropa 2020 sabiex tkun tista' tindirizza n-nuqqas ta' kompetittività strutturali tas-sistema Ewropea. |
4.1.1 |
Huwa f'dan il-kuntest li l-KESE jemmen li jeħtieġ jiġi promoss mudell ta' żvilupp li permezz tiegħu l-Istati Membri tal-UE, waqt li jkomplu jsegwu riformi strutturali maħsuba għall-konsolidazzjoni u l-affidabbiltà tal-finanzi nazzjonali, fl-istess ħin jirnexxielhom ikomplu jimplimentaw il-politiki: sabiex jippromovu l-kompetittività Ewropea u tal-atturi prinċipali tagħha (ħaddiema, intrapriżi privati u intrapriżi soċjali); jiffavorixxu t-tkabbir kwantitattiv u kwalitattiv tal-investimenti Ewropej (tanġibbli, intanġibbli u soċjali); joħolqu aktar postijiet tax-xogħol u postijiet aħjar; barra milli jappoġġaw il-koeżjoni soċjali u territorjali, billi jiġġieldu d-diffikultajiet marbutin mal-livell għoli ta' qgħad u ż-żieda fil-livelli ta' faqar u esklużjoni soċjali (10). |
4.1.2 |
Huwa f'dan il-kuntest li jeħtieġ li l-Unjoni ekonomika u monetarja ssir fattur ta' stabbiltà u tkabbir aktar robust u reżiljenti, tissaħħaħ l-attrattività ġenerali tal-Unjoni Ewropea bħala post għall-produzzjoni u l-investiment, jiġi sfruttat għal kollox il-potenzjal tas-suq uniku fl-aspetti kollha tiegħu, isiru investiment u tħejjija tal-ekonomija Ewropea għall-ġejjini, titħeġġeġ klima favur l-intraprenditorija u l-ħolqien tal-impjiegi, tiġi appoġġjata s-sostenibbiltà ambjentali u jingħata appoġġ lis-sistema ta' għajnuna soċjali fil-ġlieda kontra l-bidliet u l-problemi soċjali. |
4.2 |
Il-KESE jikkunsidra li l-proposta għal riforma radikali fl-implimentazzjoni tal-istrateġija UE 2020 teħtieġ reviżjoni profonda tal-kunċetti u fatturi ewlenin tal-istrateġija implimentata erba' snin ilu dwar: l-istess kunċett ta' żvilupp tal-istrateġija nnifisha; l-identifikazzjoni tal-għanijiet, tal-politiki biex dawn jintlaħqu, u tal-monitoraġġ u valutazzjoni relevanti, it-tfassil ta' governanza f'diversi livelli effiċjenti u effettiva tal-istrateġija; it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. |
4.3 |
Biex l-iżvilupp promoss permezz tar-riforma tal-istrateġija Ewropa 2020 ikun verament sostenibbli, huwa essenzjali li jissaħħaħ l-approċċ olistiku tiegħu fejn l-objettivi ekonomiċi jiġu integrati ma' dawk soċjali u ambjentali. Jeħtieġ jiġi promoss approċċ li kapaċi jisfrutta kull forma ta' kapital fiż-żmien jew fl-ispazju, u b'hekk jassigura li jintlaħqu l-ħtiġijiet attwali mingħajr ma jikkomprometti dawk tal-ġenerazzjonijiet futuri. |
4.3.1 |
Se jkun kruċjali li l-kunċett ta' żvilupp sostenibbli u l-għanijiet li jirriżultaw mill-istrateġija Ewropa 2020 jintrabtu ma' dak li huwa definit fl-Artikolu 3 (1)(2)(3) tat-“Trattat dwar l-Unjoni Ewropea” (11), għall-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali permezz ta' kooperazzjoni u solidarjetà iżjed b'saħħithom bejn l-Istati Membri u permezz ta' żvilupp sostenibbli msejjes fuq tkabbir ekonomiku bbilanċjat u ekonomija tas-suq soċjali kompetittiva ħafna u aktar adattata għall-benesseri taċ-ċittadini, maħsuba għall-kompetittività u l-impjieg sħiħ. |
4.3.2 |
L-istrateġija Ewropa 2020 għandha tirrifletti wkoll ir-rwol tal-UE fil-kuntest globali. Ir-reviżjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 għandha torbot mill-qrib mal-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli wara l-2015 (12) u tipprevedi l-implimentazzjoni adatta tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli mill-UE u fl-UE. |
4.3.3 |
Sabiex jingħata bidu lit-transizzjoni fit-tul tal-ekonomija tal-UE li tkun reżiljenti u kompetittiva, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u inklużiva, l-UE ser ikollha testendi l-orizzont tal-ippjanar tagħha lil hinn mill-2020. Għalhekk, ir-reviżjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 għandha tiġi komplementata b'mod urġenti bit-tnedija ta' proċess parteċipattiv li jwassal għal strateġija politika għal Ewropa sostenibbli f'dinja globalizzata, b'perjodu ta' żmien mill-inqas sal-2030. |
4.4 |
B'mod parallel mal-iżvilupp ta' approċċ olistiku għall-kunċett ta' żvilupp sostenibbli fl-istrateġija Ewropa 2020 għandha tissaħħaħ aktar id-dimensjoni kwalitattiva tal-għanijiet. It-tkabbir ifisser żieda naturali fid-daqs u għaldaqstant dan jimplika dimensjoni kwantitattiva, filwaqt li l-iżvilupp ifisser żieda fil-kwalità u l-potenzjal. Id-dimensjoni kwalitattiva tal-iżvilupp tissarraf bl-isfruttar u l-iżvilupp tal-karatteristiċi speċifiċi u l-potenzjal ta' sistema soċjoekonomika. |
4.4.1 |
L-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 ma għandhomx ikunu subordinati għal għanijiet ekonomiċi u baġitarji iżda għandhom jiġu integrati fl-istess livell, f'qafas ġdid ta' governanza ekonomika, ambjentali u soċjali, speċjalment fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u, għaldaqstant, fis-SAT, fil-programmi nazzjonali ta' riforma u fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi. |
4.4.2 |
Il-KESE jtenni li huwa essenzjali li tiġi identifikata sistema ta' miżuri kumplimentari għall-PDG biex jitkejjel l-impatt tal-politiki adottati fir-rigward tas-soċjetà, il-familja u l-individwi (13). F'dan il-kuntest ser ikun meħtieġ li tiġi implimentata tabella ta' valutazzjoni soċjali u li tiġi garantita l-applikazzjoni ġenwina tagħha fis-Semestru Ewropew (14). |
4.4.3 |
F'dan is-sens, huwa kruċjali li tiġi żviluppata sistema ta' monitoraġġ ibbażata fuq indikaturi li jqisu l-introjtu disponibbli tal-unitajiet domestiċi, il-kwalità tal-ħajja, is-sostenibbiltà ambjentali, il-koeżjoni soċjali, is-saħħa u l-benesseri tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. Fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-ġestjoni tas-sistema ta' monitoraġġ ġdida, il-KESE jemmen li għandha tiġi stabbilita struttura ġdida li tinvolvi l-istituzzjonijiet rilevanti. |
4.5 |
L-istrateġija Ewropa 2020 tkun suċċess biss jekk tkun mibnija fuq governanza f'diversi livelli biex tkun tista' tirreaġixxi għall-bosta sfidi li qed jitfaċċaw, u jekk il-linji gwida ġenerali, maqbula fil-livell Ewropew, jissarfu f'azzjoni nazzjonali u reġjonali konkreta. |
4.5.1 |
Huwa f'dan il-kuntest li trid tissaħħaħ il-governanza ekonomika tal-UE b'mod ġenerali, u tal-UEM b'mod partikolari, u tiġi integrata mal-istrateġija Ewropa 2020. B'dan il-mod ser ikun possibbli li tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta' dawk ir-riformi ta' natura strutturali, permezz ta' taqssim effiċjenti u sjieda mill-Istati Membri. Għalhekk hemm bżonn li tiġi stabbilita kooperazzjoni reali fil-funzjonijiet ta' tmexxija, kondiviżjoni, u kontroll eżerċitati mill-Kunsill Ewropew, il-Kunsill Kompetizzjoni, il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew. |
4.5.2 |
L-Istati Membri għandhom iqisu b'attenzjoni r-“rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi”, adottati mill-Kunsill Ewropew fit-tfassil tal-istrateġiji annwali definiti fil-programmi nazzjonali ta' riforma u fid-deċiżjonijiet dwar il-baġit, ir-riformi strutturali, il-politiki tal-impjieg u l-politiki soċjali. |
4.6 |
Huwa meħtieġ li jissaħħaħ ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata fid-diversi stadji tal-proċess ta' programmazzjoni u implimentazzjoni tal-politiki Ewropej. L-ilħuq tal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 għandu jkun appoġġjat bit-tisħiħ tar-rwol u l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-“Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir”, fit-tfassil tal-programmi nazzjonali ta' riforma u fir-“rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi”. Dan it-tisħiħ irid isir permezz tal-adozzjoni ta' skeda tas-semestru Ewropew aktar effikaċi u f'waqtha, li tippermetti li s-soċjetà ċivili organizzata tippreżenta valutazzjonijiet fil-ħin meta jkun għadu possibbli li tikkontribwixxi b'mod effettiv fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Dan għandu jiġi żgurat fit-tliet livelli ta' governanza tal-istrateġija: dak Ewropew, nazzjonali u reġjonali. |
5. Il-politiki trasversali u settorjali b'appoġġ għall-istrateġija Ewropa 2020
5.1 |
Sabiex l-istrateġija Ewropa 2020 isservi ta' lieva ta' kompetittività u koeżjoni biex tgħin it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv tal-Ewropa matul il-5 snin li ġejjin, il-KESE jqis li hija meħtieġa implimentazzjoni ta' strateġija integrata magħmula minn politiki transversali (jew orizzontali) u politiki settorjali (jew vertikali). |
5.1.1 |
Il-politiki transversali (jew orizzontali) għandu jkollhom l-għan li joħolqu l-kundizzjonijiet sabiex l-atturi ewlenin jisfruttaw ir-rilanċ tal-kompetittività Ewropea, jiġifieri l-ħaddiema u n-negozjiu l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali. |
5.1.2 |
Il-politiki settorjali (jew vertikali) għandhom iservu ta' pilastri li permezz tagħhom jiġi żgurat rilanċ effettiv tal-istrateġija Ewropa 2020 permezz ta': rilanċ tal-politika industrijali; l-unifikazzjoni tal-politika tal-enerġija; it-tisħiħ tar-riċerka u l-innovazzjoni barra mill-promozzjoni tal-fatturi ta' tisħiħ tal-kompetittività fis-sistema Ewropea marbuta mas-sistema ta' benessri, tal-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali (15). |
5.2 |
L-atturi fir-rigward tal-politiki transversali tal-istrateġija Ewropa 2020 il-ġdida, għandu jkollhom il-ħaddiema, l-intrapriżi privati (16) u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali (17) bħala atturi ta' riferiment. |
5.2.1 |
F'dak li għandu x'jaqsam mal-imsieħba soċjali l-istrateġija Ewropa 2020 għandu jkollha fost il-prijoritajiet ewlenin tagħha l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità bħala strument li kapaċi jindirizza l-frammentazzjoni li qed tiżdied fis-suq tax-xogħol u l-qgħad. |
5.2.1.1 |
Huwa meħtieġ li s-sistemi tal-edukazzjoni, it-taħriġ mill-ġdid u t-taħriġ kontinwu jiġu adattati skont il-ħtiġijiet u l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol. |
5.2.1.2 |
Hija meħtieġa edukazzjoni dwar l-intraprenditorija u l-iżvilupp ta' approċċi u sistemi ta' tagħlim ġodda, sabiex il-persuni jiksbu l-ħiliet adatti biex jagħmlu użu mill-kapital uman. |
5.2.1.3 |
Huwa importanti li jiġu promossi u appoġġjati r-rwol tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi fil-gwida, l-inklużjoni u l-inklużjoni mill-ġdid tal-persuni fis-suq tax-xogħol. |
5.2.1.4 |
Jeħtieġ isir sforz akbar fir-rigward tal-politiki maħsubin biex isostnu l-impjieg, speċjalment taż-żgħażagħ, ta' dawk li ħarġu mis-suq tax-xogħol f'età avvanzata, tan-nisa u tal-persuni b'diżabilitajiet. Huwa wkoll importanti li tingħata aktar attenzjoni lid-diffikultajiet ta' impjieg ta' dawk il-persuni li mhumiex inklużi fl-istatistika uffiċjali peress li huma barra mis-suq tax-xogħol (persuni bla dar jew bla saqaf, Roma, eċċ.). |
5.2.1.5 |
Hemm bżonn li jiġi stabbilit għan ġdid fl-istrateġija Ewropa 2020: it-tnaqqis tal-qgħad fost iż-żgħażagħ b'50 % sal-2020. |
5.2.2 |
Fir-rigward tal-intrapriżi, speċjalment l-SMEs, jeħtieġ li titħeġġeġ kultura intraprenditorjali moderna ibbażata fuq il-prijoritajiet stabbiliti mill-“Att dwar in-negozji ż-żgħar” (18) u “L-Intraprenditorija 2020” (19), li tista' tgħin lill-intrapriżi biex isarrfu l-opportunitajiet offruti mill-aċċess għal finanzjament Ewropew u l-innovazzjoni teknoloġika f'lievi ta' żvilupp li bihom isostnu l-kompetittività u l-impjiegi. |
5.2.2.1 |
F'dan il-kuntest għandhom jiġu żgurati l-kundizzjonijiet li jiggarantixxu li l-operaturi ekonomiċi jikkompetu f'suq fejn id-distorzjonijiet marbutin mal-burokrazija eċċessiva kif ukoll il-metodi u l-prattiki inġusti u llegali jitneħħew. |
5.2.2.2 |
Jeħtieġ ukoll li neżaminaw il-possibbiltà ta' promozzjoni ta' assistenza speċjalizzata għall-SMEs (20) għal xi rotot speċifiċi: start-up, internazzjonalizzazzjoni; l-użu tas-suq kapitali; riċerka, żvilupp u innovazzjoni. |
5.2.3 |
L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali huma element ewlieni tal-mudell soċjali Ewropew peress li jirrappreżentaw fuq kollox fil-livell lokali u reġjonali, muturi ta' innovazzjoni soċjali u vetturi għall-ħolqien ta' impjieg, tkabbir sostenibbli u koeżjoni. Huma jdaħħlu metodi ġodda u flessibbli ta' għoti ta' servizz u innovazzjonijiet f'termini ta' prodotti, proċessi u organizzazzjoni. |
5.3 |
Ir-rilanċ effettiv tal-istrateġija Ewropa 2020 ser jiddependi minn kemm jirnexxielna nisfruttaw il-politiki settorjali li ġejjin. |
5.3.1 |
Permezz tar-rilanċ tal-politika industrijali Ewropea se jkun jista' jiġi żgurat titjib fil-kompetittività tas-sistema ta' produzzjoni Ewropea. L-UE għandha terġa' tibda tikkompeti f'termini ta' sistema u biex tagħmel dan, għandu jkollha politika industrijali tagħha. Is-settur tal-manifattura jrid jerġa' jikseb sehem ta' 20 % tal-PDG (fl-2012 dan kien 15,3 %). |
5.3.1.1 |
Tinħtieġ politika industrijali li tista' tippromwovi:
|
5.3.2 |
Huwa essenzjali li f l-UE tiġi promossa politika komuni tal-enerġija . Minħabba l-implikazzjonijiet kbar tal-enerġija għall-ekonomija, politika industrijali serja ma tistax ma tħaddanx prinċipji komuni bħal:
|
5.3.3 |
L-iżvilupp ta' politiki ta' riċerka u innovazzjoni, l-użu ta' teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), kif ukoll id-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija huma oqsma fejn hemm potenzjal sinifikanti għar-rilanċ tal-kompetittività Ewropea. F'dawn is-sitwazzjonijiet huwa possibbli li jiġu attirati forom ġodda ta' kooperazzjoni effiċjenti u effettiva bejn il-pubbliku u l-privat. |
5.3.3.1 |
F'dan il-kuntest, il-KESE jqis li jkun tajjeb li:
|
5.3.4 |
Il-KESE jemmen fil-promozzjoni ta' dawk il-fatturi li jsaħħu l-kompetittività marbutin mas-sistemi ta' ħarsien soċjali. L-implimentazzjoni ta' politiki effettivi ta' benessri tista' tirrappreżenta fattur partikolarment importanti għar-rilanċ tal-kompetittività tal-UE, minħabba li tiżgura ambjent li fih il-fatturi ta' riskju, li mhumiex sostenibbli fuq livell individwali (għaċ-ċittadini), jistgħu jiġu miġġielda permezz ta' politiki speċifiċi ta' ħarsien soċjali. Hemm bżonn li jissaħħaħ l-impenn għall-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol. Il-KESE jqis li huwa fundamentali li tiġi appoġġjata aktar l-inklużjoni tal-persuni b'diżabilità (22) u d-dimensjoni tal-ġeneri (23), u l-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni u l-forom ta' esklużjoni bbażati fuq l-oriġini ta' razza jew etniċità, l-età, ir-reliġjon u l-orjentazzjoni sesswali. |
5.3.4.1 |
Fid-dawl tal-previżjonijiet dwar it-tixjiħ tal-popolazzjoni (24) fl-Ewropa huwa essenzjali li l-impenn li ttieħed dwar it-tibdil demografiku jinżamm u jekk possibbli jissaħħaħ. Sabiex l-aspetti pożittivi tat-tibdil demografiku iseħħu kemm għall-anzjani kif ukoll għas-soċjetà b’mod ġenerali, huwa assolutament meħtieġ li n-nies ikollhom il-possibbiltà li jixjieħu b’saħħithom u fis-sigurtà (25). |
5.3.4.2 |
Il-KESE jemmen li l-miżuri ta' politika ekonomika għandha ssirilhom valutazzjoni tal-impatt soċjali, bħala prevenzjoni, sabiex tilqa' kontra l-interventi li jistgħu jgħollu l-livelli ta' faqar jew esklużjoni soċjali. |
5.3.4.3 |
Barra minn hekk, għandha tiġi promossa strateġija integrata għall-inklużjoni attiva li tiżgura:
|
5.4 |
Il-KESE jqis li l-Istrateġija Ewropa 2020 għandu jkollha magħha pjan ambizzjuż ta' investimenti materjali u immaterjali fl-infrastruttura u l-investimenti soċjali li jimmiraw b'mod esklussiv lejn l-irkupru tal-kompetittività tal-UE (26). Il-Kunsill għandu japprova l-fondi supplimentari meħtieġa biex jiġu finanzjati u l-Kummissjoni għandha tissorvelja l-effikaċja u l-effiċjenza tagħhom filwaqt li tkun qed tissorvelja r-riformi strutturali ta' kull pajjiż. |
F'dan ir-rigward, il-KESE jtenni l-proposti tiegħu li jinsabu f'opinjoni reċenti (27) dwar l-importanza tal-investimenti pubbliċi tal-Istati Membri minn naħa u min-naħa l-oħra li jfittxu li jtaffu jew jissospendu b'mod temporanju, tul il-kriżi, il-politiki tal-awsterità.
F'dan l-ispirtu il-KESE jirrakkomanda li jiġu applikati r-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u t-Tkabbir bil-flessibbiltà kollha li s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali timponi.
5.4.1 |
L-investimenti infrastrutturali “materjali” għandhom jiffokaw fuq żewġ assi prinċipali. L-ewwel wieħed irid ikun li jiġu żgurati l-manutenzjoni, l-irkupru u l-immodernizzar: tal-wirt arkitettoniku, storiku u tad-djar; tan-netwerks tat-trasport (bil-ferrovija, bit-triq u bil-baħar). Ser ikunu importanti wkoll il-manutenzjoni u ż-żamma tas-sigurtà tal-wirt idroġeoloġiku u tal-kosta Ewropew. It-tieni wieħed jirrigwarda l-investimenti “intanġibbli” li jkopru l-iżvilupp tan-netwerks ta' teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni. L-iffinanzjar ta' dan il-pjan ta' investiment jista' jseħħ bil-parteċipazzjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment, il-ħruġ ta' bonds Ewropej ad hoc u r-riformulazzjoni tal-Programm Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 ippjanata għall-2016. |
5.4.2 |
L-investiment soċjali għandu jkun kapaċi jiġġieled il-faqar u r-riskju ta' esklużjoni soċjali, u jiffavorixxi l-irkupru fl-impjieg Ewropew. Pjan ta' investiment ta' 2 % tal-PDG li jiġi eskluż mill-kalkoli tad-defiċit, li jkun monitorjat sabiex jiġu żgurati l-kundizzjonijiet ta' effiċjenza u effikaċja. Pjan li jista' jkun immirat lejn: is-servizzi sanitarji; servizzi ta' għajnuna u servizzi ta' kura b'rabta diretta mat-tendenzi demografiċi tal-Istati Membri; it-tisħiħ tas-sistema tal-edukazzjoni, it-taħriġ u t-taħriġ professjonali mill-ġdid; u l-akkomodazzjoni soċjali; eċċ. L-iffinanzjar, barra milli jiġi eskluż mill-kalkolu tad-defiċit, jista' jinġabar permezz ta' taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji. |
Brussell, 15 ta' Ottubru 2014.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) Ara s-sit tal-Kummissjoni Ewropea: http://ec.europa.eu/europe2020/public-consultation/index_en.htm
(2) KESE (2014) Il-kontributi tas-Sezzjonijiet Speċjalizzati tal-KESE, l-Osservatorju tas-Suq tax-Xogħol, l-Osservatorju tas-Suq Uniku, l-Osservatorju tal-Iżvilupp Sostenibbli, is-CCMI u l-Grupp ta' Kuntatt – Għar-reviżjoni ta' nofs iż-żmien tal-Istrateġija Ewropa 2020. Kumitat ta' Tmexxija tal-Ewropa 2020
(3) “Bħala medja fl-Ewropa, fl-2012 il-persuni fl-ogħla (il-ħames) kwintil tad-dħul kellhom kważi 40 % tad-dħul totali, u l-persuni fl-ibaxx kwintil (l-ewwel) kellhom inqas minn 10 %.” Eurostat (2014) Statistics in focus 12/2014.
(4) F'din l-opinjoni – għal raġunijiet ta' spazju – mhix rapportata d-data statistika kollha li tinsab fiż-żewġ dokumenti msemmija: COM(2014) 130 final – Annessi 1-3.
(5) Fit-28 Stat Membru tal-UE fil-perjodu mill- 2007 (l-aħħar sena qabel ma bdiet il-kriżi) sal-2013, id-dejn pubbliku tela' minn 58,8 % għal 87,1 %, żieda ta' 28,3 punti perċentwali. Għat-18-il Stat Membru taż-żona tal-euro iż-żieda kienet minn 66,2 % għal 92,6 %, żieda ta' 26,4 punti perċentwali. Eurostat database: General government gross debt.
(6) Veugelers, R. (2014) Undercutting the future? European research spending in times of fiscal consolidation. Bruegel Policy Contribution. Ħarġa 2014/06.
(7) European Parliament (2014) Study – A “traffic light approach” to the implementation of the 2011 and 2012 Country Specific Recommendations (CSRs). Economic Governance Support Unit.
(8) Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013, ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320–469.
(9) Ir-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013, ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259–280.
(10) Tista ssib aktar informazzjoni dwar il-proġett ta' riċerka fuq http://www.foreurope.eu/
(12) http://sustainabledevelopment.un.org/index.php?menu=1561
(13) ĠU C 181, 21.6.2012, p. 14–20.
(14) It-Tisħiħ Tad-Dimensjoni Soċjali Tal-Unjoni Ekonomika U Monetarja COM(2013) 690 provviżorja.
(15) Għal eżami iktar dettaljat tal-azzjonijiet proposti, ara: KESE (2014) op.cit.
(16) It-terminu globali ta' intrapriżi qed jirreferi kemm għall-karatteristika ewlenija tal-intraprenditur (kemm jekk jaħdem għal rasu, professjonjist, b'impjegati u jħallas il-kontributi soċjali) kif ukoll għad-daqs (intrapriżi mikro, żgħar, medji jew kbar).
(17) L-ekonomija soċjali tinkludi kemm l-SMEs kif ukoll intrapriżi kbar fosthom kooperattivi, soċjetajiet ta' għajnuna reċiproka, assoċjazzjonijiet, fondazzjonijiet, NGOs soċjali eċċ
(18) “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa” – COM(2008) 394 final/2.
(19) ĠU C 271, 19.9.2013, p. 75–80.
(20) Il-KESE jirreferi għar-rapport “Action Lines: Bolstering the business of liberal professions” tal-“Working Group in Liberal professions” li ġie ppubblikat fit-12 ta' Marzu 2014.
(21) http://www.wfuna.org/post-2015
(22) Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020: Impenn mill-Ġdid għal Ewropa Mingħajr Ostakoli COM(2010) 636 final.
(23) Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel COM(2010) 491 final.
(24) Rapport tal-Kummissjoni Ewropea tal-2012 dwar it-tixjiħ
(25) ĠU C 51, 17.2.2011, p. 55–58.
(26) Kif propost minn Jean-Claude Junker, Kandidat għall-President tal-Kummissjoni Ewropea, fil-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni li jmiss, 15 ta' Lulju 2014, Strasburgu.
(27) Opinjoni tal-KESE “L-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja – Il-proposti tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għal-leġislatura Ewropea li jmiss”, relaturi is-Sinjuri Van Iersel u Cedrone, adottata fid-9 ta' Lulju 2014, għadha mhux ippubblikata fil-ġurnal uffiċjali.