EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IE5469

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi kummerċjali u l-fehma tal-KESE dwar kooperazzjoni mtejba u ftehim ta' kummerċ ħieles eventwali bejn l-UE u l-Istati Uniti” — Opinjoni fuq inizjattiva proprja

OJ C 424, 26.11.2014, p. 9–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 424/9


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi kummerċjali u l-fehma tal-KESE dwar kooperazzjoni mtejba u ftehim ta' kummerċ ħieles eventwali bejn l-UE u l-Istati Uniti”

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

2014/C 424/02

Relatur:

is-Sur Krawczyk

Korelatur:

is-Sur Boyle

Matul is-sessjoni plenarja tiegħu tal-11 ta’ Lulju 2013, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi kummerċjali u l-fehma tal-KESE dwar kooperazzjoni mtejba u ftehim ta' kummerċ ħieles eventwali bejn l-UE u l-Istati Uniti.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-20 ta’ Mejju 2014.

Matul l-499 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta' Ġunju 2014 (seduta tal-4 ta Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'187 vot favur, 7 voti kontra u 10 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-Kumitat jemmen li Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) li jkollha suċċess tista' tkun fattur sinifikanti fil-ħolqien ta' tkabbir reali u ottimiżmu fl-UE. Billi l-irkupru ġenerali mill-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-2008 qed jieħu ż-żmien, ftehim ibbilanċjat jista' jgħin l-irkupru tal-ekonomija Ewropea lejn it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi.

1.2

Il-Kumitat jilqa' l-opportunitajiet sinifikanti li joffri ftehim kummerċjali wiesa' bejn l-UE u l-Istati Uniti mhux biss għall-espansjoni tal-kummerċ u l-investiment fl-Atlantiku iżda anki għall-kontribut li jista' jagħti fl-iżvilupp ta' regoli u standards globali mtejba li jkunu ta' benefiċċju għas-sistema kummerċjali multilaterali nnifisha.

1.3

Fid-dawl tax-xewqa mifruxa u leġittima taċ-ċittadini Ewropej għal trasparenza sħiħa tan-negozjati kummerċjali, il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni koerenti u preċiża tal-Artikolu 218 tat-TFUE, b'mod partikolari l-inċiż 10 “Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura”.

1.4

B'konformità mat-Trattat ta' Lisbona huwa kruċjali li l-Kummissjoni tagħraf ir-rwol istituzzjonali tal-KESE fin-negozjati tat-TTIP. Hemm bżonn ta' livelli massimi ta' trasparenza u konsultazzjoni mal-Kumitat u partijiet interessati oħra tas-soċjetà ċivili biex kwalunkwe ftehim ikollu l-appoġġ wiesa' tal-pubbliku. Id-dokumenti għandhom jaslu għand il-partijiet interessati fl-iktar fażi bikrija possibbli.

1.5

Huwa importanti li l-benefiċċji tat-TTIP jinfirxu b'mod ugwali fil-komunità kummerċjali, il-ħaddiema, il-konsumaturi u ċ-ċittadini.

1.6

Hekk kif jibdew in-negozjati u jibdew ħerġin ir-riżultati tal-valutazzjonijiet ta' impatt, it-tbassir statistiku u ekonomiku għandu jiġi aġġornat u segwit.

1.7

Il-benefiċċji prinċipali tat-TTIP ser ikunu fil-qasam regolatorju. Huwa importanti ħafna li ż-żewġ partijiet jiżguraw li t-TTIP mhux ser inaqqas l-istandards eżistenti. Huwa kruċjali li dan l-impenn jiġi rispettat sabiex jinkiseb l-appoġġ wiesa' tal-pubbliku u tal-qasam politiku. Il-Kumitat iżomm id-dritt li jeżamina r-riżultat finali fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha.

1.8

Għall-kuntrarju ta' kważi kull ftehim ta' kummerċ bilaterali, l-iffrankar u l-benefiċċji potenzjali tat-TTIP jinsabu fl-ostakli kummerċjali non-tariffarji. Minkejja li madwar 20 % tal-iffrankar għandu jirriżulta mit-tnaqqis fit-tariffi, hemm żidiet qawwija f'ċerti industriji prinċipali li għandhom jiġu indirizzati. Fil-qasam tal-aċċess għas-suq ir-reċiproċità hija importanti.

1.9

Hemm bżonn ukoll ta' kapitlu dwar l-iżvilupp kummerċjali u sostenibbli, element tant mistenni mis-soċjetà ċivili fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku.

1.10

L-investiment trans-Atlantiku jista' jaqdi rwol importanti biex jistimula t-tkabbir. Il-proposta li tiġi inkluża proċedura ta' Riżoluzzjoni tat-Tilwim bejn l-Investitur u l-Istat (ISDS) qajmet tħassib konsiderevoli fost il-pubbliku fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. Il-Kummissjoni tat bidu għal konsultazzjoni pubblika online 'Il-Ħarsien tal-Investitur u l-ISDS fil-ftehim tat-TTIP' u huwa essenzjali li jkun hemm djalogu trasparenti u inklużiv fl-aħħar ta' dan il-proċess. Il-KESE jista' jaqdi rwol importanti biex jiffaċilitah.

1.11

It-TTIP iġġenera interess kbir fost il-livelli kollha tas-soċjetà ċivili fl-UE u l-Istati Uniti. Il-KESE diġà stabbilixxa kuntatti tajba ma' organizzazzjonijiet kummerċjali, tat-trade unions, agrikoli, tal-konsumatur u ambjentali fl-Istati Uniti. Ir-rieda li tinżamm u tkompli tiġi żviluppata din il-pożizzjoni qegħda hemm u l-KESE qiegħed f'pożizzjoni tajba biex jippromovi u jħeġġeġ djalogu u kooperazzjoni kontinwi.

1.12

Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li grupp ta' monitoraġġ tal-KESE ta' tliet membri se jingħata aċċess għal dokumenti taħt kundizzjonijiet ugwali għal dawk tal-Grupp ta' Konsulenza ta' Esperti stabbilit mill-Kummissjoni. Il-Kumitat iqis dan bħala r-rikonoxximent tar-rwol li jaqdi bħala istituzzjoni ta' konsultazzjoni uffiċjali taħt it-Trattat ta' Lisbona.

Rakkomandazzjonijiet

1.13

It-TTIP għandu jiġi rikonoxxut mill-KESE bħala prijorità kontinwa tul in-negozjati kollha u l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe ftehim. Il-KESE għandu jsegwi mill-qrib l-aspetti kollha tan-negozjati tat-TTIP. Għandu jiġi adottat approċċ speċifiku għall-proġett u għandhom jiġu identifikati l-oqsma li huma tal-iktar benefiċċju għall-ħidma futura identifikata fil-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili tal-UE u l-Istati Uniti u l-Kummissjoni Ewropea.

1.14

L-approċċ lejn il-koerenza regolatorja għandu jkun ambizzjuż u trasparenti u l-aqwa prattiki għandhom ikunu l-bażi tan-negozjati. Huwa essenzjali li l-partiti jżommu mal-garanzija li jkunu taw li mhux ser ibaxxu l-istandards.

1.15

Il-ftehim għandu jinkludi mekkaniżmi effettivi u kooperazzjoni regolatorja li jiffaċilitaw il-konsultazzjoni bikrija dwar regolamenti ġodda li jistgħu jolqtu l-interessi ta' kwalunkwe parti. Dan m'għandux jippreġudika d-dritt tal-UE, tal-Istati Membri tagħha jew tal-Istati Uniti li jirregolaw il-livell li jqisu li huwa adegwat dwar kwistjonijiet bħall-ħarsien tas-saħħa, il-konsumatur, ix-xogħol u l-ħarsien ambjentali.

1.16

Iż-żewġ partijiet għandhom ikunu ambizzjużi dwar it-tariffi u jiftiehmu li jeliminawhom u/jew jeliminawhom gradwalment inkluż fl-oqsma sensittivi. Dan għandu jsir b'mod li jibbenefika liż-żewġ naħat.

1.17

In-negozjati kummerċjali bilaterali m'għandhomx idgħajjfu l-impenn tal-UE lejn id-WTO u ftehim multilaterali globali b'saħħtu.

1.18

Il-ftehim għandu jinkludi kapitlu tajjeb dwar l-iżvilupp sostenibbli. L-elementi essenzjali tiegħu għandhom ikunu:

Il-partijiet għandhom jenfasizzaw l-obbligi tas-sħubija fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO).

It-tmien konvenzjonijiet prinċipali tal-Konvenzjonijiet tal-ILO kif intlaqgħu mid-Dikjarazzjoni tad-WTO ta' Singapore fl-1996 għandhom ikunu l-bażi minima.

Li jenfasizzaw impenn komuni lejn l-implimentazzjoni, il-promozzjoni effettiva u t-tisħiħ tal-leġislazzjoni u l-inizjattivi fil-qasam tal-ambjent.

Impenn li jiżgura u jippromovi l-ħarsien, l-użu sostenibbli u l-ġestjoni tar-riżorsi naturali u ftehimiet ambjentali multilaterali prinċipali.

1.19

Il-KESE għandu jiffaċilita djalogu miftuħ dwar il-kwistjoni tal-ISDS dwar it-tkomplija tal-Konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Ħarsien tal-Investitur u l-ISDS fil-ftehim tat-TTIP. Sabiex tassistih il-Kummissjoni għandha tiċċara kif ser tivvaluta u tikkunsidra r-riżultati tal-konsultazzjoni u tipprovdi definizzjoni preliminari għal termini bħal “frivoli”, fir-rigward tal-għan iddikjarat ta' “eliminazzjoni ta' stqarrijiet frivoli”, jew “skop pubbliku” fir-rigward ta' eċċezzjonijiet previsti għall-projbizzjoni fuq l-esproprijazzjoni.

1.20

Bħala parti mill-ħidma kontinwa fuq il-proġett tat-TTIP, il-KESE għandu jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar l-ISDS.

1.21

Il-KESE jappoġġja l-inklużjoni ta' kapitlu dedikat lill-kwistjonijiet tal-SMEs.

1.22

L-ispeċifiċità tas-servizzi pubbliċi tal-UE għandha titħares b'konformità mal-obbligi tat-TFUE.

1.23

Huwa importanti ħafna wkoll li tiġi żgurata provvista ta' enerġija affidabbli u aċċess għal materja prima strateġika. It-TTIP għandu jippromovi wkoll l-effiċjenza fil-qasam tal-enerġija u l-enerġiji rinnovabbli u jiggarantixxi d-dritt ta' kull parti li żżomm jew tistabbilixxi standards u regolamenti fil-qasam filwaqt li taħdem biex tikseb sa fejn hu possibbli l-konverġenza bejn l-istandards domestiċi tal-UE u l-Istati Uniti.

1.24

Huwa essenzjali li jiġi applikat aċċess ugwali għall-akkwist pubbliku fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. Kwalunkwe dispożizzjoni m'għandhiex tfixkel il-kapaċità tal-Istati Membri tal-UE kif ukoll tal-awtoritajiet reġjonali u lokali li jżommu mal-politiki soċjali u ambjentali li jkunu qablu dwarhom b'mod demokratiku.

1.25

Iż-żewġ partijiet ta' dan il-ftehim għandhom jagħrfu li l-promozzjoni u l-ħarsien tal-interessi tal-konsumatur huma importanti sabiex jinkiseb appoġġ pubbliku miftuħ għal kwalunkwe ftehim.

1.26

Għandhom jiġu meqjusa l-kriterji attwali tal-UE dwar l-agrikoltura u l-prodotti agroalimentari, kif ukoll jiġi rispettat il-prinċipju ta' prekawzzjoni mħaddan fit-Trattat ta' Lisbona.

1.27

Fin-negozjati tat-TTIP għandu jinstab mod prattiku ta' kif tinkiseb ċertezza legali għall-kummerċ ibbażata fuq indikaturi ġeografiċi.

1.28

Is-sessjonijiet ta' informazzjoni għas-soċjetà ċivili fl-aħħar ta' kull ċiklu ta' negozjati għandhom jinżammu tul in-negozjati kollha u għandhom itulu sal-aħħar fażi ta' konsultazzjoni qabel l-inizjalizzazzjoni. Dawn is-sessjonijiet ta' informazzjoni jirċievu aktar appoġġ mill-pubbliku li kieku l-Kummissjoni Ewropea kellha tagħmilha ċara li huma konsultattivi u li l-fehmiet espressi mill-partijiet interessati se jiġu kkunsidrati kif xieraq min-negozjaturi.

1.29

Mekkaniżmu tal-monitoraġġ tas-soċjetà ċivili tajjeb għandu jkun komponent essenzjali ta' kwalunkwe ftehim. Dan għandu jistabbilixxi l-obbligu għal kull parti li tikkonsulta r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tal-post permezz ta' grupp konsultattiv domestiku li jipprovdi rappreżentazzjoni bilanċjata tal-interessi ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Min-naħa tal-UE, il-KESE għandu jkun parti essenzjali minn dan il-mekkaniżmu. Il-grupp konsultattiv domestiku għandu:

ikollu l-awtorità li jindirizza r-rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet domestiċi u lill-awtoritajiet politiċi konġunti (eż. il-kumitat konġunt dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli) tal-ftehim u li l-awtoritajiet politiċi għandhom jindirizzaw dawn ir-rakkomandazzjonijiet b'mod effettiv fiż-żmien allokat;

ikun jista' jirċievi sottomissjonijiet formali minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili oħra fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-kapitlu dwar l-iżvilupp sostenibbli u li dawn jaslu għand l-awtoritajiet politiċi biex jagħtu r-reazzjoni tagħhom;

jingħata d-dritt li joħroġ opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet bħala segwitu għal sottomissjonijiet tal-partijiet terzi.

ikollu l-possibbiltà taħt ċertu kundizzjonijiet li jitlob lill-partijiet jibdew proċedura ta' konsultazzjoni jew ta' soluzzjoni għat-tilwim f'każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet tal-kapitlu dwar l-iżvilupp sostenibbli.

1.30

Huwa essenzjali wkoll li jkun hemm dispożizzjoni għall-mekkaniżmi tal-monitoraġġ domestiċi taż-żewġ partijiet li jiltaqgħu minn tal-inqas darba fis-sena bħala korp konġunt sabiex jirrevedu l-implimentazzjoni tal-kapitlu dwar l-iżvilupp sostenibbli u jindirizzaw komunikazzjonijiet konġunti u rakkomandazzjonijiet lill-partijiet.

1.31

Għandhom jiġu attivati d-Djalogi Trans-Atlantiċi dwar l-Impjieg u l-Ambjent provduti mill-Kunsill Trans-Atlantiku Ekonomiku. Din sejħa li l-KESE għamilha wkoll fl-Opinjoni tiegħu li ħarġet f'Marzu 2009 (1).

1.32

Il-KESE għandu jistabbilixxi Grupp ta' Kuntatt UE-Stati Uniti bħala prijorità immedjata.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fit-tnedija tad-diskussjonijiet dwar TTIP komprensiv bejn l-USA u l-UE ħarġet stqarrija konġunta tal-President tal-Kummissjoni Jose Manuel Barroso, tal-President tal-Kunsill Herman Van Rompuy u tal-President tal-Istati Uniti Barack Obama li qalet li, ''Permezz ta' dawn in-negozjati, l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea mhux biss ser ikollhom l-opportunità li jespandu l-kummerċ u l-investiment fl-Atlantiku iżda jikkontribwixxu fl-iżvilupp tar-regoli globali li jistgħu jsaħħu s-sistema kummerċjali multilaterali.''

2.2

Din l-istqarrija tenfasizza l-potenzjal ta' dan il-ftehim li jistabbilixxi l-istandard f'kuntest multilaterali. Dan l-aħħar L-UE fetħet u f'ċerti każijiet għalqet negozjati dwar numru ta' ftehimiet kummerċjali bilaterali. Filwaqt li dawn jistgħu joffru potenzjal konsiderevoli, il-KESE jinsisti li jippreferi ftehim multilaterali f'saħħtu negozjat mid-WTO. Huwa importanti li l-UE tkompli miexja f'dit-triq u tibni fuq il-kisbiet modesti tal-Konferenza Ministerjali ta' Bali 2013.

3.   Kuntest politiku

3.1

Fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku kif ukoll fuq iż-żewġ naħat tal-qasma politika tal-Istati Uniti teżisti rieda politika kbira li r-riżultat tan-negozjati tat-TTIP ikun suċċess. L-għan għandu jkun li jiġu konklużi n-negozjati matul it-terminu tal-amministrazzjoni attwali tal-Istati Uniti.

3.2

Il-Kumitat jisħaq mill-ġdid fuq l-impenn lejn taħditiet ta' natura kordjali u pożittiva biex bil-mod jinkiseb riżultat. Ninsabu inkoraġġuti mill-fatt li ż-żewġ naħat affermaw li dawn in-negozjati mhux ser ibaxxu l-istandards attwali. Fid-dawl tas-sensittività qawwija ħafna u anke tal-bżonn urġenti għal trasparenza totali fl-istadji kollha tan-negozjati li l-KESE seta' josserva f'dawn ix-xhur fi ħdan il-komponenti kollha tas-soċjetà ċivili Ewropea, il-Kumitat ser isegwi mill-qrib in-negozjati u hu ħerqan li jara skambju tal-aħjar prattiki f'dan ir-rigward.

3.3

Il-Kumitat jinnota li kull fażi tan-negozjati, sa kwalunkwe ftehim eventwali, ser tirrikjedi ħafna appoġġ miċ-ċittadini Ewropej “direttament rappreżentati, fil-livell tal-Unjoni, mill-Parlament Ewropew” (Artikolu 10(2) tat-TUE). Għaldaqstant, il-KESE jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni applikazzjoni stretta tal-proċeduri indikati fl-Artikolu 218 tat-TFUE u b'mod partikolari, l-inċiż 10: Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura.).

3.4

Hemm bżonn sforz konsiderevoli mill-imsieħba fin-negozjati sabiex jikkonsultaw u jaġġornaw regolarment lis-soċjetà ċivili fil-proċess tan-negozjati. Hija essenzjali trasparenza sħiħa u importanti wkoll li d-dokumenti jaslu għand il-partijiet interessati mal-ewwel opportunità possibbli, sabiex ikun hemm ħin biżżejjed biex jitressqu kummenti kostruttivi f'waqthom fi stadju meta s-sustanza tagħhom tkun tista' titqies matul il-proċess ta' negozjar. Dan jassisti tranżizzjoni tajba meta tinħatar il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida.

3.5

L-atmosfera trans-Atlantika ħadet xejra iktar negattiva wara li ħareġ fid-dieher l-ispjunar tan-National Security Agency tal-Istati Uniti (NSA). Fi stqarrija li għamlet fit-18 ta' Novembru fil-Bundestag, il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel ħolqot rabta bejn il-kwistjoni sensittiva tal-NSA u n-negozjati kummerċjali attwali: “L-akkużi attwali kontra l-Istati Uniti qed jitfgħu piż fuq ir-relazzjoni trans-Atlantika u b'hekk ukoll fuq in-negozjati għal ftehim kummerċjali ħieles. L-akkużi huma serji. Neħtieġu spjegazzjoni u aktar importanti għall-futur, li tinbena fiduċja ġdida”. Il-Parlament Ewropew approva riżoluzzjoni (2) li tagħmilha ċara li l-kunsens tal-Parlament għal ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti ''jista' jkun f'periklu'' jekk l-NSA tal-Istati Uniti ma twaqqafx is-sorveljanza ġenerali tal-massa. Il-Kumitat jispera li permezz tad-diplomazija u r-rieda tajba tinstab soluzzjoni għall-problemi fil-qasam.

3.6

Il-prova l-kbira fuq it-twaqqif tal-fiduċja li hemm bżonn huma n-negozjati tat-TTIP. Importanti li fil-proċess niftakru fin-nota pożittiva tal-President tal-Uffiċċju Eżekuttiv fil-komunikazzjoni tiegħu lill-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti (Marzu 2013) li fuqha mxew in-negozjati: “Il-benefiċċji potenzjali jiġġustifikaw ferm l-isforz tagħna”. Huwa fl-istess spirtu li l-Kumitat iqis il-kunsiderazzjonijiet tiegħu.

4.   Studji tal-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tat-TTIP

4.1

Huwa ġust ix-xettiċiżmu dwar il-prospetti li n-negozjati jintemmu b'suċċess b'mod partikolari fid-dawl tal-esperjenzi preċedenti b'mod partikolari l-inizjattiva tal-1998 tas-Sur Leon Brittan u aktar reċenti d-Djalogi Trans-Atlantiċi tas-snin 2000. Sabiex niżguraw li mis-sitwazzjoni noħorġu rebbieħa t-tnejn, jeħtieġ li nikkunsidraw studji konġunti dwar il-prospetti tal-ħolqien tax-xogħol fiż-żewġ naħat u fejn jista' jkun hemm telf ta' impjieg. Madanakollu mhux ser jinħoloq impjieg mingħajr tkabbir. Ir-riżultat tal-istudju li sar fl-2010 mill-Copenhagen Economics fuq l-impatt tal-investiment barrani dirett fl-UE, li wera li mhux ser ikun hemm impatt negattiv kbir fuq l-impjiegi, huwa rilevanti f'dan il-kuntest.

4.2

L-UE għandha tkun ambizzjuża sabiex tikseb riżultat pożittiv fin-negozjati tat-TTIP. Fil-qasam tal-aċċess għas-suq ir-reċiproċità hija importanti. Studju reċenti (3), inkluż il-valutazzjoni tal-impatt li għamlet il-Kummissjoni juru li l-benefiċċji jistgħu jiġu biss minn ftehim komprensiv.

4.3

In-negozjati għandhom jibnu fuq is-suċċessi li kien hemm. Huwa kalkulat li r-relazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti attwalment tappoġġja 13-il miljun impjieg u kważi $3.9 triljuni f'investiment u tirrapreżenta 45 % tal-PDG globali.

4.4

Diġà sar tbassir statistiku intensiv. Iċ-Ċentru tar-Riċerka Ekonomika spekula li ftehim kompresiv ser iwassal għal żieda ta' EUR 119 biljun fil-PDG tal-UE u żieda ta' 95 biljun fl-Istati Uniti.

Il-Koalizzjoni Kummerċjali għan-Negozju Trans-Atlantiku stmat li t-TTIP joħloq 0.5 miljun impjieg imħallas fl-UE u l-Istati Uniti.

4.5

Jeżisti wkoll tbassir inqas pożittiv, pereżempju ċ-Ċentru għar-Riċerka Ekonomika u ta’ Politika (CEPR) ta stima li l-maġġoranza tax-xogħol ser jinħoloq fis-setturi li jitolbu livell baxx ta' ħiliet filwaqt li l-impjiegi fis-setturi li jitolbu livell għoli ta' ħiliet fil-qasam tal-elettronika fl-UE b'mod partikolari ser jonqsu. Huwa jistma li bejn 0,2 – 0,5 % tal-forza tax-xogħol tal-UE ser ikollha tibdel l-impjiegi b'riżultat tar-ristrutturar ekonomiku kkawżat mit-TTIP. Importanti li dan it-tibdil ikun rikonoxxut f'fażi bikrija u li tittieħed l-azzjoni adegwata fl-industriji/l-Istati Membri milquta sabiex jiġu rikonoxxuti l-ħiliet li jistgħu jiġu trasferiti u sabiex din il-forza tax-xogħol tiġi mħarrġa mill-ġdid.

4.6

It-TTIP mhux ser ikollu l-istess effett kullimkien, l-impatt ser ivarja fil-livelli nazzjonali, reġjonali u settorjali. Għalhekk waqt in-negozjati jeħtieġ li tkompli tiġi aġġornata u segwita l-istatistika; il-wegħda għandha titqabbel kontinwament mar-realtà.

4.7

Importanti ħafna li l-Kummissjoni tħeġġeġ u tkompli taġġorna ruħha fir-rigward ta' studji tal-valutazzjoni tal-impatt b'mod partikolari fl-oqsma tal-ħolqien tal-impjieg, il-mobbiltà tax-xogħol, il-kwalità tax-xogħol u l-applikazzjoni tat-teknoloġija.

4.8

Dawn l-istudji diġà jagħmlu parti mill-proċess tal-UE (pereżempju l-istudju tal-impatt dwar is-sostenibbiltà kummerċjali li qed twettaq bħalissa l-Kummissjoni Ewropea (4)) iżda importanti ħafna li dan għandu jkun proċess wiesa', miftuħ, trasparenti u kontinwament jinkludi l-kontribut tas-soċjetà ċivili. Il-Kumitat huwa ħerqan li jagħti l-kontribut essenzjali u regolari tiegħu. F'dan kollu hemm bżonn l-impenn permanenti u kostruttiv tas-soċjetà ċivili u r-rikonoxximent fundamentali tagħha. Din l-opinjoni hija l-ewwel kontribut tal-KESE fil-proċess.

4.9

Il-Kumitat iżomm id-dritt li jeżamina r-riżultat finali fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha.

5.   L-eliminazzjoni tat-tariffi fil-kummerċ trans-Atlantiku

5.1

Minkejja tariffi relattivament baxxi, jeżistu tariffi għolja fuq prodotti sensittivi fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku bħat-tabakk, it-tessuti u l-ħwejjeġ, iz-zokkor, iż-żraben, il-prodotti tal-ħalib u xi ħxejjex. Barra minn hekk, l-Istati Uniti għandha tariffi għolja fuq ikel ipproċessat, preparazzjonijiet bil-laħam u l-ħut, ċereali, għaġin u ċikkulata. L-eliminazzjoni tat-tariffi f'dawn is-setturi, tista' tkun inċentiv partikolari għall-operaturi sabiex jinvolvu ruħhom f'attivitajiet ta' esportazzjoni.

5.2

Barra minn hekk il-kummerċ trans-Atlantiku huwa karatterizzat minn ammont sinifikanti ta' kummerċ bejn l-intrapriżi stess u kummerċ tal-oġġetti intermedjarji. Il-prodotti finali ħafna drabi jirriżultaw minn katina tal-provvista relattivament kumplessa fejn anki tariffi żgħar jista' kollhom effett sinifikanti fuq il-kompetittività tal-prodott. Għalhekk, mill-ewwel jum tal-ftehin jeħtieġ li jiġi eliminat l-ogħla numru ta' tariffi. Għall-bqija tat-tariffi, il-perjodu ta' tranżizzjoni m'għandux jaqbeż il-ħames snin.

6.   Negħlbu d-differenzi fundamentali fil-qasam tar-regolamenti u t-twaqqif tal-istandards

6.1

Kemm fl-Istati Uniti kif ukoll fl-UE huwa magħruf li l-potenzjal kbir tat-TTIP jinsab fil-qasam regolamentorju. Il-KESE jilqa' l-impenn sħiħ li wera n-negozjatur prinċipali tal-UE Ignacio Garcia Bercero fl-istqarrija tiegħu li ''dawn in-negozjati mhumiex – nirrepeti – mhumiex negozjati biex inbaxxu l-istandards.''

6.2

Dan punt fundamentali għall-KESE u huwa fl-isfond ta' din l-istqarrija u l-fatt li diġà rrepetiha n-negozjatur prinċipali tal-Istati Uniti Dan Mullaney matul il-laqgħa tas-soċjetà ċivili ta' Novembru 2013, li l-KESE f'din l-opinjoni ma jenfasizzax ftit mill-ħafna tħassib li jirriżulta jekk dan l-impenn ma jiġix rispettat kollu kemm hu.

6.3

L-Istati Uniti mhijiex biss l-ikbar imsieħeb kummerċjali tal-UE iżda wkoll imsieħeb li miegħu l-UE taqsam ħafna ideali u valuri. Is-similaritajiet bejn l-UE u l-Istati Uniti jegħlbu d-differenzi ta' bejnietna. Din sitwazzjoni rari u bażi eċċellenti għal riżultat ambizzjuż. Sabiex nimmassimizzaw il-potenzjal sħiħ tal-esportazzjonijiet għandna niffukaw fuq li neliminaw u nsolvu l-ostakli kummerċjali nontariffarji b'mod li jibbenefika liż-żewġ naħat filwaqt li nżommu l-livell attwali ta' ħarsien u standards taċ-ċittadini, il-konsumaturi, l-impjiegi u l-ambjent. Għandna nibnu fuq dan.

6.4

Madanakollu jeżistu approċċi differenti lejn it-twaqqif tar-regolamenti u l-istandards u ser ikun hemm bżonn li jiġu eżaminati aħjar f'bosta setturi bħal tal-kimika, is-sigurtà tal-ikel, l-agrikoltura il-vetturi bil-magna, il-kosmetiċi, it-tessuti u l-ħwejjeġ u l-farmaċewtika. Għandu jkun possibbli f'ħafna oqsma li jinkisbu benefiċċji għaż-żewġ naħat u dan permezz ta' koerenza regolatorja akbar, armonizzazzjoni u rikonoxximent reċiproku tal-ittestjar u l-valutazzjoni tal-konformità biex jinkisbu riżultati simili minn proċessi komparabbli. Kwalunkwe approċċ xorta għandu jsegwi l-istandards internazzjonali.

6.5

Sabiex jiġi faċilitat il-kummerċ, il-kooperazzjoni fil-qasam tal-modernizzazzjoni tal-proċeduri u d-dwana għandhom iwasslu għal semplifikazzjoni u l-eliminazzjoni ta' tariffi u spezzjonijiet li mhumiex neċessarji.

6.6

Element essenzjali ta' kooperazzjoni regolatorja iktar mill-qrib bejn l-UE u l-Istati Uniti għandhom ikunu l-promozzjoni u l-iskambju tal-aqwa prattiki u t-titjib tas-sigurtà, is-saħħa u l-benesseri ekonomiku tal-poplu fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku.

6.7

L-istess livell ta' ambizzjoni għandu jiggwida n-negozjati dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ (OTK) fejn kapitlu dwar l-OTK-plus, ispirat mill-għan li ma jitbaxxewx l-istandards, jista' jkun wieħed mill-mezzi ta' kif tiġi promossa l-fiduċja fis-sistemi regolatorji rispettivi tagħna.

6.8

Għandhom jiġu inklużi mekkaniżmi effettivi għall-prevenzjoni ta' ostakli ġodda permezz ta' konsultazzjoni bikrija tar-regolamenti li jista' jkollhom impatt sinifikanti fuq l-industrija fl-Istati Uniti jew fl-UE sakemm jagħtu l-possibbiltà ta' kontribut mill-partijiet interessati. Dan m'għandux jippreġudika d-dritt li jkun hemm regolamentazzjoni skont il-livell ta' saħħa, ħarsien taċ-ċittadini/konsumaturi u standards tal-impjieg/tal-ambjent li l-partijiet iqisu adegwati fl-interess pubbliku.

6.9

Huwa importanti li l-prattiki tat-teħid tad-deċiżjonijiet regolatorji fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku kif ukoll il-kooperazzjoni regolatorja bejn l-Istati Uniti u l-UE ikunu bbażati fuq numru ta' prinċipji bħat-trasparenza, il-kontabilità u t-tfassil tal-politika li tieħu l-evidenza b'mod imparzjali u miftuħ mill-irkejjen kollha tas-soċjetà.

6.10

Id-differenzi bejn il-partiti fejn jidħlu regoli u standards jistgħu jitnaqqsu fir-regolamenti futuri permezz ta' djalogu u konsultazzjoni bikrija u miftuħa li għandu l-potenzjal li jnaqqas id-differenzi u l-ispejjeż kemm għall-produtturi kif ukoll il-konsumaturi.

7.   L-iżvilupp sostenibbli u standards differenti

7.1

L-UE u l-Istati Uniti jaqdu rwol importanti fid-diskussjoni fuq l-iżvilupp sostenibbli fil-livell globali kif ukoll fil-kooperazzjoni internazzjonali li tgħin li jinkisbu l-għanijiet relatati. Fl-istess waqt huwa importanti kemm għall-UE kif ukoll l-Istati Uniti li jaħdmu favur żvilupp sostenibbli fit-tliet pilastri tiegħu (it-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp soċjali u protezzjoni ambjentali) għall-protezzjoni tal-popli tagħhom. F'dan il-kuntest, it-TTIP u b'mod partikolari l-parti relatata mal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli ser ikunu opportunità għall-UE u l-Istati Uniti li jaffermaw l-impenn tagħhom li jappoġġjaw l-iżvilupp sostenibbli permezz ta' politiki rispettivi kif ukoll permezz ta' titjib fil-flussi kummerċjali u tal-investiment, id-djalogu u l-kooperazzjoni fil-qafas provdut fil-ftehim futur.

7.2

L-UE ilha mill-2009, b'konformità mat-Trattat ta' Lisbona (5) tfittex li tinkludi kapitlu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli f'kull ftehim kummerċjali li tinnegozja. Dan jappoġġjawh kemm il-KESE kif ukoll il-Parlament Ewropew.

7.3

Importanti li l-ftehim il-ġdid jafferma d-dritt tal-partijiet li jirregolaw u jistabbilixxu l-prijoritajiet, politiki u liġijiet tal-iżvilupp sostenibbli b'konformità mal-impenji tal-partijiet lejn l-istandards u l-ftehimiet internazzjonali.

7.4

Nilqgħu l-impenn li spiss tinsisti fuqu tal-Kummissjoni għall-fatt li mhux ser jonqsu l-istandards tal-UE tal-ħarsien tas-saħħa, is-sigurtà, l-ambjent, l-impjieg u l-ħarsien tal-konsumatur. Il-KESE għandu jimmonitorja dan sabiex jiżgura li dan l-impenn ma jiġix mhedded.

7.5

Jeħtieġ li nibnu fuq dan billi nindirizzaw it-tħassib prinċipali u nissuġġerixxu mod pożittiv 'il quddiem inklużi, fost affarijiet oħra, il-kwistjonijiet soċjali. It-TTIP għandu jiġi rikonoxxut mill-KESE bħala prijorità kontinwa tul in-negozjati u l-implimentazzjoni tagħhom.

7.6

Il-partijiet għandhom jisħqu fuq l-impenn tagħhom li jimplimentaw u jinfurzaw il-leġislazzjonijiet tagħhom b'mod effettiv fil-qasam tax-xogħol. Għandhom jisħqu wkoll fuq l-obbligi relatati mas-sħubija tagħhom fl-ILO inkluż id-Dikjarazzjoni tal-ILO tal-1998 dwar il-prinċipji fundamentali u d-drittijiet relatati mal-impjieg li huma vinkolanti għall-membri kollha tal-ILO. The eight core ILO Conventions (as endorsed by the WTO “Singapore Ministerial Declaration” in 1996 must remain the minimum basis of the social aspects of any sustainable development chapter for TTIP as they have done for all recent EU FTAs (6).

7.7

L-UE dejjem promoviet l-''aġenda soċjali'' fil-proċess tat-twettiq tas-suq intern tagħha u l-KESE huwa eżempju ħaj tal-impenn tal-UE lejn id-djalogu u l-kunsens. Filwaqt li tirrispetta l-mudell soċjali kemxejn differenti tal-Istati Uniti, l-UE għandha madanakollu tħeġġeġ u tħares il-mudell tagħha bbażat fuq is-solidarjetà soċjali.

7.8

Il-partijiet għandhom jagħrfu l-importanza tal-gvernanza u r-regoli globali ambjentali sabiex jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali ta' tħassib komuni. Huma għandhom jisħqu fuq l-impenn tagħhom li jimplimentaw u jinfurzaw il-leġislazzjoni tagħhom b'mod effettiv fil-qasam tal-ambjent. Barra minn hekk, il-partijiet għandhom jisħqu fuq l-impenn tagħhom li jkomplu jieħdu l-passi biex jiżguraw u jippromovu l-konservazzjoni, l-użu sostenibbli u l-ġestjoni tar-riżorsi naturali. F'dan il-kuntest, il-partijiet għandhom jisħqu wkoll fuq l-impenn tagħhom lejn il-ftehimiet ambjentali multilaterali.

7.9

It-TTIP għandu jipprovdi opportunità għall-UE u l-Istati Uniti biex ikompli jippromovu l-kummerċ u l-investiment favur l-iżvilupp sostenibbbli, pereżempju l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fl-oġġetti u s-servizzi ambjentali (f'konformità mal-inizjattiva li tħabbret f'Davos fl-24 ta' Jannar 2014 li jagħmlu parti minnha ż-żewġ partijiet), il-promozzjoni tar-responsabbiltà soċjali korporattiva u oħrajn.

7.10

Għall-kuntrarju tal-Istati Uniti, l-UE għadha ma nkludietx kwistjonijiet ta' impjieg u ambjent koperti mill-kapitlu dwar l-iżvilupp sostenibbli taħt il-proċedura ġenerali għas-soluzzjoni ta’ tilwim. Minflok dawn huma soġġetti għal proċedura ta' konsultazzjoni li ma tistax tirriżulta f'sanzjonijiet kummerċjali. Il-loġika wara din il-pożizzjoni mhix ċara u l-KESE jitlob lill-Kummissjoni tiċċara dan.

8.   Investiment

8.1

Mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-UE kisbet kompetenza fil-qasam tal-investiment. Ftehim ġdid jieħu post it-trattati bilaterali fuq l-investiment attwali bejn l-Istati Uniti u d-disa' Stati Membri.

8.2

Fil-livell multilaterali l-UE u l-Istati Uniti huma partijiet fil-ftehim tad-WTO dwar il-Miżuri ta' Investiment Relatati mal-Kummerċ. Madanakollu dan japplika biss għall-miżuri li jaffetwaw il-kummerċ fl-oġġetti iżda mhux f'servizzi oħra jew oqsma prinċipali oħra li żviluppaw tul dawn l-aħħar 20 sena. Barra minn hekk l-UE u l-Istati Uniti waslu għal ftehim f'April 2012 dwar sett ta' prinċipji ta' investiment u stiednu pajjiżi oħra biex jagħmlu bħalhom.

8.3

Il-kwistjoni tal-inklużjoni tal-mekkaniżmu tal-ISDS iġġenerat ħafna interess min-naħa tal-pubbliku fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. Nilqgħu r-rikonoxximent tal-Kummissjoni tal-ammont konsiderevoli ta' tħassib pubbliku li ġej minn litigazzjoni agressiva (7) u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li torganizza konsultazzjoni pubblika separata dwar il-protezzjoni tal-investiment u l-ISDS wara livell għoli ta' interess pubbliku. Dan l-eżerċizzju ta' konsultazzjoni pubblika li tnieda fis-27 ta' Marzu 2014 huwa eżempju tajjeb ta' kif jitħeġġeġ il-kontribut tas-soċjetà ċivili fin-negozjati.

8.4

Il-KESE jqis li huwa essenzjali li kwalunkwe dispożizzjoni dwar is-soluzzjoni tat-tilwim proposta fit-TTIP ma tfixkilx il-kapaċità tal-Istati Membri tal-UE li jirregolaw fl-interess tal-pubbliku. Il-Kumitat b'mod ġenerali, huwa kritiku ferm fir-rigward tal-introduzzjoni ta' proċedimenti separati ta' arbitraġġ.

8.5

F'Punt 8 tal-iskeda informattiva pubblikata fit-3 ta' Ottubru 2013, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-proposti tagħha sabiex twaqqaf l-abbuż potenzjali tal-proċedimenti tal-ISDS. Il-Kumitat iqis li għad hemm nuqqas ta' ċarezza fir-rigward tad-definizzjoni ta' diversi termini bħal, fost oħrajn, “stqarrijiet frivoli” u “skop pubbliku”. Huwa essenzjali li tiġi stabbilita definizzjoni korretta kemm jista' jkun malajr.

8.6

Il-KESE jqis li huwa importanti li l-pożizzjoni tal-UE fin-negozjati tipprevedi bosta kundizzjonijiet għall-inklużjonijiet fil-ftehim tal-ISDS waħda minnhom hija li d-dispożizzjonijiet rispettivi tal-ftehim jippermettu lill-Istati Membri li ''jsegwu fuq l-għanijiet leġittimi tal-politika pubblika, dawk soċjali, ambjentali, tas-sigurtà, il-ħarsien tal-konsumatur, l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, is-saħħa pubblika u s-sigurtà b'mod nondiskriminatorju''. Huwa importanti li din l-istqarrija tkun prinċipju gwida għan-negozjaturi tal-UE u għandha tissemma b'mod ċar fil-ftehim.

9.   SMEs

9.1

Fl-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti, l-SMEs u l-intrapriżi li għadhom fil-bidu huma muturi kruċjali għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjieg. Iktar minn 20 miljun kumpanija fl-UE u 28 miljun fl-Istati Uniti huma SMEs. Fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, l-SMEs huma sors importanti ta' innovazzjoni, prodotti ġodda u servizzi ġodda u diġà qed jibbenefikaw minn kummerċ trans-Atlantiku.

9.2

It-TTIP ikun ta' valur b'mod partikolari għall-SMEs billi l-ostakli kummerċjali ħafna drabi jpoġġu piż sproporzjonat fuq l-intrapriżi ż-żgħar li għandhom inqas riżorsi sabiex ikopruhom minn intrapriżi ikbar. Il-benefiċċji potenzjali tat-TTIP għall-SMEs jinkludu tariffi, kwistjonijiet regolatorji u ostakli non-tariffarji, servizzi, kummerċ elettroniku, akkwist pubbliku, id-dwana u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

9.3

Il-KESE jappoġġja d-deċiżjoni tal-inklużjoni ta' kapitlu fit-TTIP dedikat lill-kwistjonijiet tal-SMEs. Kapitlu bħal dan għandu jistabbilixxi l-mekkaniżmi biex iż-żewġ naħat ikunu jistgħu jaħdmu flimkien biex jiffaċlilitaw il-parteċipazzjoni tal-SMEs fil-kummerċ trans-Atlantiku. Id-dispożizzjonijiet jistgħu jinkludu wkoll kumitat tal-SMEs li jimpenja ruħu fil-komunità tal-intrapriżi ż-żgħar u jiżvilupppa informazzjoni online u riżorsi oħra li jgħinu lill-SMEs jifhmu d-dispożizzjonijiet tal-ftehim u kif jistgħu jibbenefikaw minnu.

10.   L-interess tal-konsumatur

10.1

Il-kunfidenza tal-konsumatur hija importanti ħafna sabiex it-TTIP ikun suċċess. Il-kunfidenza twassal lill-konsumatur biex jonfoq u dan għandu effetti pożittivi fuq it-tkabbir u l-impjieg. Huwa kruċjali għalhekk li l-konsumaturi jiġu provduti bil-garanziji li jiġġeneraw il-fiduċja fis-suq trans-Atlantiku. L-istqarrija li l-istandards mhux ser jonqsu hija bidu importanti. L-isfida hija li dan l-impenn isir realtà billi jiġi provdut qafas legali ċar li jevita li dan it-tnaqqis ikun jista' jseħħ, u billi, fost inizjattivi oħra, is-soċjeta ċivili tiġi infurmata b'mod adegwat u fil-ħin dwar il-proċess ta' konverġenza regolatorja. Għandhom jiġu inklużi wkoll dispożizzjonijiet sabiex jinżamm id-dritt taċ-ċittadini li jitolbu l-infurzar ta' dawn id-dispożizzjonijiet jekk jinkisru.

10.2

Jeżisti dubju li l-ftuħ tal-fruntieri u t-tneħħija tal-ostakli jistgħu jżidu t-tixrid ta'ikel kontaminat u l-impatt tiegħu. It-TTIP ikun opportunità eċċellenti sabiex tiġi żviluppata sistema unika ta' twissija li tkopri kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti. L-għan ikun li jiżdied il-ħarsien tal-konsumatur u jitnaqqsu l-effetti fuq in-negozju jekk dan iseħħ.

10.3

It-traċċabilità tal-ingredjenti tal-ikel u d-derivattivi tagħhom hija essenzjali biex tiġi żgurata s-sigurtà, il-kwalità u l-għażla infurmata tal-konsumatur. It-TTIP huwa opportunità kemm għall-UE kif ukoll għall-Istati Uniti li jifhmu aħjar il-katini tal-provvisti globali tal-ikel u n-netwerks u jiżviluppaw approċċi robusti, kompatibbli u interoperabbli biex jiżguraw it-traċċabbiltà u l-awtentiċità tal-ikel, inkluż sistemi tal-identifikazzjoni tal-annimali.

10.4

Għandhom jiġu stabbiliti skemi obbligatorji ta' rappurtaġġ u skambju tal-informazzjoni dwar prodotti ġodda sabiex ikun hemm idea ċara tal-introduzzjoni fis-suq tan-nanomaterjali manifatturati li għalihom għandu jiġi stabbilit ukoll inventorju estensiv li jkun miftuħ għall-iskrutinju tal-pubbliku.

11.   Servizzi

11.1

Ħafna mid-data statistika turi li żieda fil-kummerċ u l-investiment fis-settur tas-servizzi tista' tkun waħda mill-ikbar potenzjali tat-tkabbir. Għalhekk importanti li jiġu negozjati impenji favur is-servizzi (inkluż is-servizzi finanzjarji) fuq iż-żewġ naħat. Aċċess imtejjeb għas-suq huwa kkunsidrat prijorità għan-negozji tal-UE.

11.2

In-negozjati għandhom iqisu b'mod sħiħ ukoll l-ispeċifiċità tas-servizzi pubbliċi tal-UE li għandhom jitħarsu b'konformità mal-obbligi tat-TFUE.

11.3

Il-kooperazzjoni regolatorja għandha tkopri wkoll servizzi u tipprovdi kooperazzjoni aħjar bejn ir-regolaturi, trasparenza ikbar u l-eliminazzjoni ta' rekwiżiti li mhumiex neċessarji u li huma piż.

12.   Is-setturi tal-agrikoltura u agroalimentari

12.1

Il-ftehim irid ikun ambizzjuż fir-rigward ta' kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji (SPS), fejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea għandhom jipprovaw jinnegozjaw kapitolu ambizzjuż “SPS-plus”.

12.2

Metodi ta' biedja u ta' produzzjoni tal-ikel qed jiżviluppaw taħt ċirkostanzi pjuttost differenti fl-Istati Uniti u fl-UE (pereżempju l-benessri tal-annimali, ir-regolamenti dwar is-sigurtà tal-ikel, u l-użu ta' prodotti għall-protezzjoni tal-uċuħ tar-raba'). Fl-Istati Uniti d-deċiżjonijiet dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti huma msejsa purament fuq konsiderazzjonijiet xjentifiċi, filwaqt li fl-UE dan it-tip ta' deċiżjoni huwa msejjes fuq il-“prinċipju ta' prekawzjoni”. Id-differenza fl-approċċ trid tiġi meqjusa fin-negozjati.

12.3

Il-Kummissjoni semmiet qabel l-obbligi biex ma jitnaqqsux l-istandards tal-UE, inkużi dawk li jħarsu l-protezzjoni tal-konsumaturi, u li għandhom iżommuna sensibilizzati dwar kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (informazzjoni dwar GMs, ormoni fl-ikel, ikel li jiġi mnaddaf bil-kimika, eċċ.), filwaqt li tiġi żgurata l-konformità sistematika mal-prinċipju ta' prekawzjoni (li huwa mħaddan fit-Trattat ta' Lisbona). L-isforzi biex titjieb il-kompatibilità tas-sistemi regolatorji tal-Istati Uniti u l-UE għandhom jirrispettaw il-livell għoli ta' standards tas-sigurtà tal-ikel fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku.

13.   Akkwist pubbliku

13.1

L-akkwist pubbliku kwistjoni partikolarment sensittiva li titlob approċċ iktar offensiv min-naħa tal-UE billi l-kumpaniji tal-Istati Uniti attwalment jibbenefikaw minn iktar ftuħ fis-suq tal-UE milli viċi versa. Huwa essenzjali li fi kwalunkwe ftehim jiġu applikati livelli ekwi ta' aċċess għall-akkwist pubbliku li jiġu applikati fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku.

13.2

In-negozjaturi jeħtieġ li jiżguraw li d-dritt tal-Istati Membri tal-UE kif ukoll tal-awtoritajiet reġjonali u lokali li jżommu mal-politiki soċjali u ambjentali li jkunu qablu dwarhom b'mod demokratiku m'għandux jiġi mhedded.

14.   Protezzjoni tad-data

Jeżisti tħassib li t-TTIP jista' jdgħajjef ir-regoli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data fl-UE u l-Istati Uniti fejn iċ-ċittadini jisfaw esposti għal data jew privatezza mhedda. F'konformità mal-impenn imsemmi f'punt 6.1. importanti ħafna li ma jitbaxxewx l-istandards ta' protezzjoni f'dal-qasam u li ċ-ċittadini tal-UE jiġu garantiti l-istess livell ta' ħarsien li għandhom taħt il-liġi tal-ħarsien tad-data tal-UE attwali meta jitrattaw ma' kumpaniji li jinsabu fl-Istati Uniti.

15.   Enerġija u materja prima strateġika

15.1

Huwa importanti ħafna li tiġi żgurata provvista affidabbli ta' enerġija. Matul it-TTIP jeħtieġ li jiġu żviluppati dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u tal-materja prima strateġika sabiex jiġu identifikati l-konġestjonijiet eżistenti u futuri fil-provvista u l-infrastruttura li jistgħu jolqtu l-kummerċ fil-qasam tal-enerġija kif ukoll mekkaniżmi li jindirizzaw kriżi u interruzzjonijiet tal-provvista.

15.2

L-effiċjenza fil-qasam tal-enerġija u l-promozzjoni tal-enerġiji rinnovabbli huma aspett fundamentali tal-politika tal-enerġija tal-UE u tal-Istati Uniti. It-TTIP għandu jippromovi dawn l-għanijiet u jiggarantixxi d-dritt ta' kull partit li jmantni jew jistabbilixxi standards u regolamenti dwar pereżempju l-prestazzjoni enerġetika tal-prodotti, tagħmir u proċessi filwaqt li sa fejn hu possibbli tkompli ssir ħidma lejn il-konverġenza bejn l-istandards tal-UE u dawk tal-Istati Uniti.

16.   Indikaturi ġeografiċi

L-UE tesporta lejn l-Istati Uniti prodotti ta' valur miżjud fejn is-sistema ta' indikaturi ġeografiċi taqdi rwol prinċipali. Din is-sistema tħares il-prodotti tal-UE minn imitazzjonijiet u frodi u lill-konsumaturi minn informazzjoni falza. Il-ftehim għandu jsib mod prattiku ta' kif tinkiseb ċertezza legali għall-kummerċ ibbażat fuq indikaturi ġeografiċi.

17.   Ir-rwol u l-involviment tas-soċjetà ċivili

17.1

Il-KESE jilqa' u jqis ta' valur kbir il-proċess li ġie stabbilit li fih is-soċjetà ċivili tiġi infurmata wara kull ċiklu ta' negozjati. Huwa importanti ħafna li l-partijiet interessati kollha jkomplu jiġu konsultati u li l-KESE jiġi aċċettat bħala parti importanti ta' dan il-proċess. Madanakollu s-soċjetà ċivili tibża' li d-dokumenti tan-negozjati jkunu ta' natura kunfidenzjali mingħajr ma hemm bżonn, fattur li jostakola l-proċess tal-informazzjoni. Dan jista' jhedded b'mod serju l-fiduċja u l-appoġġ tal-pubbliku f'kwalunkwe ftehim TTIP li jiġi negozjat.

17.2

Fl-Opinjoni li ħareġ il-KESE f'Marzu 2009 huwa indirizza l-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku u n-nuqqasijiet u d-differenzi bejn il-5 Djalogi Trans-Atlantiċi (Negozji, Konsumaturi, Leġislaturi, Impjieg u Ambjent) (8). Hekk kif jindika d-Djalogu Trans-Atlantiku dwar il-Kummerċ u l-Konsumaturi, meta dawn il-korpi jiġu stabbiliti u joperaw tajjeb ikollhom il-potenzjal li jagħtu kontribut importanti lill-proċess tan-negozjati. Il-KESE għalhekk jisħaq fuq it-talba tiegħu għal Djalogi Trans-Atlantiċi dwar l-Impjieg u l-Ambjent.

17.3

Hekk kif intqal iktar kmieni, it-TTIP huwa sors ta' dubji kif ukoll ta' ta' tama u r-rwol tas-soċjetà ċivili ser ikun kruċjali fil-każ li jiġu approvati, jew le, ir-riżultati tan-negozjati.

Il-ġenerazzjoni l-ġdida ta' ftehimiet kummerċjali bilaterali li ffirmat l-UE kollha inkuldew dispożizzjonijiet għal mekkaniżmu tal-monitoraġġ tas-soċjetà ċivili.

17.4

Kull wieħed minn dawn il-mekkaniżmi jkun sui generis, skont iċ-ċirkustanzi. Il-KESE jinsisti li jinstab mekkaniżmu speċifiku għat-TTIP kemm jista' jkun malajr u li jiġi konsultat fir-rigward tal-forma tiegħu.

18.   Ir-rwol tal-KESE

18.1

Huwa importanti li r-rwol istituzzjonali tal-KESE fil-proċess tan-negozjati tat-TTIP jiġi rikonoxxut u li jinżamm djalogu regolari bejn il-KESE, il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew.

18.2

It-Trattat ta' Lisbona jafferma r-rwol tal-Kumitat bħala pont bejn is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet Ewropej, dan element essenzjali mill-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-KESE u l-Kummissjoni. Fid-dawl tas-sinifikat potenzjali tat-TTIP importanti li:

il-Kummissjoni tagħraf dan ir-rwol u żżomm il-Kumitat infurmat fuq l-aspetti kolla tal-proċess tan-negozjati. B'rabta ma' dan il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li grupp ta' monitoraġġ tal-KESE ta' tliet membri se jingħata aċċess għad-dokumenti kollha taħt kundizzjonijiet ugwali għal dawk għall-Grupp ta' Konsulenza tad-DĠ Kummerċ;

li jinżamm rwol inklużiv għas-soċjetà ċivili matul il-proċess sħiħ tan-negozjati;

li jitwaqqaf mekkaniżmu konġunt tas-soċjetà ċivili sħiħ u rappreżentattiv fi kwalunkwe ambjent ta' wara l-ftehim. Il-KESE għandu jaqdi rwol importanti fi kwalunkwe korp simili.

18.3

Minkejja li l-Istati Uniti m'għandhomx struttura ekwivalenti għall-KESE, il-missjoni ta' Frar 2014 f'Washington indikat struttura tas-soċjetà ċivili matura fl-Istati Uniti. Din tikkumplementa l-istruttura maqsuma fi tliet gruppi tal-KESE. It-TTIP għalhekk huwa opportunità kbira għall-KESE sabiex javvanza fil-politika li kien żviluppa dwar it-twaqqif ta' rabtiet trans-Atlantiċi bejn is-soċjetà ċivili. Għalhekk hija prijorità immedjata li jiġi stabbilit grupp ta' kuntatt UE-Stati Uniti.

18.4

Din l-opinjoni hija biss il-bidu u mhux it-tmiem tal-parteċipazzjoni tal-KESE fil-proċess tat-TTIP. Huwa rrakkomandat li jrid ikun hemm proġett tal-KESE kontinwu sabiex jipparteċipa fil-monitoraġġ tan-negozjati tat-TTIP f'isem is-soċjetà ċivili. Dan jista' jinkludi pereżempju iktar opinjonijiet, seduti pubbliċi, seminars, konferenzi eċċ. fuq temi bħall-iżvilupp sostenibbli, l-SMEs, l-ISDS, l-akkwist pubbliku u analiżi settorjali speċifika.

Brussell, 4 ta' Ġunju 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 32-39.

(2)  http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P7-TA-2014-0230+0+DOC+XML+V0//EN&language=EN

(3)  Ara “Reducing Transatlantic Barriers to Trade and Investment – . An Economic Assessment” – Centre for Economic Policy Research, Londra, Marzu 2013. http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2013/march/tradoc_150737.pdf

(4)  http://www.trade-sia.com/ttip/

(5)  Artikolu 207 tat-TFUE jirreferi għall-prinċipji tal-politika kummerċjali tal-UE, Artikolu 3(5) tat-TUE u Artikolu 21 tat-TUE li jirreferu għall-prinċipji ġenerali tal-azzjoni esterna tal-UE jirreferu wkoll għall-appoġġ tal-UE għall-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli.

(6)  ĠU L 127 14.5.2011, pp. 62-65.

(7)  Bħalissa għaddejja litigazzjoni agressiva min-naħa ta' korporazzjonijiet privati kontra stati sovrani pereżempju Veolia vs l-EġittuPhilip Morris kontra l-Awstralja.

(8)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 32-39.


Top